Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1553

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1553 tal-15 ta' Ottubru 2018 dwar il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati fitosanitarji elettroniċi maħruġa mill-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti ta' pajjiżi terzi (notifikata bid-dokument C(2018) 5370) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/5370

    ĠU L 260, 17.10.2018, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Imħassar b' 32019R1715

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1553/oj

    17.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 260/22


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1553

    tal-15 ta' Ottubru 2018

    dwar il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati fitosanitarji elettroniċi maħruġa mill-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti ta' pajjiżi terzi

    (notifikata bid-dokument C(2018) 5370)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), b'mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2000/29/KE tipprovdi li pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra elenkati fil-Parti B tal-Anness V tagħha, li ġejjin minn pajjiż terz u li jiddaħħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni jridu jkunu akkumpanjati mill-kopja oriġinali rispettiva taċ-ċertifikat fitosanitarju uffiċjali meħtieġ mill-mument tad-dħul tagħhom fl-Unjoni. L-Anness tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (“IPPC”) jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat fitosanitarju meħtieġ.

    (2)

    Id-Direttiva 2000/29/KE tipprovdi li, fejn il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni jiġu ssodisfati, iċ-ċertifikati fitosanitarji elettroniċi jistgħu jiġu rikonoxxuti.

    (3)

    Is-sistema Traces, stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE (2) skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE (3), hija għodda tal-Kummissjoni bbażata fuq il-web għaċ-ċertifikazzjoni ta' rekwiżiti sanitarji u fitosanitarji rigward kummerċ intra-Unjoni ta' annimali, ta' semen u ta' embrijuni, ta' ikel, ta' għalf u ta' pjanti u għall-importazzjoni fl-Unjoni ta' annimali, ta' semen u embrijuni, ta' ikel, ta' għalf u ta' pjanti. Din tippermetti li l-proċess kollu ta' ċertifikazzjoni jitwettaq b'mod elettroniku u tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni bejn il-partijiet kummerċjali rilevanti u l-awtoritajiet ta' kontroll.

    (4)

    Is-sistema Traces tippermetti li jiġu applowdjati kopji ta' ċertifikati fitosanitarji stampati fuq karta, maħruġa mill-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti ta' pajjiżi terzi. Sistemi ta' ċertifikazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri jistgħu jipprovdu funzjonalitajiet simili.

    (5)

    Iċ-Ċentru tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iffaċilitar tal-Kummerċ u għan-Negozju Elettroniku (“UN/CEFACT”) żviluppa standards tekniċi għas-simplifikazzjoni tal-proċessi ta' tranżazzjoni u b'hekk jikkontribwixxi għat-tkabbir ta' kummerċ globali. Dawk l-istandards huma rilevanti għall-implimentazzjoni ta' faċilitajiet ta' kummerċ mingħajr karta u jiddiskrivu l-formati tad-data għall-iskambju tal-informazzjoni. Il-lingwaġġ tal-immarkar estensibbli (“XML”) huwa format standard ta' messaġġ aċċettat b'mod universali biex jorganizza u jiddeskrivi d-data fid-dokumenti bħalma huma ċ-ċertifikati fitosanitarji.

    (6)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-konformità mal-istandards tal-UN/CEFACT u l-użu tal-format XML jikkostitwixxu prerekwiżit għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati fitosanitarji elettroniċi fl-Unjoni.

    (7)

    Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistipula r-regoli għas-servizzi fiduċjarji u jistabbilixxi qafas legali għall-firem elettroniċi, is-siġilli elettroniċi, it-timbri tal-ħin elettroniċi, id-dokumenti elettroniċi, is-servizzi elettroniċi ta' konsenja rreġistrati u s-servizzi ta' ċertifikat tal-awtentikazzjoni ta' siti elettroniċi li huma meħtieġa sabiex jattribwixxu ċertu grad ta' fiduċja fil-mezz ta' identifikazzjoni elettronika.

    (8)

    Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 jistabbilixxi r-rekwiżiti ta' sigurtà meħtieġa li jridu jinkisbu permezz ta' teknoloġiji differenti. B'mod partikolari, jistipula r-rekwiżiti għall-fornituri ta' servizz fiduċjarju kwalifikat li jipprovdu l-firem u s-siġilli elettroniċi kwalifikati u fornituri ta' servizz ta' fiduċja mhux ikkwalifikati li jipprovdu firem u siġilli elettroniċi avvanzati. Iż-żewġ fornituri huma kapaċi jidentifikaw mingħajr ekwivoku l-firmatarju jew il-kreatur tas-siġill.

    (9)

    Sabiex jinżamm livell adegwat ta' sigurtà tal-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika u taċ-ċertifikazzjonijiet elettroniċi, sabiex il-proċess ta' ċertifikazzjoni jiġi ddiġitalizzat f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015“Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (5), u sabiex jiġu armonizzati l-istandards fl-Istati Membri kollha, huwa xieraq li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati fitosanitarji elettroniċi jissodisfaw l-istandards stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 910/2014, u b'mod partikolari l-istandards stabbiliti għall-firma, għas-siġill u għat-timbru elettroniċi kwalifikati tal-ħin u għall-firma u s-siġill elettroniċi avvanzati.

    (10)

    Madankollu, sabiex ikun hemm lok għal implimentazzjoni gradwali ta' din id-Deċiżjoni u sabiex jiġi evitat kull tip ta' tfixkil fil-kummerċ, huwa xieraq li jiġu rikonoxxuti ċ-ċertifikati fitosanitarji elettroniċi li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 910/2014 għall-firma u s-siġill elettroniċi għal perjodu ta' żmien limitat.

    (11)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Deċiċjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati fitosanitarji elettroniċi maħruġa mill-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti ta' pajjiżi terzi.

    Artikolu 2

    Il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati fitosanitarji elettroniċi maħruġa mill-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti ta' pajjiżi terzi

    1.   Ċertifikat fitosanitarju li jkun fih l-informazzjoni inkluża fil-mudell taċ-ċertifikat fitosanitarju stabbilit fl-Anness tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti (“IPPC”) għandu jiġi rikonoxxut bħala ċertifikat fitosanitarju elettroniku dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

    (a)

    jinħareġ mill-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti ta' pajjiż terz f'waħda mis-sistemi li ġejjin:

    (i)

    fis-sistema Traces,

    (ii)

    f'sistema ta' ċertifikazzjoni nazzjonali ta' Stat Membru,

    (iii)

    permezz ta' sistema ta' ċertifikazzjoni elettronika ta' pajjiż terz li kapaċi tiskambja data mas-sistema Traces jew ma' sistema ta' ċertifikazzjoni nazzjonali ta' Stat Membru;

    (b)

    jissejjes fuq l-istandard tal-UN/CEFACT u juża l-format XML;

    (c)

    jiġi ffirmat minn uffiċjal awtorizzat b'firma elettronika avvanzata jew kwalifikata kif definit rispettivament fil-punti (11) u (12) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

    (d)

    ikollu s-siġill elettroniku avvanzat jew kwalifikat, kif definit rispettivament fil-punti (26) u (27) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, tal-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-ħruġ jew il-firma elettronika avvanzata jew kwalifikata tar-rappreżentant legali tal-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-ħruġ;

    (e)

    juża timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat kif definit fil-punt (34) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

    2.   Meta ċertifikat fitosanitarju elettroniku jinħareġ skont il-punt (a)(iii) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ifasslu s-sistema riċevitriċi tagħhom b'tali mod li tirrikonoxxi l-iskambju tad-data permezz tas-siġill elettroniku avvanzat jew kwalifikat tal-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-ħruġ jew permezz tal-firma elettronika avvanzata jew kwalifikata tar-rappreżentant legali tal-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-ħruġ. F'dan il-każ, il-kundizzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika.

    3.   B'deroga mir-rekwiżiti tal-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 u għal perjodu ta' 12-il xahar li jintemm fil-15 ta' Ottubru 2019, ċertifikat fitosanitarju għandu jiġi rikonoxxut bħala ċertifikat fitosanitarju elettroniku meta jiġi ffirmat mill-uffiċjal awtorizzat permezz ta' firma elettronika kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u fejn ikollu s-siġill elettroniku tal-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-ħruġ kif definit fil-punt (25) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jew il-firma elettronika tar-rappreżentant legali tal-organizzazzjoni nazzjonali għall-protezzjoni tal-pjanti tal-ħruġ.

    Artikolu 3

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Ottubru 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/292/KE tat-30 ta' Marzu 2004 dwar l-introduzzjoni tas-sistema Traces u li temenda d-Deċiżjoni 92/486/KEE (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 63).

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

    (5)  COM(2015) 192 final.


    Top