Επιλέξτε τις πειραματικές λειτουργίες που θέλετε να δοκιμάσετε

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 32018D0954

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/954 tal-4 ta' Lulju 2018 li tistabbilixxi ċertu miżuri protettivi kontra t-tixrid tal-pesta tal-annimali ruminanti żgħar fil-Bulgarija (notifikata bid-dokument C(2018) 4374) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

    C/2018/4374

    ĠU L 168, 5.7.2018, σ. 7 έως 9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Νομικό καθεστώς του εγγράφου Δεν ισχύει πλέον, Ημερομηνία λήξης ισχύος: 28/12/2018: Η πράξη αυτή έχει τροποποιηθεί. Τρέχουσα ενοποιημένη έκδοση: 09/10/2018

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/954/oj

    5.7.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 168/7


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/954

    tal-4 ta' Lulju 2018

    li tistabbilixxi ċertu miżuri protettivi kontra t-tixrid tal-pesta tal-annimali ruminanti żgħar fil-Bulgarija

    (notifikata bid-dokument C(2018) 4374)

    (It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Il-pesta tal-annimali ruminanti żgħar hija marda virali kiefra tal-annimali ruminanti żgħar, jiġifieri n-nagħaġ u l-mogħoż, li tiġi trażmessa primarjament permezz tal-kuntatt dirett. Il-morbidità u l-mortalità li tikkawża l-pesta tal-annimali ruminanti żgħar jafu jkunu għoljin ħafna, b'mod speċjali f'żoni fejn din il-pesta tkun qed isseħħ għall-ewwel darba, u huma kapaċi joħolqu impatt ekonomiku serju fuq is-settur agrikolu. Il-pesta tal-annimali ruminanti żgħar ma titteħidx mill-bnedmin. Il-pesta tal-annimali ruminanti żgħar hija endemika f'ħafna pajjiżi fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani u fl-Asja, u tikkawża tħassib serju dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali.

    (2)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE (3) tistabbilixxi miżuri ġenerali għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali, fost l-oħrajn, il-pesta tal-annimali ruminanti żgħar. Dawn il-miżuri jinkludu azzjonijiet li jridu jittieħdu f'każ li jkun hemm suspett u konferma tal-pesta tal-annimali ruminanti żgħar f'azjenda. Dawn il-miżuri ta' kontroll jinkludu l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u sorveljanza madwar it-tifqigħat, u miżuri addizzjonali oħrajn biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-marda.

    (3)

    Fit-23 ta' Ġunju 2018, il-Bulgarija bagħtet notifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra biex tgħarraf li feġġet tifqigħa tal-pesta tal-annimali ruminanti żgħar fi tliet azjendi tal-annimali ruminanti żgħar, fejn l-annimali minn dawk l-azjendi jirgħu flimkien fil-muniċipju ta' Bolyarovo, fir-reġjun ta' Yambol fil-Bulgarija.

    (4)

    Il-Bulgarija segwiet il-miżuri ta' kontroll previsti fid-Direttiva 92/119/KEE, u b'mod partikolari “l-qerda” tal-merħliet infettati u l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u sorveljanza madwar it-tifqigħat, kif previst f'dik id-Direttiva. Is-sorveljanza żdiedet ukoll fil-muniċipji qrib iż-żoni affettwati u fil-muniċipji li jinsabu tul il-fruntiera tal-Unjoni ma' pajjiżi terzi li mhumiex ħielsa mill-pesta tal-annimali ruminanti żgħar.

    (5)

    Minbarra l-miżuri ta' kontroll previsti fid-Direttiva 92/119/KEE, hemm bżonn li jittieħdu miżuri protettivi addizzjonali kontra t-tixrid tal-pesta tal-annimali ruminanti żgħar. Għaldaqstant, biex il-pesta tal-annimali ruminanti żgħar ma tinxteridx għal żoni oħra tal-Bulgarija u għal Stati Membri u pajjiżi terzi oħrajn, b'mod partikolari permezz tal-kummerċ tal-annimali ruminanti żgħar u l-prodotti ġerminali tagħhom, jenħtieġ li jkun hemm kontroll fuq il-konsenji ta' annimali ruminanti żgħar u fuq it-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti li jiġu mill-annimali ruminanti żgħar.

    (6)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/911 (4) ġiet adottata sabiex jiġi evitat li l-pesta tal-annimali ruminanti żgħar tinxtered lejn partijiet oħra tal-Bulgarija, lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi. Dak l-att jipprevedi miżuri protettivi interim u, b'mod partikolari, jipprojbixxi konsenji ta' annimali ruminanti żgħar u l-introduzzjoni fis-suq ta' ċertu prodotti li jiġu mill-annimali ruminanti żgħar mir-reġjun ta' Yambol fil-Bulgarija.

    (7)

    Mill-aħħar data ta' adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/911, il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tifqigħa ġdida tal-pesta tal-annimali ruminanti żgħar f'azjenda tal-annimali ruminanti żgħar fir-reġjun ta' Burgas, fil-Bulgarija stess.

    (8)

    Il-Bulgarija nnotifikat ukoll lill-Kummissjoni li ħadet il-miżuri neċessarji meħtieġa skont id-Direttiva 92/119/KEE wara li seħħet dik it-tifqigħa reċenti, inkluż l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza madwar l-azjenda infettata f'dak l-Istat Membru.

    (9)

    Il-miżuri protettivi previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom iqisu s-sitwazzjoni epidemjoloġika aġġornata fil-Bulgarija, u għandhom jissostitwixxu l-miżuri protettivi interim stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/911. Għaldaqstant, dik id-Deċiżjoni għandha tiġi titħassar.

    (10)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċertu miżuri protettivi kontra t-tixrid tal-pesta tal-annimali ruminanti żgħar fl-Unjoni.

    Tapplika għall-annimali ruminanti żgħar u għas-semen, l-ova u l-embrijuni ta' dawk l-annimali, u għal ċerti prodotti derivati minn dawk l-annimali.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)   “annimali ruminanti żgħar”: tfisser kwalunkwe annimal tal-ispeċijiet ovini u kaprini;

    (b)   “prodotti sekondarji mill-annimali”: tfisser prodotti sekondarji mill-annimali kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

    (c)   “prodotti derivati”: tfisser prodotti derivati kif definiti fil-punt (2) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.

    Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    Artikolu 3

    Il-Bulgarija għandha tipprojbixxi l-konsenja tal-prodotti li ġejjin miż-żoni elenkati fl-Anness lejn partijiet oħra tal-Bulgarija, lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi:

    (a)

    annimali ruminanti żgħar;

    (b)

    is-semen, l-ova u l-embrijuni ta' annimali ruminanti żgħar.

    Artikolu 4

    1.   Il-Bulgarija għandha tipprojbixxi l-introduzzjoni fis-suq tal-prodotti li ġejjin minn barra ż-żoni elenkati fl-Anness, meta dawn il-prodotti jkunu prodotti minn ruminanti żgħar li jkunu ġejjin miż-żoni elenkati fl-Anness:

    (a)

    laħam frisk;

    (b)

    laħam ikkapuljat u preparazzjonijiet tal-laħam prodotti mil-laħam imsemmi fil-punt (a);

    (c)

    prodotti tal-laħam u stonkijiet, bżieżaq tal-awrina u intestini, ilkoll trattati għall-konsum mill-bniedem, magħmulin mil-laħam imsemmi fil-punt (a), minbarra dawk li jkunu ġew trattati biex jiġu eliminati ċerti riskji tas-saħħa tal-annimali skont l-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE (7);

    (d)

    ħalib u prodotti tal-ħalib mhux trattati, minbarra dawk li jkunu ġew trattati f'kontenituri magħluqa b'mod ermetiku b'valur F0 ta' 3,00 jew aktar, kif deskritt fl-Anness III tad-Direttiva 2002/99/KE;

    (e)

    prodotti li fihom il-prodotti msemmija fil-punti (a) sa (d);

    (f)

    prodotti sekondarji mill-annimali.

    2.   B'deroga mill-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(f) ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza l-konsenja, taħt superviżjoni uffiċjali, ta' prodotti sekondarji tal-annimali li jkunu maħsubin biex jiġu pproċessati fi prodotti derivati jew biex jinqerdu, f'impjant approvat minnha għal dan l-iskop fit-territorju tal-Bulgarija, skont ir-regoli stipulati fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.

    Artikolu 5

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/911 titħassar.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-28 ta' Diċembru 2018.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/911 tal-25 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi miżuri interim ta' protezzjoni kontra t-tixrid tal-pesta tal-annimali ruminanti żgħar fil-Bulgarija (ĠU L 161, 26.6.2018, p. 67).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ir-Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

    (7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11).


    ANNESS

    Il-muniċipalitajiet li ġejjin fil-Bulgarija:

    Il-muniċipalitajiet ta' Bolyarovo u Elhovo fir-reġjun ta' Yambol.

    Il-muniċipalitajiet ta' Sredets, Sozopol, Primorsko, Malko Tarnovo u Tsarevo fir-reġjun ta' Burgas.


    Επάνω