Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0829(02)

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Awwissu 2018 dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem li hemm referenza għalih fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“The Vale of Clwyd Denbigh Plum” (DOP))

    C/2018/5637

    ĠU C 303, 29.8.2018, p. 12–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    29.8.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 303/12


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tal-21 ta’ Awwissu 2018

    dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem li hemm referenza għalih fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (“The Vale of Clwyd Denbigh Plum” (DOP))

    (2018/C 303/05)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Renju Unit bagħat lill-Kummissjoni applikazzjoni għall-protezzjoni tal-isem “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” skont l-Artikolu 49(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (2)

    Skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament.

    (3)

    Sabiex tippermetti s-sottomissjoni ta’ avviżi ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-dokument uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 50(2)(a) ta’ dak ir-Regolament għall-isem “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu Uniku

    Id-dokument uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għall-isem “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” (DOP) jinsabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandha tagħti d-dritt li wieħed jopponi għar-reġistrazzjoni tal-isem li hemm referenza għalih fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu fi żmien tliet xhur mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Awwissu 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Pierre MOSCOVICI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


    ANNESS

    DOKUMENT UNIKU

    “THE VALE OF CLWYD DENBIGH PLUM”

    Nru tal-UE: PDO-GB-02287 – 8.2.2017

    DOP ( X ) IĠP ( )

    1.   Isem

    “The Vale of Clwyd Denbigh Plum”

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    Ir-Renju Unit

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta' prodott

    Klassi 1.6 Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

    “The Vale of Clwyd Denbigh Plum”Prunus domestica Linnaeus“Denbigh Plum” huwa l-isem mogħti lill-għanbaqra ta' Denbigh li tikber fiż-żona indikata tal-Wied ta' Clwyd f'Denbighshire fit-Tramuntana ta' Wales fejn toriġina l-għanbaqra. L-għanbaqra ta' Denbigh hija l-unika varjetà ta' għanbaqra nattiva f'Wales.

    “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” għandha l-karatteristiċi li ġejjin, li jiddependu minn jekk l-għanbaqra tkunx meħtieġa għal finijiet kulinari u tinħasad f'nofs Awwissu qabel tkun misjura, jew tkunx meħtieġa bħala għanbaqra għal mal-ħelu meta l-għanbaqra titħalla ssir fuq is-siġra u tinħasad tard f'Awwissu jew fil-bidu ta' Settembru.

    Kulinari

    L-għanbaqra soda meta tmissha

    Lewn oranġjo ħamrani bi rqajja' sofor meta l-għanbaqra tibda ssir.

    In-nwar tax-xema' jibda jidher

    Il-laħam huwa sod u ta' lewn safrani bi sfumatura ħadranija ambra

    Il-laħam imqabbad mal-għadma

    Daqs ta' bejn 45 mm u 65 mm mit-tarf taz-zokk sat-tarf l-ieħor

    Dijametru ta' bejn 40 mm u 55 mm minn naħa għall-oħra

    Ħelu

    L-għanbaqra li tibda tirtab meta tingħafas ġentilment

    Daqs ta' bejn 45 mm u 65 mm mit-tarf taz-zokk sat-tarf l-ieħor

    Dijametru ta' bejn 40 mm u 55 mm minn naħa għall-oħra

    Forma sferika jew ħarira ellittika.

    Lewn aħmar rikk li jisfuma fil-vjola, bi tbajja' dehbiena mifruxa. B'mod naturali, il-frotta ssir aktar skura meta tibda ssir.

    Għanbaqar miksijin bi nwar tax-xama' (nwar bajdani viżibbli) li jiżviluppa aktar ma jdumu fuq is-siġra.

    Laħam artab u mmerraq b'mod naturali ta' lewn safrani bi sfumatura ħadranija ambra

    Laħam iżomm mal-għadma parzjalment biss.

    L-għadd medju ta' frott għal kull kg 9-15 (medja ta' 12)

    Test Brix (kejl tal-ħlewwa) 16-19.

    Fil-każ tal-għanbaqar għal mal-ħelu, il-qoxra ratba u delikata u m'għandux ikollha daqqiet. Dan jeħtieġ li l-frotta matura tiġi trattata b'attenzjoni kbira.

    L-għanbaqar għal mal-ħelu għandhom staġun ta' tkabbir twil li jagħti lill-għanbaqra aktar żmien biex tiżviluppa b'mod sħiħ il-profondità tat-togħma tagħha li hija subaċiduża u ħelwa. Hija din il-profondità tat-togħma u l-ħlewwa li tagħmel l-għanbaqra “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” waħda distintiva.

    Meta tissajjar, il-profondità tat-togħma tintensifika u l-ħlewwa naturali tal-għanbaqra tiżdied. Il-konsistenza tal-frotta ddub fil-ħalq jekk tittiekel meta sħuna.

    Ħafna mill-għanbaqar “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” jinbiegħ bħala għanbaqar frisk għal mal-ħelu fis-swieq lokali.

    3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” trid titkabbar fiż-żona ddefinita indikata mis-siġar miksuba minn tilqim jew rimi minn mixtliet ta' siġar kummerċjali minn kampjuni magħrufa jew minn siġar individwali li jkunu jinsabu fiż-żona ddefinita. “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” MA TRIDX tkun derivata minn siġar imkabbra miż-żerriegħa. Minħabba li d-dakkir ma jistax jiġi kkontrollat, is-siġar imkabbra miż-żerriegħa fihom varjazzjoni ġenetika u għalhekk ma jistax jiġi ggarantit li jikbru skont it-“tip”.

    3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Tkabbir

    Żbir (jekk meħtieġ)

    Ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara u ta' mard/tidmil u sprejjar

    Ħsad

    Ħżin (jekk meħtieġ)

    3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tfettit, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih jirreferi l-isem reġistrat

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem reġistrat

    4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

    L-Għanbaqra “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” tikber fiż-żona ġeografika ddefinita tal-Wied ta' Clwyd f'Denbighshire fit-Tramuntana ta' Wales li tkopri ż-żoni li ġejjin;-

    Aberwheeler,

    Bodfari,

    Cefn Meiriadog,

    Clocaenog,

    Cyffylliog,

    Denbigh,

    Efenechtyd,

    Henllan,

    Llanbedr Dyffryn Clwyd,

    Llandyrnog,

    Llanelidan,

    Llanfair Dyffryn Clwyd,

    Llangynhafal,

    Llanrhaeadr yng Nghinmeirch,

    Llanynys,

    Nantglyn,

    Rhuddlan

    Ruthin,

    St Asaph,

    Trefnant,

    Tremeirchion Cwm

    Waen.

    U ż-żona ta' Llansannan

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    L-għanbaqra ta' Denbigh toriġina fil-Wied ta' Clwyd u hija l-unika varjetà ta' għanbaqra nattiva f'Wales. L-ambjent speċifiku u l-karatteristiċi ġeografiċi fil-Wied ta' Clwyd jipprovdu l-kundizzjonijiet perfetti biex jitkabbru dawn l-għanbaqar nattivi, u jikkontribwixxu għall-karatteristiċi speċifiċi tal-frotta.

    Il-Wied ta' Clwyd huwa reġjun ta' wied ta' xmara fit-Tramuntana ta' Wales, fil-biċċa l-kbira protett mill-għoljiet tal-madwar li jinkludu l-medda ta' Clwydian fuq in-naħa tal-Lvant li hija preżenti fid-direzzjoni trażversali mix-Xlokk għall-Majjistral u huwa espost biss għar-riħ tat-Tramuntana fejn jiftaħ 'il barra lejn il-kosta. L-għoljiet jipprovdu kenn mill-irwiefen prevalenti tal-Punent u spiss kesħin tal-Lvant. Dan l-ambjent relattivament kenni hu essenzjali għall-produzzjoni tal-għanbaqra għax jgħin sabiex titnaqqas il-ħsara kemm tal-inwara kif ukoll tal-għanbaqra li qed tiżviluppa.

    Il-Wied ta' Clwyd jirrappreżenta l-aktar żona estensiva ta' art ta' Grad 1 u Grad 2 f'Wales skont il-Klassifikazzjoni tal-Art Agrikola (ALC - Agricultural Land Classification). L-ALC tqis il-karatteristiċi bħall-klima, is-sit u l-ħamrija. Bħala art ta' Grad 1 u 2, l-art agrikola tal-Wied ta' Clwyd hija ddefinita jew bħala “ta' kwalità eċċellenti” jew inkella “tajba ħafna”. L-art kapaċi tipproduċi b'mod konsistenti rendimenti għoljin ta' Għanbaqar tal-Wied Clwyd Denbigh.

    L-art fil-Wied ta' Clwyd hija waħda mill-aktar ħamrija fertili naturali fir-Renju Unit u tipprovdi n-nutrijenti kollha li s-siġar u l-għanbaqar jeħtieġu. Il-ħamrija preżenti fil-Wied kapaċi żżomm in-nutrijenti bħall-potassju, il-manjeżju u l-kalċju li huma l-esigenzi nutrittivi ewlenin għal dawn l-għanbaqar.

    Il-ħamrija fonda b'konsistenza medja li tiskula b'mod liberu (li hija preżenti b'mod naturali fil-Wied ta' Clwyd) tħeġġeġ l-iżvilupp ta' arkitettura ta' għeruq b'saħħithom, li hija vitali għas-siġar tal-għanbaqar u għall-produzzjoni ta' kwalità tal-Għanbaqar tal-Wied Clwyd Denbigh.

    Il-ġeoloġija tal-ġebla tal-franka ta' taħt il-ħamrija ħamra ġdida, il-ġebla tal-ħamrija Trijassika, fiż-żona tipproduċi ħamrija rikka fil-ġir b'pH għoli. Il-biċċa l-kbira tal-frott bħall-frawli u l-lampun imorru aħjar fuq ħamrija kemxejn aċiduża, madankollu, dawn l-għanbaqar jikbru l-aħjar fuq il-ħamrija derivata mill-ġebla tal-franka b'pH għoli li hija prevalenti fiż-żona.

    L-Għanbaqra “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” tiffjorixxi f'April u hija suxxettibbli ħafna għal ġlatiet ta' radjazzjoni tar-rebbiegħa li jista' jkollhom effett ta' ħsara fuq in-nwara. L-influwenza tal-fluss tal-golf fil-qrib tipprovdi mikroklima għall-Wied ta' Clwyd li tipprovdi influwenza ta' moderazzjoni u tnaqqas ir-riskji mill-ġlatiet. Barra minn hekk, it-temperaturi friski moderati mill-fluss tal-golf jestendu l-perjodu tal-fjoritura li jippermetti dakkir aqwa, u kif ukoll jippermettu li l-għanbaqra timmatura bil-mod matul perjodu mtawwal li jipprovdi aktar żmien biex it-togħma tagħha tiżviluppa u tintensifika b'mod sħiħ.

    Storikament, dan ir-reġjun, bil-ħamrija fertili tiegħu, kellu tradizzjoni u reputazzjoni għall-produzzjoni ta' għadd ta' frott artab inkluż l-għanbaqar li kollha kemm huma kienu jintwerew fil-wirjiet ortikulturali tal-Wied Clwyd, avvenimenti annwali famużi li ilhom isiru mill-1850. Sa tmiem l-1890, Denbighshire (li hija l-kontea prinċipali fil-Wied ta' Clwyd) kienet l-akbar żona ta' kultivazzjoni tal-frott artab f'Wales. L-istorja tal-produzzjoni tal-għanbaqra mmarkat iż-żona lokali, b'toroq u djar f'Denbigh imsemmijin wara “The Vale of Clwyd Denbigh Plum”. Proprjetà lokali li ilha għand l-istess familja għal aktar minn mitt sena għandha masġar li għadu jipproduċi l-għanbaqar “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” għas-suq kummerċjali.

    L-għarfien u l-ħila meħtieġa għat-tkabbir tal-għanbaqar “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” fiż-żona indikata żviluppaw maż-żmien. Ħiliet umani speċifiċi assoċjati mat-tkabbir ta' din il-frotta li għaddew minn ġenerazzjoni għal oħra, fosthom: it-tħawwil u l-istabbiliment tas-siġar tal-għanbaqar, iż-żbir u l-ġestjoni tas-siġar, meta jsir il-ħsad, u t-trattament tal-frotta.

    Il-qoxra tal-għanbaqar “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” hija ratba ħafna u delikata meta mqabbla ma' għanbaqar prodott kummerċjalment; dan jeħtieġ li l-frotta tiġi ttrattata b'attenzjoni kbira biex tiġi evitata ħsara u tħassir. Il-persuni li jiġbru l-frott huma mħarrġa biex jimmaniġġaw il-frotta mill-inqas possibbli u biex jiġbru l-frott b'idejhom miz-zokk tagħhom. B'hekk, spiss l-għanbaqar miġbura friski ikollhom inwar bajdani (li jipproteġi lill-frotta) viżibbli fuq il-frotta.

    Il-Wied ta' Clwyd jibbenifika mill-mikroklima tiegħu stess li hija affettwata mill-influwenza tal-moderazzjoni tal-Fluss tal-Golf u tiffavorixxi t-tkabbir ta' dawn l-għanbaqar. L-għanbaqar huma fost l-aktar frott li jipproduċi kmieni u sit ħieles mill-ġlata huwa essenzjali biex jinkiseb ħsad regolari minħabba li l-ġlata tippreżenta theddida serja lis-siġar li jkunu biż-żahar.

    L-Għanbaqra ta' Denbigh, għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira ta' għanbaqar ieħor, għandha reżistenza naturali għal mard fungali li jippermettilha li tibqa' konsiderevolment ħielsa mill-mard minkejja l-klima sħuna/umduża. Il-klima tal-Wied hija wkoll iktar friska meta mqabbla ma' żoni oħrajn ta' tkabbir tal-għanbaqar. Dan jipprovdi lill-għanbaqar “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” bi staġun ta' tkabbir twil li jagħti lill-għanbaqra aktar żmien biex tiżviluppa b'mod sħiħ fit-togħma tagħha. Bis-saħħa ta' din il-qawwa tat-togħma u l-ħlewwa li l-għanbaqar “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” huwa daqshekk distintiv.

    Il-prossimità tal-baħar u tax-xmara Clwyd li tgħaddi tul il-wied mhux biss timmodera t-temperaturi estremi iżda tipprovdi wkoll sors ta' irrigazzjoni naturali li flimkien mal-wiċċ tas-sukkursu naturali għoli fil-Wied ta' Clwyd, jissodisfa r-rekwiżiti ta' umdità kbira tas-siġar tal-għanbaqar ta' għeruq fondi, u dan jipprevjeni l-bżonn għal irrigazzjoni artifiċjali.

    L-għanbaqar “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” irnexxielhom mhux biss jissopravvivu iżda wkoll jikbru fil-kundizzjonijiet naturali li jinsabu f'din iż-żona b'intervent uman minimu. Din il-mikroklima ta' żona kennija, ċatta, fertili u rikka fil-ġir, b'sistema ta' irrigazzjoni naturali b'temperaturi medji u bi probabbiltà ta' ġranet ħielsa mill-ġlata matul il-perjodu li jipproduċi l-għanbaqar, tipprovdi l-kundizzjonijiet ideali għat-tkabbir tal-għanbaqar “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” u tikkontribwixxi għall-karatteristiċi speċifiċi u uniċi tagħhom.

    Sa ftit ilu, il-produzzjoni tal-għanbaqar “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” kienet intilfet fil-biċċa l-kbira tagħha. Madanakollu, tul dawn l-aħħar snin esperjenzat qawmien mill-ġdid, li laqqgħet flimkien komunitajiet fiż-żona iddefinita, u rriżultat fil-Festa annwali tal-għanbaqar “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” li jattendu għaliha “l fuq minn 2 000 viżitatur. F'dan il-festival jintwera l-frott frisk, u firxa ta' prodotti li jista” jintuża fihom.

    Il-Kok ċelebri famuż minn Wales, Bryan Williams, sar il-patrun tal-għanbaqar “The Vale of Clwyd Denbigh Plum” u jissemmew fil-ktieb tar-riċetti tiegħu, “the Love of Veg.”“The Vale of Clwyd Denbigh Plum” hija magħrufa madwar Wales kollu u madwar il-bqija tar-Renju Unit għall-eċċellenza tagħha, u hija attivament imfittxija minn stabbilimenti tal-ikel lokali, u kienet ukoll nominata mis-Slow Food Movement (mill-Moviment tal-Ikel Bil-Mod) għall-premju ta' Ark of Taste.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament)

    https://www.gov.uk/government/uploads/system/uploads/attachment_data/file/676695/pfn-vale-clwyd-denbigh-plum.pdf


    Top