EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2394

Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2394/oj

27.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 345/1


REGOLAMENT (UE) 2017/2394 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Diċembru 2017

dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi regoli u proċeduri armonizzati biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali li huma responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet transfruntieri dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. L-Artikolu 21a tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 jipprevedi reviżjoni tal-effettività ta’ dak ir-Regolament u l-mekkaniżmi operattivi tiegħu. Wara tali reviżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 mhuwiex suffiċjenti biex jindirizza b’mod effettiv l-isfidi tal-infurzar tas-Suq Uniku, inklużi l-isfidi tas-Suq Uniku Diġitali.

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2015, ‘Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa’, identifikat bħala waħda mill-prijoritajiet ta’ dik l-Istrateġija l-bżonn li tittejjeb il-fiduċja tal-konsumatur b’infurzar aktar rapidu, ħafif u konsistenti tar-regoli dwar il-konsumatur. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2015, ‘Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji’, tenniet li l-infurzar tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jenħtieġ jissaħħaħ aktar bir-riforma tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004.

(3)

L-infurzar ineffettiv f’każijiet ta’ ksur transfruntier, inklużi każijiet ta’ ksur fl-ambjent diġitali, jippermetti lill-kummerċjanti jaħarbu mill-infurzar billi jmorru x’imkien ieħor fl-Unjoni stess. Dan iwassal ukoll għal distorsjoni tal-kompetizzjoni għall-kummerċjanti li josservaw il-liġi u li joperaw domestikament jew b’mod transfruntier, online jew offline, u b’hekk jagħmel ħsara direttament lill-konsumaturi u jimmina l-fiduċja tal-konsumaturi fit-transazzjonijiet transfruntieri u fis-suq uniku. Għalhekk huwa meħtieġ livell ogħla ta’ armonizzazzjoni li tinkludi kooperazzjoni effettiva u effiċjenti fl-infurzar bejn l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti sabiex jiġu individwati, investigati u biex jiġu ordnati l-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 stabbilixxa netwerk ta’ awtoritajiet ta’ infurzar pubbliċi kompetenti madwar l-Unjoni. Hija meħtieġa koordinazzjoni effettiva fost l-awtoritajiet kompetenti differenti li jipparteċipaw f’dak in-netwerk, kif ukoll koordinazzjoni effettiva fost awtoritajiet pubbliċi oħrajn fil-livell tal-Istati Membri. Jenħtieġ li r-rwol ta’ koordinazzjoni tal-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni jingħata lil awtorità pubblika f’kull Stat Membru. Jenħtieġ li dik l-awtorità jkollha biżżejjed setgħat u r-riżorsi meħtieġa biex twettaq dak ir-rwol importanti. Kull Stat Membru huwa mħeġġeġ jinnomina waħda mill-awtoritajiet kompetenti bħala l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni skont dan ir-Regolament.

(5)

Jenħtieġ li l-konsumaturi jkunu protetti wkoll minn każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament li diġà waqfu, iżda li l-effetti ta’ ħsara tagħhom jistgħu jkomplu. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat minimi meħtieġa biex jinvestigaw u jordnaw il-waqfien ta’ tali każijiet ta’ ksur jew il-projbizzjoni tagħhom fil-futur, sabiex jimpedixxu milli dawn jiġu ripetuti, u b’hekk jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

(6)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom sett minimu ta’ setgħat ta’ investigazzjoni u infurzar, biex japplikaw dan ir-Regolament, biex jikkooperaw ma’ xulxin aktar malajr u b’mod aktar effiċjenti u biex jiskoraġġixxu lill-kummerċjanti milli jikkommettu każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawn is-setgħat ikunu suffiċjenti biex jindirizzaw l-isfidi tal-infurzar tal-kummerċ elettroniku u tal-ambjent diġitali b’mod effettiv u biex jevitaw li kummerċjanti mhux konformi jisfruttaw il-lakuni fis-sistema tal-infurzar billi jmorru fi Stati Membri li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom mhumiex mgħammra biex jindirizzaw prattiki illegali. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jippermettu lill-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni u l-evidenza meħtieġa jkunu jistgħu jiġu skambjati b’mod validu bejn awtoritajiet kompetenti biex jinkiseb livell ugwali ta’ infurzar effettiv fl-Istati Membri kollha.

(7)

Jenħtieġ li kull Stat Membru jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti kollha fi ħdan il-ġurisdizzjoni tiegħu jkollhom is-setgħat minimi kollha, li jkunu meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux is-setgħat kollha lil kull awtorità kompetenti, dment li kull waħda minn dawk is-setgħat tkun tista’ tiġi eżerċitata b’mod effettiv u kif meħtieġ fir-rigward ta’ kwalunkwe każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu wkoll, f’konformità ma’ dan ir-Regolament, li jassenjaw ċerti kompiti lil korpi nominati jew li jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti s-setgħa li jikkonsultaw ma’ organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti, korpi nominati, jew persuni oħra kkonċernati, fir-rigward tal-effettività tal-impenji proposti minn kummerċjant biex jieqaf mill-ksur kopert minn dan ir-Regolament fit-tmiem tal-ksur. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkollhom l-ebda obbligu li jinvolvu l-korpi nominati fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew li jipprevedu konsultazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti, korpi nominati, jew persuni oħrajn ikkonċernati, fir-rigward tal-effettività tal-impenji proposti biex jitwaqqaf il-ksur kopert minn dan ir-Regolament.

(8)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu f’pożizzjoni li jistgħu jiftħu investigazzjonijiet jew proċedimenti fuq l-inizjattiva tagħhom stess jekk isiru jafu b’każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament b’mezzi oħra minbarra l-ilmenti tal-konsumaturi.

(9)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom aċċess għal kwalunkwe dokument, data u informazzjoni rilevanti li jkunu relatati mas-suġġett ta’ investigazzjoni jew ta’ investigazzjonijiet miftiehma ta’ xi suq ta’ konsumaturi (“sweeps”) sabiex jiddeterminaw jekk seħħx jew ikunx qed iseħħ xi ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, u b’mod partikolari biex jidentifikaw il-kummerċjant responsabbli, irrispettivament minn min jippossjedi d-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni inkwistjoni, u irrispettivament mill-forma jew format tagħhom, jew mill-mezz ta’ ħżin tagħhom, jew il-post fejn huma maħżuna. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jitolbu direttament li terzi fil-katina ta’ valur diġitali jipprovdu kwalunkwe evidenza, data u informazzjoni rilevanti f’konformità mad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u f’konformità mal-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali.

(10)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jitolbu kwalunkwe informazzjoni rilevanti minn kwalunkwe awtorità, korp jew aġenzija pubblika fl-Istat Membru tagħhom, jew minn kwalunkwe persuna fiżika jew persuna ġuridika, inklużi, pereżempju, fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, fornituri ta’ servizzi tal-Internet, operaturi tat-telekomunikazzjoni, reġistri u reġistraturi tad-dominji, u fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, bil-għan li jiġi stabbilit jekk seħħx jew ikunx qed iseħħ xi każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament.

(11)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jagħmlu l-ispezzjonijiet meħtieġa fuq il-post, u li jkollhom is-setgħa li jidħlu fi kwalunkwe fond, art jew mezz ta’ trasport, li l-kummerċjant ikkonċernat mill-ispezzjoni juża għal finijiet relatati mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tiegħu.

(12)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jitolbu kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-kummerċjant ikkonċernat mill-ispezzjoni biex jagħti spjegazzjonijiet ta’ fatti, informazzjoni, data jew dokumenti relatati mas-suġġett tal-ispezzjoni, u jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddokumentaw it-tweġibiet mogħtija minn dak ir-rappreżentant jew membru tal-persunal.

(13)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jivverifikaw il-konformità mal-liġijiet tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur u li jiksbu evidenza dwar każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament, inklużi każijiet ta’ ksur li jseħħu waqt jew wara x-xiri ta’ oġġetti u servizzi. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jixtru oġġetti jew servizzi, bħala test ta’ xiri, fejn meħtieġ, b’identità moħbija biex jindividwaw każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament, bħar-rifjut tal-implementazzjoni tad-dritt tal-konsumatur li jirrinunzja fil-każ ta’ kuntratti mill-bogħod, u biex jiksbu evidenza. Jenħtieġ li dik is-setgħa tinkludi wkoll is-setgħa li jiġi spezzjonat, osservat, studjat, żarmat jew ittestjat prodott jew servizz li jkun inxtara mill-awtorità kompetenti għal dawk il-finijiet. Is-setgħa li jinxtraw oġġetti jew servizzi bħala test ta’ xiri tista’ tinkludi s-setgħa min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti li jiżguraw ir-ritorn ta’ kull ħlas magħmul fejn tali ritorn ma jkunx sproporzjonat u barra minn hekk ikun jikkonforma mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

(14)

B’mod partikolari fl-ambjent diġitali, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwaqqfu l-każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament malajr u b’mod effettiv, u b’mod partikolari fejn il-kummerċjant li jkun qed ibiegħ l-oġġetti u s-servizzi jaħbi l-identità tiegħu jew imur f’post ieħor fl-Unjoni jew f’pajjiż terz biex jevita l-infurzar. F’każijiet fejn ikun hemm riskju ta’ ħsara serja lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jadottaw miżuri interim f’konformità mal-liġi nazzjonali, li jinkludu t-tneħħija ta’ kontenut minn interfaċċa online jew l-ordni li tintwera b’mod espliċitu twissija lill-konsumaturi meta jaċċessaw interfaċċa online. Jenħtieġ li l-miżuri interim ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan tagħhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jordnaw li tintwera b’mod espliċitu twissija lill-konsumaturi meta huma jaċċessaw interfaċċa online, jew li jordnaw it-tneħħija jew il-modifika ta’ kontenut diġitali jekk ma jkun hemm l-ebda mezz effettiv ieħor biex titwaqqaf prattika illegali. Jenħtieġ li tali miżuri ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit każ ta’ksur kopert minn dan ir-Regolament.

(15)

Biex jilħqu l-objettiv ta’ dan ir-Regolament filwaqt li jenfasizzaw l-importanza tar-rieda tal-kummerċjanti li jaġixxu skont il-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi u li jirrimedjaw il-konsegwenzi tal-każijiet ta’ ksur imwettaq minnhom koperti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-possibbiltà li jiftiehmu ma’ kummerċjanti dwar impenji li jinkludu passi u miżuri li kummerċjant ikollu jieħu fir-rigward ta’ każ ta’ ksur, u b’mod partikolari il-waqfien ta’ ksur.

(16)

Minħabba li għandhom impatt dirett fuq il-livell ta’ deterrenza li jipprovdi l-infurzar pubbliku, il-pieni għall-ksur tal-liġi tal-konsumatur jirrappreżentaw parti importanti tas-sistema ta’ infurzar. Ladarba l-iskemi ta’ pieni nazzjonali mhux dejjem jippermettu li titqies id-dimensjoni transfruntiera ta’ ksur, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Unjoni ikollhom id-dritt, bħala parti mis-setgħat minimi tagħhom, li jimponu pieni għal każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux meħtieġa jistabbilixxu sistema ġdida ta’ pieni għal każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament. Minflok, jenħtieġ li huma jesiġu mill-awtoritajiet kompetenti li japplikaw is-sistema applikabbli għall-istess ksur domestiku, fejn possibbli billi titqies l-iskala u l-ambitu proprji tal-ksur ikkonċernat. Fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-Rapport tal-Kummissjoni tal-Kontroll tal-Idoneità dwar il-liġi tal-konsumatur u tal-kummerċjalizzazzjoni, tista’ tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jissaħħaħ il-livell ta’ pieni għall-ksur tal-liġi tal-Unjoni dwar il-konsumatur.

(17)

Jenħtieġ li l-konsumaturi jkunu intitolati għal rimedji għall-ħsara kkawżata mill-każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament. Skont il-każ, jenħtieġ li s-setgħa tal-awtoritajiet kompetenti li jirċievu mingħand il-kummerċjant, fuq l-inizjattiva tal-kummerċjant stess, impenji addizzjonali ta’ rimedju għall-benefiċċju tal-konsumaturi li ġew affettwati mill-allegat każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament, jew fejn xieraq li jaġixxu biex jiksbu impenji mingħand il-kummerċjant biex joffri rimedji adegwati lill-konsumaturi li ġew affettwati minn dak il-ksur tikkontribwixxi biex jitneħħa l-impatt negattiv fuq il-konsumaturi kkawżat minn ksur transfruntier. Dawk ir-rimedji jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, tiswijiet, sostituzzjoni, tnaqqis fil-prezz, it-terminazzjoni ta’ kuntratt jew ir-rimborż tal-prezz imħallas għall-oġġetti jew servizzi, skont kif ikun xieraq, biex jittaffu l-konsegwenzi negattivi tal-każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament għall-konsumatur affettwat f’konformità mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ konsumatur li jfittex rimedju b’mezzi adegwati. Fejn applikabbli, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jinfurmaw, b’mezzi adatti, lill-konsumaturi li jallegaw li sofrew ħsara bħala konsegwenza ta’ każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament dwar kif ifittxu kumpens taħt il-liġi nazzjonali.

(18)

Jenħtieġ li l-implimentazzjoni u l-eżerċizzju ta’ setgħat fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikunu proporzjonati u adegwati fid-dawl tan-natura u l-ħsara effettiva jew potenzjali b’mod ġenerali tal-każ ta’ ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu kont tal-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u li jagħżlu l-aktar miżuri adatti li jkunu essenzjali biex jiġi indirizzat il-każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawn il-miżuri jkunu proporzjonati, effettivi u dissważivi.

(19)

Jenħtieġ li l-implimentazzjoni u l-eżerċizzju ta’ setgħat fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikunu wkoll f’konformità ma’ liġijiet oħrajn tal-Unjoni u nazzjonali, inkluż bis-salvagwardji proċedurali applikabbli u l-prinċipji tad-drittijiet fundamentali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jistipulaw kondizzjonijiet u limiti għall-eżerċizzju tas-setgħat fil-liġi nazzjonali, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. Fejn, pereżempju, f’konformità mal-liġi nazzjonali jkun hemm bżonn ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għad-dħul f’bini ta’ persuni fiżiċi u persuni ġuridiċi mill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru kkonċernat, jenħtieġ li s-setgħa tad-dħul f’tali bini tintuża biss wara li tkun inkisbet tali awtorizzazzjoni minn qabel.

(20)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu jekk l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitawx dawn is-setgħat direttament, bl-awtorità tagħhom stess, jew billi jirrikorru lil awtoritajiet kompetenti oħra jew awtoritajiet pubbliċi oħra, jew billi jagħtu istruzzjonijiet lil korpi nominati jew b’rikors fil-qrati kompetenti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati b’mod effettiv u fil-ħin.

(21)

Meta jkunu qed jirrispondu għal talbiet imressqa permezz tal-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, fejn xieraq, jużaw ukoll setgħat jew miżuri oħrajn mogħtija lilhom f’livell nazzjonali, inkluża s-setgħa li jibdew jew jirreferu l-materji lill-prosekuzzjoni kriminali. Huwa ta’ importanza assoluta li l-qrati u awtoritajiet oħra, partikolarment dawk involuti fi prosekuzzjonijiet kriminali, ikollhom il-mezzi u s-setgħat meħtieġa biex jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti b’mod effettiv u fil-ħin.

(22)

Jenħtieġ li l-effettività u l-effiċjenza tal-mekkaniżmu tal-assistenza reċiproka jitjiebu. Jenħtieġ li l-informazzjoni mitluba tkun ipprovduta fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament, u jenħtieġ li l-miżuri tal-investigazzjoni u tal-infurzar meħtieġa jkunu adottati fil-ħin. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jwieġbu t-talbiet għal informazzjoni u infurzar fil-perijodi stabbiliti, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor. Jenħtieġ li l-obbligi tal-awtorità kompetenti fil-qafas tal-mekkaniżmu tal-assistenza reċiproka jibqgħu intatti, sakemm ma jkunx probabbli li azzjonijiet ta’ infurzar u deċiżjonijiet amministrattivi meħuda f’livell nazzjonali barra mill-mekkaniżmu tal-assistenza reċiproka jkunu jiżguraw il-waqfien jew projbizzjoni malajr u effettivi tal-ksur fi ħdan l-Unjoni. Jenħtieġ li deċiżjonijiet amministrattivi f’dak ir-rigward jinftiehmu bħala deċiżjonijiet li jagħmlu effettivi l-miżuri meħuda biex iwaqqfu jew jipprojbixxu l-ksur fi ħdan l-Unjoni. F’dawk il-każijiet eċċezzjonali, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom id-dritt jirrifjutaw li jikkonformaw ma’ talba għal miżuri ta’ infurzar imressqa taħt il-mekkaniżmu tal-assistenza reċiproka.

(23)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkoordina u tissorvelja aħjar il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-assistenza reċiproka, tagħti gwida, tagħmel rakkomandazzjonijiet u toħroġ opinjonijiet lill-Istati Membri meta jinqalgħu l-problemi. Jenħtieġ li barra minn hekk il-Kummissjoni tkun kapaċi b’mod aħjar li tgħin lill-awtoritajiet kompetenti, b’mod effettiv u malajr, biex isolvu tilwim dwar l-interpretazzjoni tal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka.

(24)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprovdi għal regoli armonizzati li jistabbilixxu l-proċeduri għall-koordinazzjoni ta’ miżurita’ investigazzjoni u infurzar dwarkażijiet ta’ ksur mifrux u ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-azzjonijiet ikkoordinati kontra l-każijiet ta’ ksur mifrux u każijiet ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jagħżlu l- għodda l-iżjed adatti u effiċjenti sabiex jitwaqqfu dawk il-każijiet ta’ ksur u, fejn xieraq, jirċievu jew ifittxu li jirċievu mill-kummerċjanti responsabbli impenji ta’ rimedju għall-benefiċċju tal-konsumaturi.

(25)

Jenħtieġ li, bħala parti minn azzjoni koordinata, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkoordinaw il-miżuri ta’ investigazzjoni u infurzar tagħhom sabiex jittrattaw b’mod effettiv il-ksur mifrux jew il-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni u biex dan jitwaqqaf jew jiġi pprojbit. Għal dak il-għan jenħtieġ li l-evidenza u l-informazzjoni neċessarji kollha jiġu skambjati bejn l-awtoritajiet kompetenti u jenħtieġ li tingħata l-assistenza neċessarja. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-ksur mifrux jew mill-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni jieħdu l-miżuri ta’ infurzar neċessarji b’mod koordinat biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit dak il-ksur.

(26)

Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni ta’ kull awtorità kompetenti f’azzjoni koordinata, u b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni u infurzar li awtorità kompetenti hija meħtieġa tieħu, ikunu suffiċjenti biex jiġi indirizzat il-ksur mifrux jew il-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni b’mod effettiv. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati minn dak il-ksur ikollhom l-obbligu li jieħdu biss dawk il-miżuri ta’ investigazzjoni u infurzar li huma meħtieġa għall-kisba tal-evidenza u l-informazzjoni neċessarji kollha fir-rigward tal-każ ta’ ksur mifrux jew il-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni u biex il-ksur jitwaqqaf jew jiġi pprojbit. Madankollu, jenħtieġ li n-nuqqas ta’ riżorsi disponibbli min-naħa tal-awtorità kompetenti kkonċernata minn dak il-ksur ma jitqiesx bħala li jiġġustifika li din ma tiħux sehem f’azzjoni koordinata.

(27)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-ksur mifrux jew il-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni li jipparteċipaw f’azzjoni koordinata jkunu jistgħu jwettqu attivitajiet nazzjonali ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar b’rabta mal-istess ksur u kontra l-istess kummerċjant. Madankollu, fl-istess ħin, jenħtieġ li l-obbligu li l-awtorità kompetenti tikkoordina l-attivitajiet ta’ investigazzjoni u infurzar tagħha fil-qafas tal-azzjoni koordinata ma’ awtoritajiet kompetenti kkonċernati minn dak il-ksur oħra jibqa’ intatt, sakemm ma jkunx probabbli li l-azzjonijiet ta’ infurzar u d-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda f’livell nazzjonali barra l-qafas tal-azzjoni koordinata jkunu jiżguraw il-waqfien jew projbizzjoni malajr u effettivi tal-każ ta’ ksur mifrux jew tal-każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni. Jenħtieġ li deċiżjonijiet amministrattivi f’dak ir-rigward jinftiehmu bħala deċiżjonijiet li jagħmlu effettivi l-miżuri meħuda biex iwaqqfu jew jipprojbixxu l-ksur. F’dawk il-każijiet eċċezzjonali, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom id-dritt jirrifjutaw li jipparteċipaw fl-azzjoni koordinata.

(28)

Fejn ikun hemm suspett raġonevoli ta’ ksur mifrux, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati minn dak il-ksur jagħtu bidu, permezz ta’ ftehim, għal azzjoni koordinata. Sabiex jiġi stabbilit liema awtoritajiet kompetenti huma kkonċernati b’każ ta’ ksur mifrux, jenħtieġ li jitqiesu l-aspetti rilevanti kollha ta’ dak il-ksur, u b’mod partikolari l-post fejn ikun stabbilit jew jirrisjedi l-kummerċjant, il-post fejn jinsabu l-assi tal-kummerċjant, il-post fejn jinsabu l-konsumaturi li ġarrbu ħsara mill-allegat ksur, u l-postijiet tal-punti ta’ bejgħ tal-kummerċjant, jiġifieri ħwienet u websites.

(29)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkoopera aktar mill-qrib mal-Istati Membri biex tipprevjeni li jsir ksur fuq skala kbira. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti jekk hija tissuspetta kwalunkwe każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament. Jekk, pereżempju bil-monitoraġġ tat-twissijiet maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti, il-Kummissjoni jkollha suspett raġonevoli li seħħ każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, hija jenħtieġ li tinnotifika lill-Istati Membri, permezz tal-awtoritajiet kompetenti u l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati b’dak l-allegat ksur, filwaqt li tiddikjara r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-possibbiltà ta’ azzjoni koordinata fin-notifika. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jwettqu l-investigazzjonijiet xierqa abbażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli jew faċilment aċċessibbli għalihom. Jenħtieġ li dawn jinnotifikaw ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra, lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati minn dak il-ksur u lill-Kummissjoni. Fejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jaslu għall-konklużjoni li tali investigazzjonijiet jiżvelaw li jista’ jkun li qed iseħħ ksur, jenħtieġ li huma jibdew azzjoni kkoordinata billi jieħdu l-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li azzjoni koordinata li tittratta każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni tiġi kkoordinata dejjem mill-Kummissjoni. Jekk jidher li l-Istat Membru huwa kkonċernat b’dak il-ksur, jenħtieġ li huwa jieħu sehem f’azzjoni koordinata sabiex jgħin fil-ġbir tal-evidenza u l-informazzjoni neċessarji kollha b’rabta mal-ksur u biex dan jitwaqqaf jew jiġi pprojbit. Fir-rigward tal-miżuri ta’ infurzar, jenħtieġ li l-proċedimenti kriminali u ġudizzjarji fl-Istati Membri ma jiġux affettwati mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-prinċipju ne bis in idem jiġi rispettat. Madankollu, jekk l-istess kummerċjant jirrepeti l-istess att jew ommissjoni li kkostitwixxew każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament li diġà kien ġie indirizzat bi proċedimenti ta’ infurzar li rriżultaw f’waqfien jew projbizzjoni ta’ dak il-ksur, jenħtieġ li dawn jitqiesu bħala ksur ġdid u jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jindirizzawh.

(30)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jieħdu l-miżuri ta’ investigazzjoni neċessarji biex jistabbilixxu d-dettalji tal-każ ta’ ksur mifrux jew tal-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-identità tal-kummerċjant, l-atti jew l-ommissjonijiet li twettqu mill-kummerċjant, u l-effetti tal-ksur. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu miżuri ta’ infurzar li jkunu bbażati fuq l-eżitu tal-investigazzjoni. Fejn ikun adatt, jenħtieġ li l-eżitu tal-investigazzjoni u l-valutazzjoni tal-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni jkun stabbilit f’pożizzjoni komuni maqbula bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati bl-azzjoni koordinata, u li jkun indirizzat lill-kummerċjanti responsabbli għal dak il-ksur. Jenħtieġ li l-pożizzjoni komuni ma tikkostitwixxix deċiżjoni vinkolanti tal-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, jenħtieġ li hija tagħti lid-destinatarju l-opportunità li jinstema’ dwar kwistjonijiet li jkunu parti mill-pożizzjoni komuni.

(31)

Fil-kuntest ta’ każijiet ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li d-drittijiet tad-difiża tal-kummerċjanti jkunu rispettati. Dan jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-kummerċjant jingħata d-drittijiet li jinstema’ u li matul il-proċedimenti juża l-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali li jintużaw għal finijiet uffiċjali fl-Istat Membri fejn il-kummerċjant ikun stabbilit jew jirrisjedi. Huwa essenzjali wkoll li tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ kompetenza kunfidenzjali u informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali.

(32)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jieħdu fil-ġurisdizzjoni tagħhom il-miżuri ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar neċessarji. Madankollu, l-effetti tal-każijiet ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni mhumiex limitati għal Stat Membru wieħed. Għalhekk il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti hija meħtieġa biex jiġu indirizzati dawk il-każijiet ta’ ksur u biex dawn jitwaqqfu jew jiġu pprojbiti.

(33)

L-individwazzjoni effettiva tal-każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun appoġġata mill-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni billi jinħarġu twissijiet jekk ikun hemm suspett raġonevoli ta’ tali ksur. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkoordina l-funzjonament tal-iskambju ta’ informazzjoni.

(34)

L-organizzazzjonijiet tal-konsumatur jaqdu rwol essenzjali fl-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom u fl-edukazzjoni tagħhom u fil-protezzjoni tal-interessi tagħhom, inkluża s-soluzzjoni tat-tilwim. Jenħtieġ li l-konsumaturi jiġu mħeġġa jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti biex isaħħu l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(35)

Jenħtieġ li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, u fejn xieraq l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti, ikunu permessi biex jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar każijiet ta’ ksur suspettat koperti minn dan ir-Regolament u biex jikkondividu magħhom l-informazzjoni meħtieġa biex jidentifikaw, jinvestigaw u jwaqqfu ksur, biex jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar investigazzjonijiet jew ksur u biex jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-abbuż tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi.

(36)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu lil korpi nominati, Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u, fejn xieraq, assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti, li jkollhom it-tagħrif espert meħtieġ, is-setgħa li joħorġu twissijiet esterni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rilevanti u lill-Kummissjoni b’każijiet suspettati ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament u li jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom. L-Istati Membri jista’ jkollhom raġunijiet xierqa biex ma jagħtux lil tali entitajiet is-setgħa biex jieħdu dawk l-azzjonijiet. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li fejn Stat Membru jiddeċiedi li ma jħallix lil xi waħda minn dawk l-entitajiet li toħroġ twissijiet esterni, huwa jipprovdi spjegazzjoni li tiġġustifika ir-raġunijiet tiegħu għal dan.

(37)

Is-sweeps huma forma oħra ta’ koordinazzjoni tal-infurzar li rriżultat li hija għodda effettiva kontra l-każijiet ta’ ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, u jenħtieġ li jinżammu u jissaħħu fil-futur, kemm għas-settur online kif ukoll għas-settur offline. B’mod partikolari, jenħtieġ li s-sweeps jitwettqu fejn ix-xejriet tas-suq, l-ilmenti tal-konsumaturi jew indikazzjonijiet oħra jissuġġerixxu li seħħew jew li qed iseħħu każijiet ta’ ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi.

(38)

Id-data relatata ma’ ilmenti tal-konsumaturi tista’ tgħin lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali biex jivvalutaw il-funzjonament tas-swieq tal-konsumaturi u biex jindividwaw -każijiet ta’ ksur. L-iskambju ta’ tali data fil-livell tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi promoss.

(39)

Huwa essenzjali li, sa fejn meħtieġ biex jingħata kontribut biex jintlaħaq l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, inkluż dwar l-appoġġ tagħhom għall-attivitajiet tar-rappreżentanti tal-konsumaturi, l-appoġġ tagħhom għall-attivitajiet tal-korpi responsabbli għal soluzzjonijiet extra-ġudizzjarji ta’ tilwim tal-konsumaturi u l-appoġġ tagħhom għall-aċċess tal-konsumaturi għall-ġustizzja. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, iwettqu attivitajiet konġunti fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-politika tal-konsumaturi fl-oqsma msemmija hawn fuq.

(40)

L-isfidi ta’ infurzar li jeżistu jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni, u l-interessi tal-konsumaturi tal-Unjoni jeħtieġu li jkunu protetti minn kummerċjanti diżonesti bbażati f’pajjiżi terzi. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu nnegozjati ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi rigward l-assistenza reċiproka fl-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Jenħtieġ li dawk il-ftehimiet internazzjonali jinkludu s-suġġett stabbilit f’dan ir-Regolament u jenħtieġ li jiġu nnegozjati fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-aqwa protezzjoni tal-konsumaturi tal-Unjoni u kooperazzjoni bla xkiel ma’ pajjiżi terzi.

(41)

Jenħtieġ li l-informazzjoni skambjata bejn l-awtoritajiet kompetenti tkun soġġetta għal regoli stretti ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza professjonali u kummerċjali, sabiex ikun żgurat li l-investigazzjonijiet ma jiġux kompromessi jew li r-reputazzjonijiet tal-kummerċjanti ma jġarrbux ħsara inġusta. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li jiżvelaw tali informazzjoni biss meta dan ikun xieraq u meħtieġ, skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, filwaqt li jitqies l-interess pubbliku, bħas-sikurezza pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-saħħa pubblika, il-ħarsien ambjentali jew it-twettiq korrett ta’ investigazzjonijiet kriminali, u fuq bażi ta’ każ b’każ.

(42)

Sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tan-netwerk ta’ kooperazzjoni, u biex titqajjem kuxjenza fost il-konsumaturi u l-pubbliku inġenerali, jenħtieġ li kull sentejn il-Kummissjoni tħejji reżokont ġenerali tal-informazzjoni, l-istatistika u l-iżviluppi fil-qasam tal-infurzar tal-liġi tal-konsumatur, miġbura fil-qafas, relatat mal-infurzar, tal-kooperazzjoni prevista minn dan ir-Regolament, u tagħmlu disponibbli għall-pubbliku.

(43)

Jenħtieġ li l-każijiet ta’ ksur mifrux jiġu solvuti b’mod effettiv u effiċjenti. Jenħtieġ li tiddaħħal fis-seħħ sistema ta’ skambju biennali tal-prijoritajiet tal-infurzar biex dan jinkiseb.

(44)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tal-bażi tad-data elettronika. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(45)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli settorjali tal-Unjoni għal kooperazzjoni bejn ir-regolaturi settorjali jew għar-regoli settorjali applikabbli tal-Unjoni dwar il-kumpens lill-konsumaturi għal ħsara li tirriżulta mill-ksur ta’ dawk ir-regoli. Dan ir-Regolament huwa wkoll mingħajr preġudizzju għal sistemi u netwerks oħrajn ta’ kooperazzjoni stabbiliti fil-leġislazzjoni settorjali tal-Unjoni. Dan ir-Regolament jippromwovi l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn in-netwerk tal-protezzjoni tal-konsumatur u n-netwerks tal-korpi u l-awtoritajiet regolatorji stabbiliti mil-leġislazzjoni settorjali tal-Unjoni. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni fl-Istati Membri ta’ miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali.

(46)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt li jintalab kumpens individwali jew kollettiv, li huwa soġġett għal-liġi nazzjonali, u ma jipprevedix l-infurzar ta’ dawk it-talbiet.

(47)

Jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) japplikaw fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.

(48)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli tal-Unjoni li jikkonċernaw is-setgħat tal-korpi regolatorji nazzjonali stabbiliti mil-leġislazzjoni settorjali tal-Unjoni. Fejn ikun adatt u possibbli, jenħtieġ li dawk il-korpi jużaw is-setgħat disponibbli lilhom taħt il-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali biex jitwaqqfu jew jiġu pprojbiti każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament, u biex jassistu lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu dan.

(49)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-rwol u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti u tal-Awtorità Bankarja Ewropea fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi kollettivi tal-konsumaturi fi kwistjonijiet li jikkonċernaw servizzi ta’ kontijiet tal-ħlas u kuntratti ta’ kreditu relatati mal-proprjetà immobbli residenzjali fil-qafas taħt id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u d-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(50)

Fid-dawl tal-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni eżistenti fil-qafas tad-Direttiva 2014/17/UE u d-Direttiva 2014/92/UE, jenħtieġ li l-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka ma japplikax għall-każijiet ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni taħt dawk id-Direttivi.

(51)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (11).

(52)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi interpretat u applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji, inklużi dawk relatati mal-libertà ta’ espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja. Meta jkunu qed jeżerċitaw is-setgħat minimi stabbiliti minn dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jilħqu bilanċ adatt bejn l-interessi protetti mid-drittijiet fundamentali bħal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-libertà li wieħed jeżerċita negozju u l-libertà tal-informazzjoni.

(53)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali reponsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li ma jistgħux jiżguraw kooperazzjoni u koordinazzjoni jekk jaġixxu waħedhom, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali u personali tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(54)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET INTRODUTTORJI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, wara li jkunu ġew nominati mill-Istati Membri tagħhom bħala responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, jikkooperaw u jikkoordinaw azzjonijiet ma’ xulxin u mal-Kummissjoni, sabiex jinfurzaw il-konformità ma’ dawk il-liġijiet u jiżguraw il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u sabiex itejbu l-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għal każijiet ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni, każijiet ta’ ksur mifrux u każijiet ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, anke jekk dak il-ksur ikun waqaf qabel ma jinbeda jew jitlesta l-infurzar.

2.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni dwar id-dritt internazzjonali privat, b’mod partikolari r-regoli relatati mal-ġurisdizzjoni tal-qorti u l-liġijiet applikabbli.

3.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni fl-Istati Membri ta’ miżuri li jirrigwardaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali, b’mod partikolari l-operat tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew.

4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-adempiment mill-Istati Membri ta’ kwalunkwe obbligu addizzjonali fir-rigward tal-assistenza reċiproka għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi kollettivi tal-konsumaturi, inkluż f’materji kriminali, derivanti minn atti legali oħra, inklużi ftehimiet bilaterali jew multilaterali.

5.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

6.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jittieħdu azzjonijiet ta’ infurzar pubbliċi jew privati ulterjuri taħt il-liġi nazzjonali.

7.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi rilevanti tal-Unjoni applikabbli għall-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

8.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali applikabbli għal kumpens lill-konsumaturi għall-ħsara kkawżata minn każijiet ta’ ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi.

9.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti li jwettqu azzjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar kontra aktar minn kummerċjant wieħed għal każijiet simili ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament.

10.   Il-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament ma japplikax għal każijiet ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni tad-Direttivi 2014/17/UE u 2014/92/UE.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi” tfisser ir-Regolamenti u d-Direttivi kif trasposti fis-sistema legali interna tal-Istati Membri, li jinsabu elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(2)

“każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni” tfisser kwalunkwe att jew omissjoni li jmorru kontra l-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi li jkunu għamlu ħsara, ikunu qed jagħmlu ħsara jew x’aktarx ser jagħmlu ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi residenti fi Stat Membru apparti l-Istat Membru fejn:

(a)

l-att jew l-ommissjoni oriġinaw jew seħħew;

(b)

il-kummerċjant responsabbli għall-att jew l-ommissjoni ikun stabbilit; jew

(c)

ikunu jinstabu l-evidenza jew l-assi tal-kummerċjant relattivi għall-att jew ommissjoni;

(3)

“każ ta’ ksur mifrux” tfisser:

(a)

kwalunkwe att jew ommissjoni li jmorru kontra l-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi li jkunu għamlu ħsara, ikunu qed jagħmlu ħsara jew x’aktarx ser jagħmlu ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi li huma residenti f’mill-inqas żewġ Stat Membri apparti l-Istat Membru fejn:

(i)

l-att jew l-ommissjoni oriġinaw jew seħħew;

(ii)

il-kummerċjant responsabbli għall-att jew l-ommissjoni ikun stabbilit; jew

(iii)

ikunu jinstabu l-evidenza jew l-assi tal-kummerċjant relattivi għall-att jew ommissjoni; jew

(b)

kwalunkwe att jew omissjoni li jmorru kontra l-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi li jkunu għamlu ħsara, ikunu qed jagħmlu ħsara jew x’aktarx ser jagħmlu ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi u li jkollhom karatteristiċi komuni, inklużi l-istess prattika illegali, l-istess interess li qed jinkiser u li jkunu qed jokkorru fl-istess ħin, jitwettqu mill-istess kummerċjant, f’mill-inqas tliet Stati Membri;

(4)

“każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni” tfisser ksur mifrux li jkun għamel ħsara, ikun qed jagħmel ħsara jew x’aktarx ser jagħmel ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi f’mill-inqas żewġ terzi tal-Istati Membri, li flimkien jammontaw għal mill-inqas żewġ terzi tal-popolazzjoni tal-Unjoni;

(5)

“każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament” tfisser każijiet ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni, każijiet ta’ ksur mifrux u każijiet ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni;

(6)

“awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika stabbilita fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali u nominata minn Stat Membru bħala responsabbli mill-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi;

(7)

“uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni” tfisser l-awtorità pubblika nominata minn Stat Membru bħala responsabbli mill-koordinazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’dak l-Istat Membru;

(8)

“korp nominat” tfisser korp li jkollu interess leġittimu fil-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ każijiet ta’ ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi li huwa nominat minn Stat Membru u jingħata istruzzjonijiet minn awtorità kompetenti għall-fini li jiġbor l-informazzjoni meħtieġa u biex jieħu l-miżuri meħtieġa ta’ infurzar disponibbli lil dak il-korp taħt il-liġi nazzjonali biex iwassal għall-waqfien jew il-projbizzjoni tal-ksur u li jaġixxi f’isem dik l-awtorità kompetenti;

(9)

“awtorità applikanti” tfisser l-awtorità kompetenti li tagħmel talba għal assistenza reċiproka;

(10)

“awtorità mitluba” tfisser l-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għal assistenza reċiproka;

(11)

“kummerċjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe persuna ġuridika, indipendentement mill-fatt li tkun suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għall-iskopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħha;

(12)

“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet li jkunu lil hinn mill-kummerċ, min-negozju, mis-sengħa jew il-professjoni tagħha;

(13)

“ilment tal-konsumatur” tfisser dikjarazzjoni, appoġġata minn evidenza raġonevoli, li kummerċjant wettaq, qed iwettaq, jew li x’aktarx ser iwettaq, ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi;

(14)

“ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi” tfisser ħsara proprja jew potenzjali lill-interessi ta’ għadd ta’ konsumaturi li jkunu affettwati minn każijiet ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni, minn każijiet ta’ ksur mifrux jew minn każijiet ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni;

(15)

“interfaċċa online” tfisser kwalunkwe software, inkluż sit web, parti minn sit web jew applikazzjoni, li jkunu operati minn jew f’isem kummerċjant, li jservu biex jagħtu lill-konsumaturi aċċess għall-merċi jew servizzi tal-kummerċjant;

(16)

“sweeps” tfisser investigazzjonijiet miftiehma tas-swieq tal-konsumaturi permezz ta’ azzjonijiet simultanji kkoordinati ta’ kontroll sabiex tiġi verifikata l-konformità ma’, jew jiġu identifikati każijiet ta’ ksur ta’, il-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi.

Artikolu 4

Notifika ta’ perijodi ta’ limitazzjoni

Kull uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-perijodi ta’ limitazzjoni li jkunu stabbiliti fl-Istat Membru tiegħu stess u li japplikaw għal miżuri ta’ infurzar imsemmija fl-Artikolu 9(4). Il-Kummissjoni għandha tiddeskrivi fil-qosor il-perijodi notifikati ta’ limitazzjoni u għandha tagħmel dak is-sommarju disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti.

KAPITOLU II

AWTORITAJIET KOMPETENTI U S-SETGĦAT TAGĦHOM

Artikolu 5

Awtoritajiet kompetenti u uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità kompetenti waħda jew aktar u l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni li jkunu responsabbli mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament daqslikieku kienu qed jaġixxu f’isem il-konsumaturi fl-Istat Membru tagħhom stess u f’isimhom stess.

3.   F’kull Stat Membru, l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni għandu jkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni u infurzar mill-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet pubbliċi oħra msemmija fl-Artikolu 6 u, jekk applikabbli, korpi nominati relattivament għal każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti u l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni jkollhom ir-riżorsi meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi riżorsi baġitarji jew riżorsi oħrajn suffiċjenti, kompetenza esperta, proċeduri u arranġamenti oħrajn.

5.   Fejn ikun hemm aktar minn awtorità kompetenti waħda fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dmirijiet rispettivi ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddefiniti b’mod ċar u li huma jikkollaboraw mill-qrib sabiex jaqdu dawk id-dmirijiet b’mod effettiv.

Artikolu 6

Kooperazzjoni għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istati Membri

1.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tiegħu, awtoritajiet pubbliċi oħra u, jekk applikabbli, korpi nominati jikkooperaw b’mod effettiv ma’ xulxin.

2.   L-awtoritajiet pubbliċi l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, fuq talba minn awtorità kompetenti, jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha disponibbli għalihom taħt il-liġi nazzjonali sabiex iwasslu għall-waqfien jew il-projbizzjoni ta’ każijiet koperti minn dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi l-oħrajn imsemmija fil-paragrafu 1 ikollhom il-mezzi u s-setgħat meħtieġa biex jikkooperaw b’mod effettiv mal-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet pubbliċi l-oħrajn għandhom jinformaw regolarment lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-miżuri meħuda fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Rwol ta’ korpi nominati

1.   Fejn applikabbli, awtorità kompetenti (“awtorità li tagħti l-istruzzjoni”) tista’, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tagħti istruzzjoni lil korp nominat biex jiġbor l-informazzjoni neċessarja rigward każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament jew biex jieħu l-miżuri ta’ infurzar neċessarji disponibbli lilha taħt il-liġi nazzjonali, biex twassal biex dak il-ksur jitwaqqaf jew jiġi pprojbit. L-awtorità li tagħti l-istruzzjoni għandha tagħti istruzzjoni lil korp nominat biss jekk, wara konsultazzjoni mal-awtorità applikanti jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn ikkonċernati mill-każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament, kemm l-awtorità applikanti kif ukoll l-awtorità mitluba, jew l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati kollha, jaqblu li l-korp nominat x’aktarx li jikseb l-informazzjoni neċessarja jew li jwassal biex il-ksur jitwaqqaf jew jiġi pprojbit b’mod li tal-inqas ikun ugwalment effiċjenti u effettiv daqslikieku mill-awtorità li tagħti l-istruzzjoni.

2.   Jekk l-awtorità applikanti jew l-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn ikkonċernati minn każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament ikunu tal-opinjoni li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma ntlaħqux, huma għandhom jinfurmaw lill-awtorità li tagħti l-istruzzjoni bil-miktub mingħajr dewmien, filwaqt li jindikaw ir-raġunijiet li jiġġustifikaw dik l-opinjoni. Jekk l-awtorità li tagħti l-istruzzjoni ma tikkondividix dik l-opinjoni, hija tista’ tirreferi l-każ lill-Kummissjoni, li għandha toħroġ opinjoni mingħajr dewmien dwar il-kwistjoni.

3.   L-awtorità li tagħti l-istruzzjoni għandha tibqa’ obbligata li tiġbor l-informazzjoni neċessarja jew li tieħu l-miżuri ta’ infurzar neċessarji jekk:

(a)

il-korp nominat jonqos milli jikseb l-informazzjoni neċessarja jew li jwaqqaf jew jipprojbixxi l-każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament mingħajr dewmien; jew

(b)

l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati minn każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament ma jaqblux li l-korp nominat jista’ jingħata istruzzjoni skont il-paragrafu 1.

4.   L-awtorità li tagħti l-istruzzjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji kollha biex tipprevjeni l-iżvelar ta’ informazzjoni li hija soġġetta għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali u kummerċjali stabbiliti fl-Artikolu 33.

Artikolu 8

Informazzjoni u listi

1.   Kull Stat Membru għandu, mingħajr dewmien, jikkomunika lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja u kwalunkwe bidla fiha:

(a)

l-identitajiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti, tal-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni, tal-korpi nominati u tal-entitajiet li joħorġu twissijiet esterni skont l-Artikolu 27(1); u

(b)

informazzjoni dwar l-organizzazzjoni, is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha żżomm u taġġorna, fis-sit web tagħha, lista, li tkun disponibbli għall-pubbliku, tal-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni, il-korpi nominati u l-entitajiet li joħorġu twissijiet esterni skont l-Artikolu 27(1) jew (2).

Artikolu 9

Setgħat minimi tal-awtoritajiet kompetenti

1.   Kull awtorità kompetenti għandu jkollha s-setgħat minimi ta’ investigazzjoni u infurzar stabbiliti fil-paragrafi 3, 4, 6 u 7 ta’ dan l-Artikolu li huma meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha teżerċita dawk is-setgħat skont l-Artikolu 10.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux is-setgħat kollha lil kull awtorità kompetenti, dment li kull waħda minn dawk is-setgħat tista’ tiġi eżerċitata effettivament u kif ikun meħtieġ relattivament għal kwalunkwe każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament skont l-Artikolu 10.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom mill-inqas is-setgħat ta’ investigazzjoni li ġejjin:

(a)

is-setgħa ta’ aċċess għal kwalunkwe dokument, data jew informazzjoni rilevanti relatati ma’ każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament, fi kwalunkwe forma jew format u irrispettivament mill-mezz ta’ ħżin tagħhom, jew il-post fejn ikunu maħżuna;

(b)

is-setgħa li jirrikjedu minn kwalunkwe awtorità, korp jew aġenzija pubblika fl-Istat Membru tagħhom jew kwalunkwe persuna fiżika jew persuna ġuridika li jipprovdu kwalunkwe informazzjoni, data jew dokument rilevanti, fi kwalunkwe forma jew format u irrispettivament mill-mezz ta’ ħżin tagħhom, jew il-post fejn ikunu maħżuna, bil-għan li jiġi stabbilit jekk seħħx jew ikunx qed iseħħ każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament u għall-finijiet li jiġu stabbiliti d-dettalji ta’ tali ksur, inkluż l-intraċċar tal-flussi finanzjarji jew tad-data, li tiġi aċċertata l-identità tal-persuni involuti fil-flussi finanzjarji u tad-data, u li tiġi aċċertata informazzjoni dwar kontijiet bankarji u s-sjieda tas-siti web;

(c)

is-setgħa li jwettqu l-ispezzjonijiet meħtieġa fuq il-post, inkluża s-setgħa li jidħlu fi kwalunkwe bini, art jew mezz ta’ trasport li l-kummerċjant ikkonċernat mill-ispezzjoni juża għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tiegħu, jew li jitolbu lil awtoritajiet pubbliċi oħrajn biex jagħmlu dan, sabiex jeżaminaw, jikkonfiskaw, jieħdu jew jiksbu kopji ta’ informazzjoni, data jew dokumenti, irrispettivament mill-mezz ta’ ħżin tagħhom; is-setgħa li jikkonfiskaw kwalunkwe informazzjoni, data jew dokumenti għaż-żmien meħtieġ u sakemm ikun meħtieġ għall-ispezzjoni; is-setgħa li jitolbu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-kummerċjant ikkonċernat mill-ispezzjoni biex jagħti spjegazzjonijiet dwar fatti, informazzjoni, data jew dokumenti relatati mas-suġġett tal-ispezzjoni u li jirreġistraw it-tweġibiet;

(d)

is-setgħa li jixtru oġġetti jew servizzi bħala test ta’ xiri, fejn meħtieġ, b’identità moħbija, biex jindividwaw każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament u li jiksbu evidenza, inkluża s-setgħa li jispezzjonaw, josservaw, jistudjaw, iżarmaw jew jittestjaw oġġetti jew servizzi.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom mill-inqas is-setgħat ta’ infurzar li ġejjin:

(a)

is-setgħa li jadottaw miżuri interim biex jevitaw ir-riskju ta’ ħsara serja lill-interessi kollettivi ta’ konsumaturi;

(b)

is-setgħa li jfittxu li jiksbu jew li jaċċettaw impenji mill-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament biex iwaqqfu dak il-ksur;

(c)

is-setgħa li jirċievu mingħand il-kummerċjant, fuq inizjattiva tal-kummerċjant stess, impenji addizzjonali ta’ rimedju għall-benefiċċju ta’ konsumaturi li ġew affettwati mill-allegat ksur kopert minn dan ir-Regolament, jew, fejn adatt, li jfittxu li jiksbu impenji mingħand il-kummerċjant biex joffri rimedji adegwati lill-konsumaturi li ġew affettwati minn dak il-ksur;

(d)

fejn applikabbli, is-setgħa li jinfurmaw, b’mezzi xierqa, lill-konsumaturi li jallegaw li sofrew ħsara bħala konsegwenza ta’ każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament dwar kif ifittxu kumpens taħt il-liġi nazzjonali;

(e)

is-setgħa li jordnaw bil-miktub il-waqfien ta’ każijiet tal-ksur koperti minn dan ir-Regolament mill-kummerċjant;

(f)

is-setgħa li jwaqqfu jew jipprojbixxu każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament;

(g)

fejn ma hemmx disponibbli mezzi effettivi oħra, iwaqqfu jew jipprojbixxu l-każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament u sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ ħsara serja lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi:

(i)

is-setgħa li jneħħu kontenut jew li jirrestrinġu l-aċċess għal interfaċċa online jew jordnaw il-wiri espliċitu ta’ twissija lill-konsumaturi meta huma jaċċedu għal interfaċċa online;

(ii)

is-setgħa li jordnaw fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi, jiddiżattiva jew jirrestrinġi l-aċċess għal interfaċċa online; jew

(iii)

fejn adatt, is-setgħa li jordnaw lir-reġistri jew ir-reġistraturi tad-dominji biex iħassru isem ta’ dominju kkwalifikat bis-sħiħ u li jħallu lill-awtorità kompetenti kkonċernata tirreġistrah;

inkluż billi jitolbu terzi jew awtorità pubblika oħra biex jimplimentaw tali miżuri.

(h)

is-setgħa li jimponu pieni, per eżempju multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ pieni, għal każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament u għan-nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe deċiżjoni, ordni, miżura interim, impenn tal-kummerċjant jew miżura oħra adottata skont dan ir-Regolament.

Il-pieni msemmija fil-punt (h) għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, f’konformità mar-rekwiżiti tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. B’mod partikolari, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta, kif adatt, lin-natura, il-gravità u t-tul tal-każ ta’ ksur inkwistjoni.

5.   Is-setgħa li jiġu imposti pieni, bħal multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ pieni, għal każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament tapplika għal kwalunkwe ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi, fejn l-att legali rilevanti tal-Unjoni elenkat fl-Anness jipprevedi pieni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali taħt il-liġi nazzjonali li jimponu pieni, bħal multi amministrattivi jew oħrajn, jew ħlasijiet perjodiċi ta’ pieni, f’każijiet fejn l-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness ma jipprevedux pieni.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jibdew investigazzjonijiet jew proċedimenti fuq inizjattiva tagħhom stess biex jitwaqqfu jew jiġu pprojbiti każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament.

7.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippubblikaw kwalunkwe deċiżjoni finali, impenn ta’ kummerċjant jew ordni adottata skont dan ir-Regolament, inkluża l-pubblikazzjoni tal-identità tal-kummerċjant responsabbli għal każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament.

8.   Fejn applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti, korpi nnominati jew persuni oħrajn ikkonċernati, dwar l-effettività tal-impenji proposti biex jintemm il-każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Eżerċizzju tas-setgħat minimi

1.   Is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 9 għandhom ikunu eżerċitati jew:

(a)

direttament mill-awtoritajiet kompetenti taħt l-awtorità tagħhom stess;

(b)

fejn ikun adatt, bl-assistenza ta’ awtoritajiet kompetenti oħra jew awtoritajiet pubbliċi oħra;

(c)

billi jingħataw istruzzjonijiet lil korpi nominati, jekk applikabbli; jew

(d)

b’rikors lill-qrati kompetenti biex jagħtu d-deċiżjoni meħtieġa, inkluż, fejn adatt, b’appell, jekk ir-rikors biex tingħata d-deċiżjoni meħtieġa jiġi miċħud.

2.   L-implimentazzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 9 b’applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu proporzjonati u jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, inkluż mas-salvagwardji proċedurali applikabbli u mal-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-miżuri ta’ investigazzjoni u infurzar, adottati fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu adegwati għan-natura u għall-ħsara effettiva jew potenzjali b’mod ġenerali tal-ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi.

KAPITOLU III

MEKKANIŻMU TA’ ASSISTENZA REĊIPROKA

Artikolu 11

Talbiet għall-informazzjoni

1.   Fuq talba minn awtorità applikanti, awtorità mitluba għandha, mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien 30 jum, sakemm ma jkunx ġie maqbul mod ieħor, tipprovdi lill-awtorità applikanti kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa biex tistabbilixxi jekk seħħx jew ikunx qed iseħħ każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni u biex jitwaqqaf dak il-ksur.

2.   L-awtorità mitluba għandha twettaq l-investigazzjonijiet adatti u meħtieġa jew tieħu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa jew adatta sabiex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa. Jekk meħtieġ, dawk l-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu bl-assistenza ta’ awtoritajiet pubbliċi u korpi nominati oħra.

3.   Fuq talba mill-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba tista’ tippermetti lil uffiċjali kompetenti tal-awtorità applikanti biex jakkumpanjaw lill-uffiċjali tal-awtorità mitluba matul l-investigazzjonijiet tagħhom.

Artikolu 12

Talbiet għal miżuri ta’ infurzar

1.   Fuq talba minn awtorità applikanti, awtorità mitluba għandha tieħu l-miżuri ta’ infurzar kollha meħtieġa u proporzjonati biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni billi teżerċita s-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 9 u kwalunkwe setgħa addizzjonali mogħtija lilha skont il-liġi nazzjonali. L-awtorità mitluba għandha tiddetermina l-miżuri ta’ infurzar adatti meħtieġa biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit il-każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni u għandha teħodhom mingħajr dewmien u mhux aktar tard minn sitt xhur wara li tkun irċeviet it-talba, sakemm ma tipprovdix raġunijiet speċifiċi għall-estensjoni ta’ dak il-perjodu. Fejn adatt, l-awtorità mitluba għandha timponi pieni, bħal multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ pieni, fuq il-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni. L-awtorità mitluba tista’ tirċievi mingħand il-kummerċjant, fuq l-inizjattiva tal-kummerċjant stess, impenji addizzjonali ta’ rimedju għall-benefiċċju tal-konsumaturi affettwati mill-allegat ksur fi ħdan l-Unjoni, jew, fejn adatt, tista’ tfittex li tikseb impenji mingħand il-kummerċjant biex joffri rimedji adegwati lil konsumaturi li ġew affettwati minn dak il-ksur.

2.   L-awtorità mitluba għandha tinforma b’mod regolari lill-awtorità applikanti dwar il-passi u l-miżuri meħuda u l-passi u l-miżuri li biħsiebha tieħu. L-awtorità mitluba, permezz tal-bażi tad-data elettronika prevista fl-Artikolu 35 biex tinnotifika mingħajr dewmien lill-awtorità applikanti, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn u l-Kummissjoni bil-miżuri meħuda u l-effett ta’ dawk il-miżuri fuq każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni, inkluż dan li ġej:

(a)

jekk ġewx imposti miżuri interim;

(b)

jekk il-ksur intemmx;

(c)

liema miżuri ġew adottati u jekk dawk il-miżuri ġewx implimentati;

(d)

sa liema punt il-konsumaturi affettwati mill-ksur allegat ġew offruti impenji ta’ rimedju.

Artikolu 13

Proċedura għal talbiet għal assistenza reċiproka

1.   Meta tagħmel talba għal assistenza reċiproka, l-awtorità applikanti għandha tagħti l-informazzjoni meħtieġa biex l-awtorità mitluba tkun tista’ tissodisfa dik it-talba, inkluża kwalunkwe evidenza meħtieġa li tista’ tinkiseb biss fl-Istat Membru tal-awtorità applikanti.

2.   L-awtorità applikanti għandha tibgħat tali talbiet għal assistenza reċiproka lill-uffiċċju uniku ta’ koordinazzjoni tal-Istat Membru tal-awtorità mitluba u lill-uffiċċju uniku ta’ koordinazzjoni tal-Istat Membru tal-awtorità applikanti għall-informazzjoni. L-uffiċċju uniku ta’ koordinazzjoni tal-Istat Membru tal-awtorità mitluba għandu jgħaddi t-talbiet lill-awtorità kompetenti adatti mingħajr dewmien.

3.   It-talbiet għal assistenza reċiproka u kull komunikazzjoni marbuta magħhom għandhom isiru bil-miktub bl-użu ta’ formoli standard u dawn għandhom jiġu kkomunikati b’mod elettroniku permezz tal-bażi ta’ data elettronika prevista fl-Artikolu 35.

4.   L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jiftiehmu dwar il-lingwi li għandhom jintużaw għal talbiet għal assistenza reċiproka u għall-komunikazzjoni marbuta magħhom.

5.   Jekk ma jkunx hemm qbil dwar liema lingwi ser jintużaw, it-talbiet għal assistenza reċiproka għandhom jintbagħtu bil-lingwa uffiċjali, jew b’waħda mil-lingwa uffiċjali, tal-Istat Membru tal-awtorità applikanti u r-risposti għandhom ikunu bil-lingwa uffiċjali, jew b’waħda mil-lingwa uffiċjali, tal-Istat Membru tal-awtorità mitluba. F’dak il-każ, kull awtorità kompetenti għandha tkun responsabbli mit-traduzzjonijiet meħtieġa għat-talbiet, ir-risposti u d-dokumenti l-oħrajn li hija tirċievi mingħand awtorità kompetenti oħra.

6.   L-awtorità mitluba għandha twieġeb direttament kemm lill-awtorità applikanti kif ukoll lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri tal-awtorità applikanti u tal-awtorità mitluba.

Artikolu 14

Rifjut ta’ konformità ma’ talba għal assistenza reċiproka

1.   L-awtorità mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għall-informazzjoni taħt l-Artikolu 11 jekk tapplika waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

wara konsultazzjoni mal-awtorità applikanti, ikun jidher li l-informazzjoni mitluba ma tkunx meħtieġa mill-awtorità applikanti biex tistabbilixxi jekk seħħx jew ikunx qed iseħħ każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni jew biex tistabbilixxi jekk hemmx suspett raġonevoli li dan jista’ jseħħ;

(b)

l-awtorità applikanti ma taqbilx li l-informazzjoni hija soġġetta għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali u kummerċjali stabbiliti fl-Artikolu 33;

(c)

diġà jkunu nbdew kontra l-istess kummerċjant investigazzjonijiet kriminali jew proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-istess każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istat Membru tal-awtorità mitluba jew tal-awtorità applikanti.

2.   Awtorità mitluba tista’ tirrifjuta li tikkonforma ma’ talba għal miżuri ta’ infurzar taħt l-Artikolu 12 jekk, wara li tkun ikkonsultat lill-awtorità applikanti, tkun tapplika waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

investigazzjonijiet kriminali jew proċedimenti ġudizzjarji diġà jkunu nbdew, jew ikun hemm sentenza, soluzzjoni bil-qorti jew ordni ġudizzjarja fir-rigward tal-istess każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni u kontra l-istess kummerċjant quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji f’l-Istat Membru tal-awtorità mitluba;

(b)

l-eżerċizzju tas-setgħat tal-infurzar meħtieġa diġà jkun inbeda, jew deċiżjoni amministrattiva tkun diġà ġiet adottata, fir-rigward tal-istess każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni u kontra l-istess kummerċjant f’l-Istat Membru tal-awtorità mitluba sabiex dan iwassal għat-tmiem jew projbizzjoni malajr u effettivi tal-każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni;

(c)

wara investigazzjoni adatta, l-awtorità mitluba tikkonkludi li ma jkun seħħ ebda każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni;

(d)

l-awtorità mitluba tikkonkludi li l-awtorità applikanti ma tkunx tat l-informazzjoni li tkun neċessarja f’konformità mal-Artikolu 13(1);

(e)

l-awtorità mitluba tkun aċċettat impenji proposti mill-kummerċjant biex itemm il-każ ta’ ksur fi ħdan l-Unjoni f’limitu ta’ żmien stabbilit u dak il-limitu ta’ żmien ikun għadu ma skadiex.

Madankollu, l-awtorità mitluba għandha tikkonforma mat-talba għal miżuri ta’ infurzar taħt l-Artikolu 12 jekk il-kummerċjant jonqos milli jimplimenta l-impenji aċċettati fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu.

3.   L-awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe rifjut li tikkonforma ma’ talba għal assistenza reċiproka, flimkien mar-raġunijiet għal dak ir-rifjut.

4.   F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtorità applikanti u l-awtorità mitluba, l-awtorità applikanti jew l-awtorità mitluba tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni li għandha toħroġ opinjoni dwar il-kwistjoni mingħajr dewmien. Fejn il-kwistjoni ma tiġix riferuta lill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ madankollu toħroġ opinjoni ex officio. Għall-finijiet tal-ħruġ ta’ dik l-opinjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob għall-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti li ġew skambjati bejn l-awtorità applikanti u l-awtorità mitluba.

5.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka u l-konformità tal-awtoritajiet kompetenti mal-proċeduri u l-iskadenzi għall-ipproċessar ta’ talbiet għal assistenza reċiproka. Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għat-talbiet għal assistenza reċiproka u għall-informazzjoni u d-dokumenti li ġew skambjati bejn l-awtorità applikanti u l-awtorità mitluba.

6.   Fejn adatt, il-Kummissjoni tista’ toħroġ gwida u tagħti parir lill-Istati Membri biex tiżgura l-funzjonament effettiv u effiċjenti tal-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka.

KAPITOLU IV

INVESTIGAZZJONI KOORDINATA U MEKKANIŻMI TA’ INFURZAR GĦAL KAŻIJIET TA’ KSUR MIFRUX U GĦAL KAŻIJIET TA’ KSUR MIFRUX B’DIMENSJONI TAL-UNJONI

Artikolu 15

Proċedura għal deċiżjonijiet fost l-Istati Membri

Għal kwistjonijiet koperti minn dan il-Kapitolu, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jaġixxu b’kunsens.

Artikolu 16

Prinċipji ġenerali tal-kooperazzjoni

1.   Fejn ikun hemm suspett raġonevoli li qed iseħħ każ ta’ ksur mifrux jew każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati minn dak il-każ ta’ ksur u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati minn dak il-każ ta’ ksur mingħajr dewmien, billi joħorġu twissijiet skont l-Artikolu 26.

2.   L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-każ ta’ ksur mifrux jew mill-każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni għandhom jikkoordinaw l-investigazzjoni u l-miżuri ta’ infurzar li huma jieħdu biex jindirizzaw dawk il-każijiet ta’ ksur. Huma għandhom jiskambjaw l-evidenza u l-informazzjoni meħtieġa kollha u jipprovdu lil xulxin u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe assistenza meħtieġa mingħajr dewmien.

3.   L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-każ ta’ ksur mifrux jew mill-każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni għandhom jiżguraw li jinġabru l-evidenza u l-informazzjoni meħtieġa kollha u li jittieħdu l-miżuri ta’ infurzar meħtieġa kollha biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit dak il-ksur.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-attivitajiet nazzjonali ta’ investigazzjoni u infurzar imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-istess ksur u mill-istess kummerċjant.

5.   Fejn adatt, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jistiednu lil uffiċjali tal-Kummissjoni u persuni oħra li jkunu qed jakkumpanjawhom, li jkunu ġew awtorizzati mill-Kummissjoni, biex jipparteċipaw fl-investigazzjonijiet koordinati, fl-azzjonijiet ta’ infurzar u f’miżuri oħra koperti minn dan il-Kapitolu.

Artikolu 17

Tnedija ta’ azzjoni koordinata u nomina tal-koordinatur

1.   Fejn ikun hemm suspett raġonevoli ta’ każ ta’ ksur mifrux l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati minn dak il-każ ta’ ksur għandhom iniedu azzjoni koordinata li għandha tkun ibbażata fuq ftehim bejniethom. It-tnedija tal-azzjoni koordinata għandha tiġi nnotifikata lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati minn dak il-każ ta’ ksur u lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien.

2.   L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-każ ta’ ksur mifrux issuspettat għandhom jinnominaw awtorità kompetenti waħda, ikkonċernata mill-każ ta’ ksur mifrux issuspettat, biex tkun il-koordinatur. Jekk dawk l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar dik in-nomina, il-Kummissjoni għandha tassumi r-rwol tal-koordinatur.

3.   F’każ li l-Kummissjoni jkollha suspett raġonevoli ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, għandha tinnotifika mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti u l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati minn dak l-allegat ksur skont l-Artikolu 26. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara fin-notifika r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-possibbiltà ta’ azzjoni koordinata. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-ksur mifrux allegat b’dimensjoni tal-Unjoni għandhom iwettqu l-investigazzjonijiet adatti abbażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli jew li tkun faċilment aċċessibbli għalihom. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-ksur mifrux allegat b’dimensjoni tal-Unjoni għandhom jinnotifikaw ir-riżultati ta’ tali investigazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra, l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati minn dak il-ksur u lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26, fi żmien xahar mid-data tan-notifika tal-Kummissjoni. Fejn tali investigazzjonijiet juru li jista’ jkun li qed iseħħ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati minn dak il-ksur għandhom jibdew bl-azzjoni koordinata u għandhom jieħdu l-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 19 kif ukoll, fejn adatt, il-miżuri deskritti fl-Artikoli 20 u 21.

4.   L-azzjonijiet koordinati msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu koordinati mill-Kummissjoni.

5.   Awtorità kompetenti għandha tissieħeb mal-azzjoni koordinata, jekk jidher evidenti matul l-azzjoni koordinata li l-awtorità kompetenti hija kkonċernata mill-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni.

Artikolu 18

Raġunijiet għar-rifjut ta’ parteċipazzjoni fl-azzjoni koordinata

1.   Awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li tipparteċipa f’azzjoni koordinata għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

fir-rigward tal-istess kummerċjant diġà tkun inbdiet investigazzjoni kriminali jew ikunu nbdew proċedimenti ġudizzjarji, jew tkun ingħatat sentenza, jew tkun intlaħqet soluzzjoni bil-qorti, fir-rigward tal-istess ksur fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti;

(b)

l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni jew ta’ infurzar meħtieġa jkun diġà nbeda qabel il-ħruġ ta’ twissija msemmija fl-Artikolu 17(3), jew deċiżjoni amministrattiva tkun ġiet adottata kontra l-istess kummerċjant fir-rigward tal-istess ksur fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti sabiex dan iwassal għat-tmiem jew il-projbizzjoni malajr u effettivi tal-ksur mifrux jew tal-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni;

(c)

wara investigazzjoni adatta, ikun jidher evidenti li l-impatt reali jew potenzjali tal-ksur mifrux allegat jew tal-ksur mifrux allegat b’dimensjoni tal-Unjoni fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti jkun negliġibbli u għalhekk ma jkunx jinħtieġ li jiġu adottati miżuri ta’ infurzar minn dik l-awtorità kompetenti;

(d)

il-ksur mifrux rilevanti jew il-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni ma jkunx seħħ fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti u għalhekk ma jkun meħtieġ li tiġi adottata l-ebda miżura ta’ infurzar minn dik l-awtorità kompetenti;

(e)

l-awtorità kompetenti tkun aċċettat impenji proposti mill-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni biex itemm dak il-każ ta’ ksur fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità kompetenti u dawk l-impenji jkunu ġew implimentati, u għalhekk ma jkunx jinħtieġ li jiġu adottati miżuri ta’ infurzar minn dik l-awtorità kompetenti.

2.   Fejn awtorità kompetenti tirrifjuta li tipparteċipa fl-azzjoni koordinata, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti l-oħra u l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati mill-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni bid-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien, filwaqt li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha u tipprovdi kwalunkwe dokumenti ta’ appoġġ meħtieġa.

Artikolu 19

Miżuri ta’ investigazzjoni f’azzjonijiet koordinati

1.   L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom jiżguraw li l-investigazzjonijiet u l-ispezzjonijiet jitwettqu b’mod effettiv, effiċjenti u kkoordinat. Huma għandhom ifittxu, b’mod simultanju ma’ xulxin, li jwettqu investigazzjonijiet u spezzjonijiet u, sal-punt li d-dritt proċedurali nazzjonali jippermetti hekk, japplikaw miżuri interim.

2.   Il- mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka skont il-Kapitolu III jista’ jintuża, jekk dan ikun meħtieġ, b’mod partikolari biex jiġbor l-evidenza, u informazzjoni oħra, meħtieġa mingħand Stati Membri li mhumiex l-Istati Membri kkonċernati mill-azzjoni koordinata jew biex jiġi żgurat li l-kummerċjant ikkonċernat ma jevitax il-miżuri ta’ infurzar.

3.   Fejn adatt, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom jistabbilixxu l-eżitu tal-investigazzjoni u l-valutazzjoni tal-ksur mifrux jew, fejn applikabbli, tal-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni f’pożizzjoni komuni miftiehma bejniethom.

4.   Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata, il-koordinatur għandu jikkomunika l-pożizzjoni komuni lill-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew għall-każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni. Il-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew għall-każ ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni għandu jingħata l-opportunità li jiġi mismugħ dwar il-kwistjonijiet li jiffurmaw parti mill-pożizzjoni komuni.

5.   Fejn adatt, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15 jew għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali u kummerċjali stabbiliti fl-Artikolu 33, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom jiddeċiedu li jippubblikaw il-pożizzjoni komuni jew partijiet minnha fuq is-siti web tagħhom u jistgħu jitolbu l-opinjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-konsumatur, assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti u partijiet oħrajn ikkonċernati. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pożizzjoni komuni jew partijiet minnha fuq is-sit web tagħha bil-ftehim tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

Artikolu 20

Impenji f’azzjonijiet koordinati

1.   Abbażi ta’ pożizzjoni komuni adottata skont l-Artikolu 19(3), l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata jistgħu jistiednu lill-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni biex jipproponi f’limitu ta’ żmien iffissat impenji biex jintemm dak il-ksur. Il-kummerċjant jista’ wkoll, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jipproponi impenji biex jintemm dak il-ksur jew joffri impenji ta’ rimedju lil konsumaturi li ġew affettwati minn dak il-ksur.

2.   Fejn adatt u mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali u kummerċjali stabbiliti fl-Artikolu 33, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata jistgħu jippubblikaw l-impenji proposti mill-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni fuq is-siti web tagħhom jew, jekk ikun adatt, il-Kummissjoni tista’ tippubblika l-impenji proposti minn dak il-kummerċjant fuq is-sit web tagħha jekk mitluba tagħmel dan mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. L-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni jistgħu jitolbu l-fehmiet ta’ organizzazzjonijiet tal-konsumatur, assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti u partijiet oħrajn ikkonċernati.

3.   L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom jivvalutaw l-impenji proposti u jikkomunikaw l-eżitu tal-valutazzjoni lill-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni u, fejn applikabbli, jekk ġew offruti impenji ta’ rimedju mill-kummerċjant, huma għandhom jinformaw lill-konsumaturi li jsostnu li batew ħsara bħala konsegwenza ta’ dak il-ksur. Fejn l-impenji jkunu proporzjonati u suffiċjenti biex iwasslu biex jintemm il-ksur mifrux jew ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaċċettaw dawk l-impenji u jistabbilixxu limitu ta’ żmien li fih l-impenji għandhom jiġu implimentati.

4.   L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-impenji. B’mod partikolari, huma għandhom jiżguraw li l-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni jirrapporta b’mod regolari lill-koordinatur dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-impenji. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata jistgħu, fejn adatt, jitolbu l-fehmiet ta’ organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u esperti biex jivverifikaw jekk il-passi meħuda mill-kummerċjant humiex konformi mal-impenji.

Artikolu 21

Miżuri ta’ infurzar f’azzjonijiet koordinati

1.   L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom fil-ġurisdizzjoni tagħhom jieħdu l-miżuri ta’ infurzar meħtieġa kollha kontra l-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit dak il-ksur mifrux.

Fejn adatt huma għandhom jimponu pieni, bħal multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ pieni fuq il-kummerċjant responsabbli għall-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirċievu mingħand il-kummerċjant, fuq inizjattiva tal-kummerċjant stess, impenji addizzjonali ta’ rimedju għall-benefiċċju tal-konsumaturi li ġew affettwati mill-ksur mifrux allegat jew ksur mifrux allegat b’dimensjoni tal-Unjoni, jew, fejn adatt, jistgħu jfittxu li jiksbu impenji mill-kummerċjant biex joffri rimedji adegwati lill-konsumaturi li ġew affettwati minn dak il-ksur.

Miżuri ta’ infurzar ikunu partikolarment adatti fejn:

(a)

tkun tenħtieġ azzjoni ta’ infurzar immedjata biex jinkiseb it-tmiem jew il-projbizzjoni malajr u effettivi tal-ksur;

(b)

ikun improbabbli li l-ksur jintemm bħala riżultat tal-impenji proposti mill-kummerċjant responsabbli għall-ksur;

(c)

il-kummerċjant responsabbli għall-ksur ma jkunx ippropona impenji qabel l-iskadenza ta’ limitu ta’ żmien stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati;

(d)

l-impenji li l-kummerċjant responsabbli għall-ksur jipproponi ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw it-tmiem tal-ksur jew, fejn adatt, biex jipprovdu rimedju għall-konsumaturi li jkunu sofrew ħsara mill-ksur; jew

(e)

il-kummerċjant responsabbli għall-ksur naqas milli jimplimenta l-impenji biex jitwaqqaf il-ksur jew, fejn adatt, biex jipprovdi rimedju lill-konsumaturi li saritilhom ħsara mill-ksur, fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 20(3).

2.   Il-miżuri ta’ infurzar skont il-paragrafu 1 għandhom jittieħdu b’mod effettiv, effiċjenti u kkoordinat biex jitwaqqaf jew jiġi pprojbit il-każ ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata għandhom jippruvaw jieħdu miżuri ta’ infurzar b’mod simultanju fl-Istati Membri kkonċernati minn dak il-ksur.

Artikolu 22

Għeluq tal-azzjonijiet koordinati

1.   L-azzjoni koordinata għandha tingħalaq jekk l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati mill-azzjoni koordinata jikkonkludu li l-ksur mifrux jew il-ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni twaqqaf jew ġie pprojbit fl-Istati Membri kkonċernati kollha, jew li ma jkun twettaq ebda tali ksur.

2.   Il-koordinatur għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u, fejn applikabbli, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri kkonċernati mill-azzjoni koordinata bl-għeluq tal-azzjoni koordinata mingħajr dewmien.

Artikolu 23

Ir-rwol tal-koordinatur

1.   Il-koordinatur maħtur skont l-Artikolu 17 jew 29 għandu b’mod partikolari:

(a)

jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati u l-Kummissjoni huma debitament informati, b’mod tempestiv, dwar il-progress tal-investigazzjoni jew tal-azzjoni ta’ infurzar, kif applikabbli, u informati dwar kwalunkwe pass antiċipat li jkun imiss u l-miżuri li għandhom jiġu adottati;

(b)

jikkoordina u jissorvelja l-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati skont dan ir-Regolament;

(c)

jikkoordina t-tħejjija u l-kondiviżjoni tad-dokumenti kollha meħtieġa fost l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati u l-Kummissjoni;

(d)

iżomm kuntatt mal-kummerċjant u partijiet oħra kkonċernati mill-miżuri ta’ investigazzjoni jew ta’ infurzar, kif applikabbli, sakemm mhux maqbul mod ieħor mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati u l-koordinatur;

(e)

fejn applikabbli, jikkoordina l-valutazzjoni, il-konsultazzjonijiet u l-monitoraġġ mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati kif ukoll passi oħrajn meħtieġa għall-ipproċessar u l-implimentazzjoni ta’ impenji proposti mill-kummerċjanti kkonċernati;

(f)

fejn applikabbli, jikkoordina l-miżuri ta’ infurzar adottati mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati;

(g)

jikkoordina talbiet għal assistenza reċiproka mressqa mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati skont il-Kapitolu III.

2.   Il-koordinatur ma jistax jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet jew l-omissjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati meta huma jużaw is-setgħat stipulati fl-Artikolu 9.

3.   Fejn l-azzjonijiet koordinati jikkonċernaw każijiet ta’ ksur mifrux jew ta’ ksur mifrux b’dimensjoni tal-Unjoni tal-atti legali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(10), il-koordinatur għandu jistieden lill-Awtorità Bankarja Ewropea biex tkun osservatur.

Artikolu 24

Arranġamenti lingwistiċi

1.   Il-lingwi użati mill-awtoritajiet kompetenti għan-notifiki, kif ukoll għall-komunikazzjonijiet l-oħrajn kollha koperti minn dan il-Kapitolu li jkollhom rabta mal-azzjonijiet koordinati u s-sweeps, għandhom ikunu maqbula mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

2.   Jekk ma jkun jista’ jintlaħaq ebda ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, in-notifiki u komunikazzjonijiet oħra għandhom jintbagħtu fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li jagħmel in-notifika jew komunikazzjoni oħra. F’dak il-każ, jekk meħtieġ, kull awtorità kompetenti kkonċernata għandha tkun responsabbli mit-traduzzjoni tan-notifiki, il-komunikazzjonijiet u dokumenti oħra li tirċievi minn awtoritajiet kompetenti oħra.

Artikolu 25

Arranġamenti dwar il-lingwa għall-komunikazzjoni mal-kummerċjanti

Għall-finijiet tal-proċeduri stabbiliti f’dan il-Kapitolu, il-kummerċjant għandu jkun intitolat jikkomunika fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali użati għall-finijiet uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-kummerċjant ikun stabbilit jew jirrisjedi.

KAPITOLU V

ATTIVITAJIET FL-UNJONI KOLLHA

Artikolu 26

Twissijiet

1.   Awtorità kompetenti għandha mingħajr dewmien tinnotifika lill-Kummissjoni, lil awtoritajiet kompetenti oħra u lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni dwar kwalunkwe suspett raġonevoli li fit-territorju tagħha qed iseħħ każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament li jista’ jaffettwa l-interessi tal-konsumaturi fi Stati Membri oħra.

2.   Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti u uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni kkonċernati bi kwalunkwe suspett raġonevoli li seħħ każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament.

3.   Meta tinnotifika, jiġifieri toħroġ twissija, taħt il-paragrafi 1 u 2, l-awtorità kompetenti jew il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-ksur issuspettat kopert minn dan ir-Regolament, b’mod partikolari, u, fejn disponibbli, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni tal-att jew l-ommissjoni li jikkostitwixxu l-ksur;

(b)

dettalji tal-prodott jew is-servizz ikkonċernat mill-ksur;

(c)

l-ismijiet tal-Istati Membri kkonċernati jew possibbilment ikkonċernati mill-ksur;

(d)

l-identità tal-kummerċjant jew kummerċjanti responsabbli jew suspettati li huma responsabbli għall-ksur;

(e)

il-bażi legali għall-azzjonijiet possibbli b’referenza għal-liġi nazzjonali u għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness;

(f)

deskrizzjoni ta kwalunkwe proċediment legali, miżura ta’ infurzar jew miżura oħra meħuda fir-rigward tal-ksur u d-dati u t-tul ta’ żmien tagħhom, kif ukoll l-istatus tagħhom;

(g)

l-identitajiet tal-awtoritajiet kompetenti li jistitwixxu l-proċedimenti legali u li jieħdu miżuri oħra.

4.   Meta toħroġ twissija, l-awtorità kompetenti tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti u lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni rilevanti fi Stati Membri oħra u lill-Kummissjoni, jew il-Kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti u lill-uffiċċji ta’ kooperazzjoni rilevanti fi Stati Membri oħra, biex jivverifikaw jekk, abbażi tal-informazzjoni li tkun disponibbli jew aċċessibbli b’mod faċli għall-awtoritajiet kompetenti rilevanti jew għall-Kummissjoni, rispettivament, humiex qed iseħħu każijiet suspettati ta’ ksur simili fit-territorju ta’ dawk l-Istati Membri oħra jew jekk tkunx diġà ttieħdet kwalunkwe miżura ta’ infurzar kontra tali ksur f’dawk l-Istati Membri. Dawk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u l-Kummissjoni għandhom iwieġbu għat-talba mingħajr dewmien.

Artikolu 27

Twissijiet esterni

1.   Kull Stat Membru għandu, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat, jagħti lil korpi nominati, Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u, fejn adatt, assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti, bl-għarfien espert meħtieġ, is-setgħa li joħorġu twissija lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rilevanti u lill-Kummissjoni dwar każijiet issuspettati ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament u li jagħtu l-informazzjoni disponibbli lilhom deskritta fl-Artikolu 26(3) (‘twissija esterna’). Kull Stat Membru għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-Kummissjoni bil-lista ta’ dawk l-entitajiet u bi kwalunkwe bidla fiha.

2.   Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, għandha tagħti assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-interessi tal-konsumaturi, u, fejn adatt, tal-kummerċjanti f’livell tal-Unjoni, is-setgħa li joħorġu twissija esterna.

3.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx ikunu obbligati li jibdew proċedura jew li jieħdu xi azzjoni oħra b’reazzjoni għal twissija esterna. L-entitajiet li joħorġu twissijiet esterni għandhom jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta tkun korretta, aġġornata u preċiża u għandhom jikkoreġu l-informazzjoni notifikata mingħajr dewmien, jew jirtirawha skont kif ikun xieraq.

Artikolu 28

Skambju ta’ informazzjoni oħra rilevanti għall-individwazzjoni ta’ każijiet ta’ ksur

Sa fejn ikun meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, permezz tal-bażi ta’ data elettronika msemmija fl-Artikolu 35, jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati mingħajr dewmien dwar kwalunkwe miżura meħuda minnhom biex jindirizzaw każ ta’ ksur kopert minn dan ir-Regolament fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom jekk huma jissuspettaw li l-ksur inkwistjoni jista’ jaffettwa l-interessi tal-konsumaturi fi Stati Membri oħrajn.

Artikolu 29

Sweeps

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jwettqu sweeps biex jivverifikaw il-konformità ma’, jew jindividwaw każijiet ta’, ksur tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturit. Sakemm mhux maqbul mod ieħor mill-awtoritajiet kompetenti involuti, is-sweeps għandhom jiġu kkoordinati mill-Kummissjoni.

2.   Meta jwettqu sweeps, l-awtoritajiet kompetenti involuti jistgħu jużaw is-setgħat ta’ investigazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9(3) u kwalunkwe setgħa oħra mogħtija lilhom mil-liġi nazzjonali.

3.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jistiednu lil korpi nominati, uffiċjali tal-Kummissjoni u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jipparteċipaw fis-sweeps.

Artikolu 30

Koordinazzjoni ta’ attivitajiet oħra li jikkontribwixxu għal investigazzjoni u infurzar

1.   Sa fejn meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom fl-oqsma li ġejjin:

(a)

it-taħriġ tal-uffiċjali tagħhom involuti fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-ġbir, il-klassifikazzjoni u l-iskambju ta’ data dwar ilmenti tal-konsumatur;

(c)

l-iżvilupp ta’ netwerks speċifiċi għas-settur ta’ uffiċjali;

(d)

l-iżvilupp ta’ għodda ta’ informazzjoni u komunikazzjoni; u

(e)

fejn applikabbli, l-iżvilupp ta’ standards, metodoloġiji u linji gwida li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Sa fejn meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jikkoordinaw u jorganizzaw b’mod konġunt attivitajiet fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 31

Skambju ta’ uffiċjali bejn l-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipparteċipaw fi skemi ta’ skambju għal uffiċjali minn Stati Membri oħrajn sabiex itejbu l-kooperazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex uffiċjali minn Stati Membri oħrajn ikun jista’ jkollhom rwol effettiv fl-attivitajiet tal-awtorità kompetenti. Għal dak il-għan, dawk l-uffiċjali għandhom ikunu awtorizzati li jwettqu d-dmirijiet fdati lilhom mill-awtorità kompetenti ospitanti skont il-liġijiet tal-Istat Membru tagħha.

2.   Matul l-iskambju, ir-responsabbiltà ċivili u kriminali tal-uffiċjal għandha tkun ittrattata bl-istess mod bħal dik tal-uffiċjali tal-awtorità kompetenti ospitanti. L-uffiċjali mill-Istati Membri l-oħra għandhom jikkonformaw ma’ standards professjonali u r-regoli ta’ kondotta interni adatti tal-awtorità kompetenti ospitanti. Dawk ir-regoli ta’ kondotta għandhom jiżguraw b’mod partikolari l-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, il-ġustizzja proċedurali u l-osservanza korretta tar-regoli dwar il-kunfidenzjalità u dwar is-segretezza professjonali u kummerċjali stabbiliti fl-Artikolu 33.

Artikolu 32

Kooperazzjoni internazzjonali

1.   Sa fejn meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha tikkoopera ma’ pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament sabiex tipproteġi l-interessi tal-konsumaturi. L-Unjoni u l-pajjiżi terzi kkonċernati jistgħu jikkonkludu ftehimiet li jistabbilixxu arranġamenti għal kooperazzjoni, li jinkludu l-istabbiliment ta’ arranġamenti ta’ assistenza reċiproka, l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali u programmi għall-iskambju tal-persunal.

2.   Ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi li jikkonċernaw il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka biex jiġu protetti u jittejbu l-interessi tal-konsumaturi għandhom jirrispettaw ir-regoli rilevanti tal-protezzjoni tad-data applikabbli għat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi.

3.   Meta awtorità kompetenti tirċievi informazzjoni minn awtorità ta’ pajjiż terz li tkun potenzjalment rilevanti għall-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra, hija għandha tikkomunika l-informazzjoni lil dawk l-awtoritajiet kompetenti rilevanti sakemm hija permessa li tagħmel dan taħt kwalunkwe ftehim applikabbli ta’ assistenza bilaterali ma’ dak il-pajjiż terz u safejn dik l-informazzjoni tkun f’konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

4.   L-informazzjoni kkomunikata taħt dan ir-Regolament tista’ tiġi kkomunikata wkoll lil awtorità ta’ pajjiż terz minn awtorità kompetenti taħt ftehim ta’ assistenza bilaterali ma’ dak il-pajjiż terz, dment li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti li oriġinarjament tkun ikkomunikat l-informazzjoni, u dment li tkun f’konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

KAPITOLU VI

ARRANĠAMENTI KOMUNI

Artikolu 33

Użu u żvelar ta’ informazzjoni u segretezza professjonali u kummerċjali

1.   L-informazzjoni miġbura minn jew komunikata lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni matul l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-finijiet tal-iżgurar tal-konformità mal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi trattata bħala kunfidenzjali u għandha tintuża u tiġi żvelata biss bl-attenzjoni dovuta għall- interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew persuna ġuridika, inkluż is-sigrieti kummerċjali u l-proprjetà intellettwali.

3.   Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, wara konsultazzjoni mal-awtorità kompetenti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni, jiżvelaw l-informazzjoni li tkun meħtieġa:

(a)

biex jippruvaw każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament; jew

(b)

biex iwaqqfu jew jipprojbixxu każijiet ta’ ksur koperti minn dan ir-Regolament.

Artikolu 34

Użu ta’ evidenza u sejbiet ta’ investigazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jużaw bħala prova kwalunkwe informazzjoni, dokument, sejba, stqarrija, kopja vera awtentikata jew informazzjoni sigrieta komunikata, fuq l-istess bażi bħal dokumenti simili miksuba fl-Istat Membru tagħhom stess, irrispettivament mill-mezz ta’ ħżin tagħhom.

Artikolu 35

Bażi ta’ data elettronika

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm bażi ta’ data elettronika għall-komunikazzjonijiet kollha bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni u l-Kummissjoni taħt dan ir-Regolament. L-informazzjoni kollha mibgħuta permezz tal-bażi ta’ data elettronika għandha tiġi maħżuna u pproċessata f’dik il-bażi ta’ data elettronika. Dik il-bażi ta’ data għandha tkun aċċessibbli direttament għall-awtoritajiet kompetenti, għall-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni u għall-Kummissjoni.

2.   L-informazzjoni pprovduta minn entitajiet li joħorġu twissija esterna skont l-Artikolu 27(1) u (2) għandha tinħażen u tiġi pproċessata fil-bażi ta’ data elettronika. Madankollu, dawk l-entitajiet ma għandux ikollhom aċċess għal dik il-bażi ta’ data.

3.   Fejn awtorità kompetenti, korp nominat jew entità li joħorġu twissija esterna skont l-Artikolu 27(1) u (2) jistabbilixxu li twissija dwar ksur maħruġa minnhom skont l-Artikolu 26 jew 27 sussegwentement uriet li kienet mingħajr bażi, huma għandhom jirtiraw dik it-twissija. Il-Kummissjoni għandha tneħħi l-informazzjoni rilevanti mill-bażi ta’ data mingħajr dewmien, u għandha tinforma lill-partijiet dwar ir-raġunijiet għal dik it-tneħħija.

Id-data li tirrigwarda ksur għandha tinħażen fil-bażi ta’ data elettronika għal mhux iktar milli jinħtieġ għall-finijiet li għalihom tkun inġabret u ġiet proċessata, iżda ma għandhiex tinħażen għal mhux aktar minn ħames snin wara l-jum li fih:

(a)

awtorità mitluba tinnotifika lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 12(2) li l-ksur fi ħdan l-Unjoni intemm;

(b)

il-koordinatur jinnotifikaskont l-Artikolu 22(1) l-għeluq tal-azzjoni koordinata;

(c)

l-informazzjoni tkun iddaħħlet fil-bażi ta’ data fil-każijiet l-oħrajn kollha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tal-bażi ta’ data elettronika. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 38(2).

Artikolu 36

Rinunzja tar-rimborż tal-ispejjeż

1.   L-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw kull pretensjoni għar-rimborż ta’ spejjeż imġarrba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, fir-rigward ta’ talbiet għal miżuri ta’ infurzar taħt l-Artikolu 12, l-Istat Membru tal-awtorità applikanti għandu jibqa’ responsabbli lill-Istat Membru tal-awtorità mitluba għal kull spiża jew kull telf imġarrba bħala riżultat ta’ miżuri li jkun ġew miċħuda u meqjusa bħala infondati minn qorti, sa fejn is-sustanza tal-ksur inkwistjoni tkun ikkonċernata.

Artikolu 37

Prijoritajiet ta’ infurzar

1.   Sas-17 ta’ Jannar 2020 u kull sentejn wara dan, l-Istati Membri għandhom jiskambjaw bejniethom u mal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tagħhom għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Tali informazzjoni għandha tinkludi:

(a)

informazzjoni dwar xejriet fis-suq li jistgħu jaffettwaw l-interessi tal-konsumaturi fl-Istati Membri kkonċernati u fi Stati Membri oħra;

(b)

ħarsa ġenerali tal-azzjonijiet imwettqa taħt dan ir-Regolament fl-aħħar sentejn, u b’mod partikolari, miżuri ta’ investigazzjoni u infurzar relatati mal-każijiet ta’ ksur mifrux;

(c)

statistika skambjata permezz ta’ twissijiet imsemmija fl-Artikolu 26;

(d)

l-oqsma ta’ prijorità tentattivi, għas-sentejn li ġejjin, għall-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi fl-Istat Membru kkonċernat; u

(e)

l-oqsma ta’ prijorità proposti, għas-sentejn li ġejjin, għall-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi fil-livell tal-Unjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 33, kull sentejn, il-Kummissjoni għandha tipproduċi reżokont tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 u għandha tagħmilha disponibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew b’dan.

3.   F’każijiet li jinvolvu bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi jew tal-kondizzjonijiet tas-suq matul is-sentejn wara l-aħħar preżentazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tagħhom, l-Istati Membri għandhom jaġġornaw il-prijoritajiet ta’ infurzar tagħhom u għandhom jinformaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dan.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiddeskrivi fil-qosor il-prijoritajiet ta’ infurzar ipprovduti mill-Istati Membri taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u għandha tirrapporta kull sena lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 38(1) biex tiġi ffaċilitata l-prijoritizzazzjoni tal-azzjonijiet taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tiskambja l-aħjar prattiki u indikaturi ta’ referenza mal-Istati Membri, b’mod partikolari bil-għan li jiġu żviluppati attivitajiet ta’ tisħiħ ta’ kapaċitajiet.

KAPITOLU VII

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 38

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 39

Notifiki

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni t-test ta’ kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali dwar kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament li huma jadottaw, kif ukoll it-test ta’ ftehimiet, dwar kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament, apparti ftehimiet li jittrattaw każijiet individwali li huma jikkonkludu.

Artikolu 40

Rappurtar

1.   Sas-17 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Dak ir-rapport għandu jkun fih evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluża valutazzjoni tal-effettività tal-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi taħt dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti stabbiliti fl-Artikolu 9, flimkien ma’, b’mod partikolari, eżami ta’ kif il-konformità mill-kummerċjanti mal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi evolviet fi swieq ewlenin tal-konsumaturi kkonċernati mill-kummerċ transkonfinali.

Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, bi proposta leġislattiva.

Artikolu 41

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 huwa mħassar b’effett mis-17 ta’ Jannar 2020.

Artikolu 42

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mis-17 ta’ Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta’ Diċembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 100.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Novembru 2017 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017.

(3)  Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (ĠU L 364, 9.12.2004 p. 1 ).

(4)  Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informatika, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (‘Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku’) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(7)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(9)  Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34).

(10)  Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214).

(11)  Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).

(12)  Direttiva 2009/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi (ĠU L 110, 1.5.2009, p. 30).


ANNESS

Id-Direttivi u r-Regolamenti msemmija fil-punt (1) tal-Artikolu 3

1.

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29).

2.

Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80, 18.3.1998, p. 27).

3.

Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12).

4.

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

5.

Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67): l-Artikoli 86 sa 100.

6.

Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37): l-Artikolu 13.

7.

Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU L 271, 9.10.2002, p. 16).

8.

Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU L 46, 17.2.2004, p. 1).

9.

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

10.

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 1).

11.

Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21): l-Artikolu 1, il-punt (c) tal-Artikolu 2 u l-Artikoli 4 sa 8.

12.

Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36): Artikolu 20.

13.

Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14).

14.

Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66).

15.

Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3): l-Artikoli 22, 23 u 24.

16.

Id-Direttiva 2008/122/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta’ Jannar 2009 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta’ kuntratti ta’ timeshare, kuntratti dwar prodotti ta’ vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta’ bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta’ skambju (ĠU L 33, 3.2.2009, p. 10).

17.

Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il- koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1): l-Artikoli 9, 10, 11 u L-Artikoli 19 sa 26.

18.

Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 1).

19.

Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 1).

20.

Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

21.

Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63): l-Artikolu 13.

22.

Ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi) (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1): Artikolu 14.

23.

Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34): l-Artikoli 10, 11, 13, 14, 15, 16, 17, 18, 21, 22, 23, il-Kapitolu 10 u l-Annessi I u II.

24.

Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214): l-Artikoli 3 sa 18 u l-Artikolu 20(2).

25.

Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u ta’ arranġamenti ta’ vjaġġar marbuta, u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1).

26.

Regolament (UE) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 1).


Top