Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2300

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2300 tat-12 ta' Diċembru 2017 li jniedi investigazzjoni dwar il-possibilità ta' ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/82 fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina minn importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku kkunsinnati mill-Kambodja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

    C/2017/8330

    ĠU L 329, 13.12.2017, p. 39–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/09/2018; Imħassar b' 32018R1236

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2300/oj

    13.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 329/39


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2300

    tat-12 ta' Diċembru 2017

    li jniedi investigazzjoni dwar il-possibilità ta' ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/82 fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina minn importazzjonijiet ta' aċidu ċitriku kkunsinnati mill-Kambodja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) u b'mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,

    Wara li infurmat lill-Istati Membri,

    Billi:

    A.   TALBA

    (1)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (“ir-Regolament bażiku”) biex tinvestiga l-possibbiltà ta' ċirkomvenzjoni tal-miżuri tal-anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u biex tagħmel l-importazzjonijiet tal-aċidu ċitriku mibgħuta mill-Kambodja suġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk dawn ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja u kemm jekk le.

    (2)

    It-talba saret fit-30 ta' Ottubru 2017 mill-industrija Ewropea li timmanifattura l-aċidu ċitriku.

    B.   PRODOTT

    (3)

    Il-prodott ikkonċernat mill-possibbiltà ta' ċirkomvenzjoni huwa l-aċidu ċitriku (inkluż iċ-ċitrat trisodiku diidrat), li jaqa' taħt il-kodiċijiet ex NM 2918 14 00 (il-kodiċi TARIC 2918140090) u ex 2918 15 00 (il-kodiċi TARIC 2918150019) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”).

    (4)

    Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, iżda kkonsenjat mill-Kambodja, sew jekk iddikjarat li joriġina fil-Kambodja u sew jekk le, u li bħalissa jaqa' taħt l-istess kodiċijiet tan-NM bħall-prodott ikkonċernat (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

    C.   MIŻURI EŻISTENTI

    (5)

    Il-miżuri li bħalissa huma fis-seħħ u li possibbilment qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tagħhom huma miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 (2) dwar il-prodott ikkonċernat (“il-miżuri eżistenti”).

    D.   BAŻI

    (6)

    It-talba tinkludi biżżejjed evidenza li qed issir ċirkumvenzjoni tal-miżuri antidumping fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat permezz ta' importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mibgħut mill-Kambodja.

    (7)

    L-evidenza li ġiet ippreżentata hija din:

    (8)

    It-talba turi li wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, kien hemm bidla sinifikanti fil-mod kif isir il-kummerċ li jinvolvi l-esportazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Kambodja lejn l-Unjoni, u din il-bidla ma għandhiex raġuni jew ġustifikazzjoni b'saħħitha biżżejjed, għajr dik tal-impożizzjoni tad-dazju.

    (9)

    Din il-bidla tidher li toriġina mit-trasbord, li jinkludi operazzjonijiet tal-ipproċessar minuri jew mingħajrhom, tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jgħaddi mill-Kambodja lejn l-Unjoni.

    (10)

    Barra minn hekk, it-talba tinkludi biżżejjed evidenza li l-effetti ta' rimedju tal-miżuri antidumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qed jiġu mminati kemm fil-kwantità kif ukoll fil-prezz. L-importazzjonijiet ta' volumi sinifikanti tal-prodott investigat jidher li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, hemm biżżejjed evidenza li turi li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat qed isiru bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz mhux dannuż stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti.

    (11)

    Fl-aħħar nett, it-talba fiha biżżejjed evidenza li l-prezzijiet tal-prodott investigat huma oġġett ta' dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat.

    (12)

    Jekk tul l-investigazzjoni jiġu identifikati prattiki ta' evażjoni mit-Tajwan koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, għajr it-trasbord, l-investigazzjoni tista' tkopri wkoll dawn il-prattiki.

    (13)

    It-talba tkompli tispjega li r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku ssir meħtieġa biex tiżgura li l-protezzjoni effettiva tal-antidumping fis-seħħ ma tonqosx indebitament.

    E.   PROĊEDURA

    (14)

    Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta' investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodotti investigati soġġetti għal reġistrazzjoni, b'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

    (a)   Kwestjonarji

    (15)

    Sabiex tikseb tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-esportaturi/lill-produtturi magħrufa fil-Kambodja u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa tal-esportaturi/tal-produtturi fil-Kambodja, lill-importaturi magħrufa u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa ta' importaturi fl-Unjoni u lill-awtoritajiet tal-Kambodja u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Jekk ikun meħtieġ, jista' wkoll jintalab tagħrif mingħand l-industrija tal-Unjoni.

    (16)

    F'kull eventwalità, il-partijiet interessati kollha jinħtieġ li jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, u mhux iktar tard mil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, u jitolbu kwestjonarju fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(1) ta' dan ir-Regolament, sakemm il-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha.

    (17)

    L-awtoritajiet tal-Kambodja u tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina se jiġu nnotifikati bil-bidu tal-investigazzjoni.

    (b)   Ġbir ta' tagħrif u seduti ta' smigħ

    (18)

    Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jinħtieġ li jinstemgħu.

    (c)   Eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri

    (19)

    F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodotti investigati jistgħu jiġu eżentati mir-reġistrazzjoni jew mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi evażjoni.

    (20)

    Billi l-possibbiltà ta' evażjoni ssir barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi tal-prodotti investigati fil-Kambodja li jistgħu juru li ma huma relatati (3) mal-ebda produttur suġġett għall-miżuri (4) u li jinstab li mhumiex involuti fi prassi ta' ċirkomvenzjoni kif ġie ddefinit fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Il-produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni jinħtieġ li jippreżentaw talba sostnuta kif dovut minn evidenza fil-limitu ta' żmien indikat fl-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament.

    F.   REĠISTRAZZJONI

    (21)

    Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tikkonkludi li jkun hemm ċirkomvenzjoni, ikun jista' jiġi impost ammont xieraq ta' dazji antidumping mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet bħal dawn.

    G.   LIMITI TA' ŻMIEN

    (22)

    Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba, jinħtieġ li jiġu ddikjarati l-limiti ta' żmien li fihom:

    il-partijiet interessati jkunu jistgħu jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-eżistenza tagħhom, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw it-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kull tagħrif ieħor li għandu jitqies matul l-investigazzjoni,

    il-produtturi fil-Kambodja jistgħu jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri,

    il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

    (23)

    Ta' min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċitar tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta lilha nnfisha fil-limiti ta' żmien indikati fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

    H.   NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI

    (24)

    Jekk jagħti l-każ li xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti ta' żmien, jew tfixkel b'mod sinifikattiv l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, ikunu jistgħu jintlaħqu fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

    (25)

    Jekk jinstab li xi persuni interessati jkunu pprovdew informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni m'għandhiex tiġi meqjusa u użu jista' jkun magħmul tal-fatti disponibbli,

    (26)

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

    (27)

    In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jiġix ikkunsidrat bħala nuqqas ta' kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li biex tippreżenta t-tweġiba kif mitlub ikun iwassal għal piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Il-parti interessata jinħtieġ li tikkuntattja l-Kummissjoni immedjatament.

    I.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

    (28)

    L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa' xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

    J.   IPPROĊESSAR TA' DEJTA PERSONALI

    (29)

    Ta' min jinnota li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

    K.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

    (30)

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn terzi persuni għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta' smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b'mod sħiħ.

    (31)

    It-talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta jinħtieġ li ssir bil-miktub u jinħtieġ li jiġu speċifikati r-raġunijiet għat-talba.

    (32)

    Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    B'dan qiegħda titnieda investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 2016/1036, sabiex ikun iddeterminat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' aċidu ċitriku (inkluż iċ-ċitrat trisodiku diidrat), li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 2918 14 00 (il-kodiċi TARIC 2918140020) u ex 2918 15 00 (il-kodiċi TARIC 2918150013) ikkunsinjat mill-Kambodja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kambodja u kemm jekk le, humiex iwasslu għaċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/82.

    Artikolu 2

    L-awtoritajiet Doganali, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

    Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Il-Kummissjoni tista', permezz ta' regolament, titlob lill-awtoritajiet Doganali jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta' prodotti manifatturati minn produtturi li jkunu applikaw għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u li jkunu nstabu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' eżenzjoni.

    Artikolu 3

    (1)

    Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni u jitolbu l-kwestjonarji rilevanti mill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    (2)

    Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew xi informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data meta ġie rċevut il-kwestjonarju, sakemm mhux speċifikat mod ieħor.

    (3)

    Il-produtturi fil-Kambodja li jitolbu eżenzjoni mir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet jew mill-miżuri għandhom iressqu talba sostnuta b'evidenza xierqa fl-istess limitu taż-żmien ta' 37 jum.

    (4)

    Il-partijiet interessati jistgħu wkoll japplikaw sabiex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 37 jum.

    (5)

    L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta' terzi persuni, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b'mod espliċitu (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta' dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u (b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati f'din l-investigazzjoni f'għamla li tippermettilhom li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom.

    (6)

    Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f'dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li jkun intalab trattament kunfidenzjali għalihom jiġu mmarkati “Limited (6). Il-partijiet li jippreżentaw l-informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jipprovdu raġunijiet għaliex qed jitolbu trattament kunfidenzjali. Jekk il-parti li qed tippreżenta l-informazzjoni tonqos milli turi raġuni tajba għal trattament kunfidenzjali, il-Kummissjoni tista' tittratta informazzjoni bħal din bħala mhux kunfidenzjali.

    (7)

    Il-partijiet interessati li jagħtu informazzjoni “Limited” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) 2016/1036 li jiġu mmarkati “For inspection by limited parties” (Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati). Dawn is-sommarji jinħtieġ li jkunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitlubin, din l-informazzjoni tista' tiġi injorata.

    (8)

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jippreżentaw is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti skenjati ta' prokuri u ta' ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta' tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz tal-posta reġistrata. Permezz ta' ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F'KAŻIJIET TA' DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u jridu jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jaħdem u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta' kuntatt, il-Kummissjoni se tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b'mezz ieħor ta' komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal aktar regoli u tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati jinħtieġ li jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta' komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Uffiċċju: CHAR 04/039

    1040 Brussels

    BELGIUM

    Email: TRADE-CITRIC-ACID-DUMPING@ec.europa.eu

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Diċembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/82 tal-21 ta' Jannar 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżemi ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 u rieżamijiet interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 15, 22.1.2015, p. 8).

    (3)  F'konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558), żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu soċji rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) terza persuna tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw terza persuna, direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom ir-relazzjonijiet segwenti bejniethom biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. F'dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

    (4)  Madankollu, anki jekk il-produtturi huma relatati skont kif imsemmi hawn fuq ma' kumpaniji soġġetti għall-miżuri stabbiliti fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, xorta waħda tista' tingħata eżenzjoni jekk ma jkunx hemm evidenza li r-relazzjoni mal-kumpaniji soġġetti għall-miżuri oriġinali kienet stabbilita jew użata biex ikun hemm evażjoni tal-miżuri oriġinali.

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

    (6)  Dokument “Limited” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


    Top