Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1972

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1972 tat-30 ta' Ottubru 2017 li jemenda l-Annessi I u III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' programm ta' monitoraġġ għall-marda ta' tnewwin kroniku fiċ-ċriev fl-Estonja, fil-Finlandja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja u fl-Iżvezja u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/182/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/7140

    ĠU L 281, 31.10.2017, p. 14–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1972/oj

    31.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 281/14


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1972

    tat-30 ta' Ottubru 2017

    li jemenda l-Annessi I u III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' programm ta' monitoraġġ għall-marda ta' tnewwin kroniku fiċ-ċriev fl-Estonja, fil-Finlandja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja u fl-Iżvezja u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/182/KE

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatiji sponġiformi li tinxtered (TSE) f'annimali bovini, ovini u kaprini. Dan ir-Regolament japplika għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' annimali ħajjin u ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u, f'ċerti każijiet speċifiċi, għall-esportazzjonijiet tagħhom.

    (2)

    Il-marda tat-tnewwin kroniku (CWD) hija TSE li taffettwa ċ-ċriev, mifruxa fl-Amerika ta' Fuq. Sal-lum, is-CWD ma ġietx irrappurtata fit-territorju tal-Unjoni; madankollu f'April 2016 ġiet identifikata għall-ewwel darba fir-renna fin-Norveġja. In-Norveġja sussegwentement intensifikat il-programm ta' monitoraġġ għas-CWD fiċ-ċriev u identifikat għadd ta' każijiet oħra tas-CWD fir-renni u fil-moose.

    (3)

    Fit-2 ta' Diċembru 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni xjentifika dwar il-marda ta' tnewwin kroniku fiċ-ċriev (“opinjoni tal-EFSA”) (2). L-opinjoni tal-EFSA tipprevedi rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD fiċ-ċriev fl-Estonja, fil-Finlandja, fl-Iżlanda, fil-Latvja, fil-Litwanja, fin-Norveġja, fil-Polonja u fl-Iżvezja, li huma l-Unjoni u l-pajjiżi taż-ŻEE li għandhom popolazzjoni tar-renni u/jew tal-moose. L-opinjoni tal-EFSA tisħaq li l-għanijiet ta' programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD bħal dan għandhom jikkonfermaw jew jeskludu l-preżenza tas-CWD f'pajjiżi fejn qatt ma tkun instabet din il-marda u f'pajjiżi fejn is-CWD ġiet osservata (in-Norveġja biss s'issa), sabiex tiġi stmata l-prevalenza u l-firxa ġeografika tas-CWD.

    (4)

    L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li kull Stat Membru għandu jwettaq programm ta' monitoraġġ annwali għat-TSEs ibbażat fuq il-monitoraġġ attiv u passiv skont l-Anness III ta' dak ir-Regolament.

    (5)

    Ir-rekwiżiti għal programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD fl-Estonja, fil-Finlandja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja u fl-Iżvezja għandhom għalhekk jiżdiedu fil-Kapitolu A tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fl-opinjoni tal-EFSA. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jitqiesu bħala rekwiżiti minimi li għandhom jitħarsu mill-Istati Membri kkonċernati. Dawn l-Istati Membri madankollu jistgħu jirfinaw il-programm ta' monitoraġġ għas-CWD biex jaddattaw għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom.

    (6)

    Barra minn hekk, il-laboratorju, il-protokolli u l-metodi tal-ittestjar li għandhom jintużaw għall-programm ta' monitoraġġ għas-CWD kif ukoll il-miżuri li għandhom jittieħdu wara l-ittestjar għas-CWD għandhom jiġu ċċarati fil-Parti III tal-Kapitolu A tal-Anness III.

    (7)

    Kif ġie rrakkomandat fl-opinjoni tal-EFSA, il-programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD għandu jiffoka, minn naħa, fuq iċ-ċriev imrobbija u miżmuma fil-magħluq, u min-naħa l-oħra, fuq iċ-ċriev selvaġġi u semidomestikati. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, id-definizzjonijiet ta' “ċriev imrobbija u miżmuma fil-magħluq”, “ċriev selvaġġi” u “ċriev semidomestikati” għandhom jiddaħħlu fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 999/2001.

    (8)

    L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport annwali dwar l-attivitajiet ta' monitoraġġ tat-TSE tagħhom. Il-Parti I(A) tal-Kapitolu B tal-Anness III ta' dak ir-Regolament tistipula t-tagħrif li l-Istati Membri għandhom jinkludu fir-rapport annwali tagħhom, permezz ta' sottomissjonijiet regolari fid-database tal-UE tat-TSE u/jew inklużjoni fir-rapport annwali. Il-Parti II ta' dan il-Kapitolu tipprevedi li l-EFSA għandha tanalizza l-informazzjoni inkluża mill-Istati Membri fir-rapport annwali tagħha u tippubblika rapport annwali dwar it-tendenzi u s-sorsi tat-TSE fl-Unjoni. Ir-rekwiżiti tar-rappurtar li jkopru l-programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD għandhom jiddaħħlu fil-Parti I(A) tal-Kapitolu B tal-Anness III sabiex jiġi żgurat li d-dejta miksuba minn dan il-programm tiġi sottomessa mill-Istati Membri kkonċernati fid-database tal-UE tat-TSE u b'hekk tippermetti l-inklużjoni tagħhom u l-analiżi fir-rapport sommarju annwali tal-UE għall-monitoraġġ tat-TSE, li għandu jsir mill-EFSA skont il-Parti II ta' dak il-Kapitolu.

    (9)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/182/KE (3) tistipula rekwiżiti għal stħarriġ dwar is-CWD fiċ-ċriev li twettaq mill-2007 sal-2010. Peress li dan l-istħarriġ tlesta, u sabiex jiġi evitat li jkun hemm definizzjonijiet diverġenti rilevanti għall-monitoraġġ għas-CWD bejn dawk stipulati fl-Anness I għal dik id-Deċiżjoni, u dawk stabbiliti b'dan ir-Regolament, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2007/182/KE titħassar. Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Annessi I u III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2007/182/KE tħassret.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

    (2)  Scientific Opinion on Chronic wasting disease (CWD) in cervids, The EFSA Journal (2017);15(1):46.

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/182/KE tad-19 ta' Marzu 2007 dwar stħarriġ għall-marda ta' tnewwin kroniku fiċ-ċriev (ĠU L 84, 24.3.2007, p. 37).


    ANNESS

    L-Annessi I u III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati kif ġej:

    1.

    Fl-Anness I, dan li ġej jiżdied mal-punt 2:

    “(o)

    “ċriev imrobbija u miżmuma fil-magħluq” tfisser annimali tal-familja Cervidae li jinżammu mill-bnedmin f'territorju magħluq.

    (p)

    “ċriev selvaġġi” tfisser annimali tal-familja Cervidae li ma jkunux miżmuma mill-bnedmin.

    (q)

    “ċriev semidomestikati” tfisser annimali tal-familja Cervidae li jinżammu mill-bnedmin, għalkemm mhux f'territorju magħluq.”

    2.

    L-Anness III huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Fil-Kapitolu A, il-Parti III, tinbidel b'li ġej:

    “III.   IL-MONITORAĠĠ FIĊ-ĊRIEV

    A.   Programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għall-marda tat-tnewwin kroniku (CWD)

    1.   Ġenerali

    1.1.

    L-Istati Membri li jkollhom popolazzjoni selvaġġa u/jew imrobbija u/jew semidomestikata ta' ċriev u/jew ta' renni (l-Estonja, il-Finlandja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u l-Iżvezja) għandhom iwettqu programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD fiċ-ċriev, mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020. It-testijiet għall-iscreening tat-TSE mwettqa għall-iskop ta' dan il-programm ta' monitoraġġ għandhom isiru bejn l-1 ta' Jannar 2018 u l-31 ta' Diċembru 2020; madankollu, il-ġbir ta' kampjuni għall-għan tal-programm ta' monitoraġġ jista' madankollu jibda fl-2017.

    1.2.

    Il-programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD għandu jkopri dawn l-ispeċi ta' ċriev:

    Renna tundra Eurasiatika (Rangifer tarandus tarandus);

    Renna tal-foresti Finlandiżi (Rangifer tarandus fennicus);

    Moose (Alces alces);

    Ċerv żgħir (roe deer) (Capreolus capreolus);

    Ċerv b'denbu abjad (Odocoileus virginianus);

    Ċerv aħmar (Cervus elaphus).

    1.3.

    Permezz ta' deroga mill-punt 1.2, Stat Membru jista', abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju dokumentata sottomessa lill-Kummissjoni Ewropea, jagħżel għall-programm ta' monitoraġġ ta tliet snin għas-CWD, subsett ta' speċijiet elenkati f'dak il-punt.

    2.   Disinn tal-kampjunar

    2.1.

    L-Istati Membri msemmija fil-punt 1.1 għandhom jidentifikaw l-Unitajiet Primarji tal-Kampjunar (PSU), li għandhom ikopru t-territorji kollha li fihom il-popolazzjoni taċ-ċriev, bl-użu ta' mill-inqas l-elementi li ġejjin:

    (a)

    għal ċriev imrobbija u miżmuma fil-magħluq, l-istabbilimenti u l-faċilitajiet kollha li fihom iċ-ċriev jiġu miżmuma f'territorju magħluq għandhom jitqiesu bħala Unità Primarja tal-Kampjunar (PSU).

    (b)

    għal ċriev selvaġġi u semidomestikati, il-PSU għandha tkun definita ġeografikament abbażi tal-kriterji li ġejjin:

    (i)

    iż-żoni li fihom annimali selvaġġi u semidomestikati ta' speċijiet koperti mill-programm ta' monitoraġġ jiltaqgħu mill-inqas f'ċertu perjodu tas-sena;

    (ii)

    jekk għal xi speċi dan it-tlaqqigħ ma jseħħx, iż-żoni ddelimitati b'barrieri naturali jew artifiċjali jkollhom fihom l-annimali tal-ispeċijiet koperti mill-programm ta' monitoraġġ;

    (iii)

    iż-żoni li fihom annimali tal-ispeċijiet koperti mill-programm ta' monitoraġġ jiġu kkaċċjati u żoni konnessi ma' attivitajiet rilevanti oħra li għandhom x'jaqsmu mal-ispeċi koperti bil-programm ta' monitoraġġ.

    2.2.

    L-Istati Membri msemmija fil-punt 1.1 għandhom jagħżlu ċriev imrobbija, miżmuma fil-magħluq, selvaġġi, u semidomestikati għall-ittestjar tat-TSE billi jużaw l-approċċ li ġej ta' teħid ta' kampjuni f'żewġ stadji:

    (a)

    fl-ewwel stadju, dawk l-Istati Membri għandhom:

    (i)

    għal ċriev imrobbija u ċriev miżmuma fil-magħluq:

    jagħżlu, fuq bażi aleatorja fejn tiġi żgurata rappreżentanza ġeografika, u, jekk ikun rilevanti, filwaqt li jitqiesu l-fatturi ta' riskju rilevanti identifikati f'valutazzjoni dokumentata tar-riskju mwettqa mill-Istat Membru, 100 PSU li jridu jiġu koperti matul il-perjodu ta' tliet snin tal-programm ta' monitoraġġ, jew

    jekk l-Istat Membru ma setax jidentifika 100 PSU għal ċriev imrobbija u miżmuma fil-magħluq, jagħżel kull PSU identifikata.

    (ii)

    Għal ċriev selvaġġi u semidomestikati:

    jagħżlu, fuq bażi aleatorja fejn tiġi żgurata rappreżentanza ġeografika, u, jekk ikun rilevanti, filwaqt li jitqiesu l-fatturi ta' riskju rilevanti identifikati f'valutazzjoni dokumentata tar-riskju mwettqa mill-Istat Membru, 100 PSU li jridu jiġu koperti matul il-perjodu ta' tliet snin tal-programm ta' monitoraġġ, jew

    jekk l-Istat Membru ma setax jidentifika 100 PSU għal ċriev selvaġġi u semidomestikati, jagħżel kull PSU identifikata.

    (b)

    fit-tieni stadju:

    (i)

    għal ċriev imrobbija u ċriev miżmuma fil-magħluq:

    Stat Membru li jkun għażel 100 PSU għandu, fi ħdan kull PSU magħżula, jieħu kampjun tal-annimali kollha li jappartjenu lill-gruppi fil-mira elenkati taħt il-punt 2.4.(a) matul il-perjodu ta' tliet snin sakemm tintlaħaq il-mira ta' 30 annimal ittestjat għal kull PSU. Jekk madankollu ċerti PSU ma jkunux jistgħu jilħqu l-mira ta' 30 annimal ittestjat matul il-perjodu ta' tliet snin minħabba d-daqs limitat tal-popolazzjoni taċ-ċriev tagħhom, it-teħid ta' kampjuni ta' annimali li jappartjenu lill-gruppi fil-mira elenkati taħt il-punt 2.4. (a) jistgħu jkomplu f'PSU akbar anki wara li tkun intlaħqet il-mira ta' 30 annimal ittestjat, bl-għan li jintlaħaq l-għadd totali ta' massimu ta' 3 000 ċerv imrobbi u miżmum fil-magħluq, fejn possibbli, ittestjat fil-livell nazzjonali matul il-perjodu ta' tliet snin tal-programm ta' monitoraġġ;

    Stat Membru li jkun identifika inqas minn 100 PSU għandu, fi ħdan kull PSU, jieħu kampjun tal-annimali kollha li jappartjenu lill-gruppi fil-mira elenkati taħt il-punt 2.4. (a) matul il-perjodu ta' tliet snin, bl-għan li joqrob lejn l-għadd totali ta' sa 3 000 ċerv imrobbi u miżmum fil-magħluq, fejn possibbli, ittestjat fil-livell nazzjonali matul il-perjodu ta' tliet snin tal-programm ta' monitoraġġ.

    (ii)

    għal ċriev selvaġġi u semidomestikati:

    Stat Membru li jkun għażel 100 PSU għandu, fi ħdan kull PSU magħżula, jieħu kampjun tal-annimali kollha li jappartjenu lill-gruppi fil-mira elenkati taħt il-punt 2.4.(b), fuq il-perjodu ta' tliet snin sakemm tintlaħaq il-mira ta' 30 annimal ittestjat għal kull PSU, bl-għan li tintlaħaq il-mira li jiġu ttestjati 3 000 ċerv selvaġġ u semidomestikat fil-livell nazzjonali matul il-perjodu ta' tliet snin;

    Stat Membru li jkun identifika inqas minn 100 PSU għandu, fi ħdan kull PSU, jieħu kampjun tal-annimali kollha li jappartjenu lill-gruppi fil-mira elenkati taħt il-punt 2.4. (b) matul il-perjodu ta' tliet snin, bl-għan li joqrob lejn l-għadd totali ta' 3 000 ċerv selvaġġ u semidomestikat ittestjat fil-livell nazzjonali matul il-perjodu ta' tliet snin tal-programm ta' monitoraġġ.

    2.3.

    Iċ-ċriev kollha magħżula għandhom ikollhom età ta' 'l fuq minn 12-il xahar. L-età tal-annimal għandha tkun stmata abbażi tad-dentatura, tas-sinjali ovvji ta' maturità jew kull tagħrif ieħor affidabbli.

    2.4.

    Iċ-ċriev għandhom jintgħażlu mill-gruppi fil-mira li ġejjin:

    (a)

    għal ċriev imrobbija u ċriev miżmuma fil-magħluq:

    (i)

    ċriev imrobbija jew ċriev miżmuma fil-magħluq mejtin/maqtula: ċriev imrobbija jew miżmuma fil-magħluq misjuba mejta fit-territorju magħluq fejn ikunu miżmuma, waqt it-trasport jew f'biċċerija, kif ukoll ċriev tat-trobbija jew miżmuma fil-magħluq maqtula għal raġunijiet ta' saħħa/età;

    (ii)

    ċriev imrobbija jew ċriev miżmuma fil-magħluq li jippreżentaw sinjali kliniċi/li huma morda: ċriev li juru sinjali ta' mġiba anormali u/jew disturb fil-moviment u/jew b'mod ġenerali jinsabu f'kundizzjoni ħażina;

    (iii)

    ċriev imrobbija mbiċċra li tqiesu mhux tajbin għall-konsum mill-bniedem;

    (iv)

    ċriev imrobbija mbiċċra li jkunu tqiesu tajbin għall-konsum mill-bniedem jekk Stat Membru jkun identifika inqas minn 3 000 ċerv imrobbi u miżmum fil-magħluq mill-gruppi (i) sa (iii).

    (b)

    għal ċriev selvaġġi u semidomestikati:

    (i)

    ċriev selvaġġi jew semidomestikati mejta/maqtula: ċriev misjuba mejta f'ambjent selvaġġ kif ukoll ċriev semidomestikati misjuba mejta jew maqtula għal raġunijiet ta' saħħa/età;

    (ii)

    ċriev feruti/ċriev maqtula milquta minn vetturi fuq it-triq jew attakkati minn predaturi: ċriev selvaġġi jew semidomestikati milquta minn vetturi fuq it-triq, milquta minn ferroviji jew attakkati minn predaturi;

    (iii)

    ċriev semidomestikati jew ċriev selvaġġi li juru sinjali kliniċi/li huma morda: ċriev selvaġġi u semidomestikati, li huma osservati bħala li juru sinjali ta' mġiba anormali u/jew disturb fil-moviment u/jew b'mod ġenerali jinsabu f'kundizzjoni ħażina tas-saħħa;

    (iv)

    ċriev selvaġġi kkaċċjati u ċriev semidomestikati maqtula li ġew dikjarati mhux tajbin għall-konsum uman;

    (v)

    il-kaċċa selvaġġa kkaċċjata u ċ-ċriev semidomestikati li jkunu tqiesu tajbin għall-konsum mill-bniedem jekk Stat Membru jkun identifika inqas minn 3 000 ċerv selvaġġ u semidomestikat mill-gruppi (i) sa (iv).

    2.5.

    Fil-każ ta' sejba pożittiva ta' TSE f'xi ċerv, l-għadd ta' kampjuni minn ċriev miġbura fiż-żona fejn ikun instab li kien hemm każ ta' TSE pożittiv għandu jiżdied, ibbażat fuq valutazzjoni mwettqa mill-Istat Membru kkonċernat.

    3.   Teħid ta' kampjuni u ttestjar fil-laboratorju

    3.1.

    Għal kull ċerv magħżul f'konformità mal-punt 2, għandu jinġabar kampjun ta' obex u jiġi ttestjat għat-TSEs.

    Barra minn hekk, fejn hu fattibbli, kampjun ta' wieħed minn dawn it-tessuti li ġejjin għandu jiġi miġbur f'din l-ordni ta' preferenza li ġejja:

    (a)

    noduli limfatiċi retrofarinġali;

    (b)

    tunsilli;

    (c)

    noduli limfatiċi oħra tar-ras.

    Għal ittestjar rapidu, għandha tiġi ppreżentata hemisection tal-obex f'għamla friska jew ffriżata. Il-hemisection li tifdal għandha tkun iffissata. Meta jinġabru, in-noduli limfatiċi u t-tunsilli għandhom jiġu ffissati.

    Porzjon ta' tessut frisk minn kull tip ta' kampjun għandu jinżamm iffriżat sakemm jinkiseb riżultat negattiv, f'każ li tinħtieġ bijoassaġġ.

    3.2.

    Sakemm toħroġ il-pubblikazzjoni ta' linji gwida dwar l-ittestjar għat-TSE fiċ-ċriev tal-Laboratorju ta' Referenza tal-UE għat-TSE, għandu jintuża l-metodu ta' laboratorju li ġej għall-iskop tal-programm ta' monitoraġġ għas-CWD:

    (a)

    testijiet rapidi:

    Testijiet rapidi kif imsemmija fil-punt 4 tal-Kapitolu C tal-Anness X użati fid-detezzjoni tal-enċefalopatija sponġiformi trażmissibbli (TSE) fl-obex ta' annimali bovini jew annimali ruminanti żgħar għandhom jitqiesu xierqa għad-detezzjoni tat-TSE fl-obex taċ-ċriev. Testijiet rapidi kif imsemmija fil-punt 4 tal-Kapitolu C tal-Anness X użati għad-detezzjoni tat-TSE fin-noduli limfatiċi ta' annimali bovini jew annimali ruminanti żgħar għandhom jitqiesu xierqa għad-detezzjoni tat-TSE fin-noduli limfatiċi taċ-ċriev. L-Istati Membri jistgħu wkoll jużaw l-immunoistokimika għal skopijiet ta' skrining u għal dan il-għan għandhom jissodisfaw test tal-profiċjenza organizzat mil-Laboratorju ta' Referenza tal-UE għat-TSE.

    (b)

    test ta' konferma:

    Meta r-riżultat ta' test rapidu jkun inkonklużiv jew pożittiv, il-kampjun għandu jiġi soġġett għal eżaminazzjonijiet ta' konferma li jużaw mill-inqas wieħed mill-metodi u protokolli li ġejjin stabbiliti fl-aħħar edizzjoni tal-Manwal għal testijiet djanjostiċi u vaċċini għall-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għas-Saħħa tal-Annimali (OIE):

    il-metodu immunoistokimiku (IHC);

    Western blot.

    Meta Stat Membru ma jkunx jista' jikkonferma riżultat pożittiv ta' test rapidu, għandu jibgħat kampjun xieraq tat-tessut lil-Laboratorju ta' Referenza tal-UE għal konferma.

    (c)

    karatterizzazzjoni ta' iżolat:

    Fil-każ ta' sejbiet pożittivi tat-TSE, għandhom jitwettqu aktar testijiet għal karatterizzazzjoni tal-iżolati, f'konsultazzjoni mal-Laboratorju ta' Referenza tal-UE għat-TSE.

    3.3.

    Il-ġenotip tal-proteina prijonika għandu jiġi ddeterminat għal kull sejba pożittiva ta' TSE fiċ-ċriev.

    Barra minn hekk, għal kull ċerva ttestjata u misjuba negattiva għat-TSE, jew:

    jiġi stabbilit il-ġenotip tal-proteina prijonika ta' annimali ttestjati u misjuba negattivi għal TSE, jew

    kampjun ta' tessut, li jista' jkun l-obex, għandu jinżamm iffriżat mill-inqas sal-31 ta' Diċembru 2021, biex jippermetti l-ġenotipar jekk jiġi deċiż hekk.

    B.   Monitoraġġ ulterjuri fiċ-ċriev

    L-Istati Membri għandhom iwettqu monitoraġġ addizzjonali għat-TSEs fiċ-ċriev ibbażat fuq valutazzjoni tar-riskju li tista' tqis id-detezzjoni ta' TSE fiċ-ċriev fl-istess Stat Membru jew fir-reġjuni ġirien.

    L-Istati Membri għajr dawk imsemmija taħt il-punt 1.1 tal-Parti A jistgħu fuq bażi volontarja jwettqu monitoraġġ għat-TSEs fiċ-ċriev.

    Wara t-tmiem tal-programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin imsemmi fil-Parti A, l-Istati Membri msemmija taħt il-punt 1.1 jistgħu fuq bażi volontarja jwettqu monitoraġġ għat-TSEs fiċ-ċriev.”

    (b)

    Fil-Kapitolu A, tiżdied il-Parti IV li ġejja:

    “IV.   MONITORAĠĠ FI SPEĊIJIET OĦRAJN TA' ANNIMALI

    Stati Membri jistgħu fuq bażi volontarja jwettqu monitoraġġ għat-TSE fi speċijiet ta' annimali li ma jkunux annimali bovini, ovini, kaprini u ċervidi.”

    (c)

    Fil-Kapitolu B, fil-Parti I.(A), il-punt 7 jinbidel b'li ġej:

    “7.

    F'annimali għajr dawk bovini, ovini u kaprini, kif ukoll iċ-ċervidi, għajr dawk koperti bil-programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD imsemmi fil-Parti III.A tal-Kapitolu A ta' dan l-Anness, l-għadd ta' kampjuni u każijiet konfermati ta' TSE għal kull speċi.”

    (d)

    Fil-Kapitolu B, il-Parti I.(A), għandu jiżdied il-punt 9 li ġej:

    “9.

    Għal Stati Membri koperti bil-programm ta' monitoraġġ ta' tliet snin għas-CWD imsemmi fil-Parti III.A tal-Kapitolu A ta' dan l-Anness, ir-rapport annwali għas-snin 2018, 2019 u 2020 għandu jinkludi:

    (a)

    L-għadd ta' kampjuni ta' ċriev mibgħuta għall-ittestjar, skont il-grupp immirat, skont il-kriterji li ġejjin:

    l-identifikatur primarju tal-Unità tal-Kampjunar (PSU),

    l-ispeċi,

    is-sistema ta' ġestjoni: imrobbija, miżmuma fil-magħluq, selvaġġi jew semidomestikati,

    il-grupp immirat,

    is-sess,

    (b)

    Ir-riżultati tat-testijiet rapidi u ta' konferma (l-għadd ta' testijiet pożittivi u negattivi) u, meta jkun applikabbli, investigazzjonijiet ulterjuri ta' karatterizzazzjoni tal-iżolat, it-tessut ikkampjunat u t-test rapidu u t-teknika ta' konferma użata.

    (c)

    Iż-żoni ġeografiċi, inkluż il-pajjiż ta' oriġini, jekk mhux dak tal-Istat Membru li jkun qed jibgħat ir-rapport, tal-każijiet pożittivi tat-TSE.

    (d)

    Il-ġenotip, u l-ispeċi, ta' kull ċerv misjub pożittiv għat-TSE.

    (e)

    Meta jiġi ttestjat, il-ġenotip taċ-ċriev ittestjati u misjuba negattivi għat-TSE.”


    Top