Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1970

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1970 tas-27 ta' Ottubru 2017 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127

    ĠU L 281, 31.10.2017, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/08/2018

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1970/oj

    31.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 281/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2017/1970

    tas-27 ta' Ottubru 2017

    li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jesiġi li jiġu adottati miżuri ta' konservazzjoni filwaqt li jitqiesu l-pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi disponibbli, inkluż, fejn rilevanti, rapporti mfassla mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd u minn korpi konsultattivi oħra, kif ukoll fid-dawl ta' kwalunkwe parir mogħti minn Kunsilli Konsultattivi stabbiliti għaż-żoni ġeografiċi jew oqsma ta' kompetenza rilevanti u rakkomandazzjonijiet konġunti li jsiru mill-Istati Membri.

    (2)

    Il-Kunsill għandu r-responsabbiltà li jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, inkluż ċerti kondizzjonijiet li huma marbutin magħhom b'mod funzjonali, skont il-każ. L-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jiġu allokati lill-Istati Membri b'mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta' kull Stat Membru għal kull stokk ta' ħut jew attività tas-sajd filwaqt li jitqiesu kif xieraq l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jipprevedi li l-għan tal-PKS ikun li tintlaħaq ir-rata ta' sfruttament tar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) sal-2015 sa fejn possibbli u, fuq bażi progressiva u inkrementali sa mhux aktar tard mill-2020 għal kull stokk.

    (4)

    Għalhekk, il-qabdiet totali permissibbli (TACs) jenħtieġ li jiġu stabbiliti, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, abbażi tal-pariri xjentifiċi disponibbli, b'kont meħud tal-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll wara li jiġu kkunsidrati l-opinjonijiet espressi matul il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet (“il-pjan”). Il-pjan għandu l-għan li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar ireġġa' lura u jżomm lill-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet maqbuda f'livelli ogħla minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY. Għal dak il-għan, il-mortalità mis-sajd fil-mira għall-istokkijiet ikkonċernati, espressa f'meded, għandha tintlaħaq kemm jista' jkun malajr u, fuq bażi progressiva u inkrementali, sal-2020. Huwa xieraq li l-limiti ta' qbid applikabbli fl-2018 għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku jiġu stabbiliti bil-ħsieb li jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan.

    (6)

    Skont il-pjan, meta l-parir xjentifiku jindika li l-bijomassa riproduttiva tal-istokk ta' kwalunkwe stokk ikkonċernat tkun taħt il-punti ta' referenza tal-bijomassa riproduttiva tal-istokk stipulati fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2016/1139, kull miżura ta' rimedju xierqa għandha tiġi adottata sabiex jiġi żgurat li l-istokk ikkonċernat jitreġġa' lura malajr għal livelli ogħla minn dak li jista' jipproduċi l-MSY. Il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) indika li l-bijomassa tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent (Gadus morhua) u tal-aringi tal-Baltiku tal-Punent (Clupea harengus) hija anqas mill-punti ta' referenza dwar konservazzjoni stipulati fl-Anness II ta' dak ir-Regolament. Konsegwentement, huwa xieraq li l-opportunitajiet ta' sajd għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent u għall-aringi tal-Baltiku tal-Punent jiġu stabbiliti taħt il-medda tal-mortalità mis-sajd fl-Anness I, kolonna B, tar-Regolament (UE) 2016/1139, f'livell li jqis it-tnaqqis tal-bijomassa. Għal dak l-għan, huwa neċessarju li jitqiesu l-iskeda ta' żmien għall-kisba tal-għanijiet tal-PKS u tal-pjan, partikolarment minħabba l-effett mistenni tal-miżuri ta' rimedju meħuda, filwaqt li fl-istess ħin iżommu mal-għanijiet tal-ksib tal-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ta' impjieg, kif stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    (7)

    Fir-rigward tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent, jenħtieġ li jittieħdu miżuri ta' rimedju ulterjuri. Iż-żamma tal-perijodu ta' għeluq ta' tmien ġimgħat applikabbli bħalissa tkompli tipprovdi protezzjoni għall-aggregazzjonijiet riproduttivi tal-bakkaljaw. Skont il-parir xjentifiku, is-sajd rikreattiv tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Punent jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-mortalità mis-sajd globali ta' dak l-istokk. Filwaqt li jitqies l-istat attwali ta' dak l-istokk, huwa xieraq li jinżammu ċerti miżuri li huma applikabbli bħalissa dwar is-sajd rikreattiv. Jenħtieġ li japplika limitu tal-qabda ta' kuljum għal kull sajjied, u li dak il-limitu jkun aktar restrittiv matul żmien ir-riproduzzjoni tal-ħut. Dak huwa mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-istabbiltà relattiva applikabbli għall-attivitajiet ta' sajd kummerċjali.

    (8)

    Fir-rigward tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant (Gadus morhua), minħabba bidliet fil-bijoloġija tiegħu, l-ICES ma setax jistabbilixxi punti ta' referenza bijoloġiċi. Huwa xieraq, għalhekk, li sabiex jingħata kontribut għall-kisba tal-għanijiet tal-pjan, it-TAC għall-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant jiġi ffissat f'konformità mal-approċċ prekawzjonarju kif stabbilit fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi introdott perijodu ta' għeluq ta' tmien ġimgħat biex tingħata protezzjoni għall-aggregazzjonijiet riproduttivi tal-bakkaljaw tal-Baltiku tal-Lvant fis-sottodiviżjonijiet 25-26.

    (9)

    Barra minn hekk, jekk bastimenti ta' tul totali ta' anqas minn 12-il metru jitħallew jistadu f'żoni fejn il-fond tal-ilma hu anqas minn 20 metru, ikun possibbli li għadd limitat ta' sajjieda jkunu jkomplu l-operazzjonijiet ta' sajd tagħhom u jkollhom fil-mira speċijiet oħrajn għajr il-bakkaljaw. Għaldaqstant huwa proporzjonat li bastimenti ta' tul totali ta' anqas minn 12-il metru jingħataw id-dritt li jistadu f'żoni fejn il-fond tal-ilma hu anqas minn 20 metru.

    (10)

    Fir-rigward tal-aringa tal-Golf tal-Bothnia, l-ICES wettaq valutazzjoni tal-istokk bl-użu tal-iktar data reċenti u l-iktar informazzjoni aġġornata u rreveda l-meded ta' mortalità mis-sajd li jikkorrispondu għall-MSY. Filwaqt li hemm diskrepanza fil-meded ta' mortalità mis-sajd stabbilita fil-parir xjentifiku u fil-pjan, li kienet ibbażata wkoll fuq l-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, il-pjan huwa legalment vinkolanti u fis-seħħ u għalhekk jenħtieġ li jiġi segwit għall-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd għal dak l-istokk. Billi l-bijomassa riproduttiva tal-istokk ta' dak l-istokk hija ogħla mill-punt ta' referenza tal-bijomassa stipulat fil-kolonna A tal-Anness II għar-Regolament (UE) 2016/1139, huwa xieraq li t-TAC tiġi ffissata skont il-meded ta' mortalità mis-sajd stipulati fil-kolonna B tal-Anness I ta' dak ir-Regolament sabiex jiġu limitati l-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd bejn snin konsekuttivi skont il-punt (c) tal-Artikolu 4(4) ta' dak ir-Regolament. Barra minn hekk, TAC għal dak l-istokk issa tkopri s-sottodiviżjonijiet 30 u 31. Peress li l-pjan ma jiddefinixxix medda għas-sottodiviżjoni 31, jiġi applikat l-approċċ tal-MSY fir-rigward ta' dik iż-sottodiviżjoni f'konformità mal-parir xjentifiku.

    (11)

    L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd stipulati f'dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3), u b'mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 tiegħu li jikkonċernaw id-dokumentazzjoni tal-qabdiet u l-isforz tas-sajd, u għat-trażmissjoni tad-data dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd lill-Kummissjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika l-kodiċijiet marbuta mal-ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament li għandhom jintużaw mill-Istati Membri meta jibagħtu d-data lill-Kummissjoni.

    (12)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 (4) introduċa kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TACs inkluż, skont l-Artikoli 3 u 4, dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà għat-TACs prekawzjonarji u analitiċi. Skont l-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament, meta jiġu stabbiliti t-TACs, il-Kunsill irid jiddeċiedi liema huma l-istokkijiet li għalihom ma għandux japplika l-Artikolu 3 jew 4, b'mod partikolari abbażi tal-istatus bijoloġiku tal-istokkijiet. Aktar reċentement, permezz tal-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013iddaħħal il-mekkaniżmu ta' flessibbiltà minn sena għal sena għall-istokkijiet kollha li huma soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art. Għalhekk, sabiex tiġi evitata flessibilità eċċessiva li ddgħajjef il-prinċipju ta' sfruttament razzjonali u responsabbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ħajjin, ixxekkel il-kisba tal-miri tal-PKS u twassal biex tmur għall-agħar il-qagħda bijoloġika tal-istokkijiet, jenħtieġ li l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 japplikaw għat-TACs analitiċi biss meta l-flessibilità minn sena għal sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma tintużax.

    (13)

    Abbażi ta' parir xjentifiku ġdid, jenħtieġ li tiġi stabbilita TAC preliminari għall-merluzz tan-Norveġja fiż-żona 3a tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żona 2a u s-subżona 4 tal-ICES għall-perijodu mill-1 ta' Novembru 2017 sal-31 ta' Ottubru 2018. Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/127 (5) jiġi emendat skont dan.

    (14)

    Sabiex tiġi evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Jannar 2018. Madankollu, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-merluzz tan-Norveġja mill-1 ta' Novembru 2017. Għal raġunijiet ta' urġenza, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut fil-Baħar Baltiku għall-2018.

    Artikolu 2

    Kamp ta' applikazzjoni

    1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li joperaw fil-Baħar Baltiku.

    2.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għas-sajd rikreattiv fejn jiġi msemmi b'mod ċar fid-dispożizzjonijiet rilevanti.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Barra minn dan, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “sottodiviżjoni” tfisser sottodiviżjoni tal-ICES tal-Baħar Baltiku kif iddefinita fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 (6);

    (2)

    “qabda totali permissibbli” (TAC) tfisser il-kwantità ta' kull stokk li tista' tinqabad fuq perijodu ta' sena;

    (3)

    “kwota” tfisser proporzjon mit-TAC allokata lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz;

    (4)

    “sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar għal rikreazzjoni, turiżmu jew sport.

    KAPITOLU II

    OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

    Artikolu 4

    TACs u allokazzjonijiet

    It-TACs, il-kwoti u l-kondizzjonijiet marbutin b'mod funzjonali magħhom, fejn xieraq, huma stipulati fl-Anness.

    Artikolu 5

    Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet tal-opportunitajiet tas-sajd

    L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri, kif stipulata f'dan ir-Regolament, għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:

    (a)

    skambji magħmula skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (b)

    tnaqqis u riallokazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

    (c)

    ħatt l-art addizzjonali permess skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (d)

    kwantitajiet miżmuma skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 jew trasferiti skont l-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

    (e)

    tnaqqis magħmul skont l-Artikoli 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

    Artikolu 6

    Kondizzjonijiet għall-ħatt l-art ta' qabdiet u ta' qabdiet aċċessorji

    1.   Qabdiet ta' speċijiet soġġetti għal limiti fuq il-qbid u li nqabdu f'żoni tas-sajd speċifikati fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 huma soġġetti għall-obbligu ta' ħatt l-art, kif stabbilit f'dak l-Artikolu.

    2.   L-istokkijiet ta' speċijiet mhux fil-mira fil-limiti bijoloġiċi sikuri msemmijin fl-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 huma identifikati fl-Anness għal dan ir-Regolament għall-finijiet tad-deroga mill-obbligu li l-qabdiet jingħaddu skont il-kwoti rilevanti previsti f'dak l-Artikolu.

    Artikolu 7

    Miżuri dwar is-sajd rikreattiv għall-bakkaljaw fis-sottodiviżjonijiet 22-24

    1.   Fis-sajd rikreattiv, mhux aktar minn ħames kampjuni ta' bakkaljaw jistgħu jinżammu għal kull sajjied kuljum fis-sottodiviżjonijiet 22-24.

    2.   B'deroga mill-paragrafu 1, mhux aktar minn tliet kampjuni ta' bakkaljaw jistgħu jinżammu għal kull sajjied kuljum fis-sottodiviżjonijiet 22-24 fil-perijodu mill-1 ta' Frar 2018 sal-31 ta' Marzu 2018.

    3.   Il-paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għal miżuri nazzjonali aktar stretti.

    KAPITOLU III

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 8

    Trażmissjoni tad-data

    Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni d-data li tirrigwarda l-kwantitajiet tal-istokkijiet maqbuda jew li nħattu l-art, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 9

    Flessibbiltà

    1.   Ħlief fejn jkun speċifikat mod ieħor fl-Anness għal dan ir-Regolament, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 għandu japplika għall-istokkijiet soġġetti għal TACs prekawzjonarji u l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament għandhom japplikaw għal stokkijiet soġġetti għal TAC analitika.

    2.   L-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandhomx japplikaw meta Stat Membru juża l-flessibbiltà ta' sena b'sena prevista fl-Artikolu 15(9) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

    Artikolu 10

    Emenda għar-Regolament (UE) 2017/127

    Fl-Anness IA għar-Regolament (UE) 2017/127, it-tabella tal-opportunitajiet tas-sajd għall-merluzz tan-Norveġja u qabdiet aċċessorji assoċjati fi 3a u ilmijiet tal-Unjoni fi 2a u 4 huma sostitwiti b'dan li ġej:

    “Speċijiet:

    Merluzz tan-Norveġja u qabdiet aċċessorji assoċjati

    Trisopterus esmarkii

    Żona:

    3a; Ilmijiet tal-Unjoni ta' 2a u 4

    (NOP/2A3A4.)

    Sena

    2017

    2018

     

     

    Id-Danimarka

    141 819  (7)  (9)

    54 949  (7)  (12)

     

     

    Il-Ġermanja

    27 (7)  (8)  (9)

    11 (7)  (8)  (12)

     

     

    In-Netherlands

    104 (7)  (8)  (9)

    40 (7)  (8)  (12)

     

     

    L-Unjoni

    141 950  (7)  (9)

    55 000  (7)  (12)

     

     

    In-Norveġja

    25 000  (10)

     

     

     

    Il-Gżejjer Faeroe

    9 300  (11)

     

     

     

    TAC

    238 981

    Mhux rilevanti

     

    TAC analitika

    L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika

    Artikolu 11

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 10, li għandu japplika mill-1 ta' Novembru 2017.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Ottubru 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MAASIKAS


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007(ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3).

    (5)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/127 tal-20 ta' Jannar 2017 li jistabbilixxi għall-2017 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni (ĠU L 24, 28.1.2017, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 tal-21 ta' Diċembru 2005 għall-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1434/98 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 88/98 (ĠU L 349, 31.12.2005, p. 1).

    (7)  Sa 5 % tal-kwota tista' tikkonsisti minn qabdiet aċċessorji ta' merluzz tal-linja sewda u merlangu (OT2/*2A3A4). Qabdiet aċċessorji ta' merluzz tal-linja sewda u merlangu magħduda mal-kwota ta' din id-dispożizzjoni u qabdiet aċċessorji ta' speċi magħduda mal-kwota skont l-Artikolu 15(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, flimkien, m'għandhomx jaqbżu 9 % tal-kwota.

    (8)  Il-kwota tista' tiġi mistada biss fl-ilmijiet tal-Unjoni taż-żoni 2a, 3a u 4 tal-ICES.

    (9)  Il-kwota tal-Unjoni tista' tiġi mistada biss mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Ottubru 2017.

    (10)  Għandha tintuża tabella ta' klassifikazzjoni.

    (11)  Għandha tintuża tabella ta' klassifikazzjoni. Tinkludi massimu ta' 15 % ta' qabdiet aċċessorji inevitabbli (NOP/*2A3A4), li jridu jingħaddu ma' din il-kwota.

    (12)  Il-kwota tal-Unjoni tista' tiġi mistada mill-1 ta' Novembru 2017 sal-31 ta' Ottubru 2018.”


    ANNESS

    TACs APPLIKABBLI GĦALL-BASTIMENTI TAS-SAJD TAL-UNJONI F'ŻONI LI GĦALIHOM JEŻISTU TACs SKONT L-ISPEĊI U Ż-ŻONA

    It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f'tunnellati ta' piż ħaj, ħlief fejn ikun speċifikat mod ieħor) skont l-istokk u l-kondizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom.

    Ir-referenzi għaż-żoni tas-sajd huma referenzi għaż-żoni tal-ICES, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    L-istokkijiet tal-ħut huma msemmija skont l-ordni alfabetika tal-ismijiet bil-Latin tal-ispeċi.

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, qiegħda tingħata t-tabella komparattiva li ġejja bl-ismijiet bil-Latin u bl-ismijiet komuni:

    Isem xjentifiku

    Kodiċi Alpha-3

    Isem komuni

    Clupea harengus

    HER

    Aringa

    Gadus morhua

    COD

    Bakkaljaw

    Pleuronectes platessa

    PLE

    Barbun tat-tbajja'

    Salmo salar

    SAL

    Salamun

    Sprattus sprattus

    SPR

    Laċċa Kaħla


    Speċijiet:

    Aringa

    Clupea harengus

    Żona:

    Sottodiviżjonijiet 30-31

    (HER/30/31.)

    Il-Finlandja

    69 359

     

     

    L-Iżvezja

    15 240

     

     

    L-Unjoni

    84 599

     

     

    TAC

    84 599

     

    TAC analitika


    Speċijiet:

    Aringa

    Clupea harengus

    Żona:

    Sottodiviżjonijiet 22-24

    (HER/3BC+24)

    Id-Danimarka

    2 426

     

     

    Il-Ġermanja

    9 551

     

     

    Il-Finlandja

    1

     

     

    Il-Polonja

    2 252

     

     

    L-Iżvezja

    3 079

     

     

    L-Unjoni

    17 309

     

     

    TAC

    17 309

     

    TAC analitika

    L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.


    Speċijiet:

    Aringa

    Clupea harengus

    Żona:

    Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 25-27, 28.2, 29 u 32

    (HER/3D-R30)

    Id-Danimarka

    5 045

     

     

    Il-Ġermanja

    1 338

     

     

    L-Estonja

    25 767

     

     

    Il-Finlandja

    50 297

     

     

    Il-Latvja

    6 359

     

     

    Il-Litwanja

    6 696

     

     

    Il-Polonja

    57 142

     

     

    L-Iżvezja

    76 711

     

     

    L-Unjoni

    229 355

     

     

    TAC

    Mhux rilevanti

     

    TAC analitika

    Għandu japplika l-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.


    Speċijiet:

    Aringa

    Clupea harengus

    Żona:

    Sottodiviżjoni 28.1

    (HER/03D.RG)

    L-Estonja

    13 392

     

     

    Il-Latvja

    15 607

     

     

    L-Unjoni

    28 999

     

     

    TAC

    28 999

     

    TAC analitika

    Għandu japplika l-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.


    Speċi

    Bakkaljaw

    Gadus morhua

    Żona:

    Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 25-32

    (COD/3DX32.)

    Id-Danimarka

    6 521  (1)

     

     

    Il-Ġermanja

    2 594  (1)

     

     

    L-Estonja

    635 (1)

     

     

    Il-Finlandja

    499 (1)

     

     

    Il-Latvja

    2 425  (1)

     

     

    Il-Litwanja

    1 597  (1)

     

     

    Il-Polonja

    7 510  (1)

     

     

    L-Iżvezja

    6 607  (1)

     

     

    L-Unjoni

    28 388  (1)

     

     

    TAC

    Mhux rilevanti

     

    TAC prekawzjonarju

    L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.


    Speċijiet:

    Bakkaljaw

    Gadus morhua

    Żona:

    Sottodiviżjonijiet 22-24

    (COD/3BC+24)

    Id-Danimarka

    2 444  (2)

     

     

    Il-Ġermanja

    1 194  (2)

     

     

    L-Estonja

    54 (2)

     

     

    Il-Finlandja

    48 (2)

     

     

    Il-Latvja

    202 (2)

     

     

    Il-Litwanja

    131 (2)

     

     

    Il-Polonja

    654 (2)

     

     

    L-Iżvezja

    870 (2)

     

     

    L-Unjoni

    5 597  (2)

     

     

    TAC

    5 597  (2)

     

    TAC analitika

    L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.


    Speċijiet:

    Barbun tat-tbajja'

    Pleuronectes platessa

    Żona:

    Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 22-32

    (PLE/3BCD-C)

    Id-Danimarka

    5 070

     

     

    Il-Ġermanja

    563

     

     

    Il-Polonja

    1 061

     

     

    L-Iżvezja

    382

     

     

    L-Unjoni

    7 076

     

     

    TAC

    7 076

     

    TAC analitika


    Speċijiet:

    Salamun

    Salmo salar

    Żona:

    Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 22-31

    (SAL/3BCD-F)

    Id-Danimarka

    18 885  (1)

     

     

    Il-Ġermanja

    2 101  (1)

     

     

    L-Estonja

    1 919  (1)

     

     

    Il-Finlandja

    23 548  (1)

     

     

    Il-Latvja

    12 012  (1)

     

     

    Il-Litwanja

    1 412  (1)

     

     

    Il-Polonja

    5 729  (1)

     

     

    L-Iżvezja

    25 526  (1)

     

     

    L-Unjoni

    91 132  (1)

     

     

    TAC

    Mhux rilevanti

     

    TAC analitika

    L-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.

    L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma għandux japplika.


    Speċijiet:

    Salamun

    Salmo salar

    Żona:

    Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjoni 32

    (SAL/3D32.)

    L-Estonja

    1 026  (2)

     

     

    Il-Finlandja

    8 977  (2)

     

     

    L-Unjoni

    10 003  (2)

     

     

    TAC

    Mhux rilevanti

     

    TAC prekawzjonarju


    Speċijiet:

    Laċċa Kaħla

    Sprattus sprattus

    Żona:

    Ilmijiet tal-Unjoni tas-Sottodiviżjonijiet 22-32

    (SPR/3BCD-C)

    Id-Danimarka

    25 875

     

     

    Il-Ġermanja

    16 393

     

     

    L-Estonja

    30 047

     

     

    Il-Finlandja

    13 545

     

     

    Il-Latvja

    36 289

     

     

    Il-Litwanja

    13 127

     

     

    Il-Polonja

    77 012

     

     

    L-Iżvezja

    50 022

     

     

    L-Unjoni

    262 310

     

     

    TAC

    Mhux rilevanti

     

    TAC analitika

    Għandu japplika l-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.


    (1)  

    (x)

    Fis-sottodiviżjonijiet 25 u 26, il-bastimenti tas-sajd għandhom ikunu projbiti milli jistadu bit-tkarkir, bit-tartaruni Daniżi jew b'irkaptu simili b'daqs ta' malji ekwivalenti jew akbar minn 90 mm, b'għeżul, xbieki tat-tħabbil jew pariti ta' malji ekwivalenti jew akbar minn 90 mm, b'konzijiet tal-qiegħ, konzijiet minbarra konzijiet tal-wiċċ, xlief u rkaptu tat-trejjix biex jaqbdu din il-kwota mill-1 ta' Lulju sal-31 ta' Awwissu.

    B'deroga mill-ewwel paragrafu, dak il-perijodu ta' għeluq ma għandux japplika għal bastimenti tas-sajd ta' tul totali ta' anqas minn 12-il metru li jistadu f'żoni fejn il-fond tal-ilma hu inqas minn 20 metru skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali. Dawk il-bastimenti għandhom jiżguraw li l-attività tas-sajd tagħhom tista' tiġi ssorveljata f'kull ħin. Għal dak il-għan, huma jistgħu pereżempju jkunu mgħammra b'sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti (VMS), jew sistema ekwivalenti ta' monitoraġġ elettroniku ċċertifikata mill-awtorità tal-kontroll, jew ġurnali ta' abbord dwar is-sajd bil-miktub flimkien ma' proċeduri stabbiliti ta' spezzjoni u sorveljanza f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009. L-Istati Membri għandhom jibagħtu d-data dwar il-qabdiet kull ġimgħa lill-Kummissjoni.

    (2)  

    (x)

    Il-bastimenti tas-sajd għandhom ikunu projbiti milli jistadu bit-tkarkir, bit-tartaruni Daniżi jew b'irkaptu simili b'daqs ta' malji ekwivalenti jew akbar minn 90 mm, b'għeżul, xbieki tat-tħabbil jew pariti ta' malji ekwivalenti jew akbar minn 90 mm, b'konzijiet tal-qiegħ, konzijiet minbarra konzijiet tal-wiċċ, xlief u rkaptu tat-trejjix biex jaqbdu din il-kwota mill-1 ta' Frar sal-31 ta' Marzu.

    B'deroga mill-ewwel paragrafu, dak il-perijodu ta' għeluq ma għandux japplika għal bastimenti tas-sajd ta' tul totali ta' anqas minn 12-il metru li jistadu f'żoni fejn il-fond tal-ilma hu inqas minn 20 metru skont il-koordinati fuq il-mappa nawtika uffiċjali. Dawk il-bastimenti għandhom jiżguraw li l-attività tas-sajd tagħhom tista' tiġi ssorveljata f'kull ħin. Għal dak il-għan, huma jistgħu pereżempju jkunu mgħammra b'sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti (VMS), jew sistema ekwivalenti ta' monitoraġġ elettroniku ċċertifikata mill-awtorità tal-kontroll, jew ġurnali ta' abbord dwar is-sajd bil-miktub flimkien ma' proċeduri stabbiliti ta' spezzjoni u sorveljanza f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009. L-Istati Membri għandhom jibagħtu d-data dwar il-qabdiet kull ġimgħa lill-Kummissjoni.

    (1)  Espress fl-għadd ta' ħut individwali.

    (2)  Espress fl-għadd ta' ħut individwali.


    Top