Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1896

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1896 tas-17 ta' Ottubru 2017 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi (KE 3.2.1.6) u l-endo-1,4-beta-ksilanażi (KE 3.2.1.8) prodott mill-Aspergillus niger (NRRL 25541) bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ tal-bajd, għall-ħnieżer tas-simna, għall-ispeċijiet minuri tat-tjur u għall-ispeċijiet minuri tal-porċini tas-simna u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 255/2005 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 668/2003 (id-detentur tal-awtorizzazzjoni Andrés Pintaluba S.A.) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/6893

ĠU L 267, 18.10.2017, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1896/oj

18.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 267/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1896

tas-17 ta' Ottubru 2017

li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-preparat tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi (KE 3.2.1.6) u l-endo-1,4-beta-ksilanażi (KE 3.2.1.8) prodott mill-Aspergillus niger (NRRL 25541) bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna, għat-tiġieġ tal-bajd, għall-ħnieżer tas-simna, għall-ispeċijiet minuri tat-tjur u għall-ispeċijiet minuri tal-porċini tas-simna u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 255/2005 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 668/2003 (id-detentur tal-awtorizzazzjoni Andrés Pintaluba S.A.)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta' dak ir-Regolament jipprevedi l-evalwazzjoni mill-ġdid ta' addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

Il-preparat tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi (KE 3.2.1.6) u l-endo-1,4-beta-ksilanażi (KE 3.2.1.8) prodotta mill-Aspergillus niger (NRRL 25541) kien awtorizzat mingħajr limitu ta' żmien skont id-Direttiva 70/524/KEE bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 668/2003 (3) u bħala addittiv għat-tiġieġ tal-bajd bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 255/2005 (4). Għaldaqstant, dak il-preparat iddaħħal fir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf bħala prodott eżistenti, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 flimkien mal-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament, tressqet applikazzjoni għall-valutazzjoni mill-ġdid tal-preparat tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi (KE 3.2.1.6) u tal-endo-1,4-beta-ksilanażi (KE 3.2.1.8) prodott mill-Aspergillus niger (NRRL 25541) bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna u għat-tiġieġ tal-bajd u, f'konformità mal-Artikolu 7 ta' dak ir-Regolament, għall-awtorizzazzjoni għall-użu għall-ħnieżer tas-simna, għall-ispeċijiet minuri tat-tjur u tal-proċini bit-talba li dak l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi”. L-applikazzjoni kienet akkumpanjata bid-dettalji u bid-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet fl-opinjonijiet tagħha tal-11 ta' Lulju 2013 (5) u tal-25 ta' Jannar 2017 (6) li, skont il-kundizzjonijiet proposti tal-użu, il-preparat tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi (KE 3.2.1.6) u tal-endo-1,4-beta-ksilanażi (KE 3.2.1.8) prodott mill-Aspergillus niger (NRRL 25541) ma għandhux effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-użu ta' dak il-preparat għandu l-potenzjal li jkun effikaċi sabiex itejjeb il-parametri żootekniċi fit-tiġieġ tas-simna, fit-tiġieġ tal-bajd u fil-ħnieżer tas-simna. L-Awtorità qieset ukoll li l-modalità ta' azzjoni tal-enżimi preżenti fl-addittiv tista' titqies li hija simili fl-ispeċijiet kollha tal-ispeċijiet minuri tat-tjur u l-ispeċijiet minuri tal-porċini, u għalhekk, il-konklużjonijiet dwar l-effikaċja fit-tiġieġ tas-simna, fit-tiġieġ tal-bajd u fil-ħnieżer tas-simna jistgħu jiġu estrapolati għall-ispeċijiet minuri tat-tjur u l-ispeċijiet minuri tal-porċini. L-Awtorità tqis li ma hemmx bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għas-sorveljanza ta' wara t-tqegħid fis-suq. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittiv fl-għalf, fl-għalf li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta' Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni tal-preparat tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi (KE 3.2.1.8) u tal-endo-1,4-beta-ksilanażi (KC 3.2.1.6) prodott mill-Aspergillus niger (NRRL 25541) turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, ġew issodisfati. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu ta' dik il-preparat jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(6)

Peress li r-raġunijiet ta' sikurezza ma jirrikjedux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, jixraq li jingħata perjodu tranżitorju sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 255/2005 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. Jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 668/2003 jitħassar.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li jifforma parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “sustanzi li jtejbu d-diġestibbiltà”, huwa awtorizzat bħala addittiv fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 255/2005

Fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 255/2005, titħassar l-entrata E 1601 dwar l-endo-1,3(4)-beta-glukanażi (KR 3.2.1.6) u l-endo-1,4-beta-ksilanażi (KE 3.2.1.8).

Artikolu 3

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 668/2003 tħassar.

Artikolu 4

Miżuri tranżizzjonali

Il-preparat speċifikat fl-Anness, u l-għalf li jkun fih dak il-preparat, li huma prodotti u ttikkettati qabel is-7 ta' Mejju 2018 skont ir-regoli applikabbli qabel is-7 ta' Novembru 2017 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Ottubru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE tat-23 ta' Novembru 1970 li tirrigwarda adittivi f'għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 668/2003 tal-11 ta' April 2003 dwar l-awtorizzazzjoni permanenti ta' addittiv fl-għalf (ĠU L 96, 12.4.2003, p. 14).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 255/2005 tal-15 ta' Frar 2005 dwar l-awtorizzazzjonijiet permanenti ta' ċerti addittivi fl-għalf (ĠU L 45, 16.2.2005, p. 3).

(5)  EFSA Journal 2013; 11(8):3322.

(6)  EFSA Journal 2017; 15(3):4706.


ANNESS

In-numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

L-addittiv

Il-kompożizzjoni, il-formula kimika, id-deskrizzjoni, il-metodu analitiku

L-ispeċi jew il-kategorija ta' annimal

L-età massima

Il-kontenut minimu

Il-kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

L-unitajiet ta' attività/kg ta' għalf sħiħ b'kontenut ta' ndewwa ta' 12 %

Il-kategorija tal-addittivi żootekniċi. Il-grupp funzjonali: sustanzi li jtejbu d-diġestibilità.

4a1601

Andrés Pintaluba S.A.

Endo-1,3(4)-beta-glukanażi KE 3.2.1.6

u endo-1,4-beta-ksilanażi KE 3.2.1.8

Kompożizzjoni tal-addittiv:

Preparat tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi (KE 3.2.1.6) u tal-endo-1,4-beta-ksilanażi (KE 3.2.1.8) prodott mill-Aspergillus niger (NRRL 25541) b'attività minima ta': l-endo-1,3(4)-beta-glukanażi 1 100 U (1)/g u l-endo-1,4-beta-ksilanażi 1 600 U (2)/g.

(forma solida)

Il-karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva:

L-endo-1, 3(4)-beta-glukanażi (KE 3.2.1.6) u l-endo-1, 4-beta-ksilanażi (KE 3.2.1.8) prodotta mill-Aspergillus niger (NRRL 25541).

Metodu analitiku  (3)

Għall-karatterizzazzjoni fl-addittiv tal-għalf u fit-taħlitiet lesti minn qabel:

attività tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi: il-metodu kolorimetriku li jkejjel iz-zokkor riduċenti (ekwivalenti tal-glukożju) rilaxxat mill-azzjoni tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi fuq sottostrat ta' beta-glukan tax-xgħir fil-preżenza tal-aċidu 3,5-dinitrosaliċiliku (DNS);

attività tal-endo-1,4-beta-ksilanażi: il-metodu kolorimetriku li jkejjel iz-zokkor riduċenti (ekwivalenti tal-glukożju) rilaxxat mill-azzjoni tal-endo-1,4-beta-ksilanażi fuq ksilan tal-ħafur sottostrat fil-preżenza tal-aċidu 3,5-dinitrosaliċiliku (DNS).

Għall-karatterizzazzjoni fl-għalf:

attività tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi: il-metodu kolorimetriku li jkejjel il-frammenti solubbli depolimerizzati rilaxxati mill-azzjoni tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi fuq azo-xgħir-glukan;

attività tal-endo-1,4-beta-ksilanażi: il-metodu kolorimetriku li jkejjel il-frammenti solubbli depolimerizzati rilaxxati mill-azzjoni tal-endo-1,3(4)-beta-glukanażi fuq azo-ksilan;

Tiġieġ tas-simna

Tiġieġ tal-bajd

Ħnieżer tas-simna

Speċijiet minuri ta' tjur

Speċijiet minuri ta' porċini tas-simna

Endo-1,3(4)-beta-glucanase 138 U

Endo-1,4-beta-ksilanażi

200 U

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħażna u l-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

2.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tiegħu. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew imnaqqsa għall-minimu bi proċeduri u miżuri ta' dan it-tip, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b'tagħmir ta' protezzjoni personali, inklużi l-protezzjoni tal-ġilda, tal-għajnejn u tan-nifs.

7.11.2027


(1)  1 U (unità) ta' endo-1,3(4)-beta-glukanażi hija l-ammont ta' enżimi li jillibera 1μmole ta' zokkor riduċenti (ekwivalenti tal-glukosju) mill-beta-glukan tal-ħafur kull minuta f'temperatura ta' 30 °C u b'pH ta' 4

(2)  1 U (unità) ta' endo-1,4-beta-ksilanażi huwa l-ammont ta' enżimi li jillibera 1μmole ta' zokkor riduċenti (ekwivalenti ta' ksilożju) minn ksilan tal-ħafur kull minuta b' 30 °C u b'pH ta' 4

(3)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports.


Top