EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0376

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/376 tat-3 ta' Marzu 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/921 fir-rigward tar-riallokazzjoni ta' kwantitajiet mhux użati nnotifikati skont l-Artikolu 2(4) ta' dak ir-Regolament

C/2017/1373

ĠU L 58, 4.3.2017, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/376/oj

4.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 58/8


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/376

tat-3 ta' Marzu 2017

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/921 fir-rigward tar-riallokazzjoni ta' kwantitajiet mhux użati nnotifikati skont l-Artikolu 2(4) ta' dak ir-Regolament

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 219(1) flimkien mal-Artikolu 228 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-7 ta' Awwissu 2014 il-gvern tal-Federazzjoni Russa (ir-“Russja”) introduċa projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu prodotti mill-Unjoni lejn ir-Russja, fosthom il-frott u l-ħaxix. Din il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni ħolqot theddida serja ta' xkiel fis-suq ikkawżat minn tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet minħabba l-fatt li suq importanti tal-esportazzjoni ma baqax disponibbli. Din il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni hija estiża sat-tmiem tal-2017. F'ċirkustanzi bħal dawn, it-theddid ta' xkiel fis-suq tal-Unjoni għadu reali għal ċertu prodotti speċifiċi bħat-tuffieħ u l-lanġas u jenħtieġ li jiġu adottati u implimentati miżuri adegwati sakemm il-projbizzjoni tar-Russja tibqa' fis-seħħ.

(2)

It-theddida ta' xkiel fis-suq hija ta' rilevanza partikolari għas-settur tal-frott u l-ħaxix, fejn kwantitajiet kbar ta' prodotti li jistgħu jitħassru kienu jiġu esportati lejn ir-Russja. Kien diffiċli li l-produzzjoni kollha tintbagħat lejn destinazzjonijiet oħra. Għalhekk, għad hemm sitwazzjoni fejn jidher li l-miżuri normali disponibbli fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw is-sitwazzjoni attwali tas-suq tal-Unjoni.

(3)

Sabiex jiġi evitat xkiel sever u mtawwal fis-suq, ir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) Nru 913/2014 (2), (UE) Nru 932/2014 (3), (UE) Nru 1031/2014 (4), (UE) 2015/1369 (5) u (UE) 2016/921 (6) stipulaw l-ammonti massimi ta' appoġġ għall-operazzjonijiet ta' rtirar mis-suq, ta' nuqqas ta' ħsad u ta' ħsad bikri, ikkalkulati abbażi tal-esportazzjonijiet tradizzjonali lejn ir-Russja.

(4)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/921 irrikonoxxa wkoll li l-prodotti koperti mill-iskema stabbilita b'dak ir-Regolament, li ġew esportati lejn ir-Russja, jistgħu jiġu trasferiti lejn is-swieq ta' Stati Membri oħra. Għalhekk, il-produtturi tal-istess prodotti fl-Istati Membri li tradizzjonalment ma kienux jesportaw il-prodotti tagħhom lejn ir-Russja jistgħu jaffaċċjaw xkiel sinifikanti fis-suq, u b'mod partikolari, tnaqqis fil-prezzijiet. Sabiex is-suq jiġi stabbilizzat, l-assistenza finanzjarja temporanja tal-Unjoni saret disponibbli għal produtturi fl-Istati Membri kollha fir-rigward ta' wieħed jew aktar mill-prodotti koperti b'dak ir-Regolament, iżda l-kwantità tal-prodotti kkonċernati ma kellhiex tkun aktar minn 3 000 tunnellata għal kull Stat Membru.

(5)

L-Istati Membri baqgħu liberi li jiddeċiedu l-ammont ta' kemm jużaw mill-kwantità ta' 3 000 tunnellata. Fil-każijiet fejn huma għażlu li ma jużawx din il-kwantità, dawn kellhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru 2016 dwar il-kwantità mhux użata.

(6)

Sal-31 ta' Ottubru 2016, il-Ġermanja, id-Danimarka, il-Lussemburgu, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Awstrija u r-Renju Unit innotifikaw formalment lill-Kummissjoni li huma ddeċidew li ma jużawx il-kwantità tagħhom jew partijiet minnha.

(7)

Il-kwantitajiet mhux użati għandhom għalhekk jiġu riallokati. Ir-riallokazzjoni għandha tkun abbażi ta' kriterji trasparenti, oġġettivi u ġusti. L-aħjar mod kif dan jista' jiġi żgurat huwa billi r-riallokazzjoni ssir abbażi tas-sehem ta' kull Stat Membru tal-kwantità totali kif attwalment allokata fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/921. Sabiex jiġi żgurat li l-allokazzjoni għal kull Stat Membru tkun mill-inqas 300 tunnellata, l-allokazzjonijiet għal Ċipru, il-Kroazja u l-Portugall għandhom jiżdiedu minn 85 tunnellata għal 300 tunnellata, rispettivament. Din il-miżura hija meħtieġa peress li riallokazzjoni ta' kwantitajiet inqas minn 85 tunnellata toħloq piż amministrattiv żejjed għall-awtoritajiet nazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-verifiki u fl-istess waqt ma jkollhiex effett sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-produtturi u tas-suq.

(8)

Sabiex jiżgura l-impatt immedjat fuq is-suq u sabiex jgħin fl-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet fl-Istati Membri kkonċernati, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu japplika minn dak il-jum sat-30 ta' Ġunju 2017,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/921 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“L-assistenza finanzjarja għall-miżuri ta' appoġġ imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri għall-kwantitajiet ta' prodotti stipulati fl-Annessi I u V.”

(b)

Jiżdied il-paragrafu 5 ġdid:

“5.   Wara n-notifiki msemmija fil-paragrafu 4, il-kwantitajiet mhux użati nnotifikati għandhom jiġu riallokati fost l-Istati Membri kif stipulat fl-Anness V.

Dawn il-kwantitajiet riallokati stipulati fl-Anness V għandhom ikunu addizzjonali għall-kwantitajiet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.”

(2)

Fl-Artikolu 3, l-ewwel paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jallokaw il-kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (5) bejn l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-produtturi li mhumiex membri ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi skont is-sistema li min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel.”

(3)

Ġie miżjud l-Anness V, li t-test tiegħu huwa stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sat-30 ta' Ġunju 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 913/2014 tal-21 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali ta' appoġġ għall-produtturi tal-ħawħ u tan-nuċiprisk (ĠU L 248, 22.8.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 932/2014 tad-29 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali ta' appoġġ għal produtturi ta' ċertu frott u ħaxix u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 913/2014 (ĠU L 259, 30.8.2014, p. 2).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2014 tad-29 ta' Settembru 2014 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali oħra ta' appoġġ għall-produtturi ta' ċertu frott u ħaxix (ĠU L 284, 30.9.2014, p. 22).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1369 tas-7 ta' Awwissu 2015 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2014 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali oħra ta' appoġġ għall-produtturi ta' ċertu frott u ħaxix (ĠU L 211, 8.8.2015, p. 17).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/921 tal-10 ta' Ġunju 2016 li jistabbilixxi miżuri temporanji eċċezzjonali oħra ta' appoġġ għall-produtturi ta' ċertu frott u ħaxix (ĠU L 154, 11.6.2016, p. 3).


ANNESS

“ANNESS V

Kwantitajiet riallokati ta' prodotti allokati għal kull Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 2

Stati Membri

Kwantitajiet riallokati

(tunnellati)

Il-Polonja

7 720

Spanja

3 015

Il-Belġju

2 385

Il-Greċja

1 150

L-Italja

1 080

In-Netherlands

1 065

Franza

365

Ċipru

300

Il-Kroazja

300

Il-Portugall

300”


Top