EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0208

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/208 tal-31 ta' Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal flussi ta' ħruġ ta' likwidità addizzjonali li jikkorrispondu għal ħtiġijiet ta' kollateral li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet derivattivi ta' istituzzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2016/6867

ĠU L 33, 8.2.2017, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/208/oj

8.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/14


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/208

tal-31 ta' Ottubru 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għal flussi ta' ħruġ ta' likwidità addizzjonali li jikkorrispondu għal ħtiġijiet ta' kollateral li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet derivattivi ta' istituzzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari r-raba' sottoparagrafu tal-Artikolu 423(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 423(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom iżidu fluss 'il barra (fluss ta' ħruġ) addizzjonali li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet kollaterali li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet ta' derivati, it-tranżazzjonijiet ta' finanzjament u kuntratti oħra tal-istituzzjoni jekk ikunu materjali. Minħabba kunsiderazzjonijiet ta' materjalità, hemm urġenza li jkun speċifikat fluss ta' ħruġ addizzjonali li jikkorrispondi għall-ħtiġijiet ta' kollateral li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet derivattivi tal-istituzzjoni, filwaqt li l-materjalità tal-ħtiġijiet ta' kollateral li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet ta' finanzjament u kuntratti oħrajn tal-istituzzjoni se jiġu kkunsidrati fi stadju segwenti.

(2)

Ladarba l-Artikolu 423(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jirreferi għall-ħtiġijiet kollaterali, ir-regoli li għandhom jiddaħħlu jenħtieġ li jkunu ristretti għal tranżazzjonijiet derivattivi li huma kollateralizzati, inklużi dawk li jimmaturaw fi żmien 30 jum.

(3)

Sabiex ikunu assigurati kundizzjonijiet ekwi għas-swieq tad-derivattivi u l-istituzzjonijiet, il-kalkolu tal-flussi ta' ħruġ ta' kollateral addizzjonali jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-Approċċ Storiku għall-bidliet fil-valwazzjonijiet tas-suq żviluppat mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (“BCBS”) għall-iddeterminar ta' dawn il-flussi ta' ħruġ ta' kollateral addizzjonali, li għal dik il-fini juża l-akbar fluss ta' ħruġ jew ta' dħul nett kumulattiv aggregat ta' kollateral fit-tmiem il-perjodi kollha ta' 30 jum matul l-24 xahar preċedenti fil-livell tal-portafoll.

(4)

L-Awtorità Bankarja Ewropea (“EBA”) issottomettiet abbozz ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni. Madankollu, f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni infurmat lill-EBA dwar l-intenzjoni tagħha li ma tapprovax dak l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, u spjegat ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' approvazzjoni. L-EBA reġgħet issottomettiet l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji fl-għamla ta' opinjoni formali u aċċettat l-approċċ propost mill-Kummissjoni bbażat strettament fuq l-Approċċ Storiku tal-BCBS.

(5)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji kif sottomessi mill-ġdid mill-EBA lill-Kummissjoni.

(6)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Materjalità tat-tranżazzjonijiet derivattivi ta' istituzzjoni

1.   It-tranżazzjonijiet derivattivi ta' istituzzjoni għandhom jiġu kkunsidrati materjali għall-finijiet tal-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 423(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f'dawk il-każijiet li fihom it-total tal-ammonti nozzjonali ta' tali tranżazzjonijiet ikun qabeż l-10 % tal-flussi ta' ħruġ netti ta' likwidità kif imsemmi fl-Artikolu 412(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f'kull waqt fis-sentejn preċedenti.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-flussi ta' ħruġ netti ta' likwidità għandhom jiġu kkalkulati mingħajr il-fluss ta' ħruġ addizzjonali msemmi fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 423(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 2

Kalkolu ta' fluss ta' ħruġ addizzjonali li jikkorrispondi għal ħtiġijiet ta' kollateral li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet derivattivi ta' istituzzjoni

1.   Il-fluss ta' ħruġ addizzjonali li jikkorrispondi għal ħtiġijiet ta' kollateral li jirriżultaw mill-impatt ta' xenarju negattiv tas-suq fuq it-tranżazzjonijiet derivattivi ta' istituzzjoni kkunsidrati materjali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, għandu jkun l-akbar fluss nett assolut ta' kollateral fuq 30 jum matul l-24 xahar ta' qabel id-data tal-kalkolu tar-rekwiżit tal-kopertura ta' likwidità msemmi fl-Artikolu 412(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   L-istituzzjonijiet jistgħu jittrattaw il-flussi ta' dħul u ta' ħruġ tat-tranżazzjonijiet fuq bażi netta, biss meta dawn ikunu eżegwiti taħt l-istess ftehim prinċipali ta' netting. Il-fluss nett assolut ta' kollateral għandu jkun ibbażat fuq il-fluss kemm ta' ħruġ kif ukoll ta' dħul irrealizzat, u n-netting għandu jiġi kkalkulat fil-livell ta' portafoll tal-istituzzjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


Top