Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017H0809(11)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2017 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja għall-2017 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja għall-2017

    ĠU C 261, 9.8.2017, p. 46–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.8.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 261/46


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tal-11 ta’ Lulju 2017

    dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja għall-2017 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja għall-2017

    (2017/C 261/11)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-16 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fid-9-10 ta’ Marzu 2017. Fis-16 ta’ Novembru 2016, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lill-Italja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fid-9 u l-10 ta’ Marzu 2017. Fil-21 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”) (3).

    (2)

    Bħala Stat Membru li għandu bħala munita l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li l-Italja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro li hija riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) ta’ hawn taħt.

    (3)

    Ir-rapport għal kull pajjiż tal-2017 għall-Italja ġie ppubblikat fit-22 ta’ Frar 2017. Dan ivvaluta l-progress li għamlet l-Italja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-12 ta’ Lulju 2016, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Italja lejn il-miri nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020. Dan inkluda wkoll analiżi fil-fond taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tiegħu ġew ippubblikati wkoll fit-22 ta’ Frar 2017. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Italja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. Il-livell għoli tad-dejn pubbliku u d-dinamiċi tal-produttività dgħajfin fit-tul timplika riskji b’rilevanza transfruntiera, f’kuntest ta’ self improduttiv għoli u qgħad. Il-ħtieġa għal azzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta’ effetti avversi fuq l-ekonomija Taljana hija partikolarment importanti partikolarment meta wieħed iqis id-daqs tagħha u r-rilevanza transfruntiera, fuq l-unjoni ekonomika u monetarja.

    (4)

    Fis-27 ta’ April 2017, l-Italja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2017 kif ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 tagħha. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien. Il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja tal-2017 jinkludi impenji kemm għall-perijodu ta’ żmien qasir kif ukoll dak medju. Fi żmien qasir huma ppjanati l-adozzjoni finali tal-liġijiet pendenti rigward il-kompetizzjoni u r-riforma tal-proċess kriminali u l-istatut ta’ limitazzjonijiet, l-implimentazzjoni tal-liġi kontra l-faqar kif ukoll miżuri relatati ma’ negozjati fil-livell tal-azjendi, ċaqliq fit-taxxa u l-privatizzazzjoni. Fit-terminu medju ta’ żmien, il-miżuri jikkonċernaw il-finanzi pubbliċi, it-tassazzjoni, is-suq tax-xogħol, is-sistema tal-banek u tal-kreditu, il-kompetizzjoni, l-amministrazzjoni pubblika u l-ġustizzja, u l-investiment. Il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 jinkludi wkoll l-isfidi identifikati fir-rapport tal-pajjiż tal-2017 u r-Rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, inkluż il-ħtieġa li tingħata ħajja ġdida lill-investimenti u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Jekk jiġu implimentati b’mod sħiħ fil-perijodi ta’ żmien indikati, dawn il-miżuri jgħinu lill-Italja tindirizza l-iżbilanċ makroekonomiku u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Abbażi tal-valutazzjoni tal-impenji ta’ politika tal-Italja, il-Kummissjoni tikkonferma l-valutazzjoni preċedenti tagħha li, f’dan l-istadju, ma huwa meħtieġ l-ebda pass ieħor fil-qafas tal-proċedura għall-iżbilanċi makroekonomiċi prevista fir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 u r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ riforma tal-politika ser tiġi segwita mill-qrib permezz ta’ monitoraġġ speċifiku.

    (5)

    Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fil-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) li tkopri l-perijodu 2014–2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta’ Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika għaqlija.

    (6)

    L-Italja bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn. Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2017, il-Gvern qed jippjana titjib tad-defiċit nominali minn 2,4 % tal-PDG fl-2016 għal 2,1 % fl-2017, 1,2 % fl-2018, u pożizzjoni ta’ baġit ġeneralment ibbilanċjat sal-2019. L-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, li huwa pożizzjoni baġitarja bilanċjata f’termini strutturali, hu ppjanat li jintlaħaq sal-2019 u jinżamm fl-2020, filwaqt li l-bilanċ strutturali kkalkulat mill-ġdid (6) juri defiċit strutturali żgħir (0,3 % tal-PDG) f’dawk is-sentejn. Wara li kompla jiżdied fl-2016 (sa 132,6 % tal-PDG, minn 132,1 % fl-2015), il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali mal-PDG huwa previst fil-Programm ta’ Stabbiltà għall-2017 li jiġi ġeneralment stabbilizzat fl-2017 u li mbagħad jonqos mill-2018, filwaqt li jilħaq 125,7 % fl-2020. L-inċertezza dwar il-kompożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġija baġitarja fuq medda medja ta’ żmien tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 timplika riskji negattivi kemm għall-previżjonijiet tat-tkabbir kif ukoll għall-kisba tal-miri baġitarji. B’mod partikolari, il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni tistenna kważi l-istess tkabbir tal-PDG reali għall-2018 bħall-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, minkejja li jeżisti żbilanċ ferm ogħla. Il-previżjoni tal-Kummissjoni ma tinkorporax l-effett taż-żieda fil-VAT (0,9 % tal-PDG), li ddaħħlet fil-liġi bħala “klawżola ta’ salvagwardja” biex jinkisbu l-miri baġitarji fl-2018, anki għaliex il-programm ta’ Stabbiltà tal-2017 jikkonferma l-intenzjoni li ma tiġix attivata mingħajr ma jiġu provduti dettalji dwar miżuri kompensatorji alternattivi. Barra minn hekk, il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 jindika l-intenzjoni li jinstab aktar spazju għal tnaqqis tal-piż tat-taxxa.

    (7)

    Il-programm ta’ Stabbiltà tal-2017 jindika li l-impatt baġitarju ġenerali tal-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati kif ukoll tal-miżuri ta’ sigurtà relatati fl-2016 u fl-2017 huwa sinifikanti u jipprovdi evidenza adegwata dwar l-ambitu u n-natura ta’ dawn l-ispejjeż baġitarji addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, l-ispejjeż eliġibbli addizzjonali fl-2016 ammontaw għal 0,06 % tal-PDG għad-dħul ta’ refuġjati eċċezzjonali u għal 0,06 % tal-PDG għal miżuri relatati mas-sigurtà. Għall-2017, in-nefqa eliġibbli relatata mal-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati hija b’mod preliminari stmata għal 0,16 % tal-PDG (7). Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani invokaw il-klawżola ta’ avveniment mhux tas-soltu fl-2017 b’rabta mal-attività sismika eċċezzjonali. Għall-2017, in-nefqa eliġibbli relatata mal-influss eċċezzjonali ta’ attività sismika b’mod preliminari hija stmata għal 0,18 % tal-PDG (8). Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5(1) u 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru din in-nefqa addizzjonali, fis-sens li l-influss tar-refuġjati, is-severità tat-theddida terroristika u l-attività sismika eċċezzjonali huma avvenimenti eċċezzjonali, l-impatt tagħhom fuq il-finanzi pubbliċi tal-Italja huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tiġix kompromessa billi tiġi permessa devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Għalhekk, l-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ żmien għall-2016 tnaqqas b’0,12 % tal-PDG biex jitqiesu l-kostijiet addizzjonali relatati mar-refuġjati u spejjeż tas-sigurtà. Rigward l-2017, valutazzjoni finali, inkluż dwar l-ammonti eliġibbli, ser issir fir-rebbiegħa tal-2018 fuq il-bażi ta’ data osservata kif ipprovduta mill-awtoritajiet Taljani.

    (8)

    Għall-2016, l-Italja ngħatat devjazzjoni temporanja ta’ 0,5 % tal-PDG mill-pjan ta’ aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju ta’ żmien, biex jittieħed kont tar-riformi strutturali maġġuri b’impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi u tnaqqis ieħor ta’ 0,25 % tal-PDG biex jittieħed kont tan-nefqa ta’ investiment nazzjonali fi proġetti kofinanzjati mill-Unjoni. Fir-rigward tal-klawżola dwar l-investiment, wieħed mill-kriterji ta’ eliġibbiltà huwa ż-żieda fl-investiment pubbliku. Id-data tar-riżultati għall-2016 uriet tnaqqis fl-investiment pubbliku fl-2016 meta mqabbel mal-2015 (b’EUR 1,6 biljun). Madankollu, il-Kunsill jirrikonoxxi li hemm fatturi speċifiċi li llimitaw l-investiment pubbliku matul is-sena li għaddiet. Fattur ta’ inċertezza assoċjati mat-transizzjoni għal kodiċi ġdid ta’ akkwist pubbliku u konċessjonijiet, li ġie rivedut skont ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għall-2016. Barra minn hekk, u saħansitra iktar importanti, fl-2016 kien hemm tnaqqis qawwi fl-investiment iffinanzjat permezz tal-fondi tal-Unjoni bħala riżultat tal-bidu tal-perijodu l-ġdid ta’ programmazzjoni, filwaqt li l-investiment iffinanzjat nazzjonalment żdied marġinalment (b’EUR 1,1 biljun). Għalhekk, filwaqt li l-investiment finanzjat nazzjonalment żdied fl-2016 u n-nefqa relatata mal-klawżola dwar l-investiment ma ssostitwixxihx, devjazzjoni temporanja ta’ 0,21 % tal-PDG tista’ tingħata lill-Italja fir-rigward tal-klawżola dwar l-investiment, li tikkorrispondi għal nefqa eliġibbli għal kofinanzjament nazzjonali kif irrappurtat fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017. Ladarba titqies il-flessibbiltà addizzjonali ġenerali ta’ 0,83 % tal-PDG taħt ċirkostanzi mhux normali, ir-riforma strutturali u l-klawżoli dwar l-investiment, it-tbassir tar-rebbiegħa 2017 tal-Kummissjoni jindika xi devjazzjoni mit-triq rakkomandata ta’ aġġustament lejn l-objettiv ta’ terminu medju fl-2016.

    (9)

    Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill irrakkomanda lill-Italja biex tikseb aġġustament fiskali annwali ta’ 0,6 % jew aktar tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2017. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2017 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament rakkomandat għall-objettiv ta’ terminu medju ta’ żmien fl-2017 u għall-2016 u l-2017 meħuda flimkien. Madankollu, dik il-konklużjoni tinbidel għal riskju ta’ xi devjazzjoni jekk il-permess temporanju għal klawżola ta’ avveniment eċċezzjonali relatat mal-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati u l-pjan ta’ investiment preventiv għall-protezzjoni tat-territorju nazzjonali kontra r-riskji sismiċi (b’mod preliminari stmati għal 0,34 % tal-PDG, b’mod ġenerali) jitnaqqas mir-rekwiżit fl-2017.

    (10)

    Fl-2018, fid-dawl tas-sitwazzjoni fiskali tagħha u partikolarment il-livell ta’ dejn, l-Italja hija mistennija li tkompli l-aġġustament lejn l-objettiv baġitarju għal medda medja ta’ żmien ta’ pożizzjoni baġitarja bbilanċjata f’termini strutturali. Skont matriċi ta’ aġġustament maqbul b’mod komuni skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dak l-aġġustament jissarraf f’rekwiżit ta’ aġġustament nominali fir-rata ta’ tnaqqis fin-nefqa primarja netta b’tal-anqas 0,2 % sal-2018. Dan ikun jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ mill-anqas 0,6 % tal-PDG. Jekk ma jinbidlux il-politiki, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mir-rekwiżit fl-2018. L-Italja prima facie mhix imbassra li tkun konformi mar-regola tad-dejn fl-2017 u l-2018. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Italja teħtieġ li tkun lesta biex tieħu aktar miżuri biex tiżgura l-konformità fl-2017 u li ser ikun hemm bżonn ta’ miżuri ulterjuri fl-2018 biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-valutazzjoni tal-pjanijiet baġitarji u l-eżiti tagħhom jinħtieġ li jqisu l-bilanċ baġitarju tal-Istat Membru fid-dawl tal-kundizzjonijiet ċikliċi. Kif imfakkar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Semestru Ewropew tal-2017 li takkumpanja dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, il-valutazzjoni tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tar-riżultati baġitarji tal-2018 ser ikollhom iqisu l-għan li jiksbu pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru attwali, kif ukoll għall-iżgurar tas-sostenibbiltà fil-finanzi pubbliċi tal-Italja. F’dak il-kuntest, il-Kunsill jinnota li l-Kummissjoni biħsiebha twettaq valutazzjoni globali f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1466/97, b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni ċiklika tal-Italja.

    (11)

    Minħabba nuqqas ta’ konformità prima facie tal-Italja mar-regola tad-dejn fl-2015, fit-22 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE, li kkonkluda li “Sakemm miżuri strutturali addizzjonali, li jammontaw mill-inqas għal 0,2 % tal-PDG, li l-Gvern impenja ruħu li jadotta l-iktar tard f’April 2017 huma kredibbilment adottati sa dak iż-żmien sabiex jitnaqqas id-distakk wiesa’ ta’ konformità mal-parti preventiva fl-2017 (u għalhekk fl-2016), din l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-dejn kif iddefinit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/97 jinħtieġ li jiġi kkunsidrati bħala li attwalment ma ġewx rispettati. Madankollu, deċiżjoni dwar jekk tinfetaħx Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv tittieħed biss fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2017, billi jitqiesu d-data tar-riżultati għall-2016 u l-implimentazzjoni tal-impenji fiskali li għamlu l-awtoritajiet Taljani fi Frar 2017.” F’April 2017, il-Gvern adotta l-miżuri ta’ konsolidazzjoni addizzjonali mitluba. Għalhekk, ebda passi oħra ma huma meqjusa meħtieġa għall-konformità mal-kriterju tad-dejn fl-2015 f’dan l-istadju. Il-Kummissjoni ser tivvaluta mil-ġdid il-konformità tal-Italja mal-kriterju tad-dejn fil-ħarifa tal-2017, abbażi tad-data notifikata għall-2016 u t-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2017, li għandu jinkorpora informazzjoni ġdida dwar l-implimentazzjoni baġitarja fl-2017 u l-pjanijiet baġitarji attwali għall-2018.

    (12)

    Il-proporzjon ta’ dejn pubbliku għoli tal-Italja għandu jistabbilizza ruħu, iżda mhux jonqos, minħabba d-deterjorament tal-bilanċ primarju strutturali u l-kundizzjonijiet makroekonomiċi attwali. B’aktar minn 130 % tal-PDG, dan jimplika li hemm riżorsi sinifikanti allokati biex ikopru l-ispejjeż tas-servizz tad-dejn, għad-detriment ta’ oqsma li jżidu t-tkabbir inkluż l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-infrastruttura.

    (13)

    Is-sistema fiskali tal-Italja mhijiex ta’ appoġġ t-tkabbir ekonomiku u l-effiċjenza minħabba diversi raġunijiet. Minkejja tnaqqis modest reċenti, il-piż tat-taxxa fuq il-fatturi tal-produzzjoni jibqa’ fost l-ogħla fl-Unjoni. Hemm lok li jiċċaqlaq aktar lejn taxxi li huma ta’ inqas ħsara għat-tkabbir, b’mod newtrali għall-baġit. L-ewwel taxxa fuq il-proprjetà residenzjali ġiet revokata fl-2015, li kien pass lura fil-proċess tal-kisba ta’ struttura fiskali aktar effiċjenti. Minkejja leġislazzjoni nazzjonali li timponiha fuq bażi annwali, ir-reviżjoni li ilha mistennija fuq in-nefqa tat-taxxa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ġiet posposta għal darb’oħra. Riforma tal-valuri katastali skaduti f’konformità mal-valuri tas-suq attwali, għadha pendenti. Nuqqas ta’ konformità mat-taxxa u kodiċi fiskali kumpless iżidu l-piż fuq l-azjendi u l-familji li jikkonformaw. Miżuri reċenti, jiġifieri obbligu ta’ fatturazzjoni elettronika u “pagament maqsum” għal xiri minn korpi governattivi, huma pass fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, il-fatturazzjoni elettronika għadha mhix obbligatorja għal transazzjonijiet fis-settur privat u l-limiti fuq l-użu ta’ flus kontanti reċentement ġie mgħolli, b’tali mod li l-użu tal-pagamenti elettroniċi għadu sew taħt il-medja tal-Unjoni, bi ħsara għall-konformità mat-taxxa.

    (14)

    Fir-rigward tal-proċess baġitarju, riforma komprensiva għaddiet fl-2016. Il-Kummissjoni ser tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tar-riforma, li tagħmel ir-rieżami tal-infiq parti iktar integrali tal-proċess tal-baġit.

    (15)

    Il-kundizzjonijiet-qafas tal-Italja, l-amministrazzjoni pubblika u l-ambjent kummerċjali għadhom affettwati minn għadd ta’ ineffiċjenzi strutturali. Dawn l-ineffiċjenzi jkomplu jżommu lura l-implimentazzjoni ta’ riformi, jiskoraġġixxu l-investiment, joħolqu inċertezza u jiftħu opportunitajiet għal rendiment parassitiku. Ir-riformi tas-sistema ġudizzjarja ċivili adottati matul dawn l-aħħar snin biex tiżdied l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, biex tittejjeb il-ġestjoni tal-kawżi u tiżgura d-dixxiplina proċedurali, qegħdin juru riżultati bil-mod. It-tul ta’ proċeduri ta’ qorti ċivili tibqa’ sfida ewlenija. Għalkemm qed jonqos kemxejn fil-qrati inferjuri, kemm iż-żmien għat-tlestija u l-akkumulazzjoni għal kawżi ċivili u kummerċjali għadhom fost l-ogħla fl-Unjoni fl-istanzi kollha. Riforma pendenti tal-proċeduri ċivili tipprovdi għal restrinġiment ulterjuri tal-kriterji ta’ ammissibbiltà għal appelli, proċeduri ċivili ssimplifikati fl-istanzi kollha u disinċentivi kontra litigazzjoni abbużiva.

    (16)

    Bosta indikaturi jikkonfermaw li l-korruzzjoni għadha problema ewlenija fl-Italja, minkejja r-riformi adottati sa issa. Ir-riforma li ilha dovuta fl-istatut ta’ limitazzjonijiet biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ilha pendenti mill-2014. Fil-forma attwali tagħha, l-istatut tal-limitazzjonijiet iwassal għal proporzjon għoli ta’ każijiet li qed jiġu preskritti wara kundanna fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, l-awtorità nazzjonali kontra l-korruzzjoni għandu riżorsi finanzjarji u umani limitati biex teżerċita s-setgħat tagħha u, min-naħa l-oħra, il-qafas għadu frammentat.

    (17)

    Liġi komprensiva abilitanti tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika ġiet adottata fl-2015. Din għandha l-potenzjal li ttejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika. Madankollu, wara d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ Novembru 2016 li ddikjarat li l-proċedura segwita għall-adozzjoni ta’ xi digrieti leġislattivi mhix kostituzzjonali, l-implimentazzjoni ta’ partijiet ewlenin tar-riforma għadhom pendenti. B’mod partikolari, id-deċiżjoni tikkonċerna tliet oqsma ewlenin ta’ riforma: is-servizzi pubbliċi lokali, l-impjieg pubbliku, u intrapriżi li huma proprjetà pubblika. L-inizjattivi leġislattivi ġodda humiex meħtieġa biex issir riforma tas-servizzi pubbliċi lokali u tal-impjieg fis-settur pubbliku fil-livell maniġerjali, minħabba li d-data ta’ skadenza skadiet f’Novembru 2016. Fir-rigward tal-intrapriżi li huma proprjetà pubblika, id-digriet adottat qabel is-sentenza jeħtieġ li jiġi emendat. Ir-riforma għandha l-għan li tnaqqas in-numru tal-intrapriżi pubbliċi, itejjeb l-effiċjenza tagħhom, u tiżgura li dawn joperaw skont l-istess regoli li japplikaw għall-entitajiet privati. L-implimentazzjoni tal-privatizzazzjonijiet ippjanati ser jikkontribwixxu wkoll għar-razzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi pubbliċi.

    (18)

    Kundizzjonijiet qafas mhux favorevoli għall-kompetizzjoni għadhom jeżistu. B’mod partikolari, il-liġi ta’ kompetizzjoni annwali tal-2015 għadha ma ġietx adottata. L-ostakli sinifikanti għall-kompetizzjoni għadhom jippersistu f’ċerti setturi, bħal pereżempju professjonijiet regolati, konċessjonijiet, akkwist pubbliku u s-sistema ta’ awtorizzazzjonijiet kif ukoll servizzi pubbliċi lokali, inkluż it-trasport. B’mod partikolari, il-progress fit-trawwim tal-funzjonament tas-suq tat-trasport pubbliku effiċjenti, trasparenti u kompetittiv, b’mod partikolari għall-ferroviji taħt konċessjonijiet tal-gvern, għadu limitat ħafna. Skont indikatur ġdid żviluppat mill-Kummissjoni, il-livell ta’ restrizzjoni huwa ogħla fl-Italja milli fil-medja tal-Unjoni għall-maġġoranza tal-professjonijiet analizzati. Bħala parti minn pakkett ta’ miżuri biex jiġu indirizzati l-ostakli fis-swieq tas-servizzi, f’Jannar 2017, gwida speċifika skont il-professjoni biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni ġiet ippreżentata f’Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta’ riformi għar-regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali.

    (19)

    L-istokk kbir tas-settur bankarju ta’ self inadempjenti għadu ta’ xkiel għall-profitti tal-banek u l-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw il-kapital internament. Dan huwa ta’ piż fuq fil-provvista tal-kreditu, b’mod partikolari għal kumpaniji żgħar. L-inizjattivi ta’ politika li ttieħdu sa issa għadhom ma rriżultawx fi tnaqqis sinifikanti ta’ self improduttiv. Il-gwida superviżorja dwar il-ġestjoni ta’ self improduttiv fil-livell nazzjonali għadha mhix żviluppata biżżejjed u l-banek ta’ daqs medju u żgħar għadhom aktar vulnerabbli minn istituzzjonijiet ta’ kreditu kbar. Għalhekk, il-Kummissjoni ser tissorvelja l-implimentazzjoni tar-riforma fil-governanza korporattiva tal-akbar banek popolari u banek mutwi żgħar, li huwa l-mezz għall-konsolidazzjoni tas-sistema bankarja. Reċentement ittieħdu xi miżuri ta’ riforma, iżda l-qafas tal-infurzar tal-kollateral u tal-fallimenti għadu mhux biżżejjed jappoġġa biżżejjed ir-ristrutturar u s-self mhux produttiv, speċjalment f’dak li jirrigwarda impriżi żgħar u mikrointrapriżi. Abbozz ta’ liġi abilitanti għar-riforma u s-simplifikazzjoni tal-għodod tal-insolvenza u l-infurzar, li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Parlament, jista’ jgħin biex jingħelbu l-ineffiċjenzi u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ suq sekondarju għal dejn moruż fl-Italja.

    (20)

    Minkejja titjib gradwali fis-suq tax-xogħol, appoġġat minn riformi, il-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ għadhom għoljin (6,7 % u 38 % rispettivament fl-2016) u aktar minn 1,2 miljun żagħżugħ u żagħżugħa jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ. Filwaqt li l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (9) għamlet progress kbir, għad fadal xi sfidi biex jiġi żgurat approċċ aktar effettiv u implimentazzjoni fuq skala sħiħa. Il-perċentwal ta’ benefiċjarji tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ li għadhom f’impjieg, edukazzjoni, apprendistat jew traineeship sitt xhur wara l-ħruġ hija ogħla mill-medja tal-Unjoni. Madankollu, is-sensibilizzazzjoni tal-popolazzjoni fil-mira għadha baxxa u d-differenzi reġjonali fir-riżultati miksuba għadhom sinifikanti. Ir-riforma ta’ politiki tas-suq tax-xogħol attivi, inklużi s-sistema ta’ governanza tagħha, għadha fi stadju bikri u s-servizzi tal-impjiegi għadhom dgħajfa, b’disparitajiet reġjonali mifruxa. It-tagħlim tal-adulti mhux żviluppat biżżejjed, li jista’ jkollu piż fuq l-eżiti tas-suq tax-xogħol ta’ persuni b’livell baxx ta’ ħiliet.

    (21)

    Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-potenzjali tal-forza tax-xogħol tagħhom għadu fil-biċċa l-kbira mhux użat biżżejjed. Ir-rata ta’ impjieg tan-nisa hija waħda mill-aktar baxxi fl-Unjoni. Xi karatteristiċi tas-sistema tal-benefiċċji fiskali jkomplu jiskoraġġixxu t-tieni sors ta’ dħul milli jipparteċipa fil-forza tax-xogħol filwaqt li l-aċċess għas-servizzi tal-kura affordabbli (għal tfal u anzjani) għadhom limitati, b’disparitajiet reġjonali mifruxa. Il-liv tal-paternità huwa fost l-aktar baxx fl-Unjoni.

    (22)

    In-negozjar fit-tieni livell għadu mhux użat b’mod wiesa’. Dan ixekkel l-effiċjenza tal-allokazzjoni tar-riżorsi u r-rispons tal-pagi għall-kundizzjonijiet ekonomiċi lokali. Dan huwa wkoll dovut għar-regoli u l-prattiki tal-qafas eżistenti għan-negozjar kollettiv, li jħallu ambitu limitat għal negozjar fil-livell lokali. Il-ftehimiet iffirmati mis-sħab soċjali minn Jannar 2014 li jistabbilixxu l-proċeduri u l-kriterji għall-kejl tar-rappreżentattività tat-trade unions, li jnaqqsu l-inċertezza fir-relazzjonijiet industrijali, għadhom ma ġewx implimentati. Ir-rifużjonijiet tat-taxxa fuq żidiet fil-pagi relatati mal-produttività ma kinux effettivi biex l-użu ta’ negozjar tat-tieni livell jiġi estiż b’mod sinifikanti.

    (23)

    Ir-rata ta’ nies fir-riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali huwa ferm ogħla mill-medja fl-Unjoni, speċjalment għal tfal u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Hemm ukoll differenzi reġjonali kbar. Sar xi progress fir-rigward tal-istrateġija nazzjonali għall-ġlieda kontra l-faqar. L-Iskema ta’ Dħul ta’ Inklużjoni adottata reċentement hija pass pożittiv lejn l-istabbiliment ta’ skema komprensiva unika kontra l-faqar. L-effiċjenza tagħha ser tiddependi fuq l-implimentazzjoni xierqa tagħha bil-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi adegwati (inkluż permezz ta’ diversi allokazzjonijiet soċjali), li tkun immirata kif xieraq permezz ta’ eżami tal-mezzi u allokazzjoni bi prijorità lil familji bi tfal u proċeduri effettivi fil-post, kemm fl-għoti ta’ appoġġ għad-dħul kif ukoll fl-għoti ta’ servizzi integrati sew. F’dan l-istadju, mhuwiex ċar jekk ir-riżorsi finanzjarji humiex ser ikunu biżżejjed biex tiġi indirizzata l-isfida tal-faqar fl-Italja. Il-provvediment ta’ riżorsi addizzjonali filwaqt li jiġu rrispettati l-miri baġitarji, titnaqqas il-frammentazzjoni tas-sistema tal-assistenza soċjali, jiġi razzjonalizzat l-infiq soċjali, u biex jiġi indirizzat il-preġudizzju attwali lejn il-pensjonijiet, għadhom sfidi ewlenin.

    (24)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2017, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Italja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2017. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2017 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Italja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Italja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

    (25)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 u l-opinjoni tiegħu (10) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

    (26)

    Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2017 u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (4) hawn taħt,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja tieħu azzjoni fl-2017 u l-2018 biex:

    1.

    Fl-2018 tagħmel sforz fiskali sostanzjali f’konformità mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jissaħħaħ l-irkupru li għaddej bħalissa u li tiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Italja. Tiżgura l-implimentazzjoni f’waqtha tal-programm ta’ privatizzazzjoni u tuża l-qligħ mhux mistenni sabiex taċċellera t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali għall-PDG. Tispostja l-piż tat-taxxa minn fuq il-fatturi tal-produzzjoni lejn taxxi li huma inqas detrimentali għat-tkabbir b’mod li ma jkollux effetti baġitarji billi tieħu azzjoni deċiżiva biex tnaqqas in-numru u l-iskop ta’ nefqiet tat-taxxa, ir-riforma tas-sistema katastali mhux aġġornata u li terġa’ tiġi introdotta l-ewwel taxxa tar-residenza għal unitajiet domestiċi bi dħul għoli. Twessa’ l-użu obbligatorju ta’ fatturar elettroniku u ħlasijiet elettroniċi.

    2.

    Tnaqqas it-tul tal-proċess tal-ġustizzja ċivili permezz ta’ ġestjoni effettiva tal-każijiet u regoli li jiżguraw dixxiplina proċedurali. Isir progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari billi tirrevedi l-istatut tal-limitazzjonijiet. Tlesti r-riformi tal-impjieg pubbliku u tittejjeb l-effiċjenza tal-impriżi pubbliċi. Tadotta malajr u timplimenta l-liġi pendenti dwar il-kompetizzjoni u tindirizza r-restrizzjonijiet li fadal għall-kompetizzjoni.

    3.

    Tħaffef it-tnaqqis ta’ stokk ta’ self improduttiv u żżid l-inċentivi għal tindif tal-karti tal-bilanċ u r-ristrutturar, b’mod partikolari fis-settur ta’ banek taħt superviżjoni nazzjonali. Tadotta riforma komprensiva tal-qafas regolatorju għal insolvenza u infurzar tal-kollateral.

    4.

    Bl-involviment tas-sħab soċjali, issaħħaħ il-qafas ta’ negozjar kollettiv ta’ ftehimiet kollettivi li jippermettu li jitqiesu aħjar il-kundizzjonijiet lokali. Tiżgura politiki effettivi attivi tas-suq tax-xogħol. Tiffaċilita t-teħid ta’ xogħol għat-tieni sors ta’ dħul. Tirrazzjonalizza n-nefqa soċjali u ttejjeb il-kompożizzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. TÕNISTE


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  ĠU C 92, 24.3.2017, p. 1.

    (4)  Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8).

    (5)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (6)  Il-bilanċ nett aġġustat ċiklikament ta’ miżuri ta’ darba u temporanji, rikalkulati mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija maqbula b’mod komuni.

    (7)  Dan l-ammont huwa bbażat fuq l-ispiża baġitarja globali ta’ 0,25 % tal-PDG stmata fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2017 li għalihom devjazzjoni temporanja ta’ 0,03 % tal-PDG u ta’ 0,06 % diġà ngħatat fl-2015 u fl-2016, rispettivament, hija mnaqqsa. Fl-opinjoni tagħha dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju tal-2017 għall-Italja, il-Kummissjoni ħabbret li hija ser tkun lesta li tikkunsidra konċessjoni addizzjonali minħabba l-influss persistenti eċċezzjonali ta’ refuġjati fl-Italja anki fid-dawl tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2016 li rrikonoxxa “l-kontribut sinifikanti, anki ta’ natura finanzjarja, magħmul minn Stati Membri l-aktar esposti f’dawn l-aħħar snin”.

    (8)  Fl-opinjoni tagħha dwar l-Abbozz ta’ Pjan Baġitarju għall-2017 għall-Italja, il-Kummissjoni qieset li l-infiq allokat għall-ġestjoni tal-emerġenzi u l-pjan ta’ investiment preventiv għall-protezzjoni tat-territorju nazzjonali kontra r-riskji sismiċi jistgħu jiġu kkunsidrati ta’ natura integrata. Għas-snin ta’ wara ser ikunu biss bidliet inkrimentali pożittivi fir-riżorsi allokati għal dan l-iskop li jkunu kkunsidrati bħala eliġibbli għal aktar devjazzjonijiet temporanji possibbli.

    (9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1).

    (10)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top