Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2104

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2104 tas-6 ta' Novembru 2017 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta' Ħidma dwar Standards ta' Kwalità Agrikoli tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE-WP.7) fir-rigward ta' proposti dwar standards ta' kwalità għal frott u ħaxix

    ĠU L 303, 18.11.2017, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/2104/oj

    18.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 303/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2104

    tas-6 ta' Novembru 2017

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta' Ħidma dwar Standards ta' Kwalità Agrikoli tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE-WP.7) fir-rigward ta' proposti dwar standards ta' kwalità għal frott u ħaxix

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Grupp ta' Ħidma dwar Standards ta' Kwalità Agrikoli tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE-WP.7) jeżamina u jadotta proposti li jistabbilixxu standards ġodda ta' kwalità tal-UNECE għal frott u ħaxix jew li jemendaw l-istandards eżistenti. Dawk il-proposti jitħejjew mis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-UNECE. L-UNECE-WP.7 jadotta l-proposti b'konsensus tal-membri parteċipanti.

    (2)

    L-istandards ta' kwalità tal-UNECE għal frott u ħaxix jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali ta' tali standards u jistabbilixxu qafas li jiżgura li jkun hemm kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ tal-frott u tal-ħaxix.

    (3)

    L-Unjoni tipparteċipa bħala osservatur fil-UNECE-WP.7 u fis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni. L-Istati Membri huma membri tal-UNECE u jipparteċipaw fil-UNECE-WP.7 u fis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni. Għalhekk l-Istati Membri huma intitolati li jieħdu sehem f'deċiżjonijiet li jadottaw standards ta' kwalità tal-UNECE-WP.7 għal-frott u ħaxix.

    (4)

    Skont l-Artikoli 75(1) u 76(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), il-prodotti tas-settur tal-frott u tal-ħaxix li huma maħsuba biex jinbiegħu friski lill-konsumaturi jistgħu jiġu kkummerċjalizzati biss jekk ikunu konformi mal-istandards applikabbli tal-kummerċjalizzazzjoni, jekk ikunu tajbin, ġusti u ta' kwalità għall-kummerċjalizzazzjoni, u jekk ikun indikat il-pajjiż tal-oriġini.

    (5)

    Skont l-Artikolu 75(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi standards tal-kummerċjalizzazzjoni fis-settur tal-frott u tal-ħaxix permezz ta' att delegat. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 (2) jistipula standards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni għal ċerti prodotti tal-frott u tal-ħaxix. Dawk l-istandards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni huma bbażati fuq l-istandards tal-kwalità tal-UNECE għal dawk il-prodotti.

    (6)

    Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, il-frott u l-ħaxix li mhumiex koperti bi standard speċifiku tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom ikunu konformi mal-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni li huwa stabbilit fil-Parti A tal-Anness I ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni. Il-prodotti li jkunu konformi ma' kwalunkwe standard applikabbli ta' kummerċjalizzazzjoni adottat mill-UNECE jitqiesu bħala konformi ma' dak l-istandard ġenerali tal-kummerċjalizzazzjoni.

    (7)

    Peress li l-istandards ta' kwalità tal-UNECE għal frott u ħaxix jaffettwaw id-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fil-UNECE-WP.7 fir-rigward ta' dawk l-istandards ta' kwalità.

    (8)

    Il-proposti għal standards ta' kwalità li jitħejjew mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Frott u tal-Ħaxix u mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Prodotti Mnixxfin u Mqaddin jiġu diskussi b'mod estensiv fost esperti xjentifiċi u tekniċi tas-settur tal-frott u tal-ħaxix. Għalhekk, jenħtieġ li dawk il-proposti jiġu appoġġati f'isem l-Unjoni mill-Istati Membri, dment li jkunu fl-interess tal-Unjoni u ma jmorrux kontra d-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (9)

    Fid-dawl tan-natura li hija dejjem tevolvi u teknika tal-istandards ta' kwalità għal frott u ħaxix frisk u tal-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis dawk l-iżviluppi ġodda kif ukoll kwalunkwe tħassib ieħor tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri konformi mal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera qalb l-istituzzjonijiet tal-Unjoni mnaqqax fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għal oħra.

    (10)

    Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa waqt id-diskussjonijiet u fil-laqgħa tal-UNECE-WP.7, jenħtieġ li l-Istati Membri, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, ikunu awtorizzati li jaċċettaw li jsiru bidliet fil-proposti dwar standards ta' kwalità għal frott u ħaxix, dment li tali bidliet ma jbiddlux is-sustanza ta' dawk il-proposti.

    (11)

    Jenħtieġ li l-pożizzjoni stabbilita f'din id-Deċiżjoni tiġi rieżaminata, l-aktar tard għal-laqgħa annwali tal-UNECE-WP.7 fl-2020.

    (12)

    Peress li l-Unjoni għandha biss l-istatus ta' osservatur fil-UNECE-WP.7 u fis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni, huwa f'idejn l-Istati Membri li jieħdu sehem fil-UNECE-WP.7 li jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni, filwaqt li jaġixxu flimkien fl-interess tal-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat annwali tal-UNECE-WP.7, meta dan tal-aħħar jintalab jistabbilixxi standards ta' kwalità ġodda tal-UNECE għal frott u ħaxix jew jemenda standards eżistenti ta' kwalità tal-UNECE għal frott u ħaxix, tinsab fl-Anness I.

    Artikolu 2

    L-ispeċifikazzjoni minn sena għal oħra tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat annwali tal-UNECE-WP.7 għandha tiġi stabbilita f'konformità mal-Anness II.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni u l-Annessi tagħha għandhom jiġu vvalutati u, fejn adatt, rieżaminati mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard għal-laqgħa annwali tal-UNECE-WP.7 fl-2020.

    Artikolu 4

    Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li jieħdu sehem fil-UNECE-WP.7, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    L-Istati Membri li jipparteċipaw fil-UNECE-WP.7, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni u f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jistgħu jaqblu li jsiru bidliet żgħar fil-proposti dwar standards ta' kwalità għal frott u ħaxix fil-UNECE-WP.7 li ma jbiddlux is-sustanza ta' dawk il-proposti.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. TAMM


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat, (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).


    ANNESS I

    IL-POŻIZZJONI TAL-UNJONI FIL-LAQGĦAT ANNWALI TAL-UNECE-WP.7

    L-Istati Membri li jipparteċipaw fil-UNECE-WP.7, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, għandhom japprovaw il-proposti li jkunu tħejjew mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Frott u tal-Ħaxix Frisk u mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Prodotti Mnixxfin u Mqaddin biex jiġu stabbiliti standards ta' kwalità ġodda tal-UNECE għal frott u ħaxix jew biex jiġu emendati l-istandards eżistenti ta' kwalità tal-UNECE għal frott u ħaxix dment li:

    (a)

    l-istandards il-ġodda ta' kwalità għal frott u ħaxix jew l-emendi fl-istandards eżistenti tal-kwalità għall-frott u għall-ħaxix ikunu fl-interess tal-Unjoni u jaqdu l-objettivi li trid tilħaq l-Unjoni fil-qafas tal-politika agrikola tagħha; u

    (b)

    l-istandards il-ġodda ta' kwalità għall-frott u għall-ħaxix jew l-emendi fl-istandards eżistenti ta' kwalità għal frott u ħaxix ma jmorrux kontra d-dritt tal-Unjoni u, b'mod partikolari, ma jmorrux kontra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li tadatta r-regoli tal-Unjoni b'att delegat, b'mod partikolari fir-rigward tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għal frott u ħaxix, imsemmija fl-Artikolu 75 ta' dak ir-Regolament.


    ANNESS II

    L-ISPEĊIFIKAZZJONI MINN SENA GĦAL OĦRA TAL-POŻIZZJONI TAL-UNJONI LI GĦANDHA TITTIEĦED FIL-LAQGĦAT ANNWALI TAL-UNECE-WP.7

    1.

    Qabel kull laqgħa annwali tal-UNECE-WP.7, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu dokument preparatorju bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni. Dak id-dokument għandu jintbagħat fi żmien suffiċjentement qabel il-laqgħa tal-UNECE-WP.7 li jkun jirrigwarda.

    2.

    Meta tħejji d-dokument bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Anness, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-istandards ta' kwalità proposti jikkonformawx mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, inkluż jekk iqajmux xi tħassib partikolari għall-Unjoni.

    3.

    Fejn, konsegwentement għall-valutazzjoni mill-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 2, id-diskussjonijiet fil-Kunsill jew fil-korpi preparatorji tiegħu jikkonkludu li proposta tas-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Frott u tal-Ħaxix Frisk jew tas-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Prodotti Mnixxfin u Mqaddin toħloq tħassib partikolari għall-Unjoni li ma jkunx ġie diskuss f'waħda mis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni, l-Istati Membri li jieħdu sehem fil-UNECE-WP.7, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, għandhom jitolbu li d-deċiżjoni dwar dik il-proposta tiġi posposta sa meta dak it-tħassib ikun ġie diskuss kif dovut fis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni.

    4.

    Fejn proposta mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Frott u tal-Ħaxix Frisk jew mis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Prodotti Mnixxfin u Mqaddin x'aktarx li tkun ser tiġi affettwata minn xi informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tkun feġġet wara d-diskussjoni fil-Kunsill jew fil-korpi preparatorji tiegħu iżda qabel jew waqt il-laqgħa tal-UNECE-WP.7, l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-UNECE-WP.7, filwaqt li jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, għandhom jitolbu li d-deċiżjoni dwar dik il-proposta fil-UNECE-WP.7 tiġi posposta sa meta dik il-proposta tkun ġiet diskussa fis-Sezzjonijiet Speċjalizzati dwar l-Istandardizzazzjoni abbażi ta' dik l-informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida.

    5.

    Jekk għadd ta' Stati Membri ekwivalenti għal minoranza li timblokka stabbilita taħt it-tieni paragrafu tal-punt (a) tal-Artikolu 238(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jopponu proposta għal standard ġdid ta' kwalità tal-UNECE għal frott u ħaxix jew jopponu emenda għall-istandards eżistenti ta' kwalità tal-UNECE għal frott u ħaxix, l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-UNECE-WP.7 għandhom jitolbu li d-deċiżjoni dwar dak l-istandard propost tiġi posposta u li d-diskussjonijiet ikomplu fis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Frott u tal-Ħaxix Frisk jew fis-Sezzjoni Speċjalizzata dwar l-Istandardizzazzjoni tal-Prodotti Mnixxfin u Mqaddin jew fi grupp ta' ħidma tal-UNECE stabbilit għal dak l-għan.

    6.

    Jistgħu jissejħu aktar laqgħat fil-Kunsill jew fil-korpi preparatorji tiegħu, jekk ikun meħtieġ u anke b'mod immedjat, sabiex jitqies kwalunkwe żvilupp ġdid li jista' jokkorri bejn id-diskussjoni fil-Kunsill jew fil-korpi preparatorji tiegħu u sa meta ssir, jew waqt, il-laqgħa tal-UNECE-WP.7, barra dawk l-iżviluppi msemmija fl-Artikolu 5 ta' din id-Deċiżjoni.

    7.

    Jekk, matul dawk il-laqgħat, inklużi laqgħat immedjati, u fir-rigward tal-paragrafi 3, 4 u 6 ta' dan l-Anness, ikun impossibbli li jintlaħaq qbil dwar l-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Kunsill jew il-korpi preparatorji tiegħu.


    Top