Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1775

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1775 tat-28 ta' Settembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

ĠU L 251, 29.9.2017, p. 23–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 24/04/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1775/oj

29.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1775

tat-28 ta' Settembru 2017

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Mali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-5 ta' Settembru 2017, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (il-“Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r-Riżoluzzjoni 2374 (2017), waqt li fakkar fir-Riżoluzzjonijiet 2364 (2017) u 2359 (2017) tiegħu u waqt li afferma mill-ġdid l-impenn qawwi tal-Kunsill tas-Sigurtà għas-sovranità, l-unità u l-integrità territorjali tal-Mali.

(2)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2374 (2017) teħtieġ li jiġu applikati restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għall-persuni li għandhom jiġu ddeżinjati mill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 9 tal-UNSCR 2374 (2017) (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”) u li jiġu ffriżati l-fondi u l-assi tal-persuni jew l-entitajiet li għandhom jiġu ddeżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

(3)

Tinħtieġ azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, ta' persuni ddeżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala responsabbli għal, jew kompliċi fi, jew li kienu involuti, direttament jew indirettament, fl-azzjonijiet jew politiki li ġejjin, li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Mali:

(a)

involviment f'ostilitajiet bi ksur tal-Ftehim dwar il-Paċi u Rikonċiljazzjoni fil-Mali (il-“Ftehim”);

(b)

azzjonijiet meħuda li jostakolaw, jew li jostakolaw permezz ta' dewmien fit-tul, jew li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim;

(c)

ħidma għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni ta', jew inkella l-appoġġ jew il-finanzjament għal individwi u entitajiet identifikati fil-punti (a) u (b), inkluż permezz tar-rikavat mill-kriminalità organizzata, inkluża l-produzzjoni u t-traffikar ta' drogi narkotiċi u l-prekursuri tagħhom li joriġinaw jew jgħaddu mill-Mali, it-traffikar ta' bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, il-kuntrabandu u t-traffikar ta' armi kif ukoll it-traffikar fi proprjetà kulturali;

(d)

involviment fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorizzazzjoni, jew it-twettiq ta' attakki kontra:

(i)

id-diversi entitajiet msemmija fil-Ftehim, inkluż fil-livell lokali, reġjonali u l-istituzzjonijiet tal-istat, viġilanzi konġunti u l-forzi tad-Difiża u tas-Sigurtà tal-Mali;

(ii)

il-forzi taż-żamma tal-paċi tal-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni (MINUSMA) u persunal tan-NU u assoċjat ieħor, inkluż membri tal-Grupp ta' Esperti;

(iii)

il-preżenzi tas-sigurtà internazzjonali, inkluż il-Force Conjointe des États du G5 Sahel (FC-G5S), il-Missjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Forzi Franċiżi;

(e)

xkiel għall-għoti ta' għajnuna umanitarja lill-Mali, jew għall-aċċess għal għajnuna umanitarja, jew għad-distribuzzjoni tagħha fil-Mali;

(f)

ippjanar, direzzjoni jew twettiq ta' atti fil-Mali li jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinvolvu t-tqegħid fil-mira ta' persuni ċivili, inkluż nisa u tfal, permezz tat-twettiq ta' atti ta' vjolenza (inkluż il-qtil, mankament, tortura, jew stupru jew vjolenza sesswali oħra), ħtif, għajbien sfurzat, spostament sfurzat, jew attakki fuq skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi, jew postijiet fejn persuni ċivili qed ifittxu rifuġju;

(g)

użu jew reklutaġġ ta' tfal minn gruppi armati jew forzi armati bi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli, fil-kuntest tal-konflitt armat fil-Mali;

(h)

faċilitazzjoni, b'mod intenzjonali, tal-ivvjaġġar ta' persuna elenkata bi ksur tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.

Il-persuni ddeżinjati msemmija f'dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru biex jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn id-dħul jew it-transitu jkun neċessarju għall-finijiet ta' proċess ġudizzjarju.

4.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddetermina, skont il-każ, li:

(a)

id-dħul jew it-transitu jkun ġustifikat għal raġunijiet ta' ħtieġa umanitarja, inkluż obbligu reliġjuż;

(b)

eżenzjoni li tiffaċilita l-objettivi ta' paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Mali u l-istabbiltà fir-reġjun.

5.   F'każijiet fejn, skont il-paragrafi 3 jew 4, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-transitu minnu, ta' persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih hija ġiet mogħtija u għall-persuni kkonċernati mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 2

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà ta', jew ikkontrollati b'mod dirett jew indirett minn persuni jew entitajiet iddeżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala responsabbli għal, jew kompliċi fi, jew li kienu involuti, direttament jew indirettament, fl-azzjonijiet jew politiki li ġejjin, li jheddu l-paċi, is-sigurtà, jew l-istabbiltà tal-Mali:

(a)

involviment f'ostilitajiet bi ksur tal-Ftehim;

(b)

azzjonijiet meħuda li jostakolaw, jew li jostakolaw permezz ta' dewmien fit-tul, jew li jheddu l-implimentazzjoni tal-Ftehim;

(c)

ħidma għal jew f'isem jew taħt id-direzzjoni ta', jew inkella l-appoġġ jew il-finanzjament għal individwi u entitajiet identifikati fil-punti (a) u (b) ta' hawn fuq, inkluż permezz tar-rikavat mill-kriminalità organizzata, inkluża l-produzzjoni u t-traffikar ta' drogi narkotiċi u l-prekursuri tagħhom li joriġinaw jew jgħaddu mill-Mali, it-traffikar ta' bnedmin u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, il-kuntrabandu u t-traffikar ta' armi kif ukoll it-traffikar fi proprjetà kulturali;

(d)

involviment fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorizzazzjoni, jew it-twettiq ta' attakki kontra:

(i)

id-diversi entitajiet msemmija fil-Ftehim, inkluż fil-livell lokali, reġjonali u l-istituzzjonijiet tal-istat, viġilanzi konġunti u l-forzi tad-Difiża u tas-Sigurtà tal-Mali;

(ii)

il-forzi taż-żamma tal-paċi tal- MINUSMA u persunal tan-NU u assoċjat ieħor, inklużi membri tal-Grupp ta' esperti;

(iii)

il-preżenzi tas-sigurtà internazzjonali, inkluż l-FC-G5S, il-Missjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Forzi Franċiżi;

(e)

xkiel għall-għoti ta' għajnuna umanitarja lill-Mali, jew għall-aċċess għal għajnuna umanitarja, jew għad-distribuzzjoni tagħha fil-Mali;

(f)

ippjanar, direzzjoni jew twettiq ta' atti fil-Mali li jiksru d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi jew ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinvolvu t-tqegħid fil-mira ta' persuni ċivili, inkluż nisa u tfal, permezz tat-twettiq ta' atti ta' vjolenza (inkluż il-qtil, mankament, tortura, jew stupru jew vjolenza sesswali oħra), ħtif, għajbien sfurzat, l-ispostament sfurzat, jew attakki fuq skejjel, sptarijiet, siti reliġjużi, jew postijiet fejn persuni ċivili qed ifittxu rifuġju;

(g)

użu jew reklutaġġ ta' tfal minn gruppi armati jew forzi armati bi ksur tad-dritt internazzjonali applikabbli, fil-kuntest tal-konflitt armat fil-Mali;

(h)

faċilitazzjoni, b'mod intenzjonali, tal-ivvjaġġar ta' persuna elenkata bi ksur tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar;

jew minn persuni jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, jew entitajiet li huma proprjetà tagħhom jew ikkontrollati minnhom, għandhom jiġu ffriżati.

Il-persuni jew l-entitajiet iddeżinjati imsemmija f'dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness.

2.   L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir direttament jew indirettament disponibbli, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni jew l-entitajiet elenkati fl-Anness.

3.   Il-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw fir-rigward ta' fondi u riżorsi ekonomiċi li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li jkunu:

(a)

neċessarji għall-ispejjeż bażiċi, inkluż ħlas għal prodotti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, primjums ta' assigurazzjoni u imposti tal-użu ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi professjonali raġonevoli u għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali; jew

(c)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

wara li ssir notifika mill-Istat Membru rilevanti lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar l-intenzjoni tal-awtorizzazzjoni, fejn ikun il-każ, tal-aċċess għal tali fondi jew riżorsi ekonomiċi, u fin-nuqqas ta' deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn tali notifika.

4.   Il-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw fir-rigward ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li jkunu:

(a)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, dment li din id-determinazzjoni tkun ġiet innotifikata mill-Istat Membru lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u tkun ġiet approvata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(b)

is-suġġett ta' garanzija jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, li f'dak il-każ il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jintużaw sabiex jissodisfaw dak il-privileġġ jew dik is-sentenza dment li l-privileġġ jew is-sentenza saru qabel id-data li fiha l-persuna jew l-entità ġiet inkluża fl-Anness, il-privileġġ jew is-sentenza ma jkunux għall-benefiċċju ta' persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1 u tkun ġiet innotifikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

5.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddetermina, skont il-każ, li eżenzjoni tkun tiffaċilita l-objettivi ta' paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali fil-Mali u l-istabbiltà fir-reġjun.

6.   Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni persuna jew entità ddeżinjata milli tagħmel pagament dovut skont kuntratt magħmul qabel ma tali persuna jew entità tkun ġiet elenkata, dment lil-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li l-pagament mhuwiex irċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1 u wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar l-intenzjoni li jsiru jew li jiġu rċevuti tali pagamenti jew li jiġi awtorizzat, fejn adatt, ir-rilaxx ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati għal dak il-għan, għaxart ijiem ta' xogħol qabel tali awtorizzazzjoni.

7.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b)

pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri restrittivi previsti minn din id-Deċiżjoni;

dment li tali imgħax, dħul u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-paragrafu 1.

Artikolu 3

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista fl-Anness u għandu jemendaha f'konformità mad-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Artikolu 4

1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddeżinja persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi lil dik il-persuna jew entità fl-Anness. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz huwa magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' notifika, li tipprovdi lil dik il-persuna jew l-entità b'opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

2.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata kif meħtieġ.

Artikolu 5

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet kif ipprovduti mill-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

2.   L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li tkun meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post ta' twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi emendata jew imħassra kif adatt, f'konformità mad-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill tas-Sigurtà.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


ANNESS

Lista tal-persuni msemmija fl-Artikolu 1(1) u tal-persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)


Top