Izberite preskusne funkcije, ki jih želite preveriti.

Dokument je izvleček s spletišča EUR-Lex.

Dokument 32017D1388

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1388 tas-17 ta' Lulju 2017 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo (Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo. ) dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi programmi tal-Unjoni

ĠU L 195, 27.7.2017, str. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Pravni status dokumenta V veljavi

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1388/oj

Povezani mednarodni sporazum

27.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 195/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1388

tas-17 ta' Lulju 2017

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo (*1) dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2053 (2), il-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi programmi tal-Unjoni (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fil-25 ta' Novembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2)

Fl-14 ta' Diċembru 2010 l-Kunsill iddikjara li kien qiegħed jistenna b'interess proposta tal-Kummissjoni li tkun tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi programmi tal-Unjoni. Tali parteċipazzjoni għandha ssir possibbli permezz tal-konklużjoni tal-Ftehim.

(3)

L-għan tal-Ftehim huwa li l-Unjoni twettaq miżuri ta' kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika mal-Kosovo skont l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(4)

Il-konklużjoni tal-Ftehim ma tippreġudikax il-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tal-Kosovo, li ser tiġi deċiża skont il-prassi nazzjonali tagħhom u d-dritt internazzjonali. L-ebda terminu, formulazzjoni jew definizzjoni użata f'din id-Deċiżjoni, il-Ftehim, inkluż l-Anness tiegħu, jew fil-programmi tal-Unjoni, ma jikkostitwixxu rikonoxximent tal-Kosovo mill-Unjoni bħala Stat indipendenti u lanqas ma jikkostitwixxu rikonoxximent tal-Kosovo f'dik il-kapaċità minn Stati Membri individwali fejn huma ma jkunux għamlu tali pass.

(5)

Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi programmi tal-Unjoni huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni Ewropea, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 10 tal-Ftehim (3).

Artikolu 3

Il-Kummissjoni hija awtorizzata tiddetermina, f'isem l-Unjoni, it-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo f'kull programm partikolari tal-Unjoni, inkluż il-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas, f'konformità mal-Artikolu 5 tal-Ftehim. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill infurmat.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(*1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  L-Approvazzjoni tal-4 ta' Lulju 2017 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2053 tal-14 ta' Novembru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo* dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi programmi tal-Unjoni (ĠU L 319, 25.11.2016, p. 1).

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Na vrh