Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1107

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1107 tat-8 ta' Ġunju 2017 fir-rigward tal-estensjoni tal-perijodu ta' intitolament għall-koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali anness mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

ĠU L 160, 22.6.2017, p. 33–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1107/oj

22.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/33


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1107

tat-8 ta' Ġunju 2017

fir-rigward tal-estensjoni tal-perijodu ta' intitolament għall-koproduzzjonijiet awdjoviżivi kif previst fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali anness mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-1 ta' Ottubru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2015/2169 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (“id-Deċiżjoni”).

(2)

Il-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali (“il-Protokoll”) li huwa anness mal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, jistabbilixxi fl-Artikolu 1 il-qafas li fi ħdanu l-Partijiet jikkooperaw biex jiġu ffaċilitati l-iskambji dwar attivitajiet kulturali, oġġetti u servizzi, inkluż fis-settur awdjoviżiv. Skont l-Artikolu 5(3) tal-Protokoll, il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw il-koproduzzjonijiet bejn il-produtturi mill-Parti tal-UE u l-Korea, inkluż permezz ta' intitolament biex il-koproduzzjonijiet jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tagħhom għall-promozzjoni ta' kontenut kulturali lokali u reġjonali.

(3)

Skont l-Artikolu 5(8)(b) tal-Protokoll, wara l-perijodu inizjali ta' tliet snin, l-intitolament jiġġedded għal perijodu ta' tliet snin u wara għandu jiġġedded awtomatikament għal perijodi oħra suċċessivi tal-istess tul, sakemm Parti ma ttemmx l-intitolament billi tagħti avviż bil-miktub mill-anqas tliet xhur qabel l-iskadenza tal-perijodu inizjali jew kwalunkwe perijodu suċċessiv ieħor.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2015/2169, il-Kummissjoni għandha tavża lill-Korea bl-intenzjoni tal-Unjoni li ma testendix il-perijodu ta' intitolament għall-koproduzzjonijiet awdjoviżivi skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5(8) tal-Protokoll imsemmi, ħlief jekk, fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill jaqbel erba' xhur qabel tmiem tali perijodu ta' intitolament li jkompli l-intitolament. Jekk il-Kunsill jaqbel li jkompli l-intitolament, din id-dispożizzjoni għandha terġa' ssir applikabbli fi tmiem il-perijodu mġedded tal-intitolament. Għall-finijiet speċifiċi li ssir deċiżjoni dwar it-tkomplija tal-perijodu ta' intitolament, il-Kunsill għandu jaġixxi b'unanimità.

(5)

Fil-5 ta' Settembru 2016, il-Grupp Konsultattiv Domestiku tal-Unjoni stabbilit skont l-Artikolu 3(5) tal-Protokoll ta opinjoni favorevoli għall-estensjoni tal-perijodu tal-intitolament, kif previst fl-Artikolu 5(8)(a)tal-Protokoll.

(6)

Il-Kunsill jaqbel mal-estensjoni tal-intitolament għall-koproduzzjonijiet awdjoviżivi biex jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tal-Partijiet għall-promozzjoni ta' kontenut kulturali lokali u reġjonali kif previst fil-paragrafi 4, 5, 6 u 7 tal-Artikolu 5 tal-Protokoll.

(7)

Din id-Deċiżjoni ma għandhiex taffettwa l-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-perijodu ta' intitolament għall-koproduzzjonijiet awdjoviżivi biex jibbenefikaw mill-iskemi rispettivi tal-Partijiet għall-promozzjoni ta' kontenut kulturali lokali u reġjonali, kif previst fil-paragrafi 4, 5, 6 u 7 tal-Artikolu 5 tal-Protokoll, għandu jiġu estiż għal perijodu ta' tliet snin, mill-1 ta' Lulju 2017 sat-30 ta' Ġunju 2020.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu,, ir-8 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. SIMSON


(1)  ĠU L 307, 25.11.2015, p. 2.


Top