Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1784

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1784 tat-30 ta' Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2568/91 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta' analiżi rilevanti

    C/2016/6207

    ĠU L 273, 8.10.2016, p. 5–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/11/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R2104

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1784/oj

    8.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 273/5


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1784

    tat-30 ta' Settembru 2016

    li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2568/91 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta' analiżi rilevanti

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-punt (d) tal-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 91 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 (2) jiddefinixxi l-karatteristiċi kimiċi u organolettiċi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żejt mill-fdal taż-żebbuġ u jistabbilixxi l-metodi tal-valutazzjoni ta' dawk il-karatteristiċi. Dawk il-metodi jiġu aġġornati regolarment abbażi tal-opinjoni ta' esperti tal-kimiċi u huma konformi mal-ħidma mwettqa mill-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (minn hawn 'il quddiem l-“IOC”).

    (2)

    Biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni fil-livell tal-Unjoni tal-aktar standards internazzjonali riċenti li ġew stabbiliti mill-IOC, jenħtieġ li jiġi aġġornat il-metodu li bih jiġi determinat il-valur tal-perossidu stabbilit fir-Regolament (KEE) Nru 2568/91.

    (3)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KEE) Nru 2568/91 għandu jiġi emendat skont dan.

    (4)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness III tar-Regolament (KEE) Nru 2568/91 jinbidel bit-test stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Settembru 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta' Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta' analiżi rilevanti (ĠU L 248, 5.9.1991, p. 1).


    ANNESS

    “ANNESS III

    DETERMINAZZJONI TAL-VALUR TAL-PEROSSIDU

    1.   Kamp ta' applikazzjoni

    Dan l-Anness jiddeskrivi metodu għad-determinazzjoni tal-valur tal-perossidu taż-żjut u x-xaħmijiet tal-annimali u tal-ħaxix.

    2.   Definizzjoni

    Il-valur tal-perossidu huwa l-kwantità ta' dawk is-sostanzi fil-kampjun, espressa f'termini ta' milliekwivalenti ta' ossiġenu attiv għal kull kilogramma, li jossidaw il-jodur tal-potassju taħt il-kondizzjonijiet ta' operazzjoni deskritti.

    3.   Prinċipju

    Trattament tal-porzjon tat-test, f'soluzzjoni fl-aċidu aċetiku u fil-kloroforma, b'soluzzjoni tal-jodur tal-potassju. Titrazzjoni tal-jodju meħlus b'soluzzjoni standardizzata tat-tijosulfat tas-sodju.

    4.   Apparat

    It-tagħmir użat irid ikun ħieles minn sostanzi ta' riduzzjoni jew ossidanti.

    Nota 1: Tidlikx l-uċuħ tal-qiegħ b'xi grass

    4.1.

    Sassla tal-ħġieġ ta' 3 ml.

    4.2.

    Flasks, bl-għonq u t-tapp immolati, ta' kapaċità ta' madwar 250 ml, imnixxfin minn qabel u mimlija b'gass pur, xott u inerti (nitroġenu jew, jekk jista' jkun, diossidu tal-karbonju).

    4.3.

    Buretta ta' 5-ml, 10-ml jew 25-ml, gradata f'mill-inqas 0,05 ml, preferibbilment b'ebda aġġustament ta' livell żero awtomatiku, jew buretta awtomatika ekwivalenti.

    4.4.

    Miżien analitiku.

    5.   Reaġenti

    5.1.

    Kloroforma, kwalità ta' reaġent analitiku, meħlus mill-ossiġenu billi jitbaqbaq minn ġewwa fih kurrent ta' gass pur, xott u inerti.

    5.2.

    Aċidu aċetiku glaċjali, kwalità ta' reaġent analitiku, meħlus mill-ossiġenu billi jitbaqbaq minn ġewwa fih kurrent ta' gass pur, xott u inerti.

    5.3.

    Jodur tal-potassju, soluzzjoni milwiema saturata, ppreparata riċentement, ħielsa mill-jodju u mill-jodati. Ħoll approssimattivament 14-il g ta' jodur tal-potassju f'madwar 10 ml ilma f'temperatura ambjentali.

    5.4.

    Tijosulfat tas-sodju, 0,01 mol/l (ekwivalenti għal 0,01 N) soluzzjoni milwiema standardizzata bi preċiżjoni, standardizzata eżatt qabel tintuża.

    Ħejji kuljum soluzzjoni ta' 0,01 mol/l tat-tijosulfat tas-sodju frisk minn soluzzjoni standard ta' 0,1 mol/l tas-soluzzjoni tat-tijosulfat tas-sodju qabel l-użu, jew iddetermina l-molarità eżatta. L-esperjenza tgħallimna li l-istabbiltà hija limitata u tiddependi fuq il-valur tal-pH u l-kontenut ta' diossidu tal-karbonju ħieles. Uża biss ilma mgħolli frisk għad-dilwizzjoni, possibbilment imnaddaf bin-nitroġenu.

    Il-proċedura li ġejja hija rrakkomandata biex tiġi determinata l-molarità eżatta tas-soluzzjoni tat-tijosulfat tas-sodju:

    Iżen, sal-eqreb 0,001 g, 0,27 g sa 0,33 g ta' jodat tal-potassju (mKIO3) ġo flask volumetriku (250 ml jew 500 ml) u ħoll sal-marka b'ilma mgħolli frisk (V2), imberred sakemm jilħaq temperatura ambjentali. Permezz ta' pipetta, ittrasferixxi 5 ml jew 10 ml ta' din is-soluzzjoni tal-jodat tal-potassju (V1) fi flask tat-tip Erlenmeyer ta' 250 ml. Żid 60 ml ta' ilma mgħolli frisk, 5 ml ta' 4 mol/l aċidu idrokloriku, u 25 mg għal kull 50 mg ta' jodur tal-potassju jew 0,5 ml ta' soluzzjoni saturata ta' jodur tal-potassju. Ittitra din s-soluzzjoni b'soluzzjoni tat-tijosulfat tas-sodju (V3) li tiddetermina l-molarità eżatta tas-soluzzjoni tat-tijosulfat tas-sodju.

    Formula

    fejn:

     

    mKIO3 hija l-massa tal-jodat tal-potassju, fi grammi

     

    V1 huwa l-volum tas-soluzzjoni tal-jodat tal-potassju f'millilitri (5 ml jew 10 ml)

     

    V2 huwa l-volum totali tas-soluzzjoni tal-jodat tal-potassju, f'millilitri (250 ml jew 500 ml)

     

    V3 huwa l-volum tas-soluzzjoni tat-tijosulfat tas-sodju, f'millilitri

     

    wKIO3 hija l-purità tal-jodat tal-potassju fi g/100 g

     

    MKIO3 hija l-massa molekulari tal-jodat tal-potassju (214 g/mol)

     

    T hija l-molarità eżatta tas-soluzzjoni tat-tijosulfat tas-sodju (mol/l).

    5.5.

    Dispersjoni milwiema ta' soluzzjoni ta' lamtu ta' 10 g/l, imħejjija riċentament minn lamtu naturali li jinħall. Reaġenti ekwivalenti jistgħu jintużaw ukoll.

    6.   Kampjun

    Ara li l-kampjun jitneħħa u jinżamm il-bogħod mid-dawl, jinżamm kiesaħ ġewwa reċipjenti tal-ħġieġ mimlijin għal kollox, issiġillati ermetikament b'tappijiet tal-ħġieġ immolati jew tas-sufra.

    7.   Proċedura

    It-test irid isir f'dawl diffuż jew f'dawl artifiċjali. Iżen f'sassla tal-ħġieġ (4.1) jew, fin-nuqqas tagħha, fi flask (4.2), sal-eqreb 0,001 g, massa tal-kampjun skont it-tabella li ġejja, skont il-valur ta' perossidu mistenni:

    Valur ta' perossidu mistenni

    (meq)

    Piż tal-porzjon tat-test

    (g)

    0 sa 12

    5,0 sa 2,0

    12 sa 20

    2,0 sa 1,2

    20 sa 30

    1,2 sa 0,8

    30 sa 50

    0,8 sa 0,5

    50 sa 90

    0,5 sa 0,3

    Neħħi t-tapp ta' flask (4.2) u daħħal is-sassla tal-ħġieġ li jkun fiha l-porzjon għall-ittestjar. Żid 10 ml ta' kloroform (5.1). Dewweb malajr il-porzjon għall-ittestjar billi tħawdu. Żid 15-il ml ta' aċidu aċetiku (5.2), u mbagħad 1 ml ta' soluzzjoni ta' jodur tal-potassju (5.3). Daħħal malajr it-tapp, ħawwad għal minuta, u ħallih għal ħames minuti eżatt, il-bogħod mid-dawl b'temperatura ta' minn 15-il °C sa 25 °C.

    Żid bejn wieħed u ieħor 75 ml ta' ilma ddistillat. Ittitra l-jodju meħlus bis-soluzzjoni tat-tijosulfat tas-sodju (5.4) filwaqt li tħawwad sewwa u tuża soluzzjoni ta' lamtu (5.5) bħala indikatur.

    Għamel żewġ determinazzjonijiet fuq l-istess kampjun tat-test.

    Fl-istess ħin għamel ukoll test inbjank. Jekk ir-riżultat tat-test inbjank jaqbeż iż-0,05 ml tas-soluzzjoni ta' 0,01 N ta' soluzzjoni tat-tijosulfat tas-sodju (5.4), ibdel ir-reaġenti impuri.

    8.   Preżentazzjoni tar-riżultati

    Il-valur tal-perossidu (PV), espress f'milliekwivalenti ta' ossiġenu attiv għal kull kilogramma, jingħata bil-formula:

    Formula

    fejn:

    V

    =

    in-numru ta' ml ta' soluzzjoni standardizzata tat-tijosulfat tas-sodju (5.4) użat għat-test, korrett sabiex jieħu inkusiderazzjoni t-test inbjank;

    T

    =

    il-molarità eżatta tas-soluzzjoni tat-tijofsulfat tas-sodju (5.4) użata, f'mol/1.

    m

    =

    il-piż fi g, tal-porzjon tat-test.

    Ħu bħala riżultat il-medja aritmetika taż-żewg determinazzjonijiet magħmula.

    Irrapporta r-riżultat tad-determinazzjoni sa punt deċimali wieħed.”


    Top