EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1625

Regolament (UE) 2016/1625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 251, 16.9.2016, p. 77–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1625/oj

16.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/77


REGOLAMENT (UE) 2016/1625 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Settembru 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu l-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta huma responsabbli għal firxa wiesgħa ta' kompiti, li jistgħu jinkludu s-sikurezza marittima, is-sigurtà, it-tiftix u s-salvataġġ fuq il-baħar, il-kontroll fuq il-fruntieri, il-kontroll tas-sajd, il-kontroll doganali, l-infurzar ġenerali tal-liġi u l-ħarsien tal-ambjent. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (“l-Aġenzija”), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, stabbilita mir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (4), għandhom għalhekk isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, fil-mandat tagħhom, kemm bejniethom kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu l-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, sabiex iżidu l-għarfien fuq il-qagħda marittima u biex jappoġġaw azzjoni koerenti u kosteffikaċi.

(2)

L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament ma taffettwax id-diviżjoni tal-kompetenza bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jew l-obbligi tal-Istati Membri skont il-konvenzjonijiet internazzjonali bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi, il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, u strumenti marittimi internazzjonali rilevanti oħra.

(3)

Biex jippermettu appoġġ effiċjenti u effettiv għall-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu l-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, l-Aġenzija għandha tagħmel użu mill-aktar teknoloġija avvanzata disponibbli, bħas-sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod.

(4)

Huwa xieraq li l-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija jkun involut b'mod sħiħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet imsemmija f'dan ir-Regolament, li jista' jkollhom impatt fuq il-kompiti l-oħra u fuq il-baġit tal-Aġenzija, inkluż l-arranġament ta' ħidma għall-kooperazzjoni bejn it-tliet aġenziji.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu li ġej jiddaħħal fir-Regolament (KE) Nru 1406/2002:

“Artikolu 2b

Kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta

1.   L-Aġenzija għandha, f'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, stabbilita mir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (**), kull waħda fil-mandat tagħha, tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet ta' gwardja tal-kosta fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni u, meta jkun opportun, fil-livell internazzjonali permezz:

(a)

tal-kondiviżjoni, tal-fużjoni u tal-analiżi ta' informazzjoni disponibbli fis-sistemi ta' rapportar tal-bastimenti u sistemi oħra ta' informazzjoni ospitati minn jew aċċessibbli għal dawk l-aġenziji, f'konformità mal-bażijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għas-sjieda ta' data mill-Istati Membri;

(b)

tal-għoti ta' servizzi ta' sorveljanza u ta' komunikazzjoni bbażati fuq l-aħħar teknoloġija, inklużi l-infrastruttura fl-ispazju u fuq l-art u s-sensuri mmuntati fuq kwalunkwe tip ta' pjattaforma;

(c)

tal-bini tal-kapaċità billi tfassal linji gwida u rakkomandazzjonijiet u billi jiġu stabbiliti l-aħjar prattiċi, kif ukoll billi tipprovdi taħriġ u skambju tal-persunal;

(d)

tat-tisħiħ tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-kooperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta inkluż permezz tal-analiżi tal-isfidi operazzjonali u r-riskji emerġenti fil-qasam marittimu;

(e)

tal-kondiviżjoni tal-kapaċitajiet permezz tal-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet bi skopijiet multipli u billi tikkondividi assi u kapaċitajiet oħra, sal-punt li dawn l-attivitajiet ikunu kkoordinati minn dawk l-aġenziji u huma maqbulin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

2.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija msemmi fl-Artikolu 10(2), il-forom preċiżi tal-kooperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta bejn l-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għandhom jiġu ddeterminati f'arranġament ta' ħidma, f'konformità mal-mandati rispettivi tagħhom u mar-regoli finanzjarji applikabbli għal dawk l-aġenziji. Tali arranġament għandu jiġi approvat mill-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija, il-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u l-bord amministrattiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

3.   Il-Kummissjoni għandha, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-Aġenzija, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, tagħmel disponibbli manwal prattiku dwar il-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta. Dak il-manwal prattiku għandu jkun fih linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiċi għall-iskambju ta' informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-manwal fil-forma ta' rakkomandazzjoni.

4.   Il-kompiti stipulati f'dan l-Artikolu m'għandhomx ikunu detrimentali għall-kompiti tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 2 u m'għandhomx jinterferixxu fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri, b'mod partikolari bħala Stati tal-bandiera, Stati tal-port jew Stati kostali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  Opinjoni tas-16 ta' Marzu 2016 (ĠU C 177, 18.5.2016, p. 57).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2016 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ara paġna 1 ta' dan il-Ġurna Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta' April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).


Top