Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1247

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1247 tat-28 ta' Lulju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    C/2016/4782

    ĠU L 204, 29.7.2016, p. 92–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/10/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1247/oj

    29.7.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 204/92


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1247

    tat-28 ta' Lulju 2016

    li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   Miżuri proviżorji

    (1)

    Fis-26 ta' Frar 2016, bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/262 (“ir-Regolament proviżorju”) (2), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) imponiet dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' aspartam li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat” jew “ir-RPĊ”) skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament bażiku.

    (2)

    L-investigazzjoni nbdiet fit-30 ta' Mejju 2015 wara lment li tressaq fis-16 ta' April 2015 minn Ajinomoto Sweeteners Europe SAS (“ASE”), l-uniku produttur ta' aspartam fl-Unjoni. Fil-15 ta' Ottubru 2015, ASE inxtrat minn Hyet Holding B.V. u konsegwentement isimha tbiddel għal Hyet Sweet S.A.S (“Hyet”). Hyet tirrapreżenta 100 % tal-produzzjoni tal-aspartam fl-Unjoni u tifforma l-industrija tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

    (3)

    Kif stabbilit fil-premessa (18) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni ta' dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' April 2014 sal-31 ta' Marzu 2015 (“il-perjodu ta' investigazzjoni”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-danni kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kkunsidrat”).

    1.2.   Proċedura sussegwenti

    (4)

    Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbażi tagħhom ġie impost dazju antidumping proviżorju (“id-divulgazzjoni proviżorja”), għadd ta' partijiet interessati ressqu preżentazzjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet proviżorji. Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità.

    (5)

    Saret seduta ta' smigħ fuq talba tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ Ċiniża, fil-preżenza ta' rappreżentanti ta' produttur esportatur wieħed, Sinosweet Co., Ltd. Il-punti ewlenin imqajma kienu l-possibbiltà li jinkiseb impenn fuq il-prezz, kif ukoll talbiet oħra u kummenti dwar il-kalkoli tad-dumping. Il-kummenti ġew ifformalizzati iktar tard f'sottomissjoni, u dawn huma indirizzati f'dan ir-Regolament.

    (6)

    L-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali kien mitlub minn wieħed mill-produtturi esportaturi, Changmao Biochemical Engineering Co., Ltd. Il-punti ewlenin diskussi kienu r-raġunijiet taċ-ċaħda tat-trattament tal-ekonomija tas-suq, l-għażla tal-pajjiż analogu, il-ħtieġa għal aġġustamenti meta jiġi stabbilit it-twaqqigħ tal-prezzijiet u l-allegat nuqqas ta' rabta kawżali bejn il-ħsara materjali u l-importazzjonijiet iddampjati.

    (7)

    Il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti verbali u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet interessati, u meta f'loku, immodifikat il-konklużjonijiet proviżorji skont dan.

    (8)

    Il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet kollha bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, abbażi ta' liema kien beħsiebha timponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw mir-RPĊ u tiġbor b'mod definittiv l-ammonti garantiti permezz ta' dazju proviżorju (“id-divulgazzjoni definittiva”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu l-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali.

    (9)

    Fejn xieraq il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati u tqiesu.

    1.3.   Teħid ta' kampjuni

    (10)

    Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tat-teħid ta' kampjuni tal-importaturi, il-premessi minn (8) sa (10) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    (11)

    Fl-assenza ta' kull kumment dwar it-teħid ta' kampjuni tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ, il-premessi (11) sa (12) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    (12)

    Fin-nuqqas ta' kummenti dwar l-eżami individwali, il-premessa (13) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

    1.4.   Formola ta' talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”)

    (13)

    Fin-nuqqas ta' kummenti li jikkonċernaw it-talbiet għal trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”), il-premessa (14) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

    2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    2.1.   Il-prodott ikkonċernat

    (14)

    Il-prodott ikkonċernat, kif definit u ċċarati aktar fil-premessi (19) sa (22) tar-Regolament proviżorju huwa l-aspartam (N-L-α-Aspartil-L-fenilalanina-1-metil ester, 3-amino-N-(α-karbometossi-fenetil)-aċidu suċċinamiku-N-metil ester), CAS RN 22839-47-0, li joriġina mir-RPĊ, li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 2924 29 98 (“il-prodott ikkonċernat”, jew “il-prodott simili”).

    (15)

    Wara l-iżvelar proviżorju l-industrija tal-Unjoni tenniet it-tħassib tagħha dwar evażjoni possibbli ta' miżuri permezz ta' taħlit u preparazzjonijiet li fihom l-aspartam. L-industrija tal-Unjoni sostniet ukoll li ma jkunx hemm diffikultajiet bl-implimentazzjoni jekk id-dazji fuq tali taħlitiet u preparazzjonijiet jiġu imposti. Bħala eżempju hija semmiet investigazzjoni oħra li tikkonċerna l-glutamat tal-monosodju fl-Istati Uniti.

    (16)

    B'risposta għal dan il-kumment huwa nnutat li investigazzjoni reċenti illi kienet tikkonċerna prodott simili fl-istadju definittiv ikkonkludiet li għadd ta' Stati Membri u l-Isvizzera ltaqgħu ma' diffikultajiet konsiderevoli fl-implimentazzjoni minħabba l-inklużjoni ta' tali taħlitiet u preparazzjonijiet fil-prodott ikkonċernat. Bħala konsegwenza, ġie deċiż li jitneħħew fl-istadju definittiv mid-definizzjoni tal-prodott. Minħabba s-similaritajiet fil-prodotti (dolċifikanti bl-istess applikazzjonijiet fis-setturi tal-ikel, tax-xorb u l-farmaċewtiċi) huwa ferm probabbli li problemi simili jistgħu jseħħu f'dan il-każ.

    (17)

    Aktar importanti minn hekk, is-sejbiet tal-investigazzjoni ma appoġġjawx id-dikjarazzjoni li r-riskju ta' evażjoni permezz ta' taħlit u preparazzjonijiet kien għoli. Utenti koperanti ikkonfermaw li kull prodott downstream u f'kull prodott downstream it-tip/ditta jeħtieġu proporzjonijiet differenti ta' dulċifikanti differenti u għalhekk importazzjoni separata għal kull taħlita tkun kompletament imprattikabbli. Barra minn hekk, l-importazzjoni ta' aspartam f'forma likwida (bħala taħlita bl-ilma) tkun teħtieġ arranġamenti ta' imballaġġ u trasportazzjoni kompletament differenti u iktar għaljin b'mod sinifikanti.

    (18)

    Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, id-definizzjoni tal-prodott fil-premessa (22) tar-Regolament proviżorju tinżamm.

    2.2.   Prodott Simili

    (19)

    Fin-nuqqas ta' kummenti rigward il-prodott simili, il-premessa (23) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

    3.   ID-DUMPING

    3.1.   Il-valur normali

    3.1.1.   Trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”)

    (20)

    Kif imsemmi fil-premessa (26) tar-Regolament proviżorju, it-talba tat-TES ippreżentata minn produttur esportatur wieħed inkluż fil-kampjun ġiet miċħuda minħabba li l-investigazzjoni wriet li ma rrispettatx il-kriterji 2 u 3 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. Il-parti tenniet issostni li tissodisfa dawn il-kriterji. Fir-rigward tal-kriterju 2, madankollu, hija ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida jew argumenti ta' biex tiġi eżaminata mill-ġdid l-evalwazzjoni proviżorja.

    (21)

    Fir-rigward tal-kriterju 3, il-parti rreferiet għal sentenza reċenti tal-Qorti Ġenerali (3) fejn il-Qorti ma qablitx mal-analiżi tal-inċentivi fiskali tal-Kummissjoni fir-rigward ta' dan il-kriterju. Huwa nnotat li s-sentenza għadha ma daħlitx fis-seħħ. Kif imfakkar fil-premessa (31) tar-Regolament proviżorju, kull każ jiġi vvalutat fuq il-merti tiegħu stess, jiġifieri fuq il-bażi tal-fatti kollha disponibbli għall-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' aktar argumenti u fatti ġodda fir-rigward tas-sustanza tal-analiżi konkreta tal-inċentivi tat-taxxa f'dan il-każ, il-konklużjonijiet ma setgħux jiġu riveduti.

    (22)

    Matul il-laqgħa mal-Uffiċjal tas-Seduta, il-parti tenniet id-dikjarazzjoni indirizzata fil-premessa (29) tar-Regolament proviżorju li l-benefiċċju miksub minn għotjiet minn reġimi ta' taxxa preferenzjali għandu jiġi kkunsidrat bħala sussidji u b'hekk l-eżistenza ta' sussidju m'għandhiex tiġi kklassifikata bħala tagħwiġ ittrasferit mis-sistema preċedenti tal-ekonomija mhux tas-suq.

    (23)

    Kif imfakkar fil-premessa (32) tar-Regolament proviżorju, l-għan tal-valutazzjoni tat-TES huwa differenti minn dak ta' investigazzjoni kontra s-sussidji. Waqt li l-valutazzjoni tat-TES għandha l-għan li tistabbilixxi jekk kumpanija toperax skont il-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni kontra s-sussidji għandha l-għan li tistabbilixxi jekk kumpanija bbenefikatx minn sussidji ta' kumpens abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex fl-UE (4). B'hekk dawn iż-żewġ kwistjonijiet għandhom il-bażi legali tagħhom stess u għandhom jiġu ttrattati b'mod separat. Biex jiġu ssodisfati, wieħed mill-aspetti rilevanti għall-valutazzjoni tal-kriterju 3 huwa jekk il-kostijiet tal-produzzjoni u l-qagħda finanzjarja tal-kumpaniji investigati humiex soġġetti għal distorsjonijiet sinifikanti li ntirtu mis-sistema preċedenti ta' ekonomija mhux tas-suq u mhux jekk kumpanija bbenefikatx minn sussidji ta' kumpens.

    (24)

    Fi kwalunkwe każ, il-premessa (29) tar-Regolament proviżorju tispjega li dan il-produttur esportatur ma jissodisfax il-kriterju 3, mhux biss minħabba l-inċentivi fiskali li rċieva, iżda wkoll minħabba l-benefiċċju miksub għax-xiri ta' drittijiet ta' użu tal-art. Fir-rigward tad-drittijiet tal-użu tal-art, il-parti sostniet li s-sett ta' dokumentazzjoni sottomessa fil-każ preżenti kien identiku għal dak sottomess fiż-żewġ investigazzjonijiet preċedenti fejn eventwalment kisbet it-TES. Madankollu, il-konklużjoni li l-kriterju 3 ma ġiex sodisfatt ma kienx biss ibbażat fuq dokumenti ppreżentati fl-investigazzjonijiet preċedenti, iżda wkoll fuq provi ġodda miġbura matul l-investigazzjoni preżenti, jiġifieri rapport ta' valutazzjoni ta' proprjetà stabbilit minn awditur indipendenti. Dan id-dokument huwa anness ma' prospett ippubblikat dwar il-borża ta' Hong Kong għall-attenzjoni ta' investituri potenzjali. Ir-rapport juri li hemm differenza ċara bejn il-prezz imħallas mill-produttur esportatur għad-dritt tiegħu li juża l-art u l-valur tas-suq. Fuq dik il-bażi, ġie kkunsidrat li l-parti ma kisbitx id-dritt tal-użu tal-art skont il-valur tas-suq u l-kriterju 3 ma ġiex ikkunsidrat bħala sodisfatt.

    (25)

    Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, id-dikjarazzjoni tal-produttur esportatur hija miċħuda u l-premessi (24) u (37) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    3.1.2.   Għażla tal-pajjiż analogu

    (26)

    Wara żvelar proviżorju, tliet partijiet interessati qajmu tħassib dwar l-għażla tal-Ġappun bħala pajjiż analogu u, b'mod partikolari, il-prodottur Ajinomoto Co., Japan (“Ajinomoto Japan”), il-kumpanija ewlenija tal-ilmentatur u l-istabbiliment tal-valur normali għar-RPĊ fuq il-bażi ta' dan il-pajjiż.

    (27)

    Il-Partijiet sostnew b'mod partikolari li l-Ajinomoto Japan tgawdi minn pożizzjoni ta' monopolju fis-suq domestiku tagħha meta tkun f'pożizzjoni li tikseb prezz ogħla b'mod sinifikanti meta mqabbla ma' swieq oħra, bħall-Korea jew ir-RPĊ fejn il-kompetizzjoni tkun qed isseħħ. Matul is-seduta li saret mill-Uffiċjal tas-Seduta, parti waħda sostniet li Ajinomoto Japan għandha pożizzjoni dominanti fis-suq domestiku tagħha, b'sehem fis-suq ta' 100 % u għalhekk ma hemm l-ebda importazzjonijiet u l-ebda kompetizzjoni fil-Ġappun. Barra minn hekk, il-Partijiet jikkunsidraw li l-Ġappun ċarament mhux pajjiż analogu adattat għax id-differenzi bejn is-swieq Ċiniżi u Ġappuniżi huma ċari u jidhru mil-livell għoli tal-marġini tad-dumping misjuba fir-Regolament proviżorju. Huma sostnew ukoll li l-preżenza ta' bosta produtturi domestiċi tagħmel is-suq domestiku Ċiniż aktar kompetittiv, u li l-profitt irrekordjat mill-produtturi Ċiniżi fis-suq domestiku tagħhom huwa sostanzjalment aktar baxx minn dak irrappurtat mill-produttur tal-pajjiż analogu.

    (28)

    Parti oħra ddikjarat li l-għażla tal-Ġappun bħala pajjiż analogu hija l-agħar xenarju possibbli u li r-riżultat tat-tqabbil bejn il-prezzijiet fil-Ġappun u l-prezzijiet Ċiniżi juri li mhijiex għażla realistika jew raġonevoli.

    (29)

    Fl-istadju inizjali tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni fittxet kooperazzjoni minn pajjiżi terzi oħra sabiex tagħżel pajjiż analogu xieraq. L-investigazzjoni żvelat li l-produzzjoni dinjija tal-aspartam kienet ikkonċentrata fi ftit pajjiżi: ir-RPĊ, Franza, il-Ġappun u l-Korea. Il-produtturi magħrufa fil-Korea u fil-Ġappun ġew ikkuntattjati. L-uniku produttur Korean magħruf irrifjuta li jikkoopera. Kif diskuss fl-istadju proviżorju, il-produttur fil-Ġappun biss qabel li jikkoopera u l-Ġappun kien l-uniku pajjiż terz b'ekonomija tas-suq disponibbli bħala pajjiż analogu. Id-dejta tiegħu intużat biex jiġu stabbiliti l-valuri normali fir-Regolament proviżorju.

    (30)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-għażla tal-Ġappun hija kkontestata minn diversi partijiet, b'mod partikolari għas-sehem għoli ta' Ajinomoto fis-suq domestiku tal-Ġappun u l-allegata kompetizzjoni limitata f'dan is-suq. Madankollu, il-partijiet ma pprovdew l-ebda element li jsostni l-allegazzjonijiet tagħhom f'dan ir-rigward. L-investigazzjoni ma wrietx li l-Ġappun ma kienx suq miftuħ minħabba restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni, bħal dazji doganali jew tariffi oħra għoljin u restrizzjonijiet kwantitattivi u fil-fatt żvelat li hemm importazzjonijiet ta' aspartam irrappurtati fis-suq Ġappuniż, inklużi mir-RPĊ u l-Korea.

    (31)

    Madankollu, sabiex tivvaluta l-adegwatezza tal-Ġappun bħala pajjiż analogu għall-RPĊ, il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fejn il-prezzijiet tal-prodott simili jiġu stabbiliti fil-Ġappun. Kif diġà ġie nnotat, produttur wieħed biss huwa attiv fis-suq Ġappuniż li jikkompeti ma' importazzjonijiet mir-RPĊ u l-Korea. Aktar importanti minn hekk, il-marġni tal-profitt tal-produttur Ġappuniż miksuba fuq il-klijenti instabu illi varjaw ħafna bejn tipi u daqsijiet ta' klijenti. L-investigazzjoni ma wriet l-ebda raġuni razzjonali għad-differenza wiesgħa bejn il-marġini ta' profitt. B'mod partikolari, ma nstabx li l-varjazzjonijiet fil-marġni ta' profitt jistgħu jiġu spjegati permezz tal-kwantità mibjugħa, pereżempju. Għalhekk, fid-dawl ta' din il-kwistjoni pendenti, kien ikkunsidrat li l-użu tal-prezzijiet li jagħtu tali varjazzjoni irrazzjonali tal-profitti tirrendi d-determinazzjoni tal-valur normali mhux xierqa u mhux raġjonevoli.

    (32)

    Fuq dik il-bażi, fl-istadju definittiv, il-Kummissjoni kellha tirrikorri għal kull bażi raġonevoli oħra għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Għal dak l-għan, il-valur normali għar-RPĊ kien ibbażat fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, aġġustati kif suppost biex jinkludi marġni ta' profitt raġonevoli.

    3.1.3.   Il-valur normali

    (33)

    Il-prezzijiet tal-uniku produttur tal-Unjoni għall-prodott simili fis-suq tal-Unjoni kienu użati bħala bażi raġjonevoli għad-determinazzjoni tal-valur normali għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ li ma ngħatawx TES, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

    (34)

    L-ewwel nett, il-Kummissjoni eżaminat jekk, b'mod konformi mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-volum totali tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti indipendenti fl-Unjoni kienx globalment rappreżentattiv. Għal dan il-għan, dan il-volum totali tal-bejgħ ġie mqabbel mal-volum totali tal-prodott ikkonċernat esportat minn kull wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun lejn l-Unjoni. Fuq dik il-bażi, instab li l-produttur tal-Unjoni biegħ il-prodott simili fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq tal-Unjoni.

    (35)

    It-tieni nett, il-Kummissjoni identifikat dawk it-tipi ta' prodotti mibjugħa domestikament mill-produttur tal-Unjoni li kienu identiċi mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun. Hija għamlet it-tqabbil fuq bażi tat-tip ta' prodott tal-volum tal-bejgħ fl-Unjoni mal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni minn kull produttur esportatur fil-kampjun. Dan it-tqabbil wera li tip wieħed biss ta' prodott immanifatturat fl-Unjoni jaqbel kompletament mat-tip ta' prodott esportat mill-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun.

    (36)

    Sussegwentement, il-Kummissjoni eżaminat għall-produttur tal-Unjoni dan it-tip ta' prodott li jinbiegħ fis-suq tal-Unjoni setax jitqies li kien jinbiegħ fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ kif iddefinita fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Il-valur normali huwa bbażat fuq il-prezz domestiku attwali għal kull tip ta' prodott irrispettivament jekk dan il-bejgħ huwiex profittabbli u sew jekk mhuwiex, jekk il-volum mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew ogħla mill-prezz ikkalkolat tal-produzzjoni, jirrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta' dak it-tip, u fejn il-prezz tal-bejgħ medju ponderat ta' dak it-tip ta' prodott huwa daqs jew ogħla mill-kost ta' produzzjoni għal kull unità. Billi dan it-tip ta' prodott ma kienx ta' profitt, il-valur normali ma setax ikun ibbażat fuq il-medja peżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku matul il-perjodu ta' investigazzjoni iżda kellu jiġi kkalkulat kif spjegat fil-premessa (37) hawn taħt.

    (37)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni identifikat it-tipi ta' prodotti esportati mir-RPĊ lejn l-Unjoni u mhux mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u l-valur normali kostrutt ibbażat fuq l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku. Biex jinbena valur normali għal dawn it-tipi u t-tip ta' prodott mhux profittabbli diskuss fil-premessa preċedenti, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kost medju tal-produzzjoni tal-eqreb tipi tal-prodott magħmula mill-produttur tal-Unjoni u żiedet ammont għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u l-profitt korrispondenti tal-ammonti medji ponderati mġarrba mill-produttur tal-Unjoni fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fl-andament ordinarju tal-kummerċ, matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

    (38)

    Barra minn hekk, bi tweġiba għal dikjarazzjoni minn parti dwar l-allegat nuqqas ta' informazzjoni dettaljata dwar il-karatteristiċi tal-prodott, huwa ċċarat li kuntrarju għal prodotti oħra soġġetti għal investigazzjonijiet antidumping, bħal ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar mir-RPĊ, il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili fl-investigazzjoni preżenti huma pjuttost omoġenji b'tipi u varjazzjonijiet limitati. Bħala eżempju, ħafna mit-tipi ta' prodotti mibjugħin mill-produtturi esportaturi Ċiniżi kellhom eżattament l-istess karatteristiċi bażiċi dwar l-użu, il-konċentrazzjoni, l-imballaġġ u l-kompożizzjoni.

    (39)

    Madankollu, biex tkun spjegata wkoll il-metodoloġija segwita għall-istabbiliment tal-valur normali, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni identifikat sitt karatteristiċi speċifiċi li kienu rilevanti għad-definizzjoni dettaljata tat-tipi differenti tal-prodott ikkonċernat: il-forma fiżika, il-konċentrazzjoni, it-tip ta' ppakkjar, id-daqs tal-ippakkjar, l-użu u l-kompożizzjoni. Ħames tipi ta' prodotti kienu esportata mir-RPĊ lejn l-Unjoni u, għal dawn it-tipi, karatteristika waħda biss instabet li kienet differenti mit-tipi mibjugħa fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

    (40)

    Bħala parti mill-iżvelar finali, il-Kummissjoni żvelat lil kull produttur esportatur Ċiniż il-karatteristiċi u t-tip ta' prodott li użat fil-kostruzzjoni tal-valuri normali rigward it-tipi kollha ta' prodotti inklużi t-tipi esportati mir-RPĊ lejn l-Unjoni li ma kinux jaqblu kompletament mat-tipi mibjugħa fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni kif spjegat fil-premessi (35) u (39) hawn fuq.

    3.2.   Prezz tal-esportazzjoni

    (41)

    Fin-nuqqas ta' kummenti dwar il-prezzijiet ta' esportazzjoni, il-premessi minn (51) sa (53) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    3.3.   Tqabbil

    (42)

    Parti waħda ma qablitx maċ-ċaħda tat-talba tagħha għal aġġustament għall-konverżjoni tar-rata tal-kambju tar-riżolviment tagħha tal-kuntratti fuq il-bażi tal-Artikolu 2(10)(j) tar-Regolament bażiku. Kif spjegat fil-premessa (57) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni wriet li ma kien hemm l-ebda rabta diretta bejn kuntratti ta' kambju barrani u kuntratt ta' bejgħ ta' esportazzjoni kummerċjali. Il-parti ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida jew argumenti ta' natura li tiġi eżaminata mill-ġdid l-evalwazzjoni proviżorja.

    (43)

    Fuq il-bażi ta' dan t'hawn fuq, id-dikjarazzjoni tal-produttur esportatur ġiet miċħuda. Barra minn hekk, minħabba l-użu ta' prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni għad-determinazzjoni tal-valur normali, m'hemmx bżonn li jiġu indirizzati kummenti rigward it-tqabbil tal-prodott simili Ġappuniż mal-prodott ikkonċernat.

    3.4.   Kummenti wara d-divulgazzjoni finali

    (44)

    Wara d-divulgazzjoni finali, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand tliet partijiet interessati.

    (45)

    L-ewwel parti interessata ddikjarat li d-dejta tal-ilmentatur m'għandhiex tintuża għad-determinazzjoni tal-valur normali peress li tkun preġudikata u mhux newtrali. Il-parti interessata tqis li l-unika għażla hija li tintuża d-dejta Ċiniża.

    (46)

    Id-dejta tal-produttur tal-Unjoni li fuq il-bażi tagħha l-valur normali ġie stabbilit ġiet verifikata fuq il-post u nstabet li hija affidabbli u preċiża. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-relazzjoni tal-produttur Ġappuniż mal-produttur tal-Unjoni mhijiex ostaklu għall-użu tad-dejta tal-produttur tal-Unjoni. L-użu ta' dejta tal-Unjoni għad-determinazzjoni tal-valur normali hija prevista fl-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant id-dikjarazzjoni ma ntlaqatx.

    (47)

    L-istess parti interessata ddikjarat li d-deċiżjoni li tintuża d-dejta tal-industrija tal-Unjoni kisret id-dritt tagħha li tiġi informata fi żmien xieraq. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra l-iżvelar bħala suffiċjenti peress li kien fih dejta relatata mal-produttur tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-parti kkonċernata ngħatat l-opportunità biex tikkummenta.

    (48)

    Fl-aħħar nett, l-istess parti interessata sostniet li kien hemm differenzi fil-kostijiet tal-produzzjoni bejn il-produttur tal-Unjoni u l-produttur Ċiniż biex jipproduċu l-aspartam, b'mod partikolari għal proċess ta' produzzjoni, għas-servizzi addizzjonali pprovduti, it-tip tal-enerġija użata, minħabba l-implimentazzjoni ta' rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet regolatorji addizzjonali, bħal rekwiżiti dwar metalli tqal, l-arseniku, koliformi, E.coli, l-aċċess għall-materja prima, l-ispejjeż tal-privattivi, 13-il xhar paga u l-kost tal-ippakkjar. Il-parti interessata allegat li dawk id-differenzi jaffettwaw il-komparabilità tal-prezz bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Parti interessata oħra affermat li l-industrija tal-Unjoni ħallset it-tariffi tal-liċenzji fir-rigward tal-aspartam solubbli, prodott li mhuwiex prodott fir-RPĊ, u għalhekk titlob li l-kalkoli tad-dumping jiġu riveduti skont dan.

    (49)

    Il-partijiet interessati ma ssustanzjawx l-allegazzjonijiet tagħhom dwar l-allegati differenzi fil-kostijiet tal-produzzjoni li jaffettwaw il-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. B'mod partikolari, ma ngħatat l-ebda evidenza li l-konsumaturi b'mod konsistenti jħallsu prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba d-differenza f'fatturi ta' din ix-xorta. Kemm il-prodotti domestiċi kif ukoll dawk esportati jiġu pperċepiti bħala simili mill-perspettiva tal-konsumatur, li mhux lest li jħallas prezzijiet differenti. Fuq din il-bażi, dawn id-dikjarazzjonijiet huma miċħuda.

    (50)

    It-tielet parti interessata ddikjarat li l-Kummissjoni ma indikatx jekk, matul il-bini tal-valur normali, l-ammonti medji allokati għall-ispejjeż u l-profitt SG&A kienux użati għall-prodotti kollha mibjugħa fl-Unjoni jew biss l-SG&A li jappartjenu għall-eqreb tip ta' prodott. L-ewwel waħda mill-partijiet interessati stqarret li l-profitabbiltà ma tistax taqbeż 3 % minħabba s-sitwazzjoni tan-negozju tal-aspartam. Il-Kummissjoni tfakkar, kif spjegat fil-premessa (50) tar-Regolament proviżorju, li għall-bini tal-valuri normali, żiedet ammont raġonevoli għall-ispejjeż u l-profitt SG&A li jikkorrispondi għall-medja peżata tal-ammonti attwalment magħmula mill-produttur tal-Unjoni fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili, fl-andament normali tal-kummerċ matul il-perjodu tal-investigazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.

    (51)

    It-tielet parti interessata tenniet it-talba tagħha għal aġġustament għall-konverżjoni tar-rata tal-kambju fil-kuntratti ta' riżolviment tagħha. Madankollu, fin-nuqqas ta' kull evidenza ġdida jew argumenti ta' natura li tiġi eżaminata mill-ġdid l-evalwazzjoni proviżorja, it-talba hija miċħuda.

    (52)

    L-ewwel parti interessata tenniet id-dikjarazzjoni tagħha li r-rifjut ta' TES ma kienx ġustifikat u tikkontradixxi d-determinazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni kif ukoll li l-inċentivi fiskali u l-għotjiet ma għandhomx jitqiesu bħala distorsjoni ttrasferita minn ekonomija mhux tas-suq. Dawn id-dikjarazzjonijiet huma indirizzati fil-premessi (21) sa (23).

    (53)

    Barra minn hekk, din il-parti interessata sostniet li l-prospett imsemmi fil-premessa (24) tqies fit-tbassir preċedenti ta' determinazzjonijiet tat-TES.

    (54)

    Dik il-parti interessata ma wrietx li dan id-dokument kellu effett fuq l-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjoni tad-drittijiet tal-użu tal-art fid-determinazzjonijiet preċedenti tat-TES. Fi kwalunkwe każ, għal kull investigazzjoni d-deċiżjoni tat-TES hija magħmula b'mod indipendenti, abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi rilevanti għall-investigazzjoni.

    (55)

    Din il-parti interessata argumentat ukoll li l-valutazzjoni tal-prospett ma tistax titqabbel mal-prezz tax-xiri tal-kuntratt billi l-art mibjugħa kienet mingħajr trattament u ppreparata.

    (56)

    Rigward il-valutazzjoni tad-drittijiet tal-użu tal-art, il-Kummissjoni żvelat lill-parti interessata l-metodoloġija dettaljata użata biex tikkalkula d-differenza bejn il-valur tas-suq u l-kostijiet attwali. F'dan ir-rigward, il-kost totali tal-bini ġie mnaqqas mill-istima totali għall-pakkett fil-bini u l-istrutturi. Id-differenza ta' + 35 % kienet sinifikanti u tista' tiġi spjegata biss bi prezz ta' trasferiment ferm taħt valur tas-suq ġust fil-ħin tat-tranżazzjoni bejn il-kumpanija u l-awtoritajiet lokali. Il-fatt li, kif allegat mill-parti interessata, f'investigazzjonijiet preċedenti, dik id-differenza bejn il-valur tas-suq ġust u l-kostijiet reali ġiet evalwata b'mod differenti ma jbiddilx is-sejbiet ta' din l-investigazzjoni.

    3.5.   Marġnijiet tad-dumping

    (57)

    Fin-nuqqas ta' kull kumment ieħor, il-marġni proviżorji ta' dumping kif stabbiliti fil-premessi (61) sa (67) tar-Regolament proviżorju huma ikkonfermati u l-marġni tad-dumping definittivi, kif espressi bħala persentaġġ tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma li ġejjin:

    Kumpanija

    Marġini ta' Dumping definittiv %

    Changmao Biochemical Engineering Co Ltd;

    124,0

    Grupp Sinosweet

    126,0

    Grupp Niutang

    121,4

    Il-kumpaniji oħrajn kollha li kkooperaw

    124,6

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    126,0

    4.   DANNU

    4.1.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

    (58)

    Fin-nuqqas ta' kummenti dwar id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni, il-premessi minn (68) sa (69) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    4.2.   Il-konsum tal-Unjoni

    (59)

    Fin-nuqqas ta' kummenti dwar il-konsum tal-Unjoni, il-premessi minn (70) sa (73) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    4.3.   Importazzjonijiet mir-RPĊ

    4.3.1.   Il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

    (60)

    Parti waħda sostniet li d-drittijiet tad-difiża tagħha ġew miksura minħabba li l-istatistika tal-importazzjoni ma ġietx magħmula pubblika. Din il-parti talbet ukoll spjegazzjoni dwar kif dawn il-volumi u l-valuri tal-prodott konċernat kienu mnaqqsa mill-istatistiċi disponibbli u talbet kjarifika dwar ma' liema bażi tad-dejta u kif dawn il-volumi/valuri kienu ċċekkjati kif imsemmi fil-premessa (71) tar-Regolament proviżorju. Il-parti talbet li jkollha aċċess għal statistiċi ta' importazzjoni.

    (61)

    Il-Kummissjoni tikkonferma li l-volumi u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi kienu stabbiliti fuq il-bażi tad-dejta pprovduta minn kumpanija tar-riċerka bbażata fiċ-Ċina, CCM (5). Din id-dejta ġiet kontroverifikata mal-informazzjoni disponibbli fil-Bażi ta' dejta uffiċjali tal-Esportazzjoni Ċiniża li tinżamm mill-awtoritajiet doganali Ċiniżi. Id-dejta miksuba mill-Bażi tad-dejta tal-Esportazzjoni Ċiniża hija disponibbli fil-fajl mhux kunfidenzjali għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati. Barra minn hekk, hija disponibbli wkoll pubblikament bi ħlas. Kemm is-CCM u l-Bażi tad-dejta tal-Esportazzjoni Ċiniża għandhom kodiċi speċifiku (29242930) esklussivament għall-aspartam u għalhekk kienu speċifiċi biżżejjed u l-ebda tnaqqis ma kien meħtieġ.

    (62)

    L-unità ta' kejl fil-premessa (76) u t-Tabella 3 tar-Regolament proviżorju għandha żball klerikali. Il-prezzijiet indikati fil-premessa (76) u fit-Tabella 3 tar-Regolament proviżorju jikkonċernaw EUR/kg u mhux EUR/tunnellata.

    (63)

    Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konstatazzjonijiet tar-Regolament proviżorju li jikkonċernaw il-volum, is-sehem tas-suq u l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mir-RPĊ kif deskritti fil-premessi (74) sa (77) huma kkonfermati u l-unità tal-kejl fil-premessa (76) u t-Tabella 3 tar-Regolament proviżorju hija kkoreġuta għal EUR/kg.

    4.3.2.   It-twaqqigħ tal-prezz

    (64)

    Parti interessata waħda talbet lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz billi jittieħed kont tad-differenzi fit-tip ta' ppakkjar. Din il-parti pprovdiet kwotazzjonijiet tal-prezzijiet għal materjali differenti ta' pakkeġġjar biex issostni d-dikjarazzjoni tagħha. Parti oħra ddikjarat li l-kalkolu tat-twaqqigħ fil-prezz għandu jqis id-differenzi fil-proċess tal-produzzjoni u l-prezz tax-xiri tal-materja prima minħabba t-trasport tal-merkanzija bil-baħar u l-assigurazzjoni internazzjonali minħabba li dawn il-parametri allegatament kellhom effett sinifikattiv fuq il-prezz tal-prodott finali.

    (65)

    Parti waħda interessata ddikjarat ukoll li minħabba li l-industrija tal-Unjoni ma tilfitx sehem tas-suq, it-tnaqqis fil-prezz ma huwa tal-ebda konsegwenza peress li jkun rilevanti biss meta l-importazzjonijiet mir-RPĊ jkollhom sehem fis-suq tal-industrija tal-Unjoni.

    (66)

    L-ewwel nett, kif spjegat fil-premessa (79) tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni żvelat li l-imballaġġ mhuwiex mutur tal-prezz. Barra minn hekk, mill-analiżi tal-kwotazzjonijiet ipprovduti mill-parti, il-Kummissjoni sabet li dawn jiżvelaw differenza massima ta' 0,33 RMB/kg tal-kostijiet tal-ippakkjar (ekwivalenti għal 0,046 EUR/kg) li huwa negliġibbli għal prodott bi prezz medju iżjed jew madwar 10 EUR/kg.

    (67)

    Min-naħa l-oħra, il-kalkoli tad-dannu huma bbażati fuq prezzijiet komparabbli tal-Unjoni u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet matul il-perjodu tal-investigazzjoni kif spjegat fil-premessa (78) tar-Regolament proviżorju. Kull differenza bejn ir-RPĊ u l-Unjoni f'dak li jikkonċerna l-prezz tal-materja prima trid tiġi murija li taffettwa l-komparabilità tal-prezz. Mhuwiex rari li produtturi f'pajjiż wieħed jixtru materja prima bi prezzijiet differenti minn produtturi f'pajjiż ieħor. Madankollu, tali differenza fil-kostijiet mhux bilfors twassal għal differenza fil-prezzijiet jew taffettwa neċessarjament il-paragun ġust tal-prezzijiet peress li hija biss waħda fost l-elementi tal-prezz u mhux kollha. Fi kwalunkwe każ, il-parti interessata naqset milli tissostanzja l-argument tagħha kif l-allegata differenza fil-kostijiet tal-materja prima taffettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Bħala konsegwenza, din id-dikjarazzjoni ġiet irrifjutata.

    (68)

    It-tielet nett, l-investigazzjoni stabbiliet li l-proċess tal-produzzjoni użat mill-produttur tal-Unjoni u l-produtturi esportaturi Ċiniżi huma simili. Barra minn hekk il-parti interessata naqset milli tissostanzja x'tip ta' aġġustament għandu jsir minħabba d-differenza fil-proċess tal-produzzjoni, jekk ikun hemm. Għalhekk, din il-dikjarazzjoni mhix qed tiġi aċċettata.

    (69)

    Wara d-divulgazzjoni finali, il-parti interessata tenniet id-dikjarazzjoni tagħha li d-differenzi li jaffettwaw il-komparabilità tal-prezz kif elenkati fi premessa (48) għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fil-kalkoli tat-tnaqqis tal-prezz. Barra minn hekk, din il-parti interessata sostniet li għal wieħed mill-klijenti tagħha, kummerċjant, għandu jiġi inkluż marġinu ta' qligħ fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz.

    (70)

    L-investigazzjoni ma sabitx li hemm vantaġġ fil-prezz fuq il-prodott simili li huwa prodott kummerċjali. L-investigazzjoni sabet li ma hemm l-ebda differenza ta' kwalità jew kull differenza oħra bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili li tkun sistematikament riflessa fil-prezzijiet. Rigward id-dikjarazzjoni dwar żieda ta' marġini ta' profitt mal-kostijiet ta' wara l-importazzjoni ta' kummerċjant, il-Kummissjoni tfakkar li l-kalkoli huma bbażati fuq il-prezzijiet imħallsa mill-ewwel klijenti indipendenti, irrispettivament minn jekk ikunux kummerċjanti jew le. Għaldaqstant dawk l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

    (71)

    L-allegazzjoni li t-twaqqigħ tal-prezzijiet huwa rilevanti biss f'każijiet fejn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping ikopru s-sehem mis-suq tal-industrija m'għandha l-ebda mertu u ma tirriflettix il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku. Dan l-argument ġie miċħud.

    (72)

    Wara d-divulgazzjoni finali, parti interessata kkontestat il-konklużjoni tal-Kummissjoni u ddikjarat li t-twaqqigħ tal-prezz ma ħalliex impatt b'mod materjali fuq il-parametri ekonomiċi tal-industrija tal-Unjoni.

    (73)

    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikoli 3(3) u 3(6) tar-Regolament bażiku jippermettu li d-determinazzjoni ta' ħsara tkun ibbażata fuq il-volum u/jew l-indikaturi tal-prezzijiet. Id-dikjarazzjoni dwar il-materjalità tat-twaqqigħ tal-prezz hija indirizzata fit-taqsima 4.5.

    (74)

    Fin-nuqqas ta' kull kumment ieħor dwar it-twaqqigħ tal-prezz, il-premessi (78) sa (80) tar-Regolament proviżorju huma konfirmati.

    4.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

    Fin-nuqqas ta' kummenti li jikkontestaw iċ-ċifri u x-xejriet li jiddeskrivu l-iżvilupp tal-indikaturi tad-dannu, is-sejbiet fil-premessi (81) sa (100) tar-Regolament proviżorju huma miżmuma.

    4.5.   Konklużjoni dwar id-dannu

    (75)

    Il-prestazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni ġiet ivvalutata skont l-eżami tal-fatturi ekonomiċi kollha speċifikati fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. L-indikaturi ekonomiċi kollha (bl-eċċezzjoni ta' sehem mis-suq u l-kapaċità ta' produzzjoni) iddeterjoraw matul il-perjodu kkunsidrat. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li sabiex jiġi stabbilit id-dannu, mhux l-indikaturi kollha għandhom juru tendenza ta' dannu billi l-ebda minnhom ma huwa deċiżiv f'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

    (76)

    B'mod partikolari, l-investigazzjoni stabbiliet li minħabba l-volumi kbar ta' importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta' dumping li kienu orħos ferm mill-prezzijiet tal-Unjoni (b' 21,1 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni), l-industrija tal-Unjoni ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li tnaqqas il-prezzijiet tal-bejgħ tagħha minkejja s-sitwazzjoni agħar fil-kost. Dan it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ kellu impatt negattiv dirett fuq il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investiment tagħha. Id-deterjorament sinifikanti ta' dawk l-indikaturi tad-dannu huwa sinjal ċar ta' dannu materjali kkawżat minn importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta' dumping. Il-parti interessata ma pprovdiet l-ebda evidenza ġdida jew argumenti li jikkontestaw din il-konklużjoni.

    (77)

    Il-parti interessata staqsiet jekk l-industrija tal-Unjoni kinitx sfurzata tnaqqas il-prezzijiet tagħha biex iżżomm is-sehem mis-suq tagħha peress li minkejja t-tnaqqis tal-prezzijiet ta' 21,1 % hi naqqset il-prezzijiet tagħha b' 7 % biss.

    (78)

    Bi tweġiba għal dan l-argument, huwa importanti li jiġi enfasizzat li t-tnaqqis tal-prezzijiet mhuwiex sempliċi tqabbil tal-prezzijiet iżda jsegwi l-metodoloġija kif deskritt fil-premessi (78) sa (80) tar-Regolament proviżorju u b'hekk il-kobor tiegħu mhux neċessarjament jirrifletti l-iżvilupp tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, qed jiġi mfakkar li l-industrija tal-Unjoni bilfors kellha tnaqqas il-prezzijiet tagħha b'mod kontinwu matul il-perjodu kkunsidrat minkejja s-sitwazzjoni ekonomika li sejra lura u minħabba li kienet diġà qed tagħmel telf fl-2013. Fid-dawl ta' dan, tnaqqis fil-prezz ta' 7 % ma jistax jitqies bħala mhux sinifikanti.

    (79)

    Ibbażata fuq dan t'hawn fuq, il-konklużjoni milħuqa fil-premessa 106 tar-Regolament proviżorju li l-industrija tal-Unjoni soffriet danni materjali fis-sens tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku hija kkonfermata.

    5.   KAWŻALITÀ

    5.1.   L-effett tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping

    (80)

    Xi partijiet qalu li ċerti indikaturi bħalma huma l-kapaċità tal-produzzjoni ma jsegwux xejra dannuża u oħrajn bħall-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq u l-livell tal-prezz tal-bejgħ kellhom jiġu analizzati fil-kuntest ta' konsum li naqas matul il-perjodu kkunsidrat.

    (81)

    F'dak li għandu x'jaqsam mal-kapaċità ta' produzzjoni, din tabilħaqq baqgħet stabbli matul il-perjodu kkunsidrat. Dan huwa dovut għall-fatt li l-industrija tal-Unjoni tikkonsisti minn produttur wieħed li għandu faċilità ta' produzzjoni integrata magħmula minn fażijiet tal-produzzjoni allinjati bir-reqqa li jillimitaw il-possibbiltà ta' tnaqqis tal-kapaċità għall-għarrieda mingħajr arraġamenti mill-ġdid kbar u għaljin. L-industrija tal-Unjoni madankollu taffiet l-effetti tat-tnaqqis fid-domanda permezz ta' waqfien estiż tal-produzzjoni kif spjegat fil-premessa (84) tar-Regolament proviżorju. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni naqqset il-kost fiss tagħha biex tnaqqas l-effett tat-tnaqqis fid-domanda fuq il-kost tal-produzzjoni.

    (82)

    Wara d-divulgazzjoni finali, parti interessata waħda allegat li ma ġewx ipprovduti dettalji dwar kif l-industrija tal-Unjoni naqqset il-kostijiet fissi tagħha. Barra minn hekk, din il-parti interessata sostniet ukoll li kull tnaqqis fil-kostijiet fissi kien marġinali, l-iktar l-iktar. Il-parti interessata argumentat li l-industrija tal-Unjoni naqset milli tadatta għat-tibdil fis-suq tal-Unjoni u li, konsegwentement, kull dannu sofrut sar minnha stess.

    (83)

    Bi tweġiba, il-Kummissjoni tfakkar li d-dettalji dwar it-tnaqqis tal-kostijiet fissi magħmula mill-industrija tal-Unjoni kienu pprovduti fil-premessa (84) tar-Regolament proviżorju. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni adattat għat-tnaqqis fid-domanda billi aġġustat il-proċess tagħha tal-produzzjoni għal rata ta' produzzjoni aktar baxxa. Il-Kummissjoni analizzat bir-reqqa l-iżvilupp tal-kostijiet fissi matul il-perjodu kkunsidrat. L-investigazzjoni żvelat li l-industrija tal-Unjoni rnexxielha tnaqqas il-kostijiet fissi u ġenerali tagħha b'mod sinifikanti u bħala riżultat fl-istess perjodu il-kostijiet fissi għal kull tunnellata żdied b' 24 % biss. Kieku l-industrija tal-Unjoni ma ħaditx l-azzjonijiet ta' hawn fuq u dawk deskritti fil-premessa (84) tar-Regolament proviżorju l-kostijiet fissi kienu jiżdiedu b'66 %. Fid-dawl ta' dan il-Kummissjoni ssostni l-konklużjoni tagħha li l-industrija tal-Unjoni ħadet azzjoni xierqa biex tadatta għat-tnaqqis fil-bejgħ u rnexxielha tnaqqas il-kostijiet fissi tagħha b'mod sinifikanti. Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, id-dikjarazzjoni li l-ħsara hija awto-inflitta mhix ikkonfermata mis-sejbiet tal-investigazzjoni u għalhekk ġiet miċħuda.

    (84)

    L-investigazzjoni stabbilixxiet li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping mir-RPĊ naqsu b' 12 % matul il-perjodu kkunsidrat. Din l-imġiba tal-prezzijiet ma tistax tiġi spjegata permezz tal-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima. Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta' dumping jirrappreżentaw proporzjon kbir tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni u b'hekk għandhom impatt importanti fuq dan is-suq, li huwa s-suq ewlieni tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif intqal fil-premessa (76) il-marġini li bih l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kien għoli daqs 21,1 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Konsegwentement, l-industrija tal-Unjoni ma kellha l-ebda għażla ħlief li tnaqqas il-prezzijiet ta' bejgħ tagħha sabiex tibqa' attraenti biżżejjed u tillimita t-telf fil-volum tal-bejgħ u s-sehem tas-suq. Il-Kummissjoni ġabret evidenza dwar negozjati ta' kuntratti li jinvolvu l-utenti u d-distributuri tal-aspartam li turi li l-prezz tal-importazzjonijiet Ċiniżi jintuża biex jagħmel pressjoni fuq l-industrija tal-Unjoni. Dan kellu impatt negattiv dirett, b'mod partikolari fuq il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investiment tal-industrija tal-Unjoni. Id-deterjorament ta' dawn l-indikaturi ta' dannu huwa għalhekk marbut direttament mal-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta' dumping u din ir-rabta mhix mibdula minħabba tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni.

    (85)

    Fir-rigward tal-premessa (110) tar-Regolament proviżorju, parti waħda sostniet li s-sors ta' statistiċi dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima għandhom isiru pubbliċi u esprimiet dubji dwar il-konstatazzjoni li żewġ materji primi jkopru biss 25 % tal-kost totali tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat/prodott simili. Abbażi tad-dejta dwar il-kost tal-parti, dawn iż-żewġ materji primi jikkostitwixxu madwar 50 % tal-kost totali tal-produzzjoni tal-produtturi esportaturi u għalhekk il-Kummissjoni għandha tikkunsidra mill-ġdid il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessa (110) tar-Regolament proviżorju.

    (86)

    L-informazzjoni li tikkonċerna l-prezzijiet tal-materja prima nkisbet minn CCM u sommarju miftuħ tagħha tqiegħed fil-fajl mhux kunfidenzjali għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati wara l-kummenti li waslu wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju.

    (87)

    Kif spjegat fil-premessa (110) tar-Regolament proviżorju, il-prodott ikkonċernat/prodott simili jiġi manifatturat billi jitħalltu ż-żewġ amminoaċidi (L-aspartiku u L-fenilalanina) bi kwantitajiet pjuttost indaqs. Mal-wasla tal-istatistika addizzjonali li tkopri l-PI meta mqabbel mas-sena kalendarja 2014, l-iżvilupp tal-prezz tal-materja prima ġie rivedut. Matul il-perjodu kkunsidrat il-prezz ta' L-aspartiku żdied b'1 % u dak ta' L-fenilalanina naqas b'23,6 %. Madankollu, din ir-reviżjoni tal-prezz tal-materja prima ma biddlitx il-konklużjoni milħuqa fl-istadju tal-provista li dawn iż-żewġ aminoaċidi flimkien jirrappreżentaw madwar 25 % tal-kost totali tal-produzzjoni għall-industrija tal-Unjoni. Dan huwa wkoll skont id-dejta tal-produttur tal-pajjiż analogu. Għall-kuntrarju ta' dak li qalet il-parti interessata, id-dejta dwar il-kost tagħha ma kinitx verifikata mill-Kummissjoni minħabba li ma kinitx suġġetta għal trattament ta' ekonomija tas-suq. Bħala riżultat, id-dejta dwar il-kost tagħha ma tistax tiġi kkunsidrata. Għalhekk, il-konstatazzjoni li ż-żewġ materji primi ewlenin jirrappreżentaw madwar 25 % tal-kost totali tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat/prodott simili tinżamm kif iddikjarat fil-premessa (110) tar-Regolament proviżorju.

    (88)

    Abbażi tad-dejta tal-istatistika aġġornata, l-impatt massimu tal-kost tal-materja prima fuq il-kost/l-iżviluppi fil-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili huwa tnaqqis ta' 4.6 %. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li tnaqqis fil-prezz tal-prodott ikkonċernat kienet ta' 12 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni kif dikjarat fil-premessa (77) tar-Regolament proviżorju. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li sostniet il-parti interessata, it-tnaqqis fil-prezz tal-materja prima ma jistax jispjega b'mod sinifikanti t-tnaqqis fil-prezz tal-prodott ikkonċernat u għalhekk ma jbiddilx il-konklużjoni milħuqa fil-premessa (110) tar-Regolament proviżorju; jiġifieri l-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu qed jipprattikaw imġiba pjuttost aggressiva ta' pprezzar fis-suq tal-Unjoni u kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.

    (89)

    Parti oħra ddikjarat li l-fatt li l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi żżomm is-sehem tas-suq tagħha hija indikazzjoni ċara li l-importazzjonijiet mir-RPĊ ma huma qed jikkawżaw l-ebda dannu lill-industrija tal-Unjoni.

    (90)

    Fir-rigward ta' din id-dikjarazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li l-evoluzzjoni tal-ishma tas-suq hija kunsiderazzjoni waħda biss fl-analiżi tar-rabta każwali. Barra minn hekk, il-fatt li pressjoni sinifikanti fuq il-prezz eżerċitat mill-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-perjodu kkunsidrat ma ġiex tradott għal telf tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, u li għalhekk kemm il-produtturi esportaturi Ċiniżi kif ukoll l-industrija tal-Unjoni żammu s-sehem tas-suq tagħhom jidher li jindika li s-suq tal-Unjoni huwa aktar riġidu milli kien ikun mistenni għal prodott ta' komodità. Il-prodott ikkonċernat/il-prodott simili għandu rwol pjuttost marġinali fil-kost tal-produzzjoni tal-utenti (inqas minn 3 %) filwaqt li fl-istess ħin fl-industrija tal-ikel u l-farmaċewtika il-fornituri huma soġġetti għal proċessi ta' ċertifikazzjoni twal u għaljin ħafna. Dan ifisser li — mill-anqas sa tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni — ħafna mill-utenti ppreferew li jżommu fornituri diġà ċċertifikati u ta' fiduċja pjuttost milli jibdew proċess ta' ċertifikazzjoni bbażat fuq kwotazzjonijiet tal-prezzijiet.

    (91)

    Wara d-divulgazzjoni finali, parti interessata minnhom iddikjarat li l-industrija tal-Unjoni naqqset il-prezzijiet tagħha matul il-perjodu b' 7 % “biss” li minnhom 4,6 % huwa minħabba t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-materja prima. Skont il-parti interessata, għalhekk, dak li verament ikkawża t-tnaqqis fil-prezz ta' bejgħ huwa l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima. Barra minn hekk, din il-parti interessata annwalizzat it-tnaqqis fil-prezz minħabba fatturi oħra, jiġifieri 2,4 %, osservat matul il-perjodu kkunsidrat u waslet għal EUR 0,056 għal kull kg kull sena. Minn dan, il-parti interessata kkonkludiet li huwa fl-istess firxa bħad-differenza fil-prezz osservata fil-materjali tal-imballaġġ li tqieset negliġibbli mill-Kummissjoni fil-premessa (66). Fuq din il-bażi, il-parti interessata sostniet li l-impatt tal-prezz ta' fatturi oħra ma jistax jitqies bħala materjali.

    (92)

    Bi tweġiba għal dan l-argument, huwa importanti li jiġi ċċarat li fil-premessa (88), il-Kummissjoni stabbiliet li l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-materja prima jista' jispjega tnaqqis massimu sa 4,6 %, fil-prezz tal-prodott ikkonċernat. Dan huwa massimu teoretiku u ma jfissirx li l-prezzijiet għandhom neċessarjament jonqsu bl-istess marġni fl-istess perjodu ta' żmien. Dan huwa speċjalment minnu għal prodott bħall-aspartam li ma jinbiegħx fuq bażi ta' prezzijiet ad hoc, iżda pjuttost permezz ta' kuntratti ta' bejgħ annwali jew multi-annwali bi prezzijiet fissi. L-investigazzjoni stabbiliet li l-industrija tal-Unjoni kienet soġġetta għal pressjoni kontinwa u qawwija fil-prezzijiet mill-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta' dumping u li kienet sfurzata tnaqqas il-prezzijiet tagħha tal-bejgħ minkejja struttura tal-kost li b'mod ġenerali dejjem tmur għall-agħar. Barra minn hekk, l-approċċ annwalizzat imressaq mill-parti interessata ma jistax jiġi aċċettat. Minħabba l-varjazzjonijiet annwali osservati fis-settur tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-materja prima dan l-approċċ annwalizzat ma jirriflettix ir-realtà ekonomika u huwa metodoloġikament mhux korrett. Fl-istess ħin, id-differenza fil-prezz tal-materjali tal-imballaġġ hija differenza reali f'sena partikolari u bħala tali hija tabilħaqq negliġibbli fid-dawl tal-prezz tal-prodott ikkonċernat.

    (93)

    Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed evidenza rrekordjata rigward il-pressjoni tal-prezzijiet u l-impatt materjali negattiv tagħha fuq l-industrija tal-Unjoni.

    (94)

    Fin-nuqqas ta' kull kumment ieħor rigward l-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, imsemmija fil-premessi (108) sa (113) tar-Regolament proviżorju, dawn is-sejbiet huma kkonfermati.

    5.2.   Effett ta' fatturi oħrajn

    (95)

    Bosta partijiet interessati ddikjaraw jew sostnew li d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien minħabba t-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, parti interessata waħda saħqet li t-tnaqqis fil-konsum huwa minħabba kompetizzjoni akbar minn sustanzi dulċifikanti oħra partikolarment l-aċesulfam tal-potassju (“Ace-K”) u minn aktar preokkupazzjonijiet rigward is-saħħa marbuta mal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili. Barra minn hekk, xi partijiet interessati sostnew ukoll li d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat minn prestazzjoni ta' esportazzjoni li qed tiddeterjora u/jew għamlitha b'idejha stess minħabba l-falliment tal-industrija li tadatta għat-tnaqqis fid-domanda.

    (96)

    Parti waħda ddikjarat ukoll li t-telf tal-industrija tal-Unjoni huwa attribwibbli għall-indeboliment konsiderevoli li kellu impatt negattiv fuq l-industrija tal-Unjoni u jispjega t-telf tal-industrija tal-Unjoni. Parti waħda sostniet li l-bejgħ tal-produttur tal-Unjoni ftit wara t-tnedija tal-investigazzjoni attwali ma tqiesx waqt il-valutazzjoni tal-kawża tad-dannu.

    5.2.1.   Konsum

    (97)

    Kif diġà rikonoxxut fil-premessi (121) u (122) tar-Regolament proviżorju li t-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni seta' kkontribwixxa għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. L-investigazzjoni madankollu ma sabitx li dan it-tnaqqis kien biżżejjed biex jispjega l-firxa u l-profondità tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni u għaldaqstant ma setatx tkisser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta' dumping u d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni.

    (98)

    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tivvaluta l-impatt ta' dulċifikanti oħrajn u b'mod partikolari dak tal-Ace-K dwar is-suq tal-aspartam, ma ntweriex għalfejn u kif iċ-ċifri ta' dannu li huma allegatament aktar negattivi fil-każ tal-Ace-K (6) huma kunsiderazzjoni rilevanti għal din l-investigazzjoni.

    (99)

    Aktar importanti, l-investigazzjoni sabet li minkejja li qed isseħħ xi sostituzzjoni fost diversi sustanzi dulċifikanti, dan huwa pjuttost limitat minħabba li l-iżvilupp u l-approvazzjoni ta' formoli ġodda hi riskjuża, tieħu ż-żmien, u l-proċess jiswa ħafna flus. Fi kwalunkwe każ, id-dazji imposti fuq l-Ace-K li joriġina mir-RPĊ jistgħu biss isaħħu l-pożizzjoni attwali fis-suq tal-prodott ikkonċernat u tal-prodott simili fis-suq tal-Unjoni u mhux jaffettwaw b'mod negattiv u uniku l-industrija tal-Unjoni kif iddikjarat.

    (100)

    Wara d-divulgazzjoni finali, il-parti interessata tenniet l-argument tagħha li l-kawża ewlenija tal-ħsara huwa t-tnaqqis fil-konsum minħabba tħassib dwar is-saħħa ul-bdil li jirriżulta ma' sustanzi dulċifikanti oħra inkluż l-Ace-K. Il-parti interessata sabet li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li s-sostituzzjoni fost sustanzi dulċifikanti hija limitata tikkontradixxi r-Regolament proviżorju u reġà qajmet l-ilment tagħha li l-Kummissjoni naqset milli tindirizza l-konklużjonijiet tal-investigazzjoni anti-dumping kontra l-Ace-K u l-impatt tagħhom fuq l-investigazzjoni preżenti.

    (101)

    Fil-premessa (97), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-effetti tat-tnaqqis fil-konsum u l-impatt limitat tagħhom ma jistgħux jispjegaw id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. Il-parti interessata ma pprovdiet l-ebda informazzjoni ġdida f'dan ir-rigward u għalhekk, id-dikjarazzjoni li t-tnaqqis fil-konsum ikisser ir-rabta kawżali hija miċħuda.

    (102)

    Fin-nuqqas ta' kull kumment ieħor rigward it-tnaqqis fil-konsum, il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessa (122) tar-Regolament proviżorju huma ikkonfermati.

    5.2.2.   Il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet

    (103)

    It-Tabella 10 tar-Regolament proviżorju kienet tinkludi żball klerikali (minflok l-indiċi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni medji din kienet turi l-indiċi tal-livelli tal-prezzijiet osservati fis-suq tal-Unjoni). Minkejja dan l-iżball klerikali l-analiżi u l-konklużjonijiet kienu bbażati fuq iċ-ċifri korretti. L-indiċi tal-prezzijiet huma kkoreġuti kif ġej:

    It-Tabella 10

    Il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

     

    2011

    2012

    2013

    2014

    IP

    Prezz medju

    Indiċi

    100

    89

    101

    97

    94

    Sors: Dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni

    (104)

    Rigward l-affermazzjoni li l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kkawżat id-dannu, ta' min ifakkar li, kif spjegat fil-premessa (115) tar-Regolament proviżorju, dan il-fattur instab li jikkontribwixxi għad-dannu mġarrab. Madankollu, kif spjegat fil-premessi (116) u (118) tar-Regolament proviżorju, ma nstabx li jkisser ir-rabta kawżali. Huwa mfakkar li l-investigazzjoni sabet li waqt il-perjodu ta' investigazzjoni, is-sehem tal-produzzjoni li kien esportat kien sostanzjalment iżgħar minn dak is-sehem tal-produzzjoni mibjugħ fis-suq tal-Unjoni.

    (105)

    Barra minn hekk, ta' min isemmi li l-investigazzjoni wriet li kienet ir-RPĊ li rnexxielha twettaq pressjoni fuq l-industrija tal-Unjoni minn swieq terzi oħrajn. L-istatistiċi disponibbli (7) juru li fid-destinazzjonijiet ewlenin tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, bħalma huma l-Brażil, l-Arġentina, il-Messiku u t-Turkija, ir-RPĊ kienet qed tbigħ kwantitajiet sinifikanti u dejjem jiżdiedu bi prezzijiet simili jew anke aktar baxxi minn dawk fis-suq tal-Unjoni. Ma tistax tiġi injorata s-sitwazzjoni ġenerali, globali li skontha r-RPĊ prattikament qed tieħu f'idejha l-forniment mad-dinja kollha ta' dan il-prodott (8). L-esportaturi Ċiniżi kienu qed iwaqqgħu b'mod sinifikanti l-industrija tal-Unjoni anke fi swieq terzi. Dment li m'hemm prattikament l-ebda parteċipanti oħrajn fis-suq dinji ħlief għall-Ġappun, li qed ibigħ konsiderevolment inqas kwantitajiet bi prezzijiet sostanzjalment ogħla min tar-RPĊ fid-destinazzjonijiet ewlenin tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, huwa korrett li wieħed jikkonkludi li t-telf fil-volumi tal-bejgħ u l-prezzijiet ta' esportazzjoni kien ukoll l-aktar minħabba l-imġiba fl-ipprezzar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi.

    (106)

    Wara d-divulgazzjoni finali, il-partijiet interessati talbu lill-Kummissjoni biex turi f'termini kwantifikabbli kif l-impatt tat-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni kienu limitati u ma kissrux ir-rabta kawżali.

    (107)

    Il-Kummissjoni tfakkar li, skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, fatturi għajr l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping huma evalwati u l-effetti dannużi tagħhom ma jistgħux jiġu attribwiti għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping. Għalhekk, mhuwiex eskluż li fatturi oħra jikkontribwixxu għall-ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Madankollu, l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku ma jirrikjedi l-ebda kwantifikazzjoni tal-kontribuzzjoni minn fatturi oħra. Billi ddistingwixxiet u sseparat l-effetti ta' fatturi oħra, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha taħt l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku

    (108)

    Fin-nuqqas ta' kull kumment ieħor rigward il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni, il-konklużjonijiet milħuqa fil-premessi (114) sa (118) tar-Regolament proviżorju huma kkonfermati.

    5.2.3.   Dannu awtoinflitt

    (109)

    B'risposta għall-argument li d-dannu li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni kien ħtija tagħha stess, għandu jkun ippreċiżat li dan l-argument ġie indirizzat fil-premessa (81) ta' hawn fuq. Fi kwalunkwe każ, peress li l-kapaċità tal-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni għadha 'l isfel sew mill-konsum tal-Unjoni, wieħed ma jistax jitkellem dwar dannu kkawżat minħabba l-kapaċità żejda ġenerali.

    5.2.4.   Fatturi varji oħra mressqa mill-partijiet interessati

    (110)

    Għal dak li jirrigwarda l-affermazzjoni tal-parti interessata dwar l-indeboliment, huwa mfakkar li l-indeboliment fil-kontijiet tal-industrija tal-Unjoni ma ġiex ikkunsidrat għall-valutazzjonijiet tal-kost u l-qligħ kif iddikjarat fil-premessa (98) tar-Regolament proviżorju.

    (111)

    Fir-rigward tal-affermazzjoni li l-bejgħ ta' produttur tal-Unjoni kellu jiġi evalwat fl-analiżi tal-kawżalità, wieħed irid jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet li ġejjin. Il-parti interessata tonqos milli turi f'liema sens il-bidla fil-proprjetà tal-industrija tal-Unjoni kellha tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-analiżi tal-kawżalità. Il-proprjetarju preċedenti, Ajinomoto Co. dejjem kellha l-faċilità ta' produzzjoni ewlenija tagħha fil-Ġappun fejn dan l-aħħar żviluppat metodu ġdid ta' produzzjoni. Ajinomoto Co. għamlet deċiżjoni tan-negozju li tikkonsolida l-bażijiet ta' produzzjoni tal-aspartam tagħha fil-Ġappun. L-investigazzjoni kkonfermat li s-sid il-ġdid jappoġġa bis-sħiħ l-ilment u huwa impenjat li jkompli jipproduċi l-aspartam kif ġie ddikjarat fil-premessa (68) tar-Regolament proviżorju.

    (112)

    Wara d-divulgazzjoni finali, parti interessata ddikjarat li, peress li l-intenzjoni li tbiegħ il-faċilità ta' produzzjoni tal-Unjoni kienet diġà magħrufa fl-2014, is-sid tal-faċilità ta' produzzjoni naqas milli jagħmel l-aġġustamenti u l-investimenti/titjib meħtieġa biex jadatta għall-kundizzjonijiet tas-suq diffiċli. Il-parti interessata allegat li din il-kwistjoni ma ġietx debitament evalwata mill-Kummissjoni fl-analiżi tal-kawżalità.

    (113)

    B'risposta għal din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni tfakkar li l-investigazzjoni analizzat l-azzjonijiet tal-produttur tal-Unjoni u kkonkludiet li ittieħdu għadd ta' miżuri biex ittaffu l-effetti negattivi tas-suq li sejjer lura u tad-dumping Ċiniż. Konklużjonijiet f'dan ir-rigward jistgħu jinsabu fil-premessa (83). It-Tabella 8 tar-Regolament proviżorju turi li, l-investimenti, għalkemm qed jonqsu, għadhom qed isiru u anke żdiedu f'xi sena matul il-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, huwa ċar li Ajinomoto kellha interess qawwi biex ma tħallix impatt negattiv fuq in-negozju tal-produttur tal-Unjoni peress li hija xtaqet tbigħ il-kumpanija bħala negozju avvjat. Fid-dawl ta' hawn fuq, huwa kkunsidrat li l-bejgħ tal-produttur tal-Unjoni kien analizzat biżżejjed u li m'hemm l-ebda evidenza fil-fajl li tappoġġa d-dikjarazzjonijiet tal-parti interessata.

    (114)

    Fin-nuqqas ta' kull kumment ieħor dwar il-premessi (119) u (120), (123) u (124) u (126) sa (127) tar-Regolament proviżorju, il-konklużjonijiet milħuqa hemmhekk huma kkonfermati.

    5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

    (115)

    L-investigazzjoni wriet li l-pressjoni kontinwa fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi flimkien mal-preżenza b'saħħitha tagħhom fis-suq tal-Unjoni kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Il-prezzijiet ġa mnaqqsa tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu ħafna matul il-perjodu kkunsidrat u dan it-tnaqqis fil-prezz ma jistax jiġi spjegat b'mod sħiħ permezz tax-xejriet fil-prezzijiet tal-materja prima. Id-dipressjoni tal-prezzijiet kellha impatt negattiv dirett fuq il-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni u kkontribwixxiet biex din issir ta' telf fis-suq tal-Unjoni.

    (116)

    Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni żżomm il-konklużjoni tagħha li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

    (117)

    Il-Kummissjoni kkunsidrat b'attenzjoni l-effetti tal-fatturi l-oħra kollha magħrufa li jista' jkollhom impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Huwa rikonoxxut li ċerti fatturi (tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni) setgħu kkontribwixxew għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. L-impatt tagħhom kien limitat fl-ambitu u fid-dettall jew it-tnejn, u għalhekk dawn ma kisrux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta' dumping u l-ħsara materjali mġarrba.

    (118)

    Il-konklużjoni li ntlaħqet fil-premessi (128) sa (131) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

    6.   INTERESS TAL-UNJONI

    (119)

    Waħda mill-partijiet interessati stqarret li l-impożizzjoni ta' miżuri tista' tmur kontra l-interess tal-Unjoni peress li l-miżuri proposti effettivament jagħlqu s-suq tal-Unjoni għall-produtturi esportaturi Ċiniżi, u dan iħalli lill-utenti b'sors wieħed ta' provista (jiġifieri l-industrija tal-Unjoni). Skont il-parti interessata, din tfisser ukoll li l-miżuri jqiegħdu lill-industrija tal-Unjoni f'pożizzjoni dominanti fis-suq li tkun kompletament kapaċi tieħu vantaġġ minnu. Partijiet esprimew dubju wkoll dwar il-koinċidenza fiż-żmien bejn il-bejgħ tal-ilmentatur u s-sottomissjoni tal-ilment.

    (120)

    Il-Kummissjoni ma taqbilx ma' dan l-argument. Barra mir-RPĊ hemm ukoll produzzjoni konsiderevoli fil-Ġappun. Dan ifisser li hemm sorsi alternattivi disponibbli għall-utenti. Aktar importanti minn hekk, l-istqarrija li l-miżuri proposti jagħlqu s-suq għall-produtturi Ċiniżi la hija sostnuta u lanqas mhi appoġġata mill-kostatazzjonijiet tal-investigazzjoni. Id-dazji proposti ġew ikkalkulati fuq il-bażi ta' figuri verifikati tal-partijiet interessati kollha involuti f'dan il-każ. Abbażi tal-livelli ta' prezzijiet osservati matul il-perjodu ta' investigazzjoni, id-dazji se jneħħi biss l-effett ta' prattiki kummerċjali inġusti u mhux sostenibbli fuq il-livell ta' prezzijiet fl-Unjoni. Il-fatt li jeżisti produttur waħdieni fl-Unjoni ma jfissirx li huwa f'pożizzjoni dominanti u ma hemm l-ebda indikazzjoni li se jabbuża, anki jekk jikseb din il-pożizzjoni fil-futur minħabba l-eżistenza ta' sorsi alternattivi ta' provista bħar-RPĊ u l-Ġappun. Huwa mistenni li wara l-impożizzjoni ta' miżuri, l-industrija tal-Unjoni se tkun kapaċi żżid il-produzzjoni u l-volum ta' bejgħ f'suq irregolat minn kompetizzjoni effettiva. Il-prezzijiet mitluba mill-esportaturi Ċiniżi għandhom jiżdiedu u l-industrija tal-Unjoni se tkun meħlusa mill-pressjoni qawwija fuq il-prezzijiet li attwalment qed jeżerċitaw fuq is-suq tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-partijiet naqsu milli juru f'liema sens il-koinċidenza fiż-żmien bejn il-bejgħ tal-faċilitajiet ta' produzzjoni tal-Unjoni u t-tressiq tal-ilment kellu impatt fuq l-interess tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li din il-kwistjoni ma għandha l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni. Dawn l-allegazzjonijiet huma għalhekk meqjusa li huma bla sisien.

    (121)

    Min-naħa l-oħra, ta' min jenfasizza li l-investigazzjoni sabet li jekk il-prattiki kummerċjali attwali jitħallew ikomplu, x'aktarx l-industrija tal-Unjoni tiġi mġiegħla tieqaf għal kollox mis-suq u tħalli lill-utenti l-unika alternattiva ta' importazzjoni li ċertament mhux fl-interess tal-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tqis li ż-żamma tal-produzzjoni fl-Unjoni hija essenzjali għal skopijiet ta' kompetizzjoni.

    (122)

    Wara d-divulgazzjoni finali, parti interessata waħda stqarret li minħabba l-valur baxx tat-tranżazzjoni ta' bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, is-sid ma jkunx jista' jiġi żgurat b'ċertezza l-futur għall-aspartam.

    (123)

    Din id-dikjarazzjoni hija purament spekulattiva. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tinnota li l-produzzjoni ta' aspartam kompliet wara l-bdil fil-proprjetarju. Il-Kummissjoni analizzat bir-reqqa l-interessi tal-partijiet interessati kollha u kif spjegat fil-premessa (144) tar-Regolament proviżorju, ġie konkluż li l-impożizzjoni ta' miżuri hija ġustifikata u ma tmurx kontra l-interess tal-Unjoni kollha kemm hi.

    (124)

    Fl-assenza ta' kummenti oħrajn rigward l-interess tal-Unjoni, is-sejbiet u l-konklużjonijiet milħuqa fil-premessi minn (133) sa (145) tar-Regolament proviżorju jinżammu.

    7.   IL-MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI

    7.1.   Livell ta' eliminazzjoni tad-dannu (marġni ta' dannu)

    (125)

    Parti interessata waħda talbet lill-Kummissjoni biex tissepara l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta' dumping u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni u biex tikkalkula marġni tal-ħsara separat għal dawn iż-żewġ fatturi. Din il-parti talbet ukoll li jsir aġġustament għall-prezz mhux ta' ħsara biex jirribatti ż-żieda fil-kostijiet fissi minħabba t-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni. Il-parti pproponiet li tuża l-kostijiet osservati skont l-aħjar użu tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul it-tliet snin ta' qabel il-perjodu tal-investigazzjoni. Fl-aħħar nett, din il-parti talbet ukoll li jsir aġġustament għall-prezz mhux ta' ħsara li allegatament kien minfuħ bil-materja prima mixtrija fuq prezzijiet ta' trasferiment.

    (126)

    Kif spjegat fit-taqsimiet 4 u 5 hawn fuq fir-rigward tal-ħsara u l-kawżalità, il-Kummissjoni sabet li l-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-ħsara u l-kawżalità kif stipulat fl-Artikoli 3(1) sa 3(7) huma sodisfatti. Il-kalkolu tal-marġnijiet ta' ħsara separati għall-fatturi differenti li jikkontribwixxu għall-ħsara mhuwiex rekwiżit legali u mhuwiex prassi tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ddistingwiet u sseparat kif jixraq l-effetti ta' fatturi oħrajn li jikkontribwixxu għall-ħsara mill-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Il-Kummissjoni sabet li l-fatturi l-oħra ma kissrux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping u d-dannu lill-industrija tal-Unjoni.

    (127)

    Sussegwentement, il-prezz mhux dannuż ġie stabbilit għall-perjodu ta' investigazzjoni fuq il-bażi tad-dejta relatata mal-perjodu tal-investigazzjoni, dan japplika għall-parametri kollha, inkluż l-użu tal-kapaċità. Fl-aħħar nett, id-dikjarazzjoni li l-materja prima nxtrat fuq trasferiment ta' prezzijiet bejn partijiet relatati mill-industrija tal-Unjoni ma kinitx ikkonfermata mill-investigazzjoni. Bil-kontra, l-investigazzjoni stabbilixxiet b'mod ċar (kif issemma wkoll fil-premessa (125) tar-Regolament proviżorju) li l-industrija tal-Unjoni xtrat il-materja prima fuq il-prezzijiet tas-suq matul il-perijodu kkunsidrat.

    (128)

    Parti waħda sostniet li l-Kummissjoni għandha tinvestiga jekk it-tnaqqis dinji fil-prezzijiet tal-materja prima jiġix tradott fi tnaqqis fil-prezzijiet tal-materja prima għall-industrija tal-Unjoni. Din iddikjarat li jekk il-prezzijiet tal-materja prima huma ogħla milli fis-suq internazzjonali, il-kalkolu tad-dannu għandu jiġi aġġustat kif xieraq. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li fil-premessa (125) tar-Regolament proviżorju kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni tixtri materja prima fuq bażi distakkata u ma ġew ippreżentati l-ebda elementi ġodda li setgħu jġibu fid-dubju l-konklużjoni tagħha.

    (129)

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet t'hawn fuq, it-talbiet dwar l-aġġustamenti tal-prezz li ma jagħmilx dannu huma miċħuda. Fin-nuqqas ta' kwalukwe kummenti oħra rigward il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara, il-metodoloġija applikata fi stadju proviżorju kif spjegat fil-premessi (147) sa (152) tar-Regolament proviżorju tinżamm.

    7.2.   Miżuri definittivi

    (130)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, il-ħsara, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, u skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandhom jiġu imposti miżuri antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' aspartam li joriġina mir-RPĊ. Skont ir-regola tal-inqas dazju f'dan il-każ il-miżuri għandhom ikunu imposti fil-livell tal-aktar marġni baxx.

    (131)

    Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, ir-rati tad-dazju antidumping definittiva, espressi skont il-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, għandhom ikunu kif ġej:

    Kumpanija

    Marġni tad-dumping %

    Marġini tad-dannu %

    Dazju antidumping definittiv %

    Changmao Biochemical Engineering Co Ltd;

    124,0

    55,4

    55,4

    Grupp Sinosweet

    126,0

    59,4

    59,4

    Grupp Niutang

    121,4

    59,1

    59,1

    Il-kumpaniji oħrajn kollha li kkooperaw

    124,6

    58,8

    58,8

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    126,0

    59,4

    59,4

    (132)

    Ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tal-konklużjonijiet ta' din l-investigazzjoni. Għaldaqstant, dawn jirriflettu l-qagħda ta' dawn il-kumpaniji kkonstatata matul din l-investigazzjoni. Dawn ir-rati ta' dazju (għall-kuntrarju tad-dazju applikabbli fil-pajjiż kollu għall-“kumpaniji l-oħra kollha”) għaldaqstant huma esklużivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u manifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kull kumpanija oħra mhux imsemmija b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma' dawk imsemmijin b'mod speċifiku, għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”. Ma għandhomx ikunu suġġetti għal xi rata individwali ta' dazju antidumping.

    (133)

    Kumpanija tista' titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju antidumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (9). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma jaffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, avviż dwar il-bidla tal-isem jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    (134)

    Biex ikun żgurat infurzar xieraq ta' dazji antidumping, ir-rata tad-dazju antidumping għall-“kumpaniji kollha l-oħrajn” għandha tkun applikata mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f'din l-investigazzjoni, imma anki għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

    7.3.   Impenji

    (135)

    Wara d-divulgazzjoni finali, bosta produtturi esportaturi u l-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali Ċiniża (CCOIC) urew interess li jissottomettu offerti ta' impenn fuq il-prezz jew offerta ta' impriża konġunta. Madankollu, kumpanija waħda biss ippreżentat offerta ta' impenn issostanzjata biżżejjed fi żmien l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku. Il-prezz minimu ta' importazzjoni propost kien magħmul minn element varjabbli li jirrifletti x-xejra tal-kost tal-materja prima ewlenija (jiġifieri l-Fenilalanina) u element fiss li jirrifletti l-kostijiet li jifdal.

    (136)

    Il-Kummissjoni vvalutat l-offerta u identifikat għadd ta' riskji speċifiċi għall-prodott.

    (137)

    L-aspartam huwa mibjugħ lil klijenti kbar li jixtruh bi kwantitajiet sinifikanti ġewwa u barra mill-Unjoni permezz ta' kuntratti globali. L-esportaturi jkunu jistgħu jikkumpensaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-Unjoni billi jbaxxu l-prezzijiet tagħhom lejn pajjiżi terzi. Għaldaqstant, tali kumpens iġib fix-xejn kull effett rimedjali. Din il-kwistjoni hija partikularment akuta fil-każ preżenti, peress li jkun impossibbli (jew tal-inqas diffiċli ħafna) biex jinstab il-kumpens.

    (138)

    Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-materja prima tal-aspartam huma volatili kif spjegat fil-premessa (110) tar-Regolament proviżorju. L-impenji dwar prezz mhumiex rimedji effettivi fir-rigward ta' prodotti b'kost volatili ta' produzzjoni. Fi żminijiet ta' tnaqqis fil-kostijiet, dawn jipprevjenu lill-esportaturi milli jirreaġixxu għall-forzi tas-suq. Din il-varjazzjoni hija kkonfermata, kif urew l-aħħar statistiċi dwar l-esportazzjoni, fejn il-prezzijiet Ċiniżi tal-aspartam qegħdin jonqsu b'mod stabbli.

    (139)

    Fl-aħħar nett, billi l-ebda mill-kumpaniji ma ngħataw it-TES, il-Kummissjoni ma setgħetx tivvaluta kompletament l-affidabilità tal-kontijiet li, fost l-oħrajn, hija kruċjali sabiex tkun stabbilita relazzjoni ta' fiduċja li fuqha l-impenji huma bbażati.

    (140)

    Abbażi ta' dak li jissemma hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-offerti ta' impenn ma jistgħux jiġu aċċettati.

    7.4.   Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji

    (141)

    Fid-dawl tal-marġnijiet ta' dumping li nstabu u minħabba l-livell ta' dannu kkważat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti garantiti permezz tad-dazju antidumping proviżorju impost bir-Regolament proviżorju għandhom jinġabru b'mod definit.

    (142)

    Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma tax l-opinjoni tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dazju definittiv tal-antidumping huwa hawnhekk impost fuq l-importazzjonijiet ta' aspartam (N-L-α-Aspartyl-L-phenylalanine-1-methyl ester, 3-amino-N-(α-carbomethoxy-phenethyl)-succinamic acid-N-methyl ester), CAS RN 22839-47-0, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 2924 29 98 (kodiċi TARIC 2924299805).

    2.   Ir-rati tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt tkun kif ġej:

    Kumpanija

    Dazji antidumping definittivi

    Kodiċi TARIC addizzjonali

    Changmao Biochemical Engineering Co Ltd;

    55,4 %

    C067

    Grupp Sinosweet:

     

    Sinosweet Co., Ltd., Yixing City, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ,

     

    u Hansweet Co., Ltd., Yixing City, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ.

    59,4 %

    C068

    Grupp Niutang:

     

    Nantong Changhai Food Additive Co., Ltd., Nantong city, ir-RPĊ,

     

    u Changzhou Niutang Chemical Plant Co., Ltd., Niutang town, Changzhou city, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ.

    59,1 %

    C069

    Il-Kumpaniji kollha oħrajn li kkooperaw:

    Shaoxing Marina Biotechnology Co., Ltd., Shaoxing, Provinċja ta' Zhejiang, ir-RPĊ

    58,8 %

    C070

    Changzhou Guanghui Biotechnology Co., Ltd., Chunjiang Town, Changzhou city, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ

    58,8 %

    C071

    Vitasweet Jiangsu Co., Ltd., Liyang City, Changzhou City, Provinċja ta' Jiangsu, ir-RPĊ

    58,8 %

    C072

    Il-kumpaniji l-oħra kollha

    59,4 %

    C999

    3.   Meta kull produttur esportatur fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

    (a)

    ma jkunx esporta lejn l-Unjoni l-prodott deskritt fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta' investigazzjoni (mill-1 ta' April 2014 sal-31 ta' Marzu 2015);

    (b)

    ma jkunx relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jkunu soġġetti għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament; kif ukoll

    (c)

    ikun effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu ta' investigazzjoni jew li jkun daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni,

    it-Tabella fl-Artikolu 1(2) tista' tiġi emendata billi jiżdied il-produttur esportatur il-ġdid mal-kumpaniji li kkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun, u għalhekk huma soġġetti għar-rata tad-dazju medja peżata tal-pajjiż ikkonċernat.

    4.   Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

    Artikolu 2

    L-ammonti ggarantiti bħala dazji antidumping proviżorji skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/262 jinġabru b'mod definittiv.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Lulju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/262 tal-25 ta' Frar 2016 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 50, 26.2.2016, p. 4).

    (3)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta' Marzu 2016 — Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il-Kummissjoni, Il-Kawża T-586/14 (ĠU C 156, 2.5.2016, p. 36). Is-sentenza ġiet appellata, Il-Kawża C-301/16 P.

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).

    (5)  CCM Information Sciences and Technology Co., Ltd. hija kumpanija ta' riċerka li tipprovdi informazzjoni dwar is-suq, esplorazzjoni ta' dejta, dejta ta' riċerka u servizzi ta' konsulenza. www.cnchemicals.com.

    (6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1963 tat-30 ta' Ottubru 2015 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċesulfam tal-potassju (“Ace-K”) li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 287, 31.10.2015, p. 52).

    (7)  L-istatistiċi kienu miksuba mill-bażi tad-dejta tal-esportazzjonijiet Ċiniża u huma disponibbli fil-fajl miftuħ għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati.

    (8)  L-uniku produttur fl-Istati Uniti telaq mis-suq fl-2014 minħabba importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi bħala r-raġuni ewlenija: NutraSweet joħroġ min-negozju tal-aspartam, dulċifikanti artifiċjali tal-24 ta' Settembru 2014, www.cnbc.com/2014/09/24/. Skont l-informazzjoni tas-suq, il-Korea t'Isfel qed tnaqqas il-volumi tal-produzzjoni tagħha u hi lesta biex twaqqaf il-produzzjoni għal kollox fil-ġejjieni qrib.

    (9)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Rue de la Loi 170/Wetstraat 170, 1040 Brussels, Belgium.


    Top