EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0874

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/874 tal-1 ta' Ġunju 2016 li jemenda Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/943 dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu l-importazzjonijiet ta' fażola mnixxfa min-Niġerja (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/3183

ĠU L 145, 2.6.2016, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/05/2020; Impliċitament imħassar minn 32020R0625

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/874/oj

2.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/874

tal-1 ta' Ġunju 2016

li jemenda Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/943 dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu l-importazzjonijiet ta' fażola mnixxfa min-Niġerja

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-ikel b'mod ġenerali, u b'mod partikolari s-sikurezza tal-ikel, fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali. Jipprevedi miżuri ta' emerġenza li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni meta jkun hemm evidenza li ikel impurtat minn pajjiż terz x'aktarx li huwa ta' riskju serju għas-saħħa tal-bniedem.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/943 (2) jipprojbixxi l-importazzjoni ta' fażola mnixxfa min-Niġerja ddikjarata taħt il-kodiċi NM 0713 39 00 minħabba n-numru għoli ta' każijiet ta' kontaminazzjoni bis-sustanza attiva mhux awtorizzata, id-diklorvos, b'livelli li fil-biċċa l-kbira jeċċedu d-doża akuta ta' referenza tentattivament stabbilita mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Sakemm in-Niġerija timplimenta l-miżuri xierqa tal-ġestjoni tar-riskju, il-projbizzjoni tibqa' tapplika sat-30 ta' Ġunju 2016.

(3)

Wara l-introduzzjoni tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni, fis-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf inħarġu xi notifiki fir-rigward ta' fażola mnixxfa li toriġina min-Niġerja ddikjarata taħt il-kodiċi NM 0713 35 00 u 0713 90 00 minħabba kontaminazzjoni bid-diklorvos. Għalhekk, il-kamp ta' applikazzjoni tal-projbizzjoni eżistenti għandu jiġi estiż għal dawn iż-żewġ kodiċijiet addizzjonali.

(4)

Minħabba l-preżenza kontinwa tad-diklorvos fil-fażola mnixxfa importata min-Niġerja u l-istadju ta' implimentazzjoni min-Niġerja ta' pjan ta' azzjoni fir-rigward tal-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara u tal-limitu massimu ta' residwi tal-pestiċidi s'issa għadu ma jistax jiġi konkluż li l-konformità mar-rekwiżiti tal-liġi tal-ikel fir-rigward tar-residwi tal-pestiċidi tista' tinkiseb fi żmien qasir.

(5)

It-tul tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni għandu għalhekk jiġi estiż għal perjodu addizzjonali ta' tliet snin, sabiex in-Niġerja tkun tista' timplimenta l-miżuri xierqa għall-immaniġġjar tar-riskji u tipprovdi l-garanziji meħtieġa.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu Uniku

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/943 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-fażola mnixxfa kollha li toriġina min-Niġerja ddikjarata taħt il-kodiċi NM 0713 35 00, 0713 39 00 u 0713 90 00.”

(2)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jibqa' japplika sat-30 ta' Ġunju 2019.”

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/943 tat-18 ta' Ġunju 2015 dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu l-importazzjonijiet ta' fażola mnixxfa min-Niġerja u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 (ĠU L 154, 19.6.2015, p. 8).


Top