Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0873

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/873 tal-1 ta' Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 690/2008 li jirrikonoxxi żoni protetti esposti għal riskji partikolari għas-saħħa tal-pjanti fil-Komunità

C/2016/3189

ĠU L 145, 2.6.2016, p. 10–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R2072

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/873/oj

2.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/873

tal-1 ta' Ġunju 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 690/2008 li jirrikonoxxi żoni protetti esposti għal riskji partikolari għas-saħħa tal-pjanti fil-Komunità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(1)(h) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talbiet ippreżentati mill-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, Malta, il-Portugall, is-Slovakkja, Spanja u r-Renju Unit,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 (2) ċerti Stati Membri u ċerti żoni fi Stati Membri ġew rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward ta' ċerti organiżmi ta' ħsara. F'ċerti każijiet ingħata rikonoxximent għal perjodu ta' żmien limitat biex l-Istat Membru kkonċernat ikun jista' jipprovdi l-informazzjoni sħiħa meħtieġa biex juri li l-organiżmi ta' ħsara inkwistjoni ma jeżistux fl-Istat Membru jew fiż-żona kkonċernata, jew biex itemm l-isforzi biex jeqred l-organiżmu inkwistjoni. Minn dak iż-żmien, kien hemm żviluppi sinifikanti fl-istatus tas-saħħa tal-pjanti ta' ċerti żoni protetti f'xi Stati Membri.

(2)

Ċerti komuni tar-reġjun ta' Ribatejo e Oeste fil-Portugall ġew rikonoxxuti bħala żona protetta fir-rigward tal-Bemisia tabaci Genn. (Popolazzjonijiet Ewropej). Il-Portugall ippreżenta informazzjoni li turi li l-Bemisia tabaci (popolazzjonijiet Ewropej) issa hija stabbilita f'dawk il-komuni. Għalhekk, dawk il-komuni m'għandhomx jibqgħu rikonoxxuti bħala żona protetta fir-rigward tal-Bemisia tabaci (popolazzjonijiet Ewropej).

(3)

It-territorju tal-Greċja ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tad-Dendroctonus micans Kugelan, il-Gilpinia hercyniae (Hartig), il-Gonipterus scutellatus Gyll., l-Ips amitinus Eichhof, l-Ips cembrae Heer u l-Ips duplicatus Sahlberg sat-30 ta' April 2016. Minn aktar informazzjoni pprovduta mill-Greċja, jidher li t-territorju tal-Greċja għadu ħieles minn dawk l-organiżmi. Għaldaqstant, il-Greċja għandha tiġi rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward ta' dawk l-organiżmi ta' ħsara mingħajr ebda limitu ta' żmien.

(4)

It-territorji tal-Irlanda u r-Renju Unit ġew rikonoxxuti sat-30 ta' April 2016 bħala żona protetta fir-rigward tad-Dryocosmus kuriphilus Yasumatsu. Minn aktar informazzjoni pprovduta mill-Irlanda u r-Renju Unit, jidher li t-territorji tagħhom għadhom ħielsa minn dak l-organiżmu. Għaldaqstant, l-Irlanda u r-Renju Unit għandhom jiġu rikonoxxuti bħala żona protetta fir-rigward ta' dawk l-organiżmi ta' ħsara mingħajr ebda limitu ta' żmien.

(5)

It-territorju tal-Portugall ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tad-Dryocosmus kuriphilus Yasumatsu sat-30 ta' April 2016. Il-Portugall ippreżenta informazzjoni li turi li d-Dryocosmus kuriphilus issa huwa stabbilit fit-territorju tiegħu. Għalhekk, il-Portugall ma għandux jibqa' jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tad-Dryocosmus kuriphilus.

(6)

Il-Portugall talab li t-territorju tal-Azores jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-Globodera pallida (Stone) Behrens u l-Globodera rostochiensis (Wollenweber) Behrens. Fuq il-bażi tal-istħarriġ li sar mill-2006 'l hawn, il-Portugall ippreżenta evidenza li dawk l-organiżmi ta' ħsara ma jeżistux fit-territorju tal-Azores, minkejja l-kundizzjonijiet favorevoli biex dawk l-organiżmi jistabbilixxu lilhom nfushom hemm. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar stħarriġ. Dak l-istħarriġ għandu jiġi mmonitorjat aktar minn esperti taħt l-awtorità tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-Azores għandu jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-Globodera pallida u Globodera rostochiensis sat-30 ta' April 2018 biss.

(7)

L-Irlanda, Malta u r-Renju Unit talbu li t-territorji tagħhom jiġu rikonoxxuti bħala żona protetta fir-rigward tal-Paysandisia archon (Burmeister). Fuq il-bażi tal-istħarriġ li sar mill-2007 'l quddiem, l-Irlanda, Malta u r-Renju Unit ippreżentaw evidenza li l-organiżmu ta' ħsara kkonċernat ma jeżistix fit-territorju tagħhom, minkejja l-kundizzjonijiet favorevoli biex dak l-organiżmu jistabbilixxi lilu nnifsu hemm. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar stħarriġ. Dak l-istħarriġ għandu jiġi mmonitorjat aktar minn esperti taħt l-awtorità tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-Irlanda, Malta u r-Renju Unit għandhom jiġu rikonoxxuti bħala żona protetta fir-rigward tal-Paysandisia archon sat-30 ta' April 2018 biss.

(8)

L-Irlanda, Malta u r-Renju Unit talbu li t-territorji tagħhom jiġu rikonoxxuti bħala żona protetta fir-rigward tar-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier). Fuq il-bażi tal-istħarriġ li sar mill-2007 'l quddiem, l-Irlanda u r-Renju Unit ippreżentaw evidenza li l-organiżmu ta' ħsara kkonċernat ma jeżistix fit-territorju tagħhom, minkejja l-kundizzjonijiet favorevoli biex dak l-organiżmu jistabbilixxi lilu nnifsu hemm. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar stħarriġ. Dak l-istħarriġ għandu jiġi mmonitorjat aktar minn esperti taħt l-awtorità tal-Kummissjoni. Għalhekk, l-Irlanda u r-Renju Unit għandhom jiġu rikonoxxuti bħala żona protetta fir-rigward tar-Rhynchophorus ferrugineus sat-30 ta' April 2018 biss.

(9)

Il-Portugall talab li t-territorju tal-Azores jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tar-Rhynchophorus ferrugineus (Olivier). Fuq il-bażi tal-istħarriġ li sar mill-2007 'l quddiem, il-Portugall ippreżenta evidenza li l-organiżmu ta' ħsara kkonċernat ma jeżistix fit-territorju tal-Azores, minkejja l-kundizzjonijiet favorevoli biex dak l-organiżmu jistabbilixxi lilu nnifsu hemm. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar stħarriġ. Dak l-istħarriġ għandu jiġi mmonitorjat aktar minn esperti taħt l-awtorità tal-Kummissjoni. Għalhekk, l-Azores għandu jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tar-Rhynchophorus ferrugineus sat-30 ta' April 2018 biss.

(10)

Ir-Renju Unit talab li t-territorju tiegħu jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tat-Thaumetopoea pityocampa Denis & Schiffermüller. Fuq il-bażi tal-istħarriġ li sar mill-2013 'il quddiem, ir-Renju Unit ippreżenta evidenza li l-organiżmu ta' ħsara kkonċernat ma jeżistix fit-territorju tiegħu, minkejja l-kundizzjonijiet favorevoli biex dak l-organiżmu jistabbilixxi lilu nnifsu hemm. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar stħarriġ. Dak l-istħarriġ għandu jiġi mmonitorjat aktar minn esperti taħt l-awtorità tal-Kummissjoni. Għalhekk, ir-Renju Unit għandu jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tat-Thaumetopoea pityocampa sat-30 ta' April 2018 biss.

(11)

It-territorju tal-Irlanda ġie rikonoxxut sat-30 ta' April 2016 bħala żona protetta fir-rigward tat-Thaumetopoea processionea L. Minn aktar informazzjoni pprovduta mill-Irlanda, jidher li t-territorju tal-Irlanda jibqa' ħieles minn dak l-organiżmu. Għalhekk, l-Irlanda għandha tiġi rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward ta' dawk l-organiżmi ta' ħsara mingħajr ebda limitu ta' żmien.

(12)

It-territorju tar-Renju Unit, bl-eċċezzjoni ta' ċerti żoni tal-awtoritajiet lokali, ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tat-Thaumetopoea processionea L sat-30 ta' April 2016. Ir-Renju Unit ippreżenta informazzjoni li turi li t-Thaumetopoea processionea issa hija stabbilita fiż-żoni tal-awtorità lokali ta' Guildford u Woking. Għalhekk, dawk iż-żoni ma għandhomx jibqgħu rikonoxxuti bħala parti miż-żona protetta tar-Renju Unit. Dik l-informazzjoni turi wkoll li l-kumplament tat-territorju tar-Renju Unit, li ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tat-Thaumetopoea processionea jidher li għadu ħieles minn dak l-organiżmu ta' ħsara. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar stħarriġ. Dak l-istħarriġ għandu jiġi mmonitorjat aktar minn esperti taħt l-awtorità tal-Kummissjoni. Għalhekk, ir-Renju Unit, bl-eċċezzjoni ta' dawk iż-żoni tal-awtoritajiet lokali, inklużi dawk ta' Guildford u Woking, għandu jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tat-Thaumetopoea processionea sat-30 ta' April 2018 biss.

(13)

Ir-Renju Unit talab li t-territorju tiegħu jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-'Candidatus Phytoplasma ulmi'. Fuq il-bażi tal-istħarriġ li sar mill-2013 'il quddiem, ir-Renju Unit ippreżenta evidenza li l-organiżmu ta' ħsara kkonċernat ma jeżistix fit-territorju tiegħu, minkejja l-kundizzjonijiet favorevoli biex dak l-organiżmu jistabbilixxi lilu nnifsu hemm. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar stħarriġ. Dak l-istħarriġ għandu jiġi mmonitorjat aktar minn esperti taħt l-awtorità tal-Kummissjoni. Għalhekk, ir-Renju Unit għandu jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-'Candidatus Phytoplasma ulmi' sat-30 ta' April 2018 biss.

(14)

It-territorju tal-Portugall ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-Curtobacterium flaccumfaciens pv. flaccumfaciens (Hedges) Col. Minħabba li l-produzzjoni nazzjonali fil-Portugall taż-żerriegħa tal-Phaseolus vulgaris u d-Dolichos (il-pjanti ospitanti rilevanti) saret negliġibbli, il-Portugall talab li l-istatus tiegħu ta' żona protetta għall-Curtobacterium flaccumfaciens pv. flaccumfaciens (Hedges) Col. jiġi revokat. Għalhekk, il-Portugall ma għandux jibqa' jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-Curtobacterium flaccumfaciens pv. flaccumfaciens (Hedges) Col.

(15)

Spanja ġiet rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward tal-Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al bl-eċċezzjoni ta' ċerti partijiet tat-territorju tagħha. Spanja talbet ir-revoka tal-istatus ta' żona protetta għall-Komunità Awtonoma ta' Madrid minħabba n-nuqqas ta' interess ekonomiku. Għalhekk, il-komunità awtonoma ta' Madrid ma għandhiex tibqa' tiġi rikonoxxuta bħala parti miż-żona protetta ta' Spanja fir-rigward tal-Erwinia amylovora.

(16)

Barra minn hekk, Spanja ippreżentat informazzjoni li turi li l-Erwinia amylovora issa hija stabbilita fil-komunità awtonoma ta' Andalucía u fid-distretti (comarcas) ta' Segrià, Noguera, Pla d'Urgell, Garrigues u Urgell fil-provinċja ta' Lleida (Comunidad autónoma de Catalunya). Il-miżuri li ttieħdu fl-2013 sal-2015 bil-ħsieb li jinqered dak l-organiżmu ta' ħsara ma kinux effettivi. Għalhekk, il-Komunità Awtonoma ta' Andalusija u d-distretti (comarcas) ta' Segrià, Noguera, Pla d'Urgell, Garrigues u Urgell fil-provinċja ta' Lleida (Comunidad autónoma de Catalunya) ma għandhomx jibqgħu jiġu rikonoxxuti bħala parti miż-żona protetta ta' Spanja fir-rigward tal-Erwinia amylovora.

(17)

Ċerti partijiet tat-territorju tal-Italja ġew rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward tal-Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al. L-Italja ppreżentat informazzjoni li turi li l-Erwinia amylovora issa hija stabbilita fil-komuni ta' Busca, Centallo u Tarantasca fil-provinċja ta' Cuneo (il-Piemonte). Għalhekk, il-komuni ta' Busca, Ventalli u Tarantasca fil-provinċja ta' Cuneo (il-Piemonte) ma għandhomx jibqgħu jiġu rikonoxxuti bħala parti miż-żona protetta tal-Italja fir-rigward tal-Erwinia amylovora.

(18)

It-territorju tal-Irlanda ta' Fuq ġie rikonoxxut bħala parti miż-żona protetta tar-Renju Unit fir-rigward tal-Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al. Ir-Renju Unit ippreżenta informazzjoni li turi li l-Erwinia amylovora issa hija stabbilita fit-townlands ta' Ballinran Upper, Carrigenagh Upper, Ballinran, u Carrigenagh fil-Kontea ta' Down, u fiż-Żona Elettorali ta' Dunmurry Cross f'Belfast, il-Kontea ta' Antrim fl-Irlanda ta' Fuq. It-townlands ta' Ballinran Upper, Carrigenagh Upper, Ballinran, u Carrigenagh fil-Kontea ta' Down, and ż-Żona Elettorali ta' Dunmurry Cross f'Belfast, il-Kontea ta' Antrim fl-Irlanda ta' Fuq ma għandhomx jibqgħu rikonoxxuti bħala parti miż-żona protetta tar-Renju Unit fir-rigward tal-Erwinia amylovora.

(19)

Ċerti partijiet tat-territorju tal-Italja ġew rikonoxxuti bħala żona protetti fir-rigward tal-Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al. sat-30 ta' April 2016. L-Italja ppreżentat informazzjoni li l-Erwinia amylovora issa hija stabbilita fil-provinċji ta' Milan u Varese fil-Lombardia. Għalhekk, dawk il-provinċji ma għandhomx jibqgħu rikonoxxuti bħala parti miż-żona protetta tal-Italja. Dik l-informazzjoni turi wkoll li l-kumplament tat-territorju tal-Italja li ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-Erwinia amylovora sat-30 ta' April 2016 jidher li għadu ħieles minn dak l-organiżmu ta' ħsara. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar stħarriġ. Dak l-istħarriġ għandu jiġi mmonitorjat aktar minn esperti taħt l-awtorità tal-Kummissjoni. Għalhekk, l-Italja, bl-eċċezzjoni ta' ċerti provinċji, inklużi dawk ta' Milan u Varese fil-Lombardia, għandha tiġi rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward tal-Erwinia amylovora sat-30 ta' April 2018 biss.

(20)

It-territorju tas-Slovakkja, bl-eċċezzjoni ta' xi komuni f'ċerti pajjiżi, ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al. sat-30 ta' April 2016. Is-Slovakkja ppreżentat informazzjoni li l-Erwinia amylovora issa hija stabbilita fit-territorju sħiħ tal-kontea ta' Dunajská Streda. Dik l-informazzjoni turi wkoll li l-kumplament tat-territorju tas-Slovakkja, li ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-Erwinia amylovora sat-30 ta' April 2016 jidher li għadu ħieles minn dak l-organiżmu ta' ħsara. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar stħarriġ. Dak l-istħarriġ għandu jiġi mmonitorjat aktar minn esperti taħt l-awtorità tal-Kummissjoni. Għalhekk, is-Slovakkja, bl-eċċezzjoni ta' xi komuni f'ċerti pajjiżi, inkluża l-kontea ta' Dunajská Streda, għandha tiġi rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward tal-Erwinia amylovora sat-30 ta' April 2018 biss.

(21)

Ir-Renju Unit talab li t-territorju tiegħu jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigwawrd tal-Xanthomonas arboricola pv. pruni (Smith) Vauterin et al. Fuq il-bażi tal-istħarriġ li sar mill-2013 'il quddiem, ir-Renju Unit ippreżenta evidenza li l-organiżmu ta' ħsara kkonċernat ġie eradikat, jew kien fil-proċess li jiġi eradikat f'partijiet mit-territorju fejn kien hemm tifqigħat tal-organiżmu, u li ma jeżistix fil-kumplament tat-territorju tiegħu, minkejja l-kundizzjonijiet favorevoli biex dak l-organiżmu jistabbilixxi lilu nnifsu hemm. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar stħarriġ. Dak l-istħarriġ għandu jiġi mmonitorjat aktar minn esperti taħt l-awtorità tal-Kummissjoni. Għalhekk, ir-Renju Unit għandu jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-Xanthomonas arboricola pv. pruni sat-30 ta' April 2018 biss.

(22)

L-Irlanda talbet li t-territorju tagħha jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward taċ-Ceratocystis platani (J.M. Walter) Engelbr. & T.C. Harr. Fuq il-bażi tal-istħarriġ li sar mill-2013 'il quddiem, l-Irlanda ppreżentat evidenza li l-organiżmu ta' ħsara kkonċernat ma jeżistix fit-territorju tagħha, minkejja l-kundizzjonijiet favorevoli biex dak l-organiżmu jistabbilixxi lilu nnifsu hemm. Madankollu, jeħtieġ li jsir aktar stħarriġ. Dak l-istħarriġ għandu jiġi mmonitorjat aktar minn esperti taħt l-awtorità tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-Irlanda għandha tiġi rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward taċ-Ceratocystis platanisat-30 ta' April 2018 biss.

(23)

It-territorji tar-Renju Unit ġie rikonoxxut sat-30 ta' April 2016 bħala żona protetta fir-rigward taċ-Ceratocystis platani (J.M. Walter) Engelbr. & T.C. Harr. Minn aktar informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, jidher li t-territorji tiegħu għadu ħieles minn dak l-organiżmu ta' ħsara. Għaldaqstant, ir-Renju Unit għandu jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward ta' dak l-organiżmu ta' ħsara mingħajr ebda limitu ta' żmien.

(24)

It-territorju tal-Isle of Man fir-Renju Unit ġie rikonoxxut sat-30 ta' April 2016 bħala żona protetta fir-rigward taċ-Cryphonectria parasitica (Murill) Barr. Minn aktar informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit, jidher li t-territorji tiegħu għadu ħieles minn dak l-organiżmu ta' ħsara. Għaldaqstant, l-Isle of Man fir-Renju Unit għandu jiġi rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward ta' dak l-organiżmu ta' ħsara mingħajr ebda limitu ta' żmien.

(25)

It-territorju tal-Finlandja ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-Vajrus li jdebbel u jtebba' t-tadam (Tomato spotted wilt virus). Il-Finlandja ppreżentat informazzjoni li turi li ma tistax tevita introduzzjonijiet ripetuti tal-Vajrus li jdebbel u jtebba' t-tadam (Tomato spotted wilt virus) fit-territorju tagħha u titlob li ma tibqax rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward ta' dak l-organiżmu ta' ħsara. Għalhekk, il-Finlandja ma għandhiex tibqa' tiġi rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward tal-Vajrus li jdebbel u jtebba' t-tadam (Tomato spotted wilt virus).

(26)

It-territorju kollu tal-Portugall, bl-eċċezzjoni ta' xi żoni, ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-Vajrus tristeza taċ-ċitru (varjanti Ewropej). Il-Portugall ippreżenta informazzjoni li turi li l-Vajrus tristeza taċ-ċitru (varjanti Ewropej) issa huwa stabbilit fil-kontea ta' Odemira f'Alentejo. Għalhekk, il-kontea ta' Odemira f'Alentejo ma għandhiex tibqa' tiġi rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward tas-Citrus tristeza virus (varjanti Ewropej).

(27)

Ir-reġjuni ta' Apúlia u Sardinja fl-Italja ġew rikonoxxuti bħala żona protetta fir-rigward tal-Grapevine flavescence dorée MLO. Minn aktar informazzjoni pprovduta mill-Italja, jidher li r-reġjuni ta' Apúlia u Sardenja għadhom ħielsa minn dak l-organiżmu ta' ħsara. Għaldaqstant, Apúlia u Sardenja fl-Italja għandhom jiġu rikonoxxuti bħala żona protetta fir-rigward ta' dak l-organiżmu ta' ħsara mingħajr ebda limitu ta' żmien.

(28)

Għal finijiet ta' ċarezza, l-Anness sħiħ tar-Regolament (KE) Nru 690/2008 għandu jinbidel.

(29)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 690/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(30)

Peress li ċerti żoni ġew rikonoxxuti bħala żoni protetti skont ir-Regolament (KE) Nru 690/2008 sat-30 ta' April 2016, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2016 sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali u sabiex jiġi evitat ix-xkiel fil-kummerċ.

(31)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 690/2008

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 690/2008 jinbidel bit-test li jinsab fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mill-1 ta' Mejju 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 tal-4 ta' Lulju 2008 li jirrikonoxxi żoni protetti esposti għal riskji partikolari għas-saħħa tal-pjanti fil-Komunità (ĠU L 193, 22.7.2008, p. 1).


ANNESS

“ANNESS I

Żoni fil-komunità rikonoxxuti bħala ‘żoni protetti’, fir-rigward ta' orġaniżmu/i ta' ħsara mniżżla ħdejn isimhom

Organiżmi ta' ħsara

Żoni protetti: territorju ta'

(a)   

Insetti, dud irqiq u nematodi, fl-istadji kollha tal-iżvilupp tagħhom

1.

Anthonomus grandis (Boh.)

Il-Greċja, Spanja (Andalusia, Catalonia, Extremadura, Murcia, Valencia)

2.

Bemisia tabaci Genn. (Popolazzjonijiet Ewropej)

L-Irlanda, il-Portugall (Azores, Beira Interior, Beira Litoral, Entre Douro e Minho u Trás-os-Montes), il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit

3.

Cephalcia lariciphila (Klug.)

L-Irlanda, ir-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq, Isle of Man u Jersey)

3.1.

Daktulosphaira vitifoliae (Fitch)

Ċipru

4.

Dendroctonus micans Kugelan

L-Irlanda, ir-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq, Isle of Man u Jersey)

4.1.

Dryocosmus kuriphilus Yasumatsu

L-Irlanda, ir-Renju Unit

5.

Gilpinia hercyniae (Hartig)

L-Irlanda, ir-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq, Isle of Man u Jersey)

6.

Globodera pallida (Stone) Behrens

Il-Latvja, il-Portugall (Azores, sat-30 April 2018), is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja

6.1.

Globodera rostochiensis (Wollenweber) Behrens

Il-Portugall (l-Azores, sat-30 ta' April 2018)

7.

Gonipterus scutellatus Gyll.

Il-Greċja, il-Portugall (l-Azores)

8.

Ips amitinus Eichhof

L-Irlanda, il-Greċja, ir-Renju Unit

9.

Ips cembrae Heer

L-Irlanda, il-Greċja, ir-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq u Isle of Man)

10.

Ips duplicatus Sahlberg

L-Irlanda, il-Greċja, ir-Renju Unit

11.

Ips sexdentatus Bőrner

l-Irlanda, Ċipru, ir-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq u Isle of Man)

12.

Ips typographus Heer

L-Irlanda, ir-Renju Unit

13.

Leptinotarsa decemlineata Say

L-Irlanda, Spanja (Ibiza u Menorca), Ċipru, Malta, il-Portugall (Azores u Madeira), il-Finlandja (id-distretti ta' Åland, Häme, Kymi, Pirkanmaa, Satakunta, Turku, Uusimaa), l-Iżvezja (il-kontej ta' Blekinge, Gotland, Halland, Kalmar u Skåne), ir-Renju Unit

14.

Liriomyza bryoniae (Kaltenbach)

L-Irlanda, ir-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq)

14.1.

Paysandisia archon (Burmeister)

L-Irlanda (sat-30 ta' April 2018), Malta (sat-30 ta' April 2018), ir-Renju Unit (sat-30 ta' April 2018)

14.2.

Rhynchophorus ferrugineus (Olivier)

L-Irlanda (sat-30 ta' April 2018), il-Portugall (Azores, sat-30 ta' April 2018), ir-Renju Unit (sat-30 ta' April 2018)

15.

Sternochetus mangiferae Fabricius

Spanja (Granada u Málaga), il-Portugall (Alentejo Algarve u Madeira),

15.1.

Thaumetopoea pityocampa Denis & Schiffermüller

Ir-Renju Unit (sat-30 ta' April 2018)

16.

Thaumetopoea processionea L.

L-Irlanda, ir-Renju Unit (esklużi ż-żoni tal-awtorità lokali ta' Barnet; Brent; Bromley; Camden; Il-belt ta' Londra; Il-belt ta' Westminster; Croydon; Ealing; Id-Distrett ta' Elmbridge; Id-Distrett ta' Epsom and Ewell; Guildford; Hackney; Hammersmith & Fulham; Haringey; Harrow; Hillingdon; Hounslow; Islington; Kensington & Chelsea; Kingston upon Thames; Lambeth; Lewisham; Merton; Reading; Richmond Upon Thames; Id-Distrett ta' Runnymede; Slough; South Oxfordshire; Southwark; Id-Distrett ta' Spelthorne; Sutton; Tower Hamlets; Wandsworth; West Berkshire u Woking) (sat-30 ta' April 2018)

(b)   

Batterji

01.

Candidatus Phytoplasma ulmi’

Ir-Renju Unit (sat-30 ta' April 2018)

1.

Curtobacterium flaccumfaciens pv. flaccumfaciens (Hedges) Col.

Il-Greċja, Spanja

2.

Erwinia amylovora (Burrill) Winslow et al.

L-Estonja, Spanja (ħlief il-komunitajiet awtonomi ta' Andalucía, Aragón, Castilla-La Mancha, Castilla y León, Extremadura, il-komunità awtonoma ta' Madrid, Murcia, Navarra u La Rioja, il-provinċja ta' Guipuzkoa (il-Pajjiż Bask), il-comarcas ta' Garrigues, Noguera, Pla d'Urgell, Segrià u Urgell fil-provinċja ta' Lleida (Comunidad Autónoma de Catalunya); u l-muniċipalitajiet ta' Alborache u Turís fil-provinċja ta' Valencia, il-Comarcas de L'Alt Vinalopó u El Vinalopó Mitjà fil-provinċja ta' Alicante (Comunidad Valenzja)), Franza (Korsika), l-Italja (l-Abruzzo, il-Basilicata, il-Calabria, il-Campania, il-Lazio, il-Liguria, il-Marche, il-Molise, il-Piemonte (ħlief il-lokalitajiet ta' Busca, Centallo u Tarantasca fil-provinċja ta' Cuneo), Sardenja, Sqallija, it-Toskana, l-Umbria, il-Valle d'Aosta), il-Latvja, il-Portugall, il-Finlandja, ir-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq: esklużi t-townlands ta' Ballinran Upper, Carrigenagh Upper, Ballinran, u Carrigenagh fil-Kontea ta' Down, u ż-Żona Elettorali ta' Dunmurry Cross f'Belfast, il-Kontea ta' Antrim; Isle of Man; iċ-Channel Islands),

u, sat-30 ta' April 2018, l-Irlanda (ħlief il-belt ta' Galway), l-Italja (il-Puglia, l-Emilia-Romagna (il-provinċji ta' Parma u Piacenza), il-Lombardia (ħlief il-provinċji ta' Milan, Mantua, Sondrio u Varese), il-Veneto (ħlief il-provinċji ta' Rovigo u Venezja, il-komuni ta' Barbona, Boara Pisani, Castelbaldo, Masi, Piacenza d'Adige, S. Urbano u Vescovana fil-provinċja ta' Padova u ż-żona li tinsab fin-Nofsinhar tal-awtostrada A4 fil-provinċja ta' Verona)), il-Litwanja (ħlief il-muniċipalitajiet ta' Babtai u Kėdainiai (ir-reġjun ta' Kaunas)), is-Slovenja (ħlief ir-reġjuni ta' Gorenjska, Koroška, Maribor u Notranjska, u l-komuni ta' Lendava u Renče-Vogrsko (lejn in-Nofsinhar mill-awtostrada H4)), is-Slovakkja (ħlief il-kontea ta' Dunajská Streda, Hronovce u Hronské Kľačany (il-Kontea ta' Levice), Dvory nad Žitavou (il-Kontea ta' Nové Zámky), Málinec (il-Kontea ta' Poltár), Hrhov (il-Kontea ta' Rožňava), Veľké Ripňany (il-Kontea ta' Topoľčany), Kazimír, Luhyňa, Malý Horeš, Svätuše u Zatín (il-Kontea ta' Trebišov))

3.

Xanthomonas arboricola pv. pruni (Smith) Vauterin et al.

Ir-Renju Unit (sat-30 ta' April 2018)

(c)   

Fungi

01.

Ceratocystis platani (J.M.Walter) Engelbr. & T.C.Harr.

L-Irlanda (sat-30 ta' April 2018), ir-Renju Unit

02.

Cryphonectria parasitica (Murrill) Barr.

Ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, l-Iżvezja, ir-Renju Unit

1.

Glomerella gossypii Edgerton

Il-Greċja

2.

Gremmeniella abietina Morelet

L-Irlanda,ir-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq)

3.

Hypoxylon mammatum (Wahlenberg) J. Miller

L-Irlanda,ir-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq)

(d)   

Vajrusijiet u organiżmi li jixbhu l-vajrus

1.

Beet necrotic yellow vein virus

L-Irlanda, Franza (il-Bretanja), il-Portugall (Azores), il-Finlandja, ir-Renju Unit (l-Irlanda ta' Fuq)

2.

Vajrus li jdebbel u jtebba' t-tadam (Tomato spotted wilt virus)

L-Iżvezja

3.

Citrus tristeza virus (varjanti Ewropej)

Il-Greċja (ħlief l-Unitajiet Reġjonali ta' Argolida u Chania), Malta, il-Portugall (ħlief Algarve, Madeira and l-kontea ta' Odemira f'Alentejo)

4.

Grapevine flavescence dorée MLO

Ir-Repubblika Ċeka, Franza (Alsace, Champagne-Ardenne, Picardie (département de l'Aisne), Ile de France (communes de Citry, Nanteuil-sur-Marne u Saâcy-sur-Marne) u Lorraine)), l-Italja (il-Puglia, Sardenja u l-Basilicata)”


Top