Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0545

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/545 tas-7 ta' April 2016 dwar proċeduri u kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' ftehimiet qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/1954

ĠU L 94, 8.4.2016, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/545/oj

8.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/545

tas-7 ta' April 2016

dwar proċeduri u kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' ftehimiet qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 42(8) tagħha,

Billi:

(1)

Meta jkunu qed jikkonkludu l-ftehimiet qafas, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jużaw il-kapaċità tal-infrastruttura disponibbli bl-iktar mod effettiv. Fl-istess ħin, jista' jkun li, sabiex jinvestu fis-servizzi, l-applikanti għall-kapaċità tal-qafas ikollhom bżonn iktar ċertezza legali dwar il-kapaċità tal-infrastruttura disponibbli għal aktar minn perjodu wieħed tal-iskeda taż-żmien.

(2)

Il-maniġers tal-infrastruttura jridu jirriżervaw il-kapaċità għall-proċedura tal-iskedar annwali taż-żmien biex jorganizzaw mogħdijiet tal-ferrovija stabbiliti minn qabel f'konformità mal-Artikolu 14(3) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Barra minn hekk, jista' jkun li dawn ikollhom jipprevedu riżerva tal-kapaċità għat-talbiet ad hoc skont l-Artikolu 48(2) tad-Direttiva 2012/34/UE. Barra minn hekk, il-ftehimiet qafas m'għandhomx jipprekludu l-iskedar annwali taż-żmien skont l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2012/34/UE. Għalhekk, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom tal-inqas jippjanaw dawn ir-riżervi tal-kapaċità u jqisu dawn il-limitazzjonijiet qabel ma jallokaw parti mill-kapaċità li jkun għad fadal permezz tal-ftehimiet qafas.

(3)

L-applikanti potenzjali għandhom bżonn it-trasparenza dwar il-kapaċità ta' qafas allokata u dwar il-kapaċità indikattiva li jkun għad fadal fuq linja. Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv marbut mal-ftehimiet qafas, l-applikanti potenzjali għandhom jingħataw idea inizjali ta' kemm hu probabbli li l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu approvati. Għalhekk il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jippubblikaw id-dikjarazzjonijiet tal-kapaċità ta' qafas fid-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar in-netwerk. Id-dikjarazzjonijiet tal-kapaċità ta' qafas għandhom jispeċifikaw, fejn ikun rilevanti, jekk il-ftehimiet qafas humiex validi għall-merkanzija jew għall-passiġġieri, jew għat-tnejn li huma.

(4)

Il-maniġers tal-infrastruttura u l-applikanti għandhom jibbenefikaw minn ċertu flessibbiltà dwar meta għandhom jitressqu l-applikazzjonijiet għall-kapaċità tal-qafas. Fl-istess ħin, il-kriterji biex jiġi żgurat li l-kapaċità tal-infrastruttura disponibbli tintuża bl-aħjar mod ikunu l-iktar effettivi meta jiġu applikati għall-ikbar ammont ta' applikazzjonijiet possibbli fl-istess ħin. Għalhekk, qabel ma jiġi konkluż ftehim qafas, il-maniġers tal-infrastruttura li ma japplikawx skadenza annwali jew pluriennali fissa għandhom jikkonsultaw lill-applikanti li jistgħu jkunu interessati fi ftehimiet qafas.

(5)

L-applikanti għandhom ikunu konxji li l-maniġers tal-infrastruttura huma obbligati jużaw il-kapaċità tal-infrastruttura disponibbli bl-aħjar mod u bl-iktar mod effettiv, kemm fin-netwerks individwali tagħhom u kemm b'mod konġunt fiż-żona ferrovjarja unika Ewropea. Dan l-obbligu għandu japplika għall-perjodu kollu tal-ftehim qafas u għall-mogħdijiet tal-ferrovija allokati skont il-ftehimiet qafas. Minħabba f'hekk, meta jiddeċiedu li jikkonkludu ftehim qafas ġdid, iż-żewġ partijiet f'dak il-Ftehim għandhom diġà jkunu qiesu l-kriterji stipulati f'dan ir-Regolament biex jiżguraw li l-kapaċità tal-infrastruttura disponibbli tintuża bl-aħjar mod.

(6)

Il-ftehimiet qafas m'għandhomx jispeċifikaw mogħdija speċifika tal-ferrovija, iżda għandhom jipprovdu skeda tal-ħin li tagħti biżżejjed flessibbiltà sa ma jiġu skedati l-mogħdijiet tal-ferrovija għas-sena. Fl-istess ħin, jista' jkun li s-servizzi ferrovjarji jkollhom bżonn ta' livelli differenti ta' preċiżjoni mil-lat ta' meta jitħaddem is-servizz tagħhom, li għandu jiġi rifless f'perjodi differenti fl-iskedi tal-ħin tagħhom.

(7)

L-introduzzjoni ta' servizzi ferrovjarji ġodda teħtieġ, minn qabel, awtorizzazzjonijiet tekniċi u tas-sikurezza jew l-akkwist ta' vetturi ferrovjarji, jew it-tnejn li huma, u dan jista' jieħu għadd ta' snin. Min jinvesti jeħtieġ ċertezza dwar il-kapaċità disponibbli qabel ma jiddeċiedi li jagħmel it-tali investiment. Dan jiġġustifika l-fatt li l-applikanti jingħataw ċertu żmien bejn il-konklużjoni tal-ftehim qafas u l-bidu tas-servizzi skont il-ftehim li matulu, fost l-oħrajn, ikunu jistgħu jġibu l-awtorizzazzjonijiet u ċ-ċertifikati meħtieġa u jixtru l-vetturi ferrovjarji. L-applikanti li jkollhom bżonn biċ-ċar ta' dan iż-żmien qabel ma jkunu jistgħu jibdew ħidmiethom m'għandhomx jiġu ppenalizzati billi jitnaqqsilhom iż-żmien tal-ftehimiet qafas tagħhom.

(8)

L-iffissar ta' kriterji għall-konklużjoni tal-ftehimiet qafas għandu jippermetti lill-maniġers tal-infrastruttura jikkummerċjalizzaw il-kapaċità tal-infrastruttura disponibbli u jużawha bl-iktar mod effettiv skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2012/34/UE.

(9)

Il-ftehimiet qafas għandhom jippermettu koordinazzjoni tajba tal-applikazzjonijiet konfliġġenti u għalhekk jissodisfaw ċerti kriterji b'rabta mal-allokazzjoni tal-kapaċità disponibbli għal applikanti oħrajn u mal-modifika u r-rinunzja tal-kapaċità ta' qafas.

(10)

Il-koordinazzjoni u l-konsultazzjonijiet mal-applikanti li diġà huma parti fi ftehim qafas jistgħu joħolqu piż għall-maniġers tal-infrastruttura u għall-applikanti. Dan il-piż jista' jkun sproporzjonat fuq ċerti linji u f'ċerti ħinijiet tal-ġurnata meta l-ftehimiet qafas jużaw il-kapaċità f'livell li huwa, hekk jew hekk, ħafna inqas mil-livell massimu. Għalhekk, f'każijiet bħal dawn, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jingħataw l-għażla li jidderogaw mill-proċeduri jew mill-kriterji stipulati f'dan ir-Regolament. Fl-istess ħin, meta jinstab li huwa diffiċli li jiġi kkalkulat it-tali livell massimu jew li jiġu implimentati l-limiti, jew li dan ikun qed isir b'mod arbitrarju, l-Istati Membri jistgħu juru x-xewqa li l-maniġers tal-infrastruttura ma jużawx din id-deroga. F'dan il-każ, il-korp regolatorju għandu japprova l-ftehimiet qafas kollha qabel ma jiġu konklużi biex jipprova jnaqqas il-piż amministrattiv.

(11)

Jistgħu jinħolqu kunflitti bejn l-applikazzjonijiet għal ftehimiet qafas ġodda u l-ftehimiet qafas eżistenti jew bejn il-mogħdijiet tal-ferrovija mitluba skont ftehim qafas u l-mogħdijiet tal-ferrovija mitluba barra l-kuntest ta' ftehim qafas skont l-iskedar annwali. F'każijiet bħal dawn, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jikkoordina bejn il-partijiet u jistedinhom jibdlu r-rekwiżiti tagħhom sabiex jirrikonċiljahom. Ir-rikonċiljazzjoni tista' tinkludi modifika tal-allokazzjoni tal-iskedi tal-ħin jew tibdil fir-rotot. L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2012/34/UE jistabbilixxi proċedura biex jiġu solvuti każijiet fejn ikun hemm applikazzjonijiet konfliġġenti għall-mogħdijiet tal-ferrovija, li għandha sservi wkoll ta' mudell għall-ftehimiet qafas.

(12)

F'każ li l-kriterji ta' prijorità skont l-iskedar stabbiliti u ppubblikati skont l-Artikolu 47(3) sa (6) tad-Direttiva 2012/34/UE jipprevalu fuq jekk applikazzjoni skont il-proċedura tal-iskedar annwali tkunx tressqet skont ftehim qafas jew le, il-maniġer tal-infrastruttura m'għandux għalfejn ikollu japplika l-kriterji stabbiliti għall-ftehimiet qafas, iżda minflok għandu japplika l-kriterji ta' prijorità stabbiliti għall-proċedura tal-iskedar annwali.

(13)

Huwa importanti li l-maniġers tal-infrastruttura jkunu flessibbli kemm jista' jkun f'dak li għandu x'jaqsam mal-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura, imma dan għandu jkun konsistenti mal-fatt li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti raġonevoli tal-applikant. Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom iqisu kriterji trasparenti qabel ma jikkonkludu ftehimiet qafas ġodda.

(14)

L-applikanti għandhom jitolbu biss il-kapaċità tal-qafas li verament għandhom bżonn. Jekk parti mill-kapaċità ta' qafas mitluba, jew il-kapaċità ta' qafas mitluba kollha kemm hi, ma jintużawx f'ċertu perjodu taż-żmien, il-ftehim qafas għandu jiġi rivedut bil-għan li l-applikant iċedi l-kapaċità li ma tkunx intużat (“użaha jew itlifha”), sakemm huwa ma jkunx jista' jiġġustifika li n-nuqqas ta' użu tal-kapaċità kien sforz raġunijiet li ma kellux kontroll fuqhom.

(15)

Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jiżviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom bejniethom b'tali mod li l-ftehimiet qafas għal servizzi li jużaw aktar minn netwerk wieħed ikunu koerenti u jwasslu għal servizzi ferrovjarji ta' kwalità kif jistennew bir-raġun l-applikanti. Din il-koerenza hija meħtieġa meta jkunu qed jiġu konklużi l-ftehimiet qafas sal-mument meta jiġu allokati l-mogħdijiet tal-ferrovija.

(16)

Meta jkunu stabbiliti pieni f'livell raġonevoli, dan jista' jservi ta' inċentiv biex l-applikanti jagħmlu applikazzjonijiet realistiċi għall-ftehimiet qafas u jikkomunikaw kull bidla fil-kapaċità meħtieġa skont ftehim qafas malli jsiru konxji minnha.

(17)

Jekk il-partijiet ikunu ftehmu bejniethom dwar pieni għall-modifika jew it-terminazzjoni ta' ftehim qafas, dawn il-pieni m'għandhomx ikunu diskriminatorji. Il-livell tagħhom għandu jkun adegwat biex jintlaħqu l-għanijiet maħsubin, u huma għandhom jitħallsu fil-fatt u, jekk ikun meħtieġ, għandu jkun hemm infurzar tal-ħlas tagħhom. Sabiex jinżamm l-effett ta' inċentiv u tiġi evitata d-diskriminazzjoni, il-ftehim qafas m'għandux jippermetti lill-maniġer tal-infrastruttura jirrinunzja għall-ħlas ta' pieni meta l-applikant jikkonkludi ftehim qafas ieħor.

(18)

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li, għal perjodu taż-żmien limitat, ma japplikawx ċerti dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għall-ftehimiet qafas li jkunu ġew konklużi fil-15 ta' Marzu 2003, li hija d-data ffissata għat-trażpożizzjoni tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jew wara, jew fid-data tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea fil-każ tal-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea wara dik id-data. Madankollu, minħabba li l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2001/14/KE jipprevedi li l-ftehimiet qafas għandhom ikunu jistgħu jiġu emendati jew li t-termini tagħhom għandhom ikunu jistgħu jiġu limitati sabiex l-infrastruttura ferrovjarja tkun tista' tintuża aħjar, dawk id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-emendi tat-tali ftehimiet qafas f'każijiet fejn dawn ikunu emendi sostanzjali li jkun intlaħaq qbil dwarhom wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

(19)

Il-Kummissjoni tista' tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl tal-esperjenza miksuba meta dan jiġi applikat jew meta jiġi applikat ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 dwar il-kurituri Ewropej tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija.

(20)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 62(1) tad-Direttiva 2012/34/UE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċedura u l-kriterji li għandhom jiġu segwiti biex jiġu konklużi l-ftehimiet qafas.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/34/UE japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kapaċità tal-qafas” tfisser il-kapaċità tal-infrastruttura allokata fil-kuntest ta' ftehim qafas;

(2)

“dikjarazzjoni tal-kapaċità ta' qafas” tfisser ħarsa lejn il-kapaċità ta' qafas allokata fuq il-linji ta' netwerk partikulari u indikazzjoni tal-volum tal-kapaċità disponibbli fuq dawn il-linji u tan-natura ta' din il-kapaċità, u tista' tinkludi rappreżentazzjoni grafika, bil-għan li l-applikanti potenzjali tal-ftehimiet qafas jingħataw informazjoni rilevanti għal dan;

(3)

“skeda tal-ħin” tfisser il-perjodu taż-żmien speċifikat fi ftehim qafas li fih huma maħsuba li jiġu allokati diversi mogħdijiet tal-ferrovija jew mogħdija waħda skont il-proċedura tal-iskedar;

(4)

“perjodu ta' kontroll” tfisser perjodu ta' ħin ta' mhux aktar minn sagħtejn, iddefinit mill-maniġer tal-infrastruttura, biex jitqabblu l-kapaċità ta' qafas allokata u l-kapaċità libera li jkun għad fadal sabiex l-applikanti potenzjali tal-ftehimiet qafas ikunu jistgħu jiġu mgħarrfa dwar il-kapaċità indikattiva ta' qafas allokata u l-kapaċità disponibbli.

Artikolu 3

Dikjarazzjoni tal-kapaċità ta' qafas

1.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jfassal dikjarazzjoni tal-kapaċità ta' qafas li tindika l-informazzjoni li ġejja għal kull sezzjoni tal-linja għall-perjodu ta' kontroll, li għandha tkun imqassma skont it-tip ta' servizz jekk dan ikun applikabbli:

(a)

il-kapaċità ta' qafas diġà allokata u l-għadd ta' mogħdijiet tal-ferrovija;

(b)

il-kapaċità indikattiva li għadha disponibbli biex ikunu jistgħu jiġu konklużi ftehimiet qafas dwar l-infrastruttura li dwarha diġà ġew konklużi ftehimiet qafas;

(c)

il-kapaċità massima disponibbli għall-ftehimiet qafas għal kull sezzjoni tal-linja fejn dan ikun applikabbli.

2.   Id-dikjarazzjonijiet tal-kapaċità ta' qafas għandhom iħarsu l-kunfidenzjalità kummerċjali.

3.   Skont l-Artikolu 42(7) tad-Direttiva 2012/34/UE, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jinkludi dikjarazzjoni tal-kapaċità ta' qafas fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk jew jipprovdi ħolqa fejn tkun disponibbli dik id-dikjarazzjoni tal-kapaċità ta' qafas jew tal-inqas in-natura ġenerali ta' kull ftehim qafas konkluż fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk. L-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2012/34/UE dwar il-miżati u l-lingwi tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk għandu japplika wkoll għad-dikjarazzjoni tal-kapaċità ta' qafas.

4.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jaġġorna d-dikjarazzjoni tal-kapaċità ta' qafas sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jiġi konkluż ftehim qafas jew wara li dan jiġi emendat sostanzjalment jew jitħassar. Huwa għandu jagħmel dik l-informazzjoni disponibbli b'mod li jħares il-kunfidenzjalità kummerċjali.

Artikolu 4

Allinjament tad-dikjarazzjoni dwar in-netwerk

Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jallinjaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar in-netwerk mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u għandhom jippubblikaw id-dikjarazzjoni tal-kapaċità ta' qafas dakinhar li ssir l-ewwel bidla fl-iskeda taż-żmien wara li dan ir-Regolament jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Allokazzjoni tal-kapaċità ta' qafas

1.   Il-maniġer tal-infrastruttura jista' jistieden lill-applikanti potenzjali jressqu t-talbiet tagħhom għall-ftehimiet qafas permezz ta' skadenza annwali jew pluriennali. Ladarba tkun għaddiet l-iskadenza rilevanti, huwa għandu jipproċessa t-talbiet imressqin mingħajr dewmien. Jekk il-maniġer tal-infrastruttura jistieden it-talbiet għall-ftehimiet qafas permezz ta' skadenza pluriennali, huwa għandu jippubblika l-iskadenzi annwali sa meta għandu jipproċessa t-talbiet li jkunu waslulu wara l-iskadenza pluriennali mingħajr dewmien eċċessiv.

2.   Meta l-maniġer tal-infrastruttura ma jimponix skadenza annwali jew pluriennali u jirċievi talba biex jikkonkludi jew jimmodifika ftehim qafas, huwa għandu jieħu l-passi raġonevoli biex jgħarraf lill-applikanti potenzjali l-oħrajn dwar l-intenzjoni tiegħu li jikkonkludi ftehim qafas u jagħtihom bejn xahar u erba' xhur ċans biex iwieġbu għal dan. Il-maniġer tal-infrastruttura jista' jiddeċiedi li ma jinfurmax lill-applikanti potenzjali l-oħrajn jekk jirċievi talba għal modifika żgħira ta' ftehim qafas li ma tkunx se tħalli impatt fuq il-ftehimiet qafas l-oħrajn.

Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jiddeċiedi fuq it-talbiet għal ftehimiet qafas mingħajr dewmien.

3.   Jekk jitressqu żewġ talbiet ġodda jew iktar għal ftehim qafas għall-istess kapaċità, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jeżaminahom u jiddeċiedi fuqhom fl-istess ħin.

4.   Jekk ftehim qafas li jkun se jiġi konkluż jew immodifikat b'mod sostanzjali jkollu x'jaqsam ma' linji ferrovjarji ta' kuritur tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u jekk il-bord ta' tmexxija jkun talab li jiġi mgħarraf dwar dan, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jgħarraf lill-bord ta' tmexxija tal-kuritur tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija kkonċernat dwar dan kif imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipprovdi din l-informazzjoni mill-inqas xahar qabel ma jikkonkludi jew jimmodifika sostanzjalment il-ftehim qafas.

5.   Minkejja li tkun ittieħdet deċiżjoni biex jiġu konklużi l-ftehimiet qafas, il-maniġer tal-infrastruttura jista' jiddeċiedi, fuq bażi mhux diskriminatorja u b'approvazzjoni minn qabel tal-korp regolatorju fejn dan ikun applikabbli, li ma joffrix ftehimiet qafas fuq il-linji kollha li jkunu ġew iddikjarati bħala linji kkonġestjonati f'konformità mal-Artikolu 47(1) tad-Direttiva 2012/34/UE. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jindika l-linji fejn ma joffrix ftehimiet qafas fid-dikjarazzjoni tal-kapaċità ta' qafas qabel ma jistieden lill-applikanti jressqu t-talbiet tagħhom għal ftehimiet qafas għal linji oħrajn skont il-paragrafu 1. L-approvazzjoni tal-korp regolatorju, fejn dan ikun applikabbli, għandha tkun valida għal perjodu massimu ta' sentejn u m'għandhiex tkun tiġġedded awtomatikament.

6.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li jirrifjuta li jikkonkludi ftehim qafas jew li jemendah. Huwa għandu jibgħat ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tiegħu lill-applikant li jkun talab li jiġi konkluż il-ftehim jew li dan jiġi emendat, bil-miktub.

Artikolu 6

Konklużjoni tal-ftehimiet qafas

1.   Qabel ma jikkonkludi ftehim qafas ġdid jew qabel ma jestendi jew iżid sostanzjalment il-kapaċità ta' qafas ta' ftehim qafas eżistenti, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jqis, fost l-oħrajn, dan li ġej:

(a)

l-iżgurar tal-aħjar użu tal-kapaċità tal-infrastruttura disponibbli, inkluż l-użu ta' netwerks oħrajn, filwaqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet ippjanati fuq il-kapaċità;

(b)

il-ħtiġijiet kummerċjali leġittimi tal-applikant meta l-applikant ikun wera li għandu l-intenzjoni u l-ħila li juża l-kapaċità mitluba fil-ftehim qafas fir-realtà;

(c)

il-ħtiġijiet tal-passiġġieri, tas-settur tal-merkanzija u tal-investituri, fosthom l-entitajiet tal-Istat u entitajiet pubbliċi u privati oħrajn;

(d)

l-iżgurar ta' aċċess mhux diskriminatorju għall-infrastruttura u l-kunsiderazzjoni tad-disponibbiltà tal-faċilitajiet relatati u tas-servizzi fornuti f'dawn il-faċilitajiet, safejn huwa jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu din l-informazzjoni;

(e)

il-finanzjament tal-maniġer tal-infrastruttura u l-iżvilupp tan-netwerk fil-ġejjieni;

(f)

il-promozzjoni tal-effiċjenza fit-tħaddim tal-infrastruttura u, kemm jista' jkun, tal-faċilitajiet relatati magħha, fosthom fil-manutenzjoni, it-tisħiħ u t-tiġdid ippjanat tagħhom;

(g)

ir-rekwiżiti tal-kapaċità tal-kurituri internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija kif previst fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 913/2010;

(h)

l-iżgurar ta' ġestjoni tan-netwerk li tkun proporzjonata, immirata, trasparenti u ġusta u li jkollha biżżejjed riżorsi;

(i)

xi nuqqas preċedenti li tintuża l-kapaċità ta' qafas, jekk ikun hemm, u r-raġunijiet għal dak in-nuqqas, kif stipulat fl-Artikolu 11(2) u (3) ta' dan ir-Regolament;

(j)

il-kriterji ta' prijorità li japplikaw għall-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija fil-proċedura tal-iskedar, kif imsemmi fl-Artikolu 47 tad-Direttiva 2012/34/UE, u d-dikjarazzjonijiet dwar l-infrastruttura kkonġestjonata;

(k)

jekk ikun applikabbli, il-ħtieġa li tiġi żgurata prestazzjoni finanzjarja fit-tul tat-trasport pubbliku pprovdut fil-qafas ta' kuntratt ta' servizz pubbliku.

Fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk, minbarra l-elementi mniżżlin fil-punti (a) sa (k), il-maniġer tal-infrastruttura għandu jippubblika wkoll l-elementi l-oħrajn li beħsiebu jqis.

2.   Ftehim qafas għandu jkun fih dan li ġej:

(a)

dispożizzjonijiet li jippermettu li jsiru talbiet għal modifika tal-kapaċità ta' qafas fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikoli 8 sa 11 u fl-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament;

(b)

dispożizzjonijiet li jippermettu li jsiru talbiet għal modifika tal-kapaċità ta' qafas fil-każ ta' bidliet permanenti fl-infrastruttura li jkunu meħtieġa biex ikun żgurat li l-infrastruttura ferrovjarja tintuża aħjar;

(c)

dispożizzjonijiet li jippermettu li dak li jkun iċedi jew jittrasferixxi l-kapaċità ta' qafas tiegħu fuq bażi volontarja.

Dan m'għandux jinkludi dispożizzjonijiet li jipprevjenu lill-maniġer tal-infrastruttura milli jagħti, meta jkun hemm il-kapaċità disponibbli, drittijiet ta' aċċess lil applikant differenti fuq linja waħda jew aktar tan-netwerk tiegħu.

3.   L-applikanti jistgħu jitolbu li l-kapaċità ta' qafas allokata skont il-ftehim qafas tibda fi kwalunkwe mument, iżda ma jistgħux jitolbu li din tibda aktar minn ħames snin wara d-data tat-talba. Il-maniġers tal-infrastruttura m'għandhomx jiċħdu t-tali talbiet meta l-perjodu taż-żmien meħtieġ qabel ma jibda s-servizz ikun iġġustifikat minn waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

il-ftehim qafas ikun prerekwiżit għall-finanzjament tal-vetturi ferrovjarji li jkunu meħtieġa għal servizz ġdid;

(b)

hemm bżonn titlesta l-awtorizzazzjoni tal-vetturi ferrovjarji kif imsemmi fil-punt (a);

(c)

il-mod li bih huma skedati jibdew l-operazzjonijiet tal-punti ta' tbaħħir jew tat-terminals tat-tagħbija jew li bih hija skedata tiftaħ parti kkollegata tal-infrastruttura;

(d)

għandu jsir investiment fl-infrastruttura f'każ fejn għadha mhijiex disponibbli l-kapaċità miżjuda;

(e)

dispożizzjoni f'kuntratt ta' servizz pubbliku eżistenti.

Il-maniġer tal-infrastruttura jew l-applikant jista' jitlob lill-korp regolatorju japprova perjodu itwal taż-żmien minn dak imsemmi fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu. Il-korp regolatorju jista' jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal raġunijiet oħrajn minbarra dawk stipulati fil-punti (a) sa (e) tal-ewwel subparagrafu. Il-kapaċità li tkun ġiet allokata skont il-ftehim qafas iżda li ma tkunx intużat minħabba ż-żmien meħtieġ qabel ma jibda s-servizz għandha tibqa' disponibbli biex jużawha applikanti oħrajn.

4.   Talba għal ftehim qafas m'għandhiex tiġi miċħuda minħabba li l-maniġer tal-infrastruttura jkun irċeviha wara d-data ta' skadenza msemmija fl-Artikolu 5(1), iżda għandha tiġi pproċessata fuq bażi mhux diskriminatorja mal-proċedura li jkun imiss skont l-Artikolu 5. Jekk il-maniġer tal-infrastruttura jistieden lill-applikanti potenzjali jressqu t-talbiet għal ftehimiet qafas permezz ta' skadenza pluriennali u jirċievi talbiet bħal dawn wara din l-iskadenza, huwa għandu jipproċessahom jew sa data ta' skadenza annwali skont l-Artikolu 5(1) jew skont l-Artikolu 5(2).

Fil-każ ta' talbiet li jissodisfaw il-kriterji tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, m'għandhiex titqies id-data tal-wasla tat-talba għal ftehim qafas biex jiġi stabbilit it-tul ta' żmien tal-ftehim qafas. Dan m'għandux japplika għall-applikanti li jkunu diġà ngħataw kapaċità ta' qafas oħra jew mogħdijiet oħrajn tal-ferrovija fuq il-linja kkonċernata.

Artikolu 7

Qbil dwar skeda tal-ħin

Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jaqbel mal-applikant dwar skeda tal-ħin fuq bażi ta' każ b'każ u din l-iskeda tal-ħin għandha tkun allinjata kemm jista' jkun mal-perjodu ta' kontroll sabiex il-kapaċità ta' qafas relatata tkun tista' tiġi assenjata b'mod iktar faċli. L-iskeda tal-ħin għandha tirrifletti l-ħtiġijiet tas-servizz ferrovjarju.

L-iskeda tal-ħin għandha tkun perjodu li ma jaqbiżx l-24 siegħa. F'każijiet eċċezzjonali, fuq talba tal-applikant, u dejjem jekk il-korp regolatorju jagħti l-approvazzjoni tiegħu minn qabel, il-maniġer tal-infrastruttura jista' jaqbel fuq skeda tal-ħin ta' aktar minn 24 siegħa.

Fil-każ ta' skeda tal-ħin ta' aktar minn sagħtejn, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jassenja l-kapaċità tal-qafas kemm jista' jkun qrib il-perjodu ta' kontroll ta' sagħtejn.

L-iskedi tal-ħin taħt ftehim qafas jew taħt diversi ftehimiet qafas jistgħu jikkoinċidu. Il-partijiet għal ftehim qafas jistgħu jaqblu fuq il-frekwenza tas-servizz.

Artikolu 8

Limiti għall-allokazzjoni tal-kapaċità ta' qafas

1.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jaqsam kull perjodu ta' 24 siegħa f'perjodi ta' kontroll ta' mhux aktar minn sagħtejn il-wieħed. Huwa u jalloka l-kapaċità ta' qafas, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jassenja l-iskedi tal-ħin għall-perjodi ta' kontroll.

2.   Meta l-maniġer tal-infrastruttura jalloka kapaċità tal-qafas ta' mhux aktar minn 70 % tal-kapaċità massima f'kull perjodu ta' kontroll fuq linja, huwa jista' jiddeċiedi li ma japplikax l-Artikolu 9(3) sa (6), l-Artikolu 10 u l-Artikolu 11(1) b'rabta ma' dawk il-perjodi ta' kontroll. Il-kapaċità massima għandha tiġi kkalkulata abbażi tal-intervalli tal-ħin eżistenti u ppjanati bejn il-ferroviji fuq l-istess linja u abbażi tal-għadd ta' ferroviji stmati fuq il-linja kkonċernata. Fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jippubblika l-metodoloġija tiegħu għall-kalkolu tal-kapaċità massima għall-għanijiet ta' dan il-paragrafu.

3.   Meta jkun hemm bżonn li l-korp regolatorju jagħti l-approvazzjoni tiegħu minn qabel għal ftehim qafas skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 2 u l-Artikoli 9(3) sa (6) u 10 jew li ma japplikax xi wieħed minnhom.

Artikolu 9

Koordinazzjoni fil-każ ta' talbiet konfliġġenti għal ftehimiet qafas għal kwalunkwe perjodu taż-żmien wara tmiem il-perjodu tal-iskedar li jmiss

1.   Jekk il-maniġer tal-infrastruttura jiltaqa' ma' kunflitti bejn il-ftehimiet qafas eżistenti u t-talbiet għal emendi fil-ftehimiet qafas jew għal ftehimiet qafas ġodda, jew jekk huwa jiltaqa' ma' kunflitti bejn it-talbiet għal ftehimiet qafas ġodda, huwa għandu japplika l-prinċipji tal-proċedura ta' koordinazzjoni għat-talbiet għall-mogħdijiet prevista fl-Artikolu 46(3) u (4) tad-Direttiva 2012/34/UE.

2.   Permezz tal-ewwel tentattiv ta' koordinazzjoni, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipprova jiżgura li jitqabblu flimkien bl-aħjar mod possibbli t-talbiet konfliġġenti kollha jew it-talba u l-ftehimiet qafas eżistenti.

3.   F'każ li l-ftehimiet qafas eżistenti u t-talbiet għal ftehimiet qafas ġodda jew it-talbiet biex il-ftehimiet jiġu emendati ma jkunux jistgħu jiġu rrikonċiljati ma' xulxin wara l-ewwel tentattiv ta' koordinazzjoni, wara li l-partijiet interessati ma jaċċettawx is-soluzzjoni li jkun ippropona l-maniġer tal-infrastruttura, dan tal-aħħar għandu jivvaluta dawk it-talbiet u, jekk ikun rilevanti, il-ftehimiet qafas eżistenti, filwaqt li jqis il-kriterji previsti fl-Artikolu 10(2) sa (4).

4.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jwettaq tentattiv ieħor ta' koordinazzjoni abbażi tal-valutazzjoni skont il-paragrafu 3. Jekk it-tieni tentattiv ta' koordinazzjoni wkoll ma jwassal għall-ebda suċċess u jekk il-ftehim qafas mitlub jipprevedi użu aħjar tal-infrastruttura, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jitlob li tiġi emendata l-kapaċità ta' qafas allokata fil-ftehimiet qafas eżistenti.

5.   Jekk it-tieni tentattiv ta' koordinazzjoni wkoll ma jwassal għall-ebda suċċess u jekk il-ftehim qafas mitlub ma jipprevedix użu aħjar tal-infrastruttura minn wieħed mill-ftehimiet qafas eżistenti konfliġġenti jew minn bosta minnhom, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jiċħad it-talba.

6.   Il-maniġer tal-infrastruttura jista' jiċħad talba għal ftehim qafas jekk id-dħul addizzjonali ġġenerat mill-konklużjoni tal-ftehim qafas il-ġdid ma jkunx jikkumpensa tal-inqas il-pieni possibbli, kif imsemmi fl-Artikolu 13, wara l-emenda msemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

7.   Jekk ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati t-talbiet għal ftehimiet qafas minħabba nuqqasijiet attwali fil-kapaċità tal-infrastruttura jew minħabba nuqqasijiet li mistennija jkun hemm fiha, il-maniġer tal-infrastruttura jista' jiddikjara s-sezzjoni tal-infrastruttura kkonċernata kkonġestjonata skont l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2012/34/UE.

Artikolu 10

Koordinazzjoni ta' talbiet konfliġġenti għall-mogħdijiet tal-ferrovija fil-kuntest tal-ftehimiet qafas matul il-proċedura tal-iskedar

1.   F'każ li ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati t-talbiet għall-mogħdijiet tal-ferrovija skont l-iskedar stipulat fl-Artikolu 45 tad-Direttiva 2012/34/UE minħabba kunflitt ma' ftehim qafas eżistenti, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jagħmel l-ewwel tentattiv ta' koordinazzjoni skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2012/34/UE. Din il-koordinazzjoni għandha ssir anke f'każ li l-partijiet għall-ftehim qafas ikunu neħħew jew emendaw minn jeddhom l-iskedi tal-ħin tagħhom. Jekk il-maniġer tal-infrastruttura ma jkunx jista' jirrikonċilja t-talbiet ma' xulxin, huwa għandu jivvaluta l-ftehimiet qafas u t-talbiet għall-mogħdijiet tal-ferrovija skont il-kriterji mogħtija fil-paragrafi 2 u 3.

Jekk, abbażi ta' dawn il-kriterji, il-mogħdijiet tal-ferrovija mitluba jipprevedu użu aħjar tal-infrastruttura u jekk id-dħul addizzjonali ġġenerat mill-allokazzjoni ta' dawn il-mogħdijiet tal-ferrovija jkun jikkumpensa tal-inqas il-pieni possibbli, kif imsemmi fl-Artikolu 13, li jiġu wara li jiġi emendat xi ftehim qafas eżistenti jew diversi ftehimiet qafas eżistenti, jew wara li dawn jintemmu, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jitlob li jiġu emendati l-ftehimiet qafas eżistenti għall-perjodu tal-iskedar li jmiss.

2.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jqis il-kriterji li ġejjin:

(a)

emenda mhix se tipperikola l-vijabbiltà tal-mudell kummerċjali tal-applikant li għandu l-kapaċità ta' qafas jew il-mudell ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku;

(b)

emenda mhix se tipperikola l-vijabbiltà tal-mudell kummerċjali tal-maniġer tal-infrastruttura jekk huwa jimmaniġġa biss il-linja kkonċernata;

(c)

il-ftehim qafas għandu prestazzjoni iktar baxxa meta jiġi vvalutat bil-kriterji ta' prijorità applikati għall-allokazzjoni tal-mogħdijiet tal-ferrovija fil-proċedura tal-iskedar f'konformità mar-regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċità msemmija fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2012/34/UE, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikoli 47 u 49 tal-istess Direttiva;

(d)

il-kapaċità kollha li għandu l-applikant fuq il-linja kkonċernata, jew li dan talab għaliha fuq dik il-linja, hija sinifikanti;

(e)

il-ħtiġijiet kummerċjali leġittimi tal-applikant meta l-applikant ikun wera l-intenzjoni u l-ħila tiegħu li juża l-kapaċità mitluba fil-ftehim qafas fir-realtà;

(f)

it-tul tas-servizz ta' waħda mit-talbiet konfliġġenti, inklużi l-meded fuq netwerks oħrajn, huwa ħafna inqas minn dak tat-talba l-oħra;

(g)

iż-żmien li għad baqa' tal-ftehim qafas jew tal-pjan tan-negozju huwa qasir u l-investiment kollu jew ħafna minnu tħassar.

L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu ordni ta' importanza għal dawn il-kriterji fil-qafas għall-allokazzjoni tal-kapaċità kif imsemmi fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2012/34/UE.

3.   Suġġett għall-approvazzjoni mill-korp regolatorju, il-maniġer tal-infrastruttura jista' jiddeċiedi li jintroduċi kriterji addizzjonali minbarra dawk imniżżlin fil-punti (a) sa (g). Jekk il-maniġer tal-infrastruttura jiddeċiedi li jagħti piż differenti lill-kriterji, il-korp regolatorju għandu japprova l-piż mogħti lil dawk il-kriterji.

4.   Għat-traffiku transkonfinali, il-maniġers tal-infrastruttura kkonċernati jistgħu jiddeċiedu b'mod konġunt li japplikaw kriterji addizzjonali u li jibdlu l-piż mogħti lilhom.

5.   B'deroga mill-paragrafi 1, 2 u 3, il-maniġer tal-infrastruttura jista' jiddeċiedi li, fil-każ ta' talbiet konfliġġenti għall-mogħdijiet tal-ferrovija, ir-regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċità msemmija fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2012/34/UE, inklużi l-kriterji ta' prijorità applikati skont il-proċedura tal-iskedar annwali skont l-Artikoli 47 u 49 tal-istess Direttiva, għandhom japplikaw kemm għat-talbiet għall-mogħdijiet fil-kuntest ta' ftehim qafas u kemm għat-talbiet għall-mogħdijiet l-oħrajn kollha. Jekk il-maniġer tal-infrastruttura jiddeċiedi hekk u jekk it-talbiet konfliġġenti ma jkunux jistgħu jiġu solvuti wara l-ewwel tentattiv ta' koordinazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, huwa għandu japplika wkoll dawk ir-regoli għall-allokazzjoni tal-kapaċità msemmija fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2012/34/UE, inklużi l-kriterji ta' prijorità stabbiliti skont l-Artikoli 47 u 49 tal-istess Direttiva. Jekk il-maniġer tal-infrastruttura jiddeċiedi li japplika dan il-paragrafu, għandu jsemmi dan b'mod trasparenti fil-ftehim qafas miftiehem.

Artikolu 11

Aġġustament tal-kapaċità ta' qafas fil-ftehim qafas

1.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jirrevedi b'mod perjodiku l-ftehim qafas mal-applikanti sabiex titqies il-kapaċità ta' qafas. L-applikanti għandhom jgħarrfu lill-maniġer tal-infrastruttura mingħajr dewmien dwar kull intenzjoni permanenti li jista' jkollhom li ma jużawx il-kapaċità ta' qafas kollha jew parti minnha.

2.   Jekk matul l-iskedar annwali l-applikant ma jitlobx mogħdijiet tal-ferrovija abbażi tal-ftehim qafas skont l-Artikolu 44(3) tad-Direttiva 2012/34/UE, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jnaqqas il-kapaċità tal-qafas skont dan għall-perjodu tal-iskedar annwali attwali. Dan huwa sakemm l-applikant ma jiġġustifikax mingħajr dewmien għaliex naqas milli jitlob għall-mogħdijiet tal-ferrovija u sakemm ir-raġunijiet mogħtija ma jkunux fil-kontroll tiegħu.

3.   Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar il-proporzjon tal-kapaċità ta' qafas li l-partijiet għall-ftehimiet qafas għandhom jużaw u għandu jippubblikahom fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk. Dak il-proporzjon għandu jkun xieraq meta wieħed iqis il-kapaċità użata fuq il-linja. Il-korp regolatorju jista' jitlob li dak il-proporzjon jiġi emendat jekk dan ma jkunx il-każ.

Meta parti għall-ftehim ma jkunx beħsiebha tuża dak il-proporzjon tal-kapaċità tal-qafas għal perjodu ta' iktar minn xahar, hija għandha tavża lill-maniġer tal-infrastruttura b'dan mingħajr dewmien u tal-inqas xahar minn qabel.

Meta parti għall-ftehim ma tkunx użat il-kapaċità tal-qafas kollha jew parti minnha għal perjodu ta' iktar minn xahar u ma tkunx avżat lill-maniġer tal-infrastruttura tal-inqas xahar minn qabel bl-intenzjoni tagħha li ma tużahiex, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jnaqqas il-kapaċità allokata għal din il-parti għall-perjodu tal-iskeda taż-żmien attwali, sakemm dan in-nuqqas ta' użu tal-kapaċità ma jkunx seħħ minħabba raġunijiet li l-parti ma kellhiex kontroll fuqhom. Il-maniġer tal-infrastruttura jista' jnaqqas il-kapaċità tal-qafas allokata għal din il-parti għall-perjodu ta' wara l-perjodu tal-iskeda taż-żmien attwali.

Il-maniġer tal-infrastruttura għandu joffri lill-applikant il-kapaċità tal-qafas minkejja d-dritt eventwali ta' parti għall-ftehim li titlob dik il-kapaċità skont id-dispożizzjonijiet dwar it-talbiet ad hoc imsemmija fl-Artikolu 48(1) tad-Direttiva 2012/34/UE.

4.   Meta joffri kapaċità tal-qafas ġdida lill-applikant, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jqis kull nuqqas ta' użu tal-kapaċità ta' qafas jew ta' talba għall-mogħdijiet tal-ferrovija abbażi ta' ftehim qafas u r-raġunijiet għal dan.

Artikolu 12

Kooperazzjoni fl-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura fuq iktar minn netwerk wieħed

1.   Il-maniġers tal-infrastruttura li għandhom x'jaqsmu ma' servizz li jgħaddi minn aktar minn netwerk wieħed tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni għandhom jiżguraw kemm jista' jkun li:

(a)

jekk ikunu ġew konklużi ftehim qafas wieħed jew aktar għat-tali servizz ferrovjarju, l-iskedi tal-ħin mitluba jkunu jaqblu ma' dawk maqbula skont il-ftehim qafas jew mitluba skont dan il-ftehim u li l-kapaċitajiet disponibbli li mistennija jkun hemm skont kull ftehim qafas ikunu jaqblu ma' xulxin;

(b)

meta jkunu qed jiġu skedati l-mogħdijiet tal-ferrovija, dawn il-mogħdijiet ikunu jaqblu ma' xulxin.

Meta jintalab ftehim qafas għal servizz ferrovjarju li jgħaddi minn aktar minn netwerk wieħed, jew meta jkun qed jintuża t-tali ftehim, il-maniġers tal-infrastruttura kkonċernati għandhom jaħtru 'l xi ħadd minn fosthom biex jikkoordina t-talbiet għall-ftehimiet qafas jew biex jikkoordina t-talbiet biex jiġu emendati l-ftehimiet qafas, jekk l-applikant jitlob dan.

2.   Jekk l-iskedi tal-ħin u l-mogħdijiet tal-ferrovija ma jkunux jistgħu jiġu allinjati, il-maniġers tal-infrastruttura kkonċernati għandhom jikkoordinaw bejniethom biex jipprovdu alternattiva xierqa jew jipprovdu ġustifikazzjoni bil-miktub f'każ li ma tkunx tista' tiġi pprovduta alternattiva xierqa. L-applikant għandu jgħarraf lill-maniġers tal-infrastruttura li jkun irċieva t-talba dwar kull talba possibbli jew reali għal ftehim qafas ieħor dwar l-istess servizz ferrovjarju.

Matul il-proċess ta' koordinazzjoni, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom iqisu r-restrizzjonijiet marbutin mal-kapaċità malli jsiru jafu bihom bħal, pereżempju, ir-restrizzjonijiet li jkun hemm minħabba xogħlijiet ta' manutenzjoni.

3.   Għall-għanijiet tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-maniġers tal-infrastruttura kkonċernati għandhom jikkooperaw skont l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2012/34/UE, fosthom meta wieħed minnhom jew aktar ma jipproponux ftehimiet qafas u meta dawn jissieħbu flimkien għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kapaċità.

Artikolu 13

Pieni

1.   Jekk xi waħda mill-partijiet titlob li l-ftehim qafas ikun jipprevedi pieni skont l-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2012/34/UE, hija ma għandhiex tiċħad pieni komparabbli li jintalbu mill-parti l-oħra.

2.   Il-ftehim qafas ma għandux jistabbilixxi pieni f'livell li jaqbeż il-kostijiet u t-telf u l-ispejjeż diretti (inkluż it-telf ta' dħul) li l-parti indennizzata tkun ġarrbet b'mod raġonevoli jew li din il-parti tkun mistennija ġġarrab b'mod raġonevoli minħabba l-modifika jew it-terminazzjoni tal-ftehim. Il-parti indennizzata għandha tieħu l-passi raġonevoli biex tipprevjeni jew tnaqqas il-modifika tal-ftehim, jew biex tipprevjeni t-terminazzjoni tiegħu jew tnaqqas l-impatt tiegħu, u biex tirkupra l-kostijiet, it-telf u l-ispejjeż jew inkella biex ittaffi b'xi mod ieħor il-kostijiet u t-telf u l-ispejjeż diretti (inkluż it-telf ta' dħul).

3.   Il-maniġer tal-infrastruttura m'għandux jitlob ħlas tal-pieni li jkun iktar mill-kostijiet amministrattivi biex jimmodifika jew itemm il-ftehim qafas fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

f'każ li l-modifika jew it-terminazzjoni tal-ftehim seħħew għal raġunijiet li l-applikant ma kellux kontroll fuqhom u l-maniġer tal-infrastruttura kien ġie mgħarraf b'dan mingħajr dewmien;

(b)

f'każ li l-applikant kellu talba kumplimentari għall-kapaċità ta' qafas li ġiet irrifjutata u li mingħajrha s-servizz ferrovjarju previst ma kienx se jkun vijabbli;

(c)

f'każ li l-maniġer tal-infrastruttura jista' jalloka mill-ġdid il-mogħdijiet tal-ferrovija u l-kapaċità tal-qafas b'mod li t-telf li jiġi mill-modifika jew mit-terminazzjoni tal-ftehim qafas ikun diġà ġie rkuprat.

4.   Il-ftehim qafas m'għandux ikun fih dispożizzjoni li permezz tagħha tiġi rrinunzjata l-piena f'każ li l-applikant jitlob kapaċità oħra b'mod separat minbarra l-kapaċità kkanċellata. M'għandhomx jintalbu pieni jekk il-modifika tkun tinvolvi biss tibdil marġinali fil-kapaċità miftiehma.

5.   Fuq talba tal-korp regolatorju, il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipprovdi evidenza li l-pieni jkunu tħallsu fil-ħin.

Artikolu 14

Deroga

Jekk maniġer tal-infrastruttura ma jipproponix ftehimiet qafas u ma jkunx qed juża t-tali ftehimiet qafas, l-Artikoli 1 sa 11 u l-Artikolu 13 m'għandhomx japplikaw għan-netwerk tiegħu. Huwa għandu jippubblika dikjarazzjoni dwar dan fid-dikjarazzjoni dwar in-netwerk.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikoli 1 sa 11 għall-ftehimiet qafas li jkunu ġew konklużi qabel il-15 ta' Marzu 2003.

Artikolu 15

In-nuqqas ta' applikazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikoli 6(2), 7, 8, 9, 10, 11 jew 13 għall-ftehimiet qafas li jkunu ġew konklużi qabel it-28 ta' April 2016, għal perjodu massimu ta' ħames snin minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri m'għandux ikollhom l-għażla msemmija fl-ewwel sentenza għall-emendi tal-ftehimiet qafas li jintlaħaq qbil dwarhom wara t-28 ta' April 2016 u li jwasslu għal żieda fil-kapaċità ta' qafas allokata jew għal estensjoni tat-tul ta' żmien tal-ftehim qafas.

Artikolu 16

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa jibda japplika mill-1 ta' Diċembru 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 913/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport ta' merkanzija kompetittiv (ĠU L 276, 20.10.2010, p. 22).

(3)  Id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29).


Top