Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0094

Regolament (UE) 2016/94 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 li jħassar ċerti atti mill-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

ĠU L 26, 2.2.2016, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 22/02/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/94/oj

2.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 26/6


REGOLAMENT (UE) 2016/94 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Jannar 2016

li jħassar ċerti atti mill-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(1)(d) u l-Artikolu 87(2)(a) u (c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

It-titjib fit-trasparenza tad-dritt tal-Unjoni huwa element essenzjali tal-istrateġija għal tfassil aħjar tal-liġijiet li qed jimplimentaw l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. F’dak il-kuntest, huwa xieraq li dawk l-atti li ma għadx għandhom skop jitħassru.

(2)

Għadd ta’ atti adottati fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u li jagħmlu parti mill-acquis ta’ Schengen ma għadhomx rilevanti minħabba n-natura temporanja tagħhom jew billi l-kontenut tagħhom kien trattat f’atti suċċessivi.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (93)14 (2) immirata biex ittejjeb il-kooperazzjoni ġudizzjarja prattika għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga għal każijiet biss ta’ rifjut ta’ kooperazzjoni minn Stat Membru. Dik id-Deċiżjoni ma baqgħetx applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea stabbilita mill-Att tal-Kunsill 2000/C-197/01 (3), li tipprevedi kooperazzjoni aktar fil-fond fost l-Istati Membri fil-qasam tal-assistenza reċiproka dwar ir-reati kollha u għalhekk ukoll dwar it-traffikar tad-drogi.

(4)

Id-Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (97) decl. 13 rev2 (4) indirizzat is-sekwestru ta’ minuri u t-teħid illegali ta’ minur minn wieħed mill-ġenituri mingħand il-persuna li lilha ngħata d-dritt tal-kustodja. Dik id-Dikjarazzjoni ma baqgħetx applikabbli wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/115/UE (6), li jipprevedu regoli ġodda dwar il-verifika ta’ minuri li jaqsmu l-fruntiera esterna u fir-rigward ta’ attivitajiet korrispondenti tal-uffiċċji SIRENE.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (98)52 (7) adottat il-Manwal ta’ Schengen dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija transfruntiera li tassisti lill-Istati Membri fit-twettiq ta’ operazzjonijiet transfruntieri. Dik id-Deċiżjoni ma baqgħetx applikabbli wara li l-kontenut tal-manwal kien inkluż fil-katalogu aġġornat ta’ rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni korretta tal-acquis ta’ Schengen u l-aħjar prattiki fil-kooperazzjoni tal-pulizija, Manwal dwar operazzjonijiet transfruntieri u Kompendju dwar l-uffiċjali ta’ kollegament dwar l-infurzar tal-liġi.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv SCH/Com-ex (99)11 Rev. 2 (8) adottat Ftehim ta’ Kooperazzjoni fi Proċeduri Kontra Reati ta’ Traffiku fit-Triq. Dak il-Ftehim ġie konkluż bejn ċerti Stati Membri u wkoll ma’ żewġ stati terzi (l-Iżlanda u n-Norveġja). Għaldaqstant mhuwiex parti tal-acquis ta’ Schengen. Barra minn hekk, qatt ma daħal fis-seħħ u ebda wieħed mill-Istati Membri ma għamel dikjarazzjoni skont l-Artikolu 20(3) ta’ dak il-Ftehim dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim bejn dawk l-Istati Membri li rratifikawh. Għalhekk, dik id-Deċiżjoni ma għandha l-ebda rilevanza u għandha titħassar.

(7)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/ĠAI (9) stipulat il-kamp ta’ applikazzjoni, l-organizzazzjoni, il-koordinazzjoni u l-proċeduri ta’ validazzjoni ddettaljati għal ċerti testijiet bl-għan li jiġi ivvalutat jekk is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen II (SIS II) hijiex konformi mar-rekwiżiti tekniċi u funzjonali kif definiti fl-istrumenti legali tas-SIS II. Dik id-Deċiżjoni tilfet l-effett legali tagħha ladarba s-SIS II bdiet topera fid-9 ta’ April 2013.

(8)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ċarezza, għandhom jitħassru dawk id-Deċiżjonijiet u dik id-Dikjarazzjoni li ma għadhomx applikabbli.

(9)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tħassir ta’ għadd ta’ atti li ma baqgħux applikabbli tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u li jagħmlu parti mill-acquis ta’ Schengen, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal- prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkiseb dak l-għan.

(10)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(11)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda qed tieħu sehem f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal- Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (10).

(12)

Wara n-notifika mogħtija mir-Renju Unit fl-24 ta’ Lulju 2013 f’konformità mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36 dwar dispożizzjonijiet transitorji, id-Deċiżjonijiet u d-Dikjarazzjoni li ma baqgħux applikabbli msemmijin hawn fuq ma baqgħux japplikaw għar-Renju Unit mill-1 ta’ Diċembru 2014, bis-saħħa tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(4) ta’ dak il-Protokoll. Għalhekk ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhux marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(13)

Fir-rigward tal-Iżlanda u tan-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (11) ta’ Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (12).

(14)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (13), li jaqgħu taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (14).

(15)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (15) ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE (16),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tħassir ta’ atti li ma baqgħux applikabbli

L-atti li ġejjin huma mħassra:

Deċiżjoni SCH/Com-ex (93)14 (ġlieda kontra t-traffikar tad-droga);

Dikjarazzjoni SCH/Com-ex (97) decl. 13 Rev 2 (sekwestru ta’ minuri);

Deċiżjoni Sch/Com-ex (98) 52 (manwal tal-pulizija);

Deċiżjoni SCH/Com-ex (99)11 Rev. 2 (reati tat-traffiku fit-triq); u

Deċiżjoni 2008/173/ĠAI (testijiet tas-SIS II).

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Jannar 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Novembru 2015 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2015.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-14 ta’ Diċembru 1993 dwar it-titjib ta’ koperazzjoni ġudizzjarja prattika għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga (SCH/Com-ex (93) 14) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 427).

(3)  Att tal-Kunsill tad-29 ta’ Mejju 2000 li jistabilixxi skont Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza f’Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1).

(4)  Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tad-9 ta’ Frar 1998 dwar is-sekwestru ta’ minuri (SCH/Com-ex (97) decl. 13 rev 2) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 436).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/115/UE tas-26 ta’ Frar 2013 dwar il-Manwal Sirene u miżuri ta’ implimentazzjoni oħra għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 71, 14.3.2013, p. 1).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta’ Diċembru 1998 dwar il-Manwal dwar il-koperazzjoni tal-pulizija trans-fruntieri (SCH/Com-ex (98) 52) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 408).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tat-28 ta’ April 1999 dwar il-Ftehim ta’ Koperazzjoni fi proċeduri kontra reati ta’ traffiku fit-triq (SCH/Com-ex (99)11 Rev. 2) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 428).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/173/ĠAI tat-18 ta’ Frar 2008 dwar it-testijiet tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tax-Schengen (SIS II) (ĠU L 57, 1.3.2008, p. 14).

(10)  Id-Deciżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(11)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(13)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

(15)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 3.

(16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).


Top