EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016H0818(09)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Belġju u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tal-Belġju

ĠU C 299, 18.8.2016, p. 36–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/36


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Lulju 2016

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Belġju u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tal-Belġju

(2016/C 299/09)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta' Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih identifikat lill-Belġju bħala wieħed mill-Istati Membri li fir-rigward tiegħu kellha ssir analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro. Din ir-Rakkomandazzjoni ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-18-19 ta' Frar 2016 u adottata mill-Kunsill fit-8 ta' Marzu 2016 (3). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Belġju għandu jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

(2)

Ir-rapport tal-pajjiż tal-2016 għall-Belġju ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Dan ivvaluta l-progress li għamel il-Belġju fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u kien jinkludi analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Fit-8 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-analiżi fil-fond. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Belġju mhu għaddej mill-ebda żbilanċ makroekonomiku. Prestazzjoni esterna aktar dgħajfa flimkien ma' pożizzjoni ta' dejn pubbliku għoli jistgħu joħolqu riskji fil-ġejjieni. Madankollu, xi żviluppi reċenti jindikaw titjib fil-kompetittività. Miżuri korrettivi — li jinkludu l-moderazzjoni tal-pagi u tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali — wasslu biex jonqos ir-ritmu tat-tkabbir tal-kost lavorattiv. Id-dejn pubbliku mhux qed jonqos, iżda jidher li trażżnu r-riskji fuq perjodu qasir.

(3)

Fid-29 ta' April 2016, il-Belġju ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tiegħu u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 tiegħu. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(4)

Il-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020 indirizzat ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għal kull pajjiż. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew ma' governanza ekonomika tajba.

(5)

Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2016 jindika li l-impatt baġitarju tal-influss eċċezzjonali ta' refuġjati fl-2015 u fl-2016 u tal-miżuri ta' sigurtà eċċezzjonali fl-2016 huwa sinifikanti u jipprovdi evidenza adegwata tal-ambitu u n-natura ta' dawn il-kostijiet baġitarji addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, il-kostijiet eliġibbli addizzjonali għar-refuġjati ammontaw għal 0,03 % tal-PDG fl-2015, filwaqt li l-impatt inkrimentali fl-2016 huwa stmat li huwa ta' 0,17 % tal-PDG għan-nefqa relatata mar-refuġjati u ta' 0,12 % tal-PDG għall-miżuri ta' sigurtà. Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(1) u fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru din in-nefqa addizzjonali, minħabba l-fatt li l-influss ta' refuġjati kif ukoll il-gravità tat-theddida tat-terroriżmu huma avvenimenti eċċezzjonali, l-impatt tagħhom fuq il-finanzi pubbliċi tal-Belġju huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tkunx kompromessa billi tiġi permessa devjazzjoni temporanja mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Għalhekk, l-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju għall-2015 tnaqqas biex jitqiesu l-kostijiet addizzjonali relatati mar-refuġjati. Fir-Rebbiegħa tal-2017 ser issir il-valutazzjoni finali tal-2016, inkluż tal-ammonti eliġibbli, fuq il-bażi tad-data osservata kif provduta mill-awtoritajiet Belġjani.

(6)

Bħalissal-Belġju qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u soġġett għar-regola tranżizzjonali tad-dejn. Fit-18 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE, peress li l-Belġju ma għamilx progress suffiċjenti biex jikkonforma mar-regola tad-dejn fl-2015. Fl-analiżi ġie konkluż li l-kriterju tad-dejn għandu jitqies li ġie ssodisfat. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2016, il-Gvern qed jippjana titjib gradwali fil-bilanċ nominali minn defiċit ta' 2,6 % tal-PDG fl-2015 għal -0,2 % tal-PDG fl-2019. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju rivedut, li huwa pożizzjoni baġitarja bilanċjata f'termini strutturali huwa mistenni li jintlaħaq sal-2018. Madankollu, il-bilanċ strutturali kalkulat mill-ġdid (5) għadu juri defiċit strutturali ta' 0,4 % tal-PDG fl-2018. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mal-PDG huwa mistenni li jilħaq l-ogħla livell tiegħu ta' 106,2 % tal-PDG fl-2016 u li jonqos għal 99,6 % sal-2019. Ix-xenarju makroekonomiku użat għal dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Madankollu, il-miżuri meħtieġa biex isostnu l-miri tad-defiċit ppjanati mill-2017 'l quddiem ma ġewx speċifikati b'mod suffiċjenti. Abbażi tat-tbassir tar-Rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament rakkomandat fl-2016 kif ukoll fl-2016 u fl-2017 flimkien, jekk ma jinbidlux il-politiki. Li kieku l-impatt baġitarju tal-influss eċċezzjonali ta' refuġjati kif ukoll tal-miżuri ta' sigurtà eċċezzjonali ma tqisx fil-valutazzjoni, id-devjazzjoni projettata fl-2016 ma kinitx tkun sinifikanti. Il-Belġju mhux imbassar li jkun konformi mar-regola transizzjonali tad-dejn fl-2016 u, wara li jispiċċa l-perjodu ta' transizzjoni, mal-parametru referenzjarju tat-tnaqqis tad-dejn fl-2017. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u filwaqt li jqis it-tbassir tar-rebbiegħa 2016 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hemm riskju li l-Belġju ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Għaldaqstant ser ikunu meħtieġa aktar miżuri biex jiżguraw il-konformità fl-2016 u fl-2017.

(7)

Flimkien mad-dejn pubbliku għoli teżisti wkoll prestazzjoni dgħajfa fl-esportazzjoni u l-kompetittività. Il-prestazzjoni esterna marret lura mill-2000, kif juri t-telf fis-sehem mis-suq globali, u kienet aggravata minn esportazzjonijiet li huma orjentati l-aktar lejn swieq inqas dinamiċi. Filwaqt li x-xejra negattiva fl-ishma mis-suq twaqqfet f'dawn l-aħħar snin, it-telf akkumulat għadu sostanzjali. Speċjalizzazzjoni f'segmenti tas-suq esposti aktar għall-kompetizzjoni tal-prezzijiet ixxekkel il-kapaċità ta' esportazzjoni tal-pajjiż ukoll. Dan huwa partikolarment diffiċli li jiġi rikonċiljat mal-kostijiet lavorattivi għoli tal-pajjiż. Il-kostijiet ta' unità lavorattiva żdied b'rata mgħaġġla sa ftit żmien ilu b'riżultat ta' tkabbir baxx fil-produttività u b'mod partikolari minħabba tkabbir mgħaġġel tal-pagi. Tal-aħħar jista' jiġi attribwit għal ċerti karatteristiċi tas-sistema tal-iffissar tal-pagi. Minn naħa, il-marġnijiet għat-tkabbir reali tal-pagi kienu ripetutament għoljin wisq. Min-naħa l-oħra, l-inflazzjoni qabżet l-aspettattivi tal-inflazzjoni ripetutament u qabżet ukoll dik tal-pajjiżi ġirien. Id-differenza strutturali fir-rati fil-qalba tal-inflazzjoni bejn il-Belġju u l-pajjiżi ġirien hija kkawżata prinċipalment minn żieda ogħla tal-prezzijiet tas-servizzi u funzjonament inqas minn ottimali tas-suq bl-imnut. Din l-inflazzjoni għaddiet fuq it-tkabbir fil-pagi minħabba l-prattika ġenerali ta' indiċjar awtomatiku tal-pagi. Flimkien, dawn il-fatturi dgħajfu l-effettività tas-sistema, ikkoordinata ħafna, tal-iffissar tal-pagi. Sabiex iwaqqfu t-tnaqqis fil-kompetittività u l-impatt negattiv tiegħu fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u l-impjiegi, f'dawn l-aħħar snin l-awtoritajiet Belġjani intervjenew fil-proċess tal-iffissar tal-pagi. Ġew imposti miżuri li jimmoderaw il-pagi, inklużi limiti fuq iż-żidiet reali fil-pagi u skemi ta' sospensjoni tal-indiċjar tal-pagi. Barra minn hekk qed jiġi implimentat tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Madankollu, biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-korrezzjoni, jinħtieġu riformi strutturali tal-qafas tal-iffissar tal-pagi, f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill fis-snin li għaddew. Għalkemm il-Gvern biħsiebu jirrevedi l-Liġi tal-1996 dwar il-promozzjoni tal-impjiegi u l-ħarsien tal-kompetittività, li tipprovdi l-bażi li fuqha s-sħab soċjali jistabbilixxu 'in-norma tal-pagi' kull sentejn, ftit li xejn sar progress sa issa. Jeħtieġ li tiġi żgurata rabta aktar formali bejn il-pagi u l-produttività biex il-kisbiet reċenti ma jintilfux u jiġi evitat li l-problemi tal-passat jirrepetu ruħhom.

(8)

Sar xi progress fil-funzjonament kumplessiv tas-suq tax-xogħol. L-inċentivi għax-xogħol isaħħu permezz ta' miżuri biex jitnaqqas il-porzjon ta' taxxa u permezz ta' bidliet fis-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad. Madankollu, differenzi mdaqqsa ta' impjieg bejn gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni qed ikomplu joħolqu użu kroniku baxx tal-ħaddiema, speċjalment fost il-ħaddiema bi ftit kwalifiki, żgħażagħ, persuni aktar anzjani u persuni bi sfond ta' migrazzjoni. Barra minn hekk, rati tat-taxxa marġinali għal min jidħol jew jerġa' jidħol fis-suq tax-xogħol joħolqu nases ta' inattività u ta' pagi baxxi għal min għandu t-tieni sors ta' dħul u għal tipi speċifiċi ta' unitajiet domestiċi bħal mhuma persuni mhux f'relazzjoni u familji b'ġenitur wieħed. Għalhekk huwa importanti li jiġu rfinati u implimentati politiki mmirati lejn li jinkoraġġixxu lin-nies jiċċaqalqu mill-inattività jew mill-qgħad għall-impjieg. L-inugwaljanzi edukattivi relatati mal-isfond soċjoekonomiku huma fost l-ogħla fl-Unjoni u r-riżultati ħżiena fl-iskola jispjegaw parzjalment is-sottoprestazzjoni osservata fis-suq tax-xogħol ta' persuni bi sfond ta' migrazzjoni. Bħalissa qed jiġu introdotti riformi fl-edukazzjoni li huma intiżi b'mod partikolari biex jindirizzaw it-tluq bikri mill-iskola, u biex itejbu l-għoti tal-kura fl-ewwel snin tat-tfulija u tal-edukazzjoni fl-ewwel snin tat-tfulija. L-awtoritajiet rilevanti qed jimmiraw li jtejbu l-kwalità u r-rilevanza tas-sistema vokazzjonali. Dawn ir-riformi jistgħu jħaffu t-transizzjoni lejn ekonomija b'għarfien intensiv u dejjem aktar orjentata lejn is-servizz u jżidu t-tlaqqigħ tal-ħiliet filwaqt li jnaqqsu n-nuqqas persistenti ta' ħaddiema f'ċerti okkupazzjonijiet. Barra minn hekk, ir-rati baxxi ħafna tal-attività u tal-impjieg ta' ħaddiema akbar fl-età jeħtieġu politiki li jippromwovu t-tixjiħ attiv u li jappoġġjaw it-talba tas-suq tax-xogħol għal ħaddiema akbar fl-età. Fl-aħħar nett, ta' min jikkunsidra miżuri addizzjonali tat-taxxa li jiffaċilitaw it-teħid tal-impjiegi.

(9)

Għad hemm lok konsiderevoli għal titjib fid-dimensjoni mhux marbuta mal-kost tal-kompetittività esterna. Sabiex jiġu ssalvagwardjati u msaħħa l-livelli attwali ta' benessri, għandu jkun hemm enfasi akbar fuq iż-żieda fil-produttività u l-investiment fil-kapital ibbażat fuq l-għarfien. Dan jirrikjedi spinta sostnuta lejn prodotti, u s-servizzi assoċjati magħhom, li jkunu aktar 'il fuq fil-katina tal-valur, abbażi ta' prestazzjoni aħjar fl-innovazzjoni u bl-użu tar-riżultati tar-R&Ż. Minkejja s-sistema ta' kwalità tajba tiegħu ta' riċerka pubblika, relattivament il-Belġju ftit għandu ditti li qed jikbru malajr f'setturi innovattivi. Barra minn hekk, il-klima tan-negozju hija mfixkla minn piżijiet amministrattivi u regolatorji li jxekklu l-ħolqien u l-espansjoni tal-kumpaniji. Ir-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni azzjonarja u r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-vot, il-forma ġuridika u l-attivitajiet multidixxiplinarji jxekklu d-dinamiżmu fis-suq tas-servizzi tan-negozju. Ir-restrizzjonijiet operazzjonali u r-restrizzjonijiet fuq fejn il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jistabbilixxu l-ħanut tagħhom għandhom l-istess effett fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Barra minn hekk hemm nuqqasijiet fl-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, b'penetrazzjoni baxxa tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. Flimkien dawn il-fatturi jikkostitwixxu ostakli sinifikanti għall-investiment privat. Infrastruttura substandard u effetti lembut twal ukoll ixekklu t-tkabbir fil-produttività u l-investiment. In-netwerk tat-trasport jirrappreżenta l-akbar lakuna urġenti fl-investiment. Il-lok ġeografiku tal-Belġju, flimkien mal-preżenza ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, ippermetta lill-pajjiż biex jattira ħafna ċentri ta' distribuzzjoni, bażijiet tal-loġistika u kwartieri ġenerali internazzjonali ta' diversi kumpaniji. Madankollu, hemm problema dejjem tikber ta' konġestjoni tat-traffiku fis-sigħat l-aktar intensivi tat-traffiku li xxekkel il-kapaċità tal-pajjiż li jiġbed lejh investituri barranin u li ġġib magħha kostijiet ekonomiċi u ambjentali kbar. Il-Belġju huwa wkoll mistenni li ma jilħaqx il-miri 2020 tiegħu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u għandu problemi serji ta' tniġġis tal-arja. Minħabba l-konċentrazzjoni għolja ta' attivitajiet ekonomiċi madwar il-belt kapitali u l-portijiet, l-aktar sfidi urġenti huma l-aġġornament tal-infrastruttura bażika tal-ferrovija u tat-toroq u l-ħolqien ta' kollegamenti bejn iċ-ċentri ekonomiċi ewlenin. Fl-istess ħin, huwa importanti li tiġi indirizzata l-konġestjoni fil-ħinijiet l-aktar intensivi billi jitjiebu s-servizzi tat-trasport pubbliku, tiġi ottimizzata l-ġestjoni tat-traffiku u li jiġu eliminati d-distorsjonijiet tas-suq u l-inċentivi avversi tat-taxxa, bħal mhuwa trattament favorevoli għal karozzi tal-kumpaniji.

(10)

Sfida oħra tikkonċerna l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni tal-enerġija domestika u s-sigurtà tal-provvista b'mod ġenerali. Qtugħ mhux ippjanat fil-provvista ta' diversi installazzjonijiet nukleari qajmu tħassib dwar il-mod kif jintlaħaq bilanċ bejn id-domanda u l-provvista tal-elettriku, filwaqt li l-iskeda ta' żmien riveduta ripetutament għat-tneħħija gradwali tal-park nukleari ħolqot klima li ma twassalx biex jittieħdu deċiżjonijiet ta' investiment fit-tul. Dan huwa rifless f'aktar importazzjonijiet u sigurtà tal-provvista dejjem aktar batuta. Għalkemm ir-riskji tal-provvista fuq perjodu qasir tnaqqsu, il-ħtiġijiet ta' investiment fit-tul għadhom konsiderevoli. Minbarra li tinħtieġ kapaċità fil-produzzjoni domestika ġdida sostanzjali u żieda ulterjuri fl-interkonnessjonijiet, jinħtieġu wkoll grilji intelliġenti biex tiġi żviluppata l-ġestjoni tad-domanda. Minħabba t-tul konsiderevoli ta' żmien ta' tħejjija għal proġetti kbar fis-settur tal-enerġija u bżonn qawwi ta' sostituzzjoni ta' kapaċità matul id-deċennju li ġej, ser tkun meħtieġa azzjoni rapida, b'mod partikolari fil-forma ta' qafas legali xieraq li jippromwovi ż-żieda fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni.

(11)

Il-Belġju għamel xi progress fir-riforma tas-sistema tat-taxxa, b'mod partikolari billi ċaqlaq it-taxxi minn fuq ix-xogħol għal fuq bażijiet ta' taxxa oħrajn, li bil-mod ser inaqqsu l-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol. It-tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu personali u fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema ser jgħin ukoll f'dan ir-rigward. Madankollu, is-sistema tat-taxxa għadha kumplessa, b'bażijiet tat-taxxa mikula minn eżenzjonijiet, tnaqqis u rati mnaqqsa speċifiċi. Xi wħud minn dawn jinvolvu telf ta' dħul, distorsjonijiet ekonomiċi, u piż amministrattiv kbir. Barra minn hekk, din il-bidla fil-bażijiet tat-taxxa ma jidhirx li hija newtrali mil-lat baġitarju. Għad hemm lok konsiderevoli għal titjib fid-disinn tas-sistema tat-taxxa b'aktar twessigħ tal-bażijiet tat-taxxa, li jippermetti kemm tnaqqas tar-rati statutorji kif ukoll inqas distorsjonijiet. Hemm ukoll potenzjal konsiderevoli għal ċaqliq “ambjentali” fit-taxxa li jirriżulta, fost affarijiet oħra, minn trattament favorevoli tat-taxxa fuq il-karozzi tal-kumpaniji u l-karti tal-fjuwil, li jikkontribwixxu għat-tniġġis, għall-konġestjoni u għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

(12)

F'dawn l-aħħar snin, il-Belġju għamel progress importanti fir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet tiegħu. Il-liġi tal-10 ta' Awwissu 2015 dwar iż-żieda fl-età tal-pensjoni, il-kundizzjonijiet għal pensjonijiet bikrin u l-età minima għal pensjonijiet tas-superstiti tistabbilixxi età minima u kriterji tat-tul tal-karriera ġodda għall-pensjonijiet ordinarji. Madankollu, anki wara r-riformi reċenti, iż-żieda projettata fil-proporzjon tan-nefqa tal-pensjoni għadha sostanzjali. Rabta awtomatika mal-bidliet fl-istennija tal-għomor, kif rakkomandat fil-passat, tnaqqas ir-riskji għas-sostenibilità fuq terminu medju u twil. F'dan ir-rigward, il-Gvern ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jintroduċi sistema tal-pensjonijiet ibbażata fuq il-kreditu li tkun tista' tippermetti mekkaniżmi ta' aġġustament awtomatiku b'rispons għall-iżviluppi demografiċi. Ser ikompli jsir monitoraġġ mill-qrib ta' dawn il-kwistjonijiet fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(13)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Belġju u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Belġju fis-snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għas-sostenibbiltà tal-politika fiskali u soċjoekonomika fil-Belġju imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (3) ta' hawn taħt.

(14)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Belġju jieħu azzjoni fl-2016 u l-2017 biex:

1.

Jilħaq aġġustament fiskali annwali ta' mill-inqas 0,6 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2016 u fl-2017. Juża l-qligħ mhux mistenni biex jgħaġġel it-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika. Jaqbel dwar distribuzzjoni infurzabbli tal-miri fiskali fil-livelli kollha tal-gvern. Jissimplifika s-sistema tat-taxxa u jneħħi n-nefqiet distorsivi tat-taxxa.

2.

Iwettaq l-analiżi ppjanata tal-Liġi tal-1996 dwar il-promozzjoni tal-impjiegi u l-ħarsien tal-kompetittività u b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali. Jiżgura li l-pagi jkunu jistgħu jevolvu f'konformità mal-produttività. Jiżgura l-effettività tal-politiki ta' attivazzjoni s-suq tax-xogħol. Jimxi 'l quddiem fir-riformi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u jipprovdi appoġġ ta' taħriġ għal gruppi żvantaġġati, b'mod partikolari persuni bi sfond ta' migrazzjoni.

3.

Itejjeb il-kapaċità tal-innovazzjoni, b'mod partikolari billi jrawwem l-investiment fil-kapital ibbażat fuq l-għarfien. Iżid il-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi kummerċjali u fis-settur tal-bejgħ bl-imnut billi jneħħi restrizzjonijiet operazzjonali u tal-istabbiliment mhux meħtieġa. Jindirizza n-nuqqasijiet fl-investiment fl-infrastruttura tat-trasport u l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

P. KAŽIMÍR


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  ĠU C 96, 11.3.2016, p. 1.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(5)  Il-bilanċ strutturali kif kalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni abbażi tal-informazzjoni fil-Programm ta' Stabbiltà, skont il-metodoloġija komunement miftiehma.

(6)  Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top