Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1783

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1783 tal-4 ta' Awwissu 2016 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f'isem l-Unjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan dwar l-estensjoni tal-ftehim dwar l-istatus tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN)

    ĠU L 273, 8.10.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1783/oj

    8.10.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 273/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/1783

    tal-4 ta' Awwissu 2016

    dwar l-iffirmar u l-konklużjoni f'isem l-Unjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan dwar l-estensjoni tal-ftehim dwar l-istatus tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fit-30 ta' Mejju 2007, bl-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK (1), il-Kunsill stabbilixxa l-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN). Il-mandat tal-EUPOL AFGHANISTAN, kif emendat bid-Deċiżjoni 2014/922/PESK (2), jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2016.

    (2)

    Fl-14 ta' Ottubru 2010, l-Unjoni u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan iffirmaw Ftehim (3) dwar l-Istatus tal-EUPOL AFGHANISTAN (SOMA). Dak il-Ftehim jiskadi fl-14 ta' Ottubru 2016.

    (3)

    Wara l-adozzjoni fis-26 ta' Ottubru 2015 ta' Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, f'konformità mal-Artikolu 37 tat-TUE, innegozjat Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan bi ħsieb li testendi s-SOMA għall-finalizzazzjoni tal-mandat tal-EUPOL AFGHANISTAN u x-xoljiment tal-EUPOL AFGHANISTAN.

    (4)

    Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri għandu jiġi approvat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan dwar l-estensjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan dwar l-istatus tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

    It-test tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri sabiex tintrabat l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmula fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LAJČÁK


    (1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/369/PESK tat-30 ta' Mejju 2007 dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGANISTAN) (ĠU L 139, 31.5.2007, p. 33).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/922/PESK tas-17 ta' Diċembru 2014 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/279/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) (ĠU L 363, 18.12.2014, p. 152).

    (3)  Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan dwar l-Istatus tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan, EUPOL AFGHANISTAN (ĠU L 294, 12.11.2010, p. 2).


    Top