Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1637

    Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2016/1637 tas-6 ta' Settembru 2016 dwar il-bidu tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-embargo fuq l-armi tan-NU fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja (EUNAVFOR MED/4/2016)

    ĠU L 243, 10.9.2016, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1637/oj

    10.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 243/14


    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ (PESK) 2016/1637

    tas-6 ta' Settembru 2016

    dwar il-bidu tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) li tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-embargo fuq l-armi tan-NU fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja (EUNAVFOR MED/4/2016)

    IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 38 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 tat-18 ta' Mejju 2015 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2b u l-Artikolu 6(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/993 (2), li emendat id-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 daħlet l-Artikolu 2b f'dik id-Deċiżjoni bil-għan li jingħata kontribut għall-iskambju ta' informazzjoni u l-implimentazzjoni tal-embargo fuq l-armi tan-NU fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja bħala kompitu ta' appoġġ tal-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA.

    (2)

    Skont l-Artikolu 2b(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/778, meta l-Kumitat Politiku u ta' Sigurtá jiddeċiedi li jkunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet rilevanti, l-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandha tibda tikkontribwixxi, f'żona miftiehma tal-operazzjoni, għall-implimentazzjoni tal-embargo fuq l-armi tan-NU fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja permezz ta' spezzjonijiet ta' bastimenti destinati lejn jew ġejjin mil-Libja fejn ikun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li tali bastimenti jkunu qed iġorru armi jew materjal relatat lejn jew mil-Libja, direttament jew indirettament, bi ksur tal-embargo fuq l-armi fuq il-Libja, u permezz ta' azzjoni rilevanti tikkonfiska u tiddisponi minn tali oġġetti, inkluż bil-ħsieb li tidderieġi tali bastimenti u l-ekwipaġġi tagħhom lejn port adatt biex tiffaċilita tali disponiment, bil-kunsens tal-Istat tal-port, b'konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża l-UNSCR 2292 (2016).

    (3)

    Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE assigura lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà li ntlaħqu l-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex jibda dak il-kompitu ta' appoġġ.

    (4)

    Għalhekk, l-Operazzjoni EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandha tiġi awtorizzata tibda fiż-żona miftiehma tal-operazzjoni, biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-embargo fuq l-armi tan-NU fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja kif previst fl-Artikolu 2b tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/778.

    (5)

    F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA għandha tibda tikkontribwixxi, fiż-żona miftiehma tal-operazzjoni, għall-implimentazzjoni tal-embargo fuq l-armi tan-NU fl-ibħra miftuħa 'l barra mill-kosta tal-Libja kif previst fl-Artikolu 2b tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/778.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Settembru 2016.

    Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

    Il-President

    W. STEVENS


    (1)  ĠU L 122, 19.5.2015, p. 31.

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/993 tal-20 ta' Ġunju 2016 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin- Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali (EUNAVFOR MED operazzjoni SOPHIA) (ĠU L 162, 21.6.2016, p. 18).


    Top