EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1337

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1337 tat-2 ta' Awwissu 2016 dwar l-allokazzjoni ta' fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-għan tar-riforniment tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika

ĠU L 212, 5.8.2016, p. 107–108 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1337/oj

5.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 212/107


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1337

tat-2 ta' Awwissu 2016

dwar l-allokazzjoni ta' fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-għan tar-riforniment tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm ta' Azzjoni 2014-2016 tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika li għandu jiġi ffinanzjat mill-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (2), allokat ammont totali ta' EUR 901 339 064,53 għall-Programm ta' Azzjoni 2014-2016 tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA). Minn dak l-ammont, EUR 900 000 000 huma mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u EUR 1 339 064,53 huma minn kontribuzzjoni volontarja addizzjonali tad-Danimarka.

(2)

L-Unjoni diġà tagħti kontribut finanzjarju sostanzjali biex tappoġġa r-reazzjonijiet tal-Unjoni Afrikana għal kriżijiet attwali u emerġenti ta' sigurtà fl-Afrika. Diversi miżuri biex iżommu l-kontribut finanzjarju tal-FPA fl-livell sostenibbli ġew implimentati. Madankollu, is-sitwazzjoni attwali u dik futura ser jeħtieġu livell ogħla ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni, inkluż permezz tal-FPA, biex tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-Unjoni Afrikana.

(3)

Il-ħtiġijiet addizzjonali tal-FPA għall-perjodu 2016-2018 huma stmati għal EUR 685 000 000.

(4)

Huwa xieraq li jintużaw fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-10 FEŻ biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' finanzjament mhux sodisfatti tal-FPA għall-2016, u ċirkustanzi mhux previsti possibbli, kif ukoll sabiex tkun żgurata l-prevedibbiltà tal-finanzjament tal-FPA sat-tmiem tal-2018.

(5)

Dawk il-fondi addizzjonali tal-FPA għandhom jiffinanzjaw l-attivitajiet tal-FPA, inklużi appoġġ għal operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi taħt tmexxija Afrikana (PSOs), appoġġ għall-operazzjonalizzazzjoni tal-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA) u appoġġ għal azzjonijiet ta' impatt rapidu taħt il-Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Bikrija, u għandhom ikopru wkoll in-nefqa għall-appoġġ li ssir mill-Kummissjoni.

(6)

Dawk il-fondi għandhom jintużaw skont il-programmi ta' azzjoni pluriennali rilevanti tal-FPA u skont ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-11-il FEŻ, kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Kunsill (UE) 2015/322 (3) u (UE) 2015/323 (4),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għandu jiġi allokat ammont mhux aktar minn EUR 491 387 500, li għandu jiġi pprovdut mill-fondi diżimpenjati minn proġetti taħt l-10 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), għall-għan tar-riforniment tal-FPA għall-perjodu 2016-2018.

Sa massimu ta' EUR 16 387 500 mill-ammont stabbilit fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu allokati għan-nefqa għall-appoġġ li ssir mill-Kummissjoni.

2.   Il-fondi stabbiliti fl-ewwel paragrafu għandhom jintużaw skont ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-11-il FEŻ.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LAJČÁK


(1)  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014)4907 kif emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2015) 1254, C(2015) 4995 u C (2015) 8627.

(3)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 58, 3.3.2015, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli ghall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17).


Top