This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D1126
Commission Decision (EU) 2016/1126 of 4 April 2016 on State aid SA. 35484 (2013/C) (ex SA. 35484 (2012/NN)) regarding general healthcare control activities pursuant to the Milk and Fat Law (notified under document C(2016) 1878)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1126 tal-4 ta' April 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA. 35484 (2013/C) (ex SA. 35484 (2012/NN)) fir-rigward tal-attivitajiet ġenerali ta' kontroll tal-kura tas-saħħa skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam (notifikata bid-dokument C(2016) 1878)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1126 tal-4 ta' April 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA. 35484 (2013/C) (ex SA. 35484 (2012/NN)) fir-rigward tal-attivitajiet ġenerali ta' kontroll tal-kura tas-saħħa skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam (notifikata bid-dokument C(2016) 1878)
C/2016/1878
ĠU L 187, 12.7.2016, p. 16–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
12.7.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 187/16 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1126
tal-4 ta' April 2016
dwar l-għajnuna mill-Istat SA. 35484 (2013/C) (ex SA. 35484 (2012/NN)) fir-rigward tal-attivitajiet ġenerali ta' kontroll tal-kura tas-saħħa skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam
(notifikata bid-dokument C(2016) 1878)
(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom skont id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Billi:
1. PROĊEDURA
(1) |
Permezz tal-ittri datati t-28 ta' Novembru 2011 u s-27 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni Ewropea (minn hawnhekk 'il quddiem: “il-Kummissjoni”) talbet lill-Ġermanja informazzjoni addizzjonali relatata mar-Rapport Annwali tal-2010 dwar l-għajnuna mill-Istat fis-settur agrikolu li l-Ġermanja kienet issottomettiet skont l-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (2). Il-Ġermanja wieġbet il-mistoqsijiet tal-Kummissjoni bl-ittri datati s-16 ta' Jannar 2012 u s-27 ta' April 2012. Fid-dawl tat-tweġibiet tal-Ġermanja, irriżulta li l-Ġermanja kienet tat għajnuna finanzjarja lis-settur tal-ħalib Ġermaniż skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam tal-1952 (Gesetz über den Verkehr mit Milch, Milcherzeugnissen und Fetten, minn hawn 'il quddiem: “l-MFG”). |
(2) |
Permezz tal-ittra datata t-2 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni informat lill-Ġermanja li l-miżuri inkwistjoni kienu ġew irreġistrati bħala għajnuna mhux notifikata taħt in-numru SA.35484 (2012/NN). Permezz tal-ittri datati s-16 ta' Novembru 2012, is-7, it-8, il-11, it-13, l-14, il-15 u d-19 ta' Frar, il-21 ta' Marzu, it-8 ta' April, it-28 ta' Mejju, l-10 u l-25 ta' Ġunju u t-2 ta' Lulju 2013, il-Ġermanja ssottomettiet aktar informazzjoni. |
(3) |
Permezz tal-ittra tas-17 ta' Lulju 2013 (C(2013) 4457 finali), il-Kummissjoni informat lill-Ġermanja li dwar ċerti miżuri sekondarji meħuda fil-qafas tal-MFG kienet iddeċidiet li tagħti bidu għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (3) (minn hawn 'il quddiem: “id-Deċiżjoni ta' ftuħ”). Fl-istess ittra, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li xi miżuri sekondarji oħrajn kienu kompatibbli mas-suq intern, kemm fil-perjodu bejn it-28 ta' Novembru 2001 u l-31 ta' Diċembru 2006 jew fil-perjodu li beda mill-1 ta' Jannar 2007 kif ukoll fiż-żewġ perjodi, jew li miżuri sekondarji ulterjuri ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE jew li ma kinux jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. |
(4) |
Rigward il-miżuri sekondarji li huma soġġetti għad-Deċiżjoni preżenti, jiġifieri l-miżuri sekondarji ġenerali għall-kontroll tal-kura tas-saħħa msemmija mid-Deċiżjoni ta' ftuħ bħala miżuri sekondarji għall-monitoraġġ tal-kontaminanti (4), BW 9, BY 5, HE 8, NI 2, NW 1, RP 3, SL 4 u TH 8 [“minn hawn ‘il quddiem il-miżuri sekondarji’”] il-Kummissjoni sostniet li dawk il-miżuri sekondarji dehru li kellhom il-karatteristiċi kollha ta' għajnuna mill-Istat u talbet lill-Ġermanja sabiex tissottometti l-kummenti tagħha u sabiex tipprovdi l-informazzjoni kollha li tista' tkun utli għall-valutazzjoni tal-għajnuna li tirrigwarda l-perjodu mit-28 ta' Novembru 2001. |
(5) |
Permezz tal-ittra datata l-20 ta' Settembru 2013, il-Ġermanja ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni ta' ftuħ. |
(6) |
Id-Deċiżjoni ta' ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom dwarha fi żmien xahar. Il-Kummissjoni rċeviet 10 kummenti mingħand il-partijiet interessati dwar il-miżuri sekondarji msemmija fil-premessa 4. Il-kummenti li waslu kienu trasmessi lill-Ġermanja permezz tal-ittri tas-27 ta' Frar, it-3 ta' Marzu u t-3 ta' Ottubru 2014. Il-Ġermanja ma weġbitx għal dawn il-kummenti. |
2. DESKRIZZJONI TAL-ISKEMA
(7) |
L-MFG hija liġi Federali Ġermaniża li daħlet fis-seħħ fl-1952. Hija tikkostitwixxi l-qafas legali tal-miżuri sekondarji, u l-validità tagħha ma għandhiex limitu ta' żmien. |
(8) |
Is-Sezzjoni 22(1) tal-MFG tawtorizza lill-Istati Federali Ġermaniżi (minn hawn 'il quddiem: “Länder”) jimponu imposta fuq il-ħalib fuq l-imħaleb ibbażata fuq il-kwantitajiet ta' ħalib ikkonsenjat. |
(9) |
Is-Sezzjoni 22(2) tal-MFG tipprovdi li d-dħul miksub mill-imposta fuq il-ħalib jista' jintuża biss:
|
(10) |
Is-Sezzjoni 22(2a) tal-MFG tistipula li, b'deroga mill-paragrafu 2, id-dħul miksub mill-imposta fuq il-ħalib jista' jintuża wkoll sabiex:
|
(11) |
Fil-Länder li ġejjin: Baden-Württemberg, Bayern, Hessen, Niedersachsen, Nordrhein-Westfalen, Rheinland-Pfalz, Saarland u Thüringen, l-imposta fuq il-ħalib intużat għall-finanzjament tal-miżuri sekondarji msemmija fil-premessa 4. |
(12) |
Il-miżuri sekondarji jinkludu kontrolli tal-kontaminanti differenti fil-ħalib u fil-prodotti tal-ħalib bħad-diossina, il-polychlorobiphenyls (PCBs), l-aflatossina, id-deterġenti, il-pestiċidi, l-idroġenu poliklorinat li jistgħu jkunu ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem. Il-kontrolli twettqu minn korpi ta' kontroll speċjali li dawn il-kompiti kienu assenjati lilhom mill-awtoritajiet pubbliċi responsabbli fil-Länder fejn twettqu l-miżuri sekondarji. Il-kampjuni għall-kontrolli ttieħdu mill-vetturi tat-trasport tal-ħalib fuq bażi aleatorja u b'mod anonimu. L-għan tal-kontrolli kien li tiġi mistħarrġa l-preżenza tal-kontaminanti fil-ħalib bil-għan li jiġu evitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem u jiġu protetti l-konsumaturi. F'din id-Deċiżjoni, dawn l-attivitajiet jissejħu “monitoraġġ tal-kontaminanti”. Bejn l-2001 u l-2011, il-baġit totali ta' dawk l-attivitajiet (il-Länder kollha fejn twettqu l-miżuri sekondarji komposti) kien jammonta għal madwar EUR 9 miljuni. |
(13) |
Skont il-valutazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta' ftuħ, il-Ġermanja naqset milli tippreżenta d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni li jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni tal-monitoraġġ tal-kontaminanti bħala mhux għajnuna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-miżuri sekondarji ma tawx vantaġġ lill-imħaleb billi l-Kummissjoni qieset li l-kontrolli jfittxu li jassiguraw il-kwalità tal-prodotti tal-ħalib u għalhekk l-ispejjeż imġarrba għat-twettiq ta' dawn il-kontrolli ġeneralment iridu jintrefgħu mill-impriżi tal-ħalib ikkonċernati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet id-dubju tagħha dwar jekk il-kontrolli tal-kwalità involuti kinux qed isiru fuq bażi regolari. |
3. IL-KUMMENTI TAL-ĠERMANJA
(14) |
Il-Ġermanja ddeskriviet il-bażi legali għall-monitoraġġ tal-kontaminanti. Kien hemm żewġ settijiet ta' regoli. L-ewwel sett ta' dispożizzjonijiet legali kien jirregola t-twettiq tal-kontrolli fil-qafas tal-monitoraġġ tal-kontaminanti. Dan kien jinkludi l-preparazzjoni metodoloġika u l-istabbiliment tal-iskeda tal-kontrolli, il-mod tat-teħid tal-kampjuni, il-metodu tal-ittestjar, u l-użu tar-riżultati. Dawn l-attivitajiet kienu sostanzjalment irregolati bil-liġi dwar is-sigurtà fl-ikel. |
(15) |
It-tieni sett ta' dispożizzjonijiet legali kien jikkonċerna l-finanzjament ta' dawk l-attivitajiet. Kif diġà spjegat fid-“Deċiżjoni ta' ftuħ”, dawn l-attivitajiet kienu ffinanzjati bl-imposta fuq il-ħalib imħallsa mill-imħaleb. Il-bażi legali kienet is-Sezzjoni 22(2) tal-MFG. F'livell reġjonali kienu jeżistu dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni addizzjonali, inklużi regoli baġitarji. |
(16) |
Il-Ġermanja ppreżentat ħarsa ġenerali tal-liġi applikabbli dwar is-sigurtà fl-ikel:
|
(17) |
Il-Ġermanja ppreżentat statistika dwar il-kontrolli uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel, il-kontrolli tar-residwi u l-monitoraġġ tal-kontaminanti kif ukoll lista tal-korpi responsabbli għal dawk il-kontrolli. |
3.1. Kummenti mill-Ġermanja dwar il-karattru tal-monitoraġġ tal-kontaminanti bħala komponent addizzjonali tas-sistema ta' sorveljanza uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel.
(18) |
Il-kumment prinċipali mressaq mill-Ġermanja kien li l-monitoraġġ tal-kontaminanti huwa komponent addizzjonali tas-sistema ta' sorveljanza uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel u ma jagħti l-ebda vantaġġ lill-imħaleb. F'dan ir-rigward, il-Ġermanja spjegat dan li ġej: |
(19) |
Il-monitoraġġ tal-kontaminanti kien jikkwalifika bħala komponent addizzjonali tas-sistema ta' sorveljanza uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel li kienet ibbażata fuq il-liġi tal-Unjoni u nazzjonali u kien jaqdi l-protezzjoni preventiva u orjentata lejn il-kura tas-saħħa tal-konsumatur kif ukoll il-ġestjoni ta' kriżijiet abbażi tar-riskju. |
(20) |
Il-monitoraġġ tal-kontaminanti ma setax jiġi kkwalifikat bħala kontroll ta' rutina. Il-kontrolli bħala parti mill-monitoraġġ tal-kontaminanti kienu jsiru fuq il-bażi ta' kampjuni wara li l-ħalib jinġabar mill-vetturi tat-trasport tal-ħalib. L-iskeda tat-teħid tal-kampjuni kienet żviluppata minn korpi ta' kontroll apposta li kienu assenjati dan il-kompitu b'mod uffiċjali. Il-korpi assenjati kienu jiddeċiedu minn liema vetturi kienu jittieħdu l-kampjuni u meta, u anki kemm kellhom idumu l-kontrolli. Il-korpi assenjati kienu jiddeċiedu wkoll il-kontaminanti li kellhom jiġu analizzati. |
(21) |
Meta kienu jiġu biex jistabbilixxu l-iskeda tal-kontrolli u l-kontaminanti soġġetti għall-analiżi, il-korpi assenjati kienu jibbażaw fuq analiżijiet preċedenti, fuq ir-riżultati miġbura minn qabel, fuq ir-riskji eżistenti għas-saħħa u s-sigurtà fl-ikel, fuq il-partikolaritajiet reġjonali, fuq fatturi ambjentali, inċidenti u raġunijiet oħra simili. L-iskeda tal-kontrolli u l-kontaminanti setgħu jvarjaw skont ir-reġjun u jistgħu jinbidlu minn żmien għall-ieħor. Ma kinux jiġu kkontrollati l-kontaminanti kollha li għalihom jeżistu limiti legali. Mill-banda l-oħra, kontaminanti oħra li mhumiex soġġetti għal limiti legali iżda li, fuq il-bażi ta' analiżi differenti huma kkunsidrati bħala ta' riskju għas-saħħa, setgħu jiġu kkontrollati. Il-kontrolli għalhekk kienu jiffukaw fuq prijoritajiet differenti skont iż-żmien — f'xi każijiet il-kontrolli ta' kontaminanti radjuattivi ġew qabel, f'każijiet oħra saru l-ewwel il-kontrolli fuq l-aflatossina jew id-diossina; kien ukoll possibbli li l-kontrolli jitwettqu skont il-prijoritajiet reġjonali. |
(22) |
L-informazzjoni miksuba waqt dawn il-kontrolli kienet tintuża sabiex jiġi determinat l-istatus ta' reġjun partikolari tal-ħalib fir-rigward tal-esponiment tiegħu għal kontaminanti partikolari li għandhom effetti ta' riskju għas-saħħa. Din l-informazzjoni kienet tintuża wkoll mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti biex jieħdu miżuri tas-saħħa preventivi fil-forma ta' kontrolli uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel u tas-saħħa, miżuri leġislattivi, disseminazzjoni ta' informazzjoni u oħrajn. Dan it-tip ta' kontroll kien jaqa' taħt is-“sistema ta' kontrolli uffiċjali u attivitajiet oħra kif adattati fiċ-ċirkostanzi, inkluża komunikazzjoni pubblika dwar is-sigurtà u r-riskju tal-ikel u l-għalf, sorveljanza dwar is-sigurtà tal-ikel u l-għalf u attivitajiet oħra ta' immonitorjar li jkunu jkopru l-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim” imsemmija fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. |
(23) |
B'mod partikolari, l-informazzjoni miksuba mill-kontrolli kienet tintuża sabiex jiġu aġġustati l-pjanijiet ta' kontroll uffiċjali skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004. B'mod ġenerali, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 kien jitlob lill-Istati Membri sabiex jibbażaw il-miżuri tas-sigurtà fl-ikel fuq valutazzjoni tar-riskju li tuża informazzjoni u data xjentifika oġġettiva, trasparenti u indipendenti. Dan ir-rekwiżit kien speċifikat ulterjorment fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 u r-Regolament (KE) Nru 854/2004. Ir-riżultati miksuba mill-monitoraġġ tal-kontaminanti kienu jintużaw mill-awtoritajiet tas-sigurtà fl-ikel kompetenti Ġermaniżi bħala bażi għal tali valutazzjoni tar-riskju u miżuri. |
(24) |
Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, l-Istati Membri kienu obbligati jżommu attivitajiet oħra kif adatti fiċ-ċirkustanzi sabiex jiggarantixxu s-sigurtà fl-ikel flimkien mas-sistema ta' kontrolli uffiċjali. Għalkemm dawk l-attivitajiet ma kinux konkretament elenkati f'dik id-dispożizzjoni, il-Ġermanja argumentat li l-korpi tal-Istati Membri li jkollhom tali attivitajiet ta' kontroll xierqa flimkien mal-kontrolli uffiċjali, ma kisrux ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Fuq il-bażi ta' dan l-approċċ, il-Ġermanja argumentat li l-monitoraġġ tal-kontaminanti kien jirrappreżenta kontroll li huwa kumplimentari għall-kontroll uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel. |
(25) |
L-istess approċċ ġie segwit f'atti legali oħra tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà fl-ikel. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 kien jipprovdi għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali regolari u t-tieni paragrafu ta' dak l-Artikolu kien jipprevedi t-twettiq ta' kontrolli ad hoc uffiċjali addizzjonali. dawn il-kontrolli kellhom ikunu bbażati fuq ir-riskju. Anki d-Direttiva 96/23/KE kienet issegwi din l-istruttura: L-Artikolu 11 tagħha kien jipprovdi għal testijiet uffiċjali kumplimentari tal-kampjuni flimkien mat-testijiet uffiċjali regolari. Aktar 'il quddiem, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-preżenza ta' diossini, furani u PCBs fl-għalf u fl-ikel tistabbilixxi livelli ta' azzjoni li kienu aktar baxxi mil-limiti legali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 u servew bħala għodda għall-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi biex jindunaw b'każijiet fejn kien xieraq li jiġi identifikat sors ta' kontaminazzjoni u jieħdu miżuri biex inaqqsuh jew jeliminawh. |
(26) |
Barra minn hekk, il-leġislazzjoni tal-Unjoni mmirata sabiex tassigura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-interessi tal-konsumatur li għandhom x'jaqsmu mal-ikel (l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002) kienet tipprovdi li l-miżuri tas-sigurtà fl-ikel kellhom ikunu ġustifikati b'valutazzjonijiet tar-riskju indipendenti, oġġettivi u trasparenti bbażati fuq id-data xjentifika eżistenti. Ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-kontaminanti ntużaw bħala bażi sabiex jiġu mħarsa dawk il-prinċipji kif speċifikat ulterjorment fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 u r-Regolament (KE) Nru 854/2004. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kontrolli tad-diossina u l-PCB, il- Ġermanja tirreferi għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-preżenza ta' diossini, furani u PCBs fl-għalf u fl-ikel. |
(27) |
Barra minn hekk, ir-riżultati tal-kontrolli ntużaw ukoll sabiex jiġu identifikati xejriet fuq perjodu fit-tul, sabiex jiġu identifikati l-fatturi u r-raġunijiet tar-riskju u sabiex jinżammu databases għal skopijiet xjentifiċi u ta' prevenzjoni ta' kriżijiet. L-informazzjoni miġbura kienet sors utli sabiex jintlaħqu aktar deċiżjonijiet politiċi u amministrattivi għal studji tal-każ u d-disseminazzjoni ta' informazzjoni newtrali. |
(28) |
Il-kampjuni għall-kontrolli kienu jittieħdu minn ġabriet (ġabra waħda tikkonsisti minn ħalib miġbur minn vettura tat-trasport tal-ħalib minn diversi produtturi tal-ħalib fejn in-numru tal-produtturi tal-ħalib seta' jvarja). L-intrapriżi tal-ħalib ma kinux infurmati dwar it-teħid tal-kampjuni u l-kontrolli. Ma kinux infurmati lanqas dwar ir-riżultati tal-kontrolli. Għalhekk, it-testijiet ma kinux jintużaw u ma kinux utli għalihom sabiex ipoġġu l-prodotti tagħhom fis-suq jew bħala għodda sabiex jiġu determinati l-kwalità jew il-prezz tal-prodotti. Huwa biss f'każ li t-testijiet kienu juru li l-preżenza ta' kontaminanti kienet għolja jew li l-limiti legali ntlaħqu jew inqabżu, li l-korpi ta' kontroll kienu jibdew investigazzjonijiet separati u jinfurmaw lill-intrapriżi tal-ħalib ikkonċernati dwar din l-investigazzjoni. |
(29) |
Jekk, waqt il-monitoraġġ tal-kontaminanti, il-korp assenjat kien isib valuri li kienu għoljin iżda aktar baxxi mil-limiti legali, huwa kien jibda proċess ta' valutazzjoni biex jidentifika s-sors tal-kontaminazzjoni — bħall-għalf, mezzi ta' diżinfettazzjoni, inċidenti ambjentali, u oħrajn. L-intrapriżi li jkunu kkawżaw din il-kontaminazzjoni kellhom jieħdu miżuri sabiex jeliminaw is-sors tal-kontaminazzjoni u jħallsu għal dan minn buthom. Din il-valutazzjoni kienet utli għal skopijiet ta' prevenzjoni. |
(30) |
Jekk, waqt il-monitoraġġ tal-kontaminanti, il-korp assenjat kien isib valuri li jaqbżu l-limiti legali jew il-preżenza ta' sustanza li tkun ipprojbita mil-liġi, kien jinbeda kontroll sħiħ addizzjonali. L-awtorità kompetenti mbagħad kienet toħroġ projbizzjoni fuq il-konsenja tal-ħalib u tordna testijiet addizzjonali. Il-kwantità tal-ħalib ikkontaminat kienet tintrema. Jekk il-valuri ta' kontaminazzjoni li jaqbżu l-limiti legali kienu jerġgħu jinstabu, l-awtorità kompetenti kienet tapplika sanzjonijiet skont il-liġi amministrattiva jew, skont il-każ, il-liġi kriminali Ġermaniża. Għalhekk, il-monitoraġġ tal-kontaminanti għall-intrapriżi tal-ħalib kien jew newtrali (jekk ma kinux jinstabu problemi) jew marbut ma' konsegwenzi negattivi (jekk kien jinstab li l-limiti legali għall-kontaminanti ġew maqbuża). Il-projbizzjoni fuq il-konsenja tal-ħalib kienet titneħħa biss meta t-testijiet juru li l-ħalib ikun ħieles mill-kontaminazzjoni. |
(31) |
Il-Ġermanja tikkonkludi li l-monitoraġġ tal-kontaminanti ma kienx jikkostitwixxi kompitu inerenti għall-industrija tal-ħalib iżda miżura għall-protezzjoni tal-konsumaturi u b'mod partikolari għall-protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi. Il-protezzjoni tal-konsumatur kienet għan segwit mit-TFUE, b'mod partikolari skont l-Artikolu 4(2) b'rabta mal-Artikolu 169(1) tiegħu u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (15), b'mod partikolari skont l-Artikolu 38 tagħha. |
(32) |
Barra minn hekk, il-monitoraġġ tal-kontaminanti kien jikkorrispondi għall-obbligu ċar tal-Istati Membri li jiggarantixxu li jitwettqu l-kontrolli uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel u għalhekk l-ispejjeż ta' dawk il-kontrolli kellhom jinġarru mill-Istat Membru. |
(33) |
Il-Ġermanja ssostni li l-intrapriżi tal-ħalib kienu jwettqu l-kontrolli proprji tagħhom biex jivverifikaw il-konformità tal-ħalib mal-limiti legali għall-kontaminanti. L-ispejjeż għal dawn il-kontrolli proprji kienu koperti mill-intrapriżi tal-ħalib infushom. L-obbligu għal dawk il-kontrolli proprji kien joħroġ mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. L-obbligi tas-sigurtà fl-ikel tal-intrapriżi tal-ħalib, fir-rigward tas-sustanzi ta' ħsara, kienu speċifikati wkoll f'atti legali oħra, pereżempju r-Regolament (KE) Nru 1881/2006, ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 (16). |
(34) |
Ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni legali nazzjonali li l-intrapriżi tal-ħalib kellhom jerfgħu l-ispejjeż għall-kontrolli uffiċjali u ma kien hemm l-ebda obbligu sabiex dawn jitħallsu tariffi. L-intrapriżi tal-ħalib kellhom jerfgħu l-ispejjeż għall-kontrolli li jagħmlu huma stess tal-konformità mal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà fl-ikel u l-limiti legali tal-kontaminanti u r-residwi li jkunu differenti mill-kontrolli pubbliċi taħt il-monitoraġġ tal-kontaminanti. |
3.2. Kummenti oħra mill-Ġermanja
(35) |
Il-Ġermanja ġġustifikat id-dritt tal-Istati Membri li jwettqu miżuri ta' kontroll bħall-monitoraġġ tal-kontaminanti. Dan kien joħroġ mid-demarkazzjoni tal-kompetenzi mogħtija mit-Trattati (TUE u TFUE) lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Saret referenza għall-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE li ddefinew ir-rwoli rispettivi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Għaldaqstant, l-Istati Membri kienu prinċipalment responsabbli sabiex jiggarantixxu l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni. Funzjonijiet bħall-kontroll kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Saret ukoll referenza għall-Kawżi Konġunti 205 sa 215/82 (17) fejn il-Qorti ddikjarat li skont il-prinċipji ġenerali li fuqhom kienet ibbażata s-sistema istituzzjonali tal-Unjoni u li kienu jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, kienet ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jassiguraw li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni jiġu implimentati fi ħdan it-territorju tagħhom. |
(36) |
Konsegwentement, il-Ġermanja argumentat li hija kienet tikser l-Artikolu 291 tat-TFUE kieku wettqet anqas kontrolli minn dawk imposti mill-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u mhux, bħal fil-każ preżenti, meta wettqet kontrolli addizzjonali li kienu kumplimentari għall-kontroll uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel u li kienu konformi mad-dispożizzjoni msemmija tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. |
(37) |
Bi tweġiba għall-mistoqsija mill-Kummissjoni rigward il-possibbiltà li jiġu applikati r-regoli dwar is-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (SGEI), il-Ġermanja ċaħdet il-karattru tal-monitoraġġ tal-kontaminanti bħala tali fis-sens tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-forniment ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (18). Mill-banda l-oħra, il-Ġermanja sostniet li l-monitoraġġ tal-kontaminanti kien jikkwalifika bħala attività mhux ekonomika. F'dan il-kuntest, il-Ġermanja rreferiet għall-kawżi C-364/92, C-343/95 u C-288/11 P (19) fejn ġie sostnut li kompitu li jinvolvi l-eżerċizzju ta' awtorità regolatorja pubblika bil-għan li tkun iggarantita s-sigurtà pubblika ma kienx ta' natura ekonomika, billi dik l-attività tikkostitwixxi kompitu ta' interess pubbliku li kien maħsub sabiex jipproteġi l-popolazzjoni sħiħa. Barra minn hekk, il-fatt li tali kompitu kien assenjat lil korp privat ma bidilx il-karattru tiegħu bħala pubbliku. Fil-każ preżenti tal-monitoraġġ tal-kontaminanti, il-korpi ta' kontroll assenjati eżerċitaw kompitu pubbliku li kkontribwixxa għat-titjib tas-sistema tal-kura tas-saħħa. L-Istat kien obbligat jiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tal-kura tas-saħħa kemm skont il-liġi tal-Unjoni (20) kif ukoll skont il-liġi kostituzzjonali federali Ġermaniża u f'dan ir-rigward l-Istat kien igawdi setgħat diskrezzjonali. |
(38) |
Bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Kummissjoni dwar jekk id-dispożizzjoni tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 kinitx timponi obbligu ċar u preċiż fuq l-Istati Membri fis-sens tal-kawża T-351/02 sal-punt li tista' tiġi eskluża l-imputabbiltà fuq l-Istat, il-Ġermanja wieġbet li fil-kawża T-351/02 il-kwistjoni kienet tirrigwarda l-imputabbiltà fuq l-Istat, filwaqt li fil-każ preżenti l-kwistjoni kienet il-preżenza ta' vantaġġ għall-intrapriżi tal-ħalib. |
(39) |
Barra minn hekk, Nordrhein-Westfalen argumenta li l-miżura sekondarja NW1 ma kinitx selettiva minħabba li kienet timmira l-industrija tal-ħalib kollha f'dak l-Istat Federali (Land). Nordrhein-Westfalen kien igawdi sovranità legali li kienet tippermettilu li jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni materjali u reġjonali tal-miżura sekondarja. Nordrhein-Westfalen enfasizza għal darba oħra li l-miżura kienet isservi sabiex jitwettqu kontrolli ġenerali tal-kura tas-saħħa u kienet fl-interess pubbliku. |
4. KUMMENTI MINGĦAND IL-PARTIJIET INTERESSATI
(40) |
Bejn is-6 u t-18 ta' Frar 2014, il-Kummissjoni rċeviet total ta' 10 ittri mingħand partijiet interessati b'kummenti dwar l-appoġġ mogħti fir-rigward tal-miżuri sekondarji (21). |
(41) |
Fl-ittra tagħha rreġistrata mill-Kummissjoni fis-6 ta' Frar 2014 il-Milchwirtschaftlicher Verein Allgäu-Schwaben e.V. sostniet li l-programmi għall-kontrolli tar-residwi u l-kontaminanti fil-prodotti tal-ħalib kellhom jitqiesu bħala żieda mal-programm nazzjonali ta' monitoraġġ u kienu jservu għall-protezzjoni tal-konsumatur u għall-prevenzjoni ta' kriżijiet. L-assoċjazzjoni rrimarkat li l-kampjuni ttieħdu minn impriżi differenti sabiex tinkiseb ħarsa ġenerali tar-reġjuni differenti tal-Bavarja. Ir-riżultati kienu disseminati. B'dan il-mod setgħu jiġu żviluppati strateġiji u miżuri ta' prevenzjoni li eventwalment iwasslu għal tnaqqis fil-livelli ta' kontaminazzjoni. Għal dawk ir-raġunijiet, il-miżura ma tat l-ebda vantaġġ lill-impriżi tal-ħalib ikkontrollati. |
(42) |
Fl-ittra tagħha rreġistrata mill-Kummissjoni fl-10 ta' Frar 2014, il-Gewerkschaft Nahrung-Genuss-Gaststätten Region Allgäu sostniet li l-monitoraġġ tal-livelli ta' kontaminanti u ta' sustanzi radjuattivi fil-prodotti tal-ħalib kien jifforma parti importanti ħafna mill-protezzjoni tal-konsumaturi. Din il-miżura kienet siewja ħafna mhux biss għall-impriżi tal-ħalib partikolari iżda wkoll għall-konsumaturi kollha tal-ħalib. |
(43) |
Fl-ittra tagħha rreġistrata mill-Kummissjoni fl-10 ta' Frar 2014, il-Landeskontrollverband Nordrhein-Westfalen e.V. sostniet li hija kienet tappoġġa l-opinjoni tal-Land Nordrhein-Westfalen (li kienet ippreżentata lill-Kummissjoni bħala parti mis-sottomissjoni tal-Ġermanja tal-20 ta' Settembru 2013). |
(44) |
Fl-ittra tagħha rreġistrata mill-Kummissjoni fl-10 ta' Frar 2014, il-Landesvereinigung der Milchwirtschaft NRW e.V. sostniet li hija kienet tappoġġa l-opinjoni tal-Land Nordrhein-Westfalen (li kienet ippreżentata lill-Kummissjoni bħala parti mis-sottomissjoni tal-Ġermanja tal-20 ta' Settembru 2013). |
(45) |
Fl-ittra tagħha rreġistrata mill-Kummissjoni fl-11 ta' Frar 2014, il-Landesvereinigung Thüringer Milch e.V. sostniet li hija kienet tappoġġa l-opinjoni tal-Freistaat Thüringen (li kienet ippreżentata lill-Kummissjoni bħala parti mis-sottomissjoni tal-Ġermanja tal-20 ta' Settembru 2013). |
(46) |
Fl-ittra tagħha rreġistrata mill-Kummissjoni fit-13 ta' Frar 2014, il-Genossenschaftsverband Bayern sostniet li l-programm ta' monitoraġġ għas-sejbien ta' residwi u kontaminanti fil-ħalib u fil-prodotti tal-ħalib ma ta l-ebda vantaġġ kompetittiv lill-intrapriżi tal-ħalib. Dan il-programm serva l-ewwel nett għall-ħolqien tal-kapaċitajiet għal reazzjoni f'każ ta' kriżi, għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra prodotti mhux siguri, u b'hekk kien qiegħed jaqdi l-interess pubbliku. Il-kampjuni kienu jittieħdu b'mod irregolari, l-intrapriżi tal-ħalib ma kienu jżommu l-ebda rekord u ma kinux jiġu infurmati lanqas dwar ir-riżultat sakemm ma kinux jinqabżu l-limiti legali. Għall-kuntrarju, l-intrapriżi tal-ħalib kienu jwettqu waħedhom sistema aktar komprensiva u dettaljata għas-sigurtà tal-kwalità li ma setgħetx tiġi pparagunata mal-monitoraġġ tal-kontaminanti. |
(47) |
Fl-ittra tagħha rreġistrata mill-Kummissjoni fl-14 ta' Frar 2014, il-Milchwirtschaftliche Arbeitsgemeinschaft Rheinland-Pfalz e.V. sostniet li l-miżura sekondarja RP 3 ma kinitx tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat billi ma kien hemm l-ebda vantaġġ mogħti lill-impriżi jew lil settur tal-produzzjoni partikolari li fixkel jew kien jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni jew li affettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. L-assoċjazzjoni argumentat li l-imposta ma ntużatx biex tkopri l-ispejjeż għall-kontrolli li l-intrapriżi tal-ħalib kienu obbligati jwettqu skont ir-Regolament (KE) Nru 852/2004, ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) u r-Regolament (KE) Nru 854/2004. Għall-kuntrarju, il-kontrolli inkwistjoni kienu jitwettqu f'isem l-awtoritajiet pubbliċi, bħala kampjuni u ma kellhomx natura ta' rutina. Għaldaqstant, il-kontrolli inkwistjoni kienu parti mill-prevenzjoni u l-ġestjoni pubblika ta' kriżijiet skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Għalhekk, l-assoċjazzjoni tikkonkludi li l-pagament ta' dawn il-kontrolli ma kienx jeħles lill-intrapriżi tal-ħalib mill-ispejjeż proprji tagħhom iżda kien jikkostitwixxi spejjeż li l-awtoritajiet pubbliċi jġorru minħabba l-funzjoni pubblika tagħhom relatata mas-sigurtà fl-ikel. |
(48) |
B'mod alternattiv, il-Milchwirtschaftliche Arbeitsgemeinschaft Rheinland-Pfalz e.V. sostniet li kieku l-miżura sekondarja RP 3 kellha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, il-kompatibbiltà tagħha għall-perjodu mis-sena 2007 kellha tiġi valutata skont il-Kapitolu IV.J tal-Linji gwida Komunitarji dwar l-Għajnuna mill-Istat fis-Settur Agrikolu u Forestali 2007 sa 2013 (23). |
(49) |
Fl-ittra tagħha rreġistrata mill-Kummissjoni fit-18 ta' Frar 2014, DHB-Netzwerk Haushalt e.V sostniet li l-programm ta' monitoraġġ tal-inkwinanti, il-programm għall-valutazzjoni tar-radjuattività u l-analiżi tas-sustanzi ta' nutrizzjoni kienu jirrappreżentaw kontribut importanti lejn il-protezzjoni tal-konsumatur u l-għarfien tal-konsumatur. L-assoċjazzjoni ssottolinjat in-newtralità tar-riżultati tal-kontrolli (li ma kinux influwenzati mill-industrija tal-ħalib), ir-rikonoxximent malajr tas-sustanzi ta' ħsara fil-prodotti tal-ħalib u l-possibbiltà ta' reazzjoni rapida f'sitwazzjonijiet ta' kriżi. |
(50) |
Fl-ittra tagħha rreġistrata mill-Kummissjoni fit-18 ta' Frar 2014, il-Landesvereinigung der Bayerischen Milchwirtschaft e.V. sostniet li l-kontrolli sabiex jiġu identifikati sustanzi ta' ħsara fil-ħalib u l-prodotti tal-ħalib kienu importanti għall-fiduċja tal-konsumaturi fis-sigurtà tal-prodotti tal-ħalib. Dawn il-kontrolli kienu jservu bħala sistema ta' sejbien kmieni u sabiex jiġu miġġielda r-riskji jew sabiex jittieħdu l-miżuri ta' prevenzjoni neċessarji. |
5. VALUTAZZJONI TAL-EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA
(51) |
Fid-Deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li l-miżuri sekondarji kienu jidhru li għandhom il-karatteristiċi kollha ta' għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni sostniet li l-Ġermanja naqset milli tippreżenta l-liġi applikabbli fil-qasam tal-kontroll uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel u tal-monitoraġġ tal-kontaminanti li tħalli dan il-kompitu f'idejn l-Istat. Il-Kummissjoni qieset li l-obbligu li jitwettaq il-monitoraġġ tal-kontaminanti jirrigwarda lill-imħaleb u għalhekk dawn irċevew vantaġġ jekk il-kontroll saru u kienu mħallsa mill-Istat. |
(52) |
Matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Ġermanja u l-partijiet interessati argumentaw li l-monitoraġġ tal-kontaminanti ma ta l-ebda vantaġġ lill-imħaleb. Il-Ġermanja ppreżentat informazzjoni komprensiva dwar l-elementi legali, amministrattivi u fattwali tal-miżuri sekondarji. Għalhekk, huwa neċessarju li terġa' tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-preżenza ta' għajnuna u b'mod partikolari l-preżenza ta' vantaġġ għall-imħaleb. |
(53) |
Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE “kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”. |
(54) |
Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE huma kumulattivi. Għalhekk, sabiex jiġi determinat jekk miżura tikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha msemmija hawn fuq. Għalhekk, jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix issodisfata, il-miżura rilevanti ma tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat. |
(55) |
Il-kundizzjoni għall-preżenza tal-għajnuna se tiġi eżaminata qabel il-kundizzjonijiet l-oħra stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE minħabba li l-argument prinċipali tal-Ġermanja u tal-partijiet interessati kien li l-miżuri sekondarji ma taw l-ebda vantaġġ lill-imħaleb. |
(56) |
L-argumenti tal-Ġermanja u tal-partijiet interessati huma bbażati fuq l-eżistenza ta' kompiti ta' kontroll differenti previsti fil-liġi tal-Unjoni u nazzjonali dwar is-sigurtà fl-ikel u b'mod partikolari d-distinzjoni bejn il-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-korpi kompetenti u l-kontrolli li jwettqu l-intrapriżi tal-ħalib infushom. Skont il-Ġermanja f'dan ir-rigward, il-monitoraġġ tal-kontaminanti mwettaq mill-korpi assenjati u ffinanzjat pubblikament bl-imposta fuq il-ħalib huwa kumplimentari għall-kontroll uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel u huwa distint mill-kontrolli proprji mwettqa mill-intrapriżi tal-ħalib infushom li għalihom iħallsu dawn tal-aħħar. Għalhekk, l-imħaleb ma jirċievu l-ebda vantaġġ mill-fatt li l-Istat iwettaq il-monitoraġġ tal-kontaminanti. |
(57) |
Sabiex jiġi verifikat jekk dawk l-argumenti humiex validi huwa neċessarju li jiġi analizzat (1) fejn għandu jitqiegħed il-monitoraġġ tal-kontaminanti fis-sistema tar-responsabbiltajiet ta' kontroll kif stabbilita mil-liġi tal-Unjoni u nazzjonali dwar is-sigurtà fl-ikel, jiġifieri jekk jitwettaqx bħala obbligu attribwit lill-Istat jew attribwit lill-operaturi tal-ikel privati (imħaleb) u (2) fuq il-bażi tal-eżitu, jekk it-twettiq tal-monitoraġġ tal-kontaminanti jagħtix vantaġġ lill-impriżi tal-ħalib fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
5.1. Responsabbiltajiet ta' kontroll skont il-liġi tal-Unjoni u nazzjonali dwar is-sigurtà fl-ikel
(58) |
Kif stabbilit fid-Deċiżjoni ta' ftuħ, il-perjodu tal-investigazzjoni jibda fit-28 ta' Novembru 2001 (ara l-premessa 152 tad-Deċiżjoni ta' ftuħ). L-analiżi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi dwar is-sigurtà fl-ikel se tkopri l-perjodu li jibda minn dik id-data. |
5.1.1. Il-liġi tal-Unjoni dwar is-sigurtà fl-ikel
5.1.1.1.
(59) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 (24) jistabbilixxi ċerti prinċipji bażiċi rigward il-kontaminanti fl-ikel, b'mod partikolari li (1) ikel li jkun fih kontaminant f'ammont li ma jkunx aċċettabbli mil-lat ta' saħħa pubblika u b'mod partikolari f'livell tossikoloġiku, m'għandux ikun imqiegħed fis-suq; u (2) iridu jiġu stabbiliti l-livelli massimi għal ċerti kontaminanti sabiex tiġi mħarsa s-saħħa pubblika. |
(60) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 466/2001 (25) u r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jistabbilixxu l-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-ikel. Huma jkopru b'mod partikolari l-kontaminanti fl-ikel li ġejjin: l-aflatossini, iċ-ċomb (Pb), id-diossini, il-poliklorodibenżofurani u l-poliklorobifenili (PCBs). |
(61) |
Skont l-atti legali msemmija fil-premessi 59 u 60, huwa pprojbit li ċerti oġġetti tal-ikel (inkluż il-ħalib) jitqiegħdu fis-suq meta dawk l-oġġetti tal-ikel ikun fihom ċerti kontaminanti f'livell li jaqbeż il-livell massimu stabbilit f'dawk l-atti legali. Dawk l-atti legali jitolbu wkoll li l-Istati Membri jadottaw miżuri ta' sorveljanza xierqa sabiex jikkontrollaw il-preżenza ta' kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel. |
(62) |
Barra minn hekk, fir-Rakkomandazzjoni tagħha dwar it-tnaqqis tal-preżenza ta' diossini, furani u PCBs fl-ikel (26), il-Kummissjoni tirrakkomanda livelli ta' azzjoni u livelli fil-mira għall-ikel, inkluż il-ħalib, sabiex tistimula approċċ proattiv għat-tnaqqis tal-preżenza ta' diossini u PCBs simili għad-diossini fl-ikel. Il-livelli ta' azzjoni huma, b'mod partikolari, għodda għall-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi sabiex jissottolinjaw dawk il-każijiet fejn ikun xieraq li jidentifikaw is-sors ta' kontaminazzjoni u jieħdu miżuri biex inaqqsuh jew jeliminawh. Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri jwettqu, b'mod proporzjonat mal-produzzjoni, l-użu u l-konsum ta' oġġetti tal-ikel tagħhom, inkluż il-ħalib, monitoraġġ aleatorju tal-preżenza ta' diossini u PCBs simili għad-diossini u — jekk ikun possibbli — ta' PCBs mhux simili għad-diossini fl-oġġetti tal-ikel, inkluż fil-ħalib. Fir-rigward ta' każijiet ta' nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 466/2001, u ta' każijiet fejn jinstabu livelli ta' diossini u/jew ta' PCBs simili għad-diossini li jaqbżu l-livelli ta' azzjoni, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-operaturi, jibdew investigazzjonijiet sabiex jidentifikaw is-sors ta' kontaminazzjoni u jieħdu miżuri sabiex inaqqsu jew jeliminaw is-sors ta' kontaminazzjoni. |
(63) |
Jista' jiġi konkluż li l-liġi tal-Unjoni relatata mal-kontaminanti fl-ikel, inkluż fil-ħalib, tinkludi (1) limiti legali għal ċerti kontaminanti fl-ikel, inklużi kontaminanti fil-ħalib, li huma indirizzati direttament lill-operaturi tal-ikel li mhumiex permessi jqiegħdu fis-suq ikel, inkluż ħalib, li ma jkunx konformi ma' dawk il-limiti u (2) l-obbligu tal-Istati Membri li jwettqu sorveljanza tal-konformità ma' dawk il-limiti legali. Barra minn hekk, hemm rakkomandazzjoni fuq livell tal-Unjoni (Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni) indirizzata lill-Istati Membri sabiex jeżaminaw il-livelli ta' azzjoni tad-diossina u ta' inkwinanti simili u jieħdu miżuri ta' prevenzjoni. |
5.1.1.2.
(64) |
Id-Direttiva 96/23/KE titlob li l-Istati Membri jadottaw miżuri sabiex jimmonitorjaw is-sustanzi u gruppi ta' residwi elenkati fl-Anness I ta' dik id-Direttiva. Is-sustanzi u r-residwi mmonitorjati fil-każ tal-ħalib huma ċerti komposti, sustanzi antibatteriċi, antelmintiċi, mediċini antiinfjammatorji mhux sterojdi, kloruri organiċi, fosfru organiku, elementi kimiċi, mikotossini. |
(65) |
Id-Direttiva 96/23/KE tobbliga lill-Istati Membri li jimmonitorjaw ċerti prodotti mill-annimali, inkluż il-ħalib, għall-iskop li tinstab il-preżenza ta' residwi u sustanzi. Għal dik ir-raġuni, l-Istati Membri jissottomettu lill-Kummissjoni pjanijiet ta' monitoraġġ għall-approvazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jwettqu kontrolli aleatorji uffiċjali għal għarrieda tul il-katina tal-produzzjoni ta' materja prima mill-annimali, inkluż il-ħalib. |
(66) |
Barra minn dan, id-Direttiva 96/23/KE tipprovdi għal monitoraġġ proprju u ko-responsabbiltà min-naħa tal-operaturi. Is-sidien jew il-persuni responsabbli mill-istabbiliment tal-ipproċessar inizjali ta' prodotti primarji mill-annimali (b'mod partikolari l-ħalib) iridu jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, b'mod partikolari billi jwettqu l-kontrolli proprji tagħhom, sabiex jissodisfaw irwieħhom li l-prodotti li jidħlu fl-istabbiliment ma jkunx fihom livelli ta' residwi jew sustanzi pprojbiti li jaqbżu l-limiti massimi permessi. |
(67) |
Jista' jiġi konkluż li l-liġi tal-Unjoni relatata mar-residwi fi prodotti mill-annimali, inkluż il-ħalib, tinkludi (1) lista ta' sustanzi ta' ħsara u residwi fil-ħalib li jridu jiġu mmonitorjati; (2) il-kompitu tal-Istati Membri li jimmonitorjaw u jwettqu kontrolli addizzjonali dwar il-preżenza ta' dawk is-sustanzi u r-residwi fil-ħalib; (3) l-obbligu tal-operaturi ekonomiċi involuti fil-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ħalib li jwettqu kontrolli proprji. |
5.1.1.3.
(68) |
Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u r-responsabbiltajiet fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel. Rigward ir-responsabbiltajiet, l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprovdi għal dan li ġej:
|
(69) |
Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, ikel jinkludi ħalib sew jekk ipproċessat, parzjalment ipproċessat jew mhux ipproċessat, maħsub biex, jew raġonevolment mistenni li, jiġi inġerit mill-bniedem. |
(70) |
Ir-responsabbiltajiet deskritti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jirreferu kemm għall-operaturi fil-qasam tal-ikel kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jiddistingwi b'mod ċar bejn l-operaturi ta' negozju tal-ikel (b'mod partikolari l-intrapriżi tal-ħalib) li huma responsabbli għall-kontrolli proprji tagħhom fl-istabbilimenti tagħhom sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel, inkluż l-obbligu li jirrispettaw il-limiti legali għall-kontaminanti u r-residwi fuq naħa, u, fuq in-naħa l-oħra, l-awtoritajiet tal-Istati Membri li huma responsabbli sabiex jimmonitorjaw u jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tal-liġi dwar l-ikel. L-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri f'dan ir-rigward huma tnejn: L-Istati Membri jridu jwettqu l-kontrolli uffiċjali f'sens strett u l-Istati Membri jridu jwettqu attivitajiet addizzjonali xierqa bħas-sorveljanza tas-sigurtà fl-ikel u attivitajiet oħra ta' monitoraġġ li jkopru l-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u tqassim. |
(71) |
Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, aktar regoli dwar il-kontrolli uffiċjali tal-Istati Membri fir-rigward ta' ikel mill-annimali, inkluż il-ħalib. Huwa jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw pjanijiet ta' kontrolli uffiċjali nazzjonali u jaġġornawhom b'mod regolari fid-dawl tal-iżviluppi. Jistgħu jsiru aġġustamenti u emendi fil-pjanijiet ta' kontroll fid-dawl ta', jew sabiex jitqiesu, fatturi li jinkludu t-tfaċċar ta' mard ġdid jew riskji oħra għas-saħħa jew sejbiet xjentifiċi kif previsti fl-Artikolu 42(3) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. |
(72) |
Jista' jiġi konkluż li d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-kontrolli tas-sigurtà fl-ikel (inkluż il-ħalib) jipprovdu għal żewġ livelli differenti ta' responsabbiltà li huma meħtieġa li jeżistu b'mod parallel: ir-responsabbiltà tal-operaturi ta' negozju tal-ikel (tal-intrapriżi tal-ħalib) li jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sigurtà fl-ikel u r-responsabbiltà ta' kontroll tal-Istati Membri li jivverifikaw li r-rekwiżiti rilevanti tal-liġi dwar l-ikel ikunu qed jiġu rrispettati mill-operaturi ta' negozju tal-ikel. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma responsabbli li jwettqu l-kontrolli uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel b'mod strett u attivitajiet addizzjonali xierqa bħal attivitajiet ta' monitoraġġ li jinkludu l-monitoraġġ tar-riskji għas-saħħa li jistgħu jiffaċilitaw l-aġġustament tal-kontrolli tagħhom għall-iżviluppi ġodda. |
5.1.2. Il-liġi nazzjonali dwar is-sigurtà fl-ikel
(73) |
Qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-Liġi Ġermaniża dwar l-Ikel (is-Sezzjoni 8 tal-Lebensmittel- und Bedarfsgegenständegesetz) kienet tinkludi projbizzjoni li jiġi prodott u li jitqiegħed fis-suq ikel li jkun perikoluż għas-saħħa tal-bniedem. Din il-projbizzjoni kienet diretta lejn il-produtturi kollha tal-ikel, inklużi dawk tal-ħalib. Il-kontrolli uffiċjali kienu regolati fis-Sezzjoni 40 tal-Liġi Ġermaniża dwar l-Ikel. Skont dik id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet uffiċjali kompetenti kienu obbligati jwettqu t-testijiet u l-kampjuni neċessarji. |
(74) |
Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-liġi tal-Unjoni tipprovdi għal obbligu direttament applikabbli tal-produtturi tal-ikel sabiex jipproduċu u jqiegħdu fis-suq ikel sigur u obbligu direttament applikabbli tal-Istati Membri sabiex iwettqu kontrolli uffiċjali. Il-Liġi Ġermaniża dwar l-Ikel u l-Għalf tinkludi aktar kjarifiki fir-rigward ta' dawk l-obbligi, inklużi regoli dwar id-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn il-livell federali u l-livell reġjonali u t-tħejjija u l-eżekuzzjoni tal-pjanijiet ta' kontroll uffiċjali. L-ispejjeż għall-kontrolli proprji tal-operaturi tal-ikel (inklużi l-imħaleb) għandhom jinġarru mill-intrapriżi nfushom. L-ispejjeż għall-kontrolli uffiċjali, inkluż il-monitoraġġ tal-kontaminanti, huma koperti mill-Istat. |
(75) |
Rigward il-monitoraġġ tal-kontaminanti, dan huwa meqjus bħala kumplimentari għall-kontroll uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel f'sens strett. Il-monitoraġġ tal-kontaminanti huwa attività ta' monitoraġġ kif prevista fis-Sezzjonijiet 50 u 51 tal-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Ikel u l-Għalf. Ir-relazzjoni eżatta bejn il-kontrolli uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel u l-monitoraġġ tal-kontaminanti hija deskritta fis-sottomissjoni Ġermaniża (ara l-premessi 18 sa 34). Il-karatteristiċi tiegħu jistgħu jiġu miġburin fil-qosor kif ġej: |
(76) |
Il-monitoraġġ tal-kontaminanti huwa ta' natura preventiva. Is-suġġett prinċipali ta' dak il-monitoraġġ mhuwiex li jiġi osservat jekk ikunux imħarsal-limiti legali (billi dan huwa s-suġġett tal-kontrolli uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel) iżda li jiġi osservat l-iżvilupp fil-preżenza tal-kontaminanti fi ħdan il-limiti legali u sabiex jinstabu valuri aktar għoljin minn dawk tas-soltu li jistgħu jagħtu twissija jew sinjali bikrija għar-riskji potenzjali. |
(77) |
Il-parametri (il-kontaminanti eżatti li għandhom jiġu ċċekkjati, l-iskeda taż-żmien, ir-reġjuni) tal-monitoraġġ tal-kontaminanti huma proposti minn korpi speċjali assenjati mill-awtoritajiet kompetenti tas-sigurtà fl-ikel tal-Länder. Dawk il-parametri jiġu determinati ad hoc abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju. Dawk il-parametri jiġu approvati mill-awtoritajiet kompetenti tas-sigurtà fl-ikel tal-Länder. Il-monitoraġġ tal-kontaminanti jitwettaq mill-korpi assenjati mill-awtoritajiet kompetenti tas-sigurtà fl-ikel tal-Länder. Dawk il-Länder jeżerċitaw funzjoni ta' tmexxija fuq il-korpi assenjati għat-twettiq tal-monitoraġġ tal-kontaminanti li jwettqu l-monitoraġġ tal-kontaminanti. |
(78) |
Il-monitoraġġ tal-kontaminanti li huwa kumplimentari għall-kontroll uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel jikkontribwixxi bil-modi li ġejjin għal dan tal-aħħar —ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-kontaminanti jintużaw sabiex jiġu aġġustati u emendati l-pjanijiet tal-kontrolli uffiċjali, meta jitqies bħala neċessarju, u sabiex jittieħdu aktar miżuri ta' prevenzjoni bħal dawk li jistgħu jindunaw kmieni bir-riskji għas-saħħa, id-disseminazzjoni ta' informazzjoni lill-pubbliku dwar ir-riskji għas-saħħa u l-ambjent, l-istabbiliment ta' databases u l-analizzar tad-data disponibbli u s-sottomissjoni ta' proposti għal emendi leġislattivi. |
(79) |
Għalhekk, jista' jiġi konkluż li:
|
5.2. Il-preżenza ta' vantaġġ għall-intrapriżi tal-ħalib
(80) |
Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta' hawn fuq dwar in-natura tal-monitoraġġ tal-kontaminanti, irid jiġi analizzat jekk dan jagħtix vantaġġ lill-intrapriżi tal-ħalib. |
(81) |
Kull tip ta' miżura li ttaffi l-piżijiet normali fuq il-baġit ta' intrapriża u li għalhekk, mingħajr ma tkun sussidju fis-sens strett tal-kelma, ikollha l-istess karattru u jkollha l-istess effett, tagħti vantaġġ lil dik l-intrapriża (27). Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-monitoraġġ tal-kontaminanti ffinanzjat mill-Istat jeżentax lill-imħaleb minn piż li normalment jerfgħu mill-baġit tagħhom. |
(82) |
Il-kunċett ta' piż (imposta) li normalment jinġarr mill-baġit ta' impriża jkopri l-ispejjeż meqjusa li huma spiża inerenti tal-attività ekonomika ta' dik l-impriża kif ukoll spejjeż addizzjonali li l-impriżi jridu jġorru minħabba l-obbligi imposti mil-liġi applikabbli għall-attività ekonomika (28). |
(83) |
Fir-rigward tas-settur tal-ħalib, dawn l-ispejjeż inerenti, inklużi l-ispejjeż imposti mil-liġi, tal-intrapriżi tal-ħalib, huma pereżempju:
|
(84) |
Mill-banda l-oħra, l-ispejjeż għall-monitoraġġ tal-kontaminanti mhumiex spiża inerenti tal-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-ħalib jew spejjeż addizzjonali li l-impriżi jridu jġorru minħabba l-obbligi tagħhom imposti mil-liġi. |
(85) |
Il-monitoraġġ tal-kontaminanti mhuwiex relatat ma' mħaleb individwali iżda jitwettaq b'mod aleatorju, fil-livell tal-ġbir tal-ħalib, u għalhekk huwa anonimu (ara l-premessi 20 u 28). Barra minn hekk, huwa ma jkoprix il-kwantitajiet kollha tal-ħalib prodott, trasportat u mqiegħed fis-suq, iżda frazzjon biss minnu u l-frekwenza u l-post ta' dawn il-kontrolli jiġu stabbiliti abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju; għalhekk m'għandux natura ta' rutina (ara l-premessi 20 u 21). |
(86) |
Barra minn hekk, il-monitoraġġ tal-kontaminanti m'għandux l-għan li jistabbilixxi jekk il-limiti legali għall-preżenza ta' sustanzi ta' ħsara differenti jkunux ġew irrispettati. L-ewwel nett, l-imħaleb iwettqu l-kontrolli proprji tagħhom għal dan il-għan (ara l-premessa 83, it-tieni inċiż); u t-tieni, il-monitoraġġ tal-kontaminanti jfittex is-sejbien bikri tar-riskji billi janalizza valuri li jkunu fi ħdan il-limiti legali iżda ogħla minn dawk tas-soltu għal reġjun partikolari (ara l-premessi 26, 27, 29). |
(87) |
L-imħaleb ma jistgħux jużaw il-monitoraġġ tal-kontaminanti u r-riżultati tiegħu sabiex jiddeterminaw il-kwalità tal-ħalib tagħhom. Il-monitoraġġ tal-kontaminanti mhuwiex ukoll kundizzjoni indispensabbli sabiex jiġi pproċessat il-ħalib miġbur u sabiex jitqiegħdu fis-suq il-prodotti magħmula mill-ħalib. Huwa biss jekk fil-qafas tal-monitoraġġ tal-kontaminanti jinstab li l-valuri legali jkunu nqabżu, li fi proċedura separata l-awtorità kompetenti tas-sigurtà fl-ikel tadotta miżuri li jkollhom konsegwenzi negattivi għall-maħleb individwali (ara l-premessa 30). |
(88) |
L-ispejjeż għall-monitoraġġ tal-kontaminanti mhumiex spejjeż addizzjonali li l-impriżi jridu jġorru minħabba l-obbligi imposti mil-liġi li tapplika għall-produzzjoni tal-ħalib (ara l-premessa 32, 33, 34). L-obbligu li jeżisti għall-imħaleb huwa li jwettqu l-kontrolli proprji tas-sigurtà fl-ikel ġewwa l-intrapriża sabiex jikkonformaw mal-obbligu li jipproduċu u jqiegħdu fis-suq ħalib u prodotti tal-ħalib li jkunu tajbin għall-konsum mill-bniedem, inkluża l-konformità mal-limiti legali għall-kontaminanti u r-residwi (ara l-premessa 83, it-tieni inċiż). Il-monitoraġġ tal-kontaminanti ma jeħlisx lill-imħaleb milli jwettqu kontrolli proprji tas-sigurtà sabiex jikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom (ara l-premessa 34). |
(89) |
Il-monitoraġġ tal-kontaminanti jikkwalifika bħala kompitu relatat mal-kontrolli uffiċjali tas-sigurtà fl-ikel li għalih huma responsabbli l-awtoritajiet pubbliċi u li huwa ffinanzjat mill-Istat (ara l-premessi 32, 63, 67, 72 u 79(2)) mingħajr ma jeħles lill-intrapriżi tal-ħalib mill-obbligu proprju tagħhom tas-sigurtà fl-ikel impost mil-liġi tal-Unjoni u nazzjonali. |
(90) |
Ġurisprudenza riċenti, b'mod partikolari s-sentenza tal-Qorti ġenerali fil-kawża T — 538/11 Ir-Renju tal-Belġju vs il-Kummissjoni Ewropea (30) reġgħet sostniet li “il-kunċett ta' spejjeż li normalment huma ta' piż għall-baġit ta' impriża jinkludi, b'mod partikolari, l-ispejjeż supplimentari li l-impriżi għandhom ibatu minħabba obbligi legali, regolamentari jew kuntrattwali li japplikaw għal attività ekonomika” (ara Nru 76 tas-sentenza). F'dak il-każ, it-testijiet ta' skrining għall-BSE saru espliċitament obbligatorji għall-impriżi kkonċernati mil-liġi. |
(91) |
Mill-banda l-oħra, fil-każ preżenti tal-monitoraġġ tal-kontaminanti, il-kontrolli ma kinux imposti fuq l-imħaleb b'liġi, regolament jew ftehim li japplika għal attività ekonomika. Il-kontrolli imposti fuq l-imħaleb b'liġi, regolament jew ftehim li japplika għal attività ekonomika huma deskritti fil-premessi 63, il-punt (1), 67, il-punt 3 u 83, it-tieni inċiż aktar 'il fuq. Dawn il-kontrolli huma neċessarji għall-imħaleb sabiex jippruvaw li huma jikkonformaw mal-limiti legali għall-preżenza ta' kontaminati kif preskritt mil-leġislazzjoni. |
(92) |
Il-monitoraġġ tal-kontaminanti, madankollu, mhuwiex għodda sabiex tiġi ppruvata l-konformità ma' dawk il-limiti legali. L-għan tal-monitoraġġ tal-kontaminanti huwa li jsib valuri ta' preżenza ta' kontaminanti aktar baxxa mil-limiti legali għal skopijiet ta' prevenzjoni kif spjegat aktar 'il fuq u l-kontrolli jitwettqu b'mod aleatorju u irregolari (ara l-premessa 76). Il-monitoraġġ tal-kontaminanti ma jiffurmax parti mill-kontrolli li huma neċessarji għall-imħaleb sabiex jippruvaw li huma jikkonformaw mal-limiti legali għall-preżenza ta' kontaminanti kif preskritt mil-leġislazzjoni. Għalhekk, is-sejbiet fil-kawża T — 538/11 rigward il-preżenza ta' vantaġġ għall-impriżi kkonċernati mit-testijiet obbligatorji għall-BSE ma japplikawx għall-każ preżenti ta' monitoraġġ tal-kontaminanti. |
(93) |
Għaldaqstant, l-ispejjeż għall-monitoraġġ tal-kontaminanti ma jikkwalifikawx bħala spejjeż inerenti tal-attivitajiet ekonomiċi tal-imħaleb jew bħala spejjeż addizzjonali li huma jridu jġorru minħabba l-obbligi imposti mil-liġi li tapplika għall-attività ekonomika tagħhom. |
(94) |
Għal dik ir-raġuni, il-monitoraġġ tal-kontaminanti ma jeżentax lill-imħaleb mill-ispejjeż li normalment jinġarru mill-baġit tagħhom u ma jnaqqsux il-piżijiet normali fuq il-baġit tagħhom; għalhekk, il-monitoraġġ tal-kontaminanti jagħtihom l-ebda vantaġġ. |
(95) |
Minħabba f'hekk, billi waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, jiġifieri l-preżenza ta' vantaġġ, ma ġietx issodisfata, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-monitoraġġ tal-kontaminanti ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-attivitajiet ġenerali ta' kura tas-saħħa skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam magħrufin bħala monitoraġġ tal-kontaminanti u msemmija fid-Deċiżjoni ta' ftuħ bħala l-miżuri sekondarji BW 9, BY 5, HE 8, NI 2, NW 1, RP 3, SL 4 u TH 8 ma jikkostitwux għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' April 2016.
Għall-Kummissjoni
Phil HOGAN
Membru tal-Kummissjoni
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).
(3) B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Sostanzjalment, iż-żewġ settijiet ta' dispożizzjonijiet huma identiċi. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar il-KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE, fejn ikun xieraq. It-TFUE introduċa wkoll ċerti bidliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta' “Komunità” b'“Unjoni” u “suq komuni” b'“suq intern”. It-terminoloġija tat-TFUE ser tintuża tul din id-Deċiżjoni kollha.
(4) Għalkemm id-deskrizzjoni qasira tal-miżuri BW9 u RP3 fl-anness għad-Deċiżjoni ta' ftuħ tirreferi wkoll għal kontrolli oħra tal-kwalità, deher ċar mill-informazzjoni addizzjonali ppreżentata mill-Ġermanja, li dawn il-miżuri jkopru biss il-monitoraġġ tal-kontaminanti, soġġett għad-deċiżjoni preżenti, u mhux kontrolli oħra tal-kwalità.
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).
(10) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).
(12) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta' April 1996 dwar miżuri għall-monitoraġġ ta' ċerti sustanzi u residwi tagħhom f'annimali ħajjin u prodotti tal-annimali u li tħassar id-Direttivi 85/358/KEE u 86/469/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/187/KEE u 91/664/KEE (ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10).
(13) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/747/KE tas-27 ta' Ottubru 1997 li tiffissal-livelli u l-frekwenzi tat-teħid tal-kampjuni provduti fid-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE sabiex jiġu monitorjati ċerti sustanzi u l-fdalijiet tagħhom f'ċerti prodotti mill-annimali (ĠU L 303, 6.11.1997, p. 12).
(14) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/516/UE tat-23 ta' Awwissu 2011 dwar it-tnaqqis tal-preżenza ta' diossini, furani u PCBs fl-għalf u fl-ikel, (ĠU L 218, 24.8.2011, p. 23).
(15) ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.
(16) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 37/2010 tat-22 ta' Diċembru 2009 dwar is-sustanzi farmakoloġikament attivi u l-klassifikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-limiti massimi ta' residwu fl-oġġetti tal-ikel li ġejjin mill-annimali (ĠU L 15, 20.1.2010, p. 1).
(17) Sentenza tal-Qorti tal-21 ta' Settembru 1983. — Deutsche Milchkontor GmbH u oħrajn vs ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Kawżi Konġunti 205 sa 215/82, ECLI:EU:C:1983:233.
(19) Sentenza tal-Qorti tad-19 ta' Jannar 1994, C-364/92 — SAT Fluggesellschaft vs Eurocontrol, ECLI:EU:C:1994:7, Sentenza tal-Qorti tat-18 ta' Marzu 1997, C-343/95 — Calì & Figli vs Servizi Ecologici Porto di Genova, ECLI:EU:C:1997:160, Sentenza tal-Qorti tad-19 ta' Diċembru 2012. C-288/11 P — Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig-Halle vs il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2012:821.
(20) L-Artikolu 35 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 114(3) u l-Artikolu 168(1) tat-TFUE, l-Artikolu 2(2) tal-Kostituzzjoni Ġermaniża (Grundgesetz).
(21) Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand il-Landesvereinigung der Milchwirtschaft Niedersachsen e.V. b'mod ġenerali dwar il-miżuri kollha ffinanzjati permezz tal-imposta fuq il-ħalib u mhux biss dwar il-miżuri sekondarji involuti hawnhekk. L-assoċjazzjoni argumentat li ma kien hemm ebda għajnuna. Deskrizzjoni sħiħa ta' dawn il-kummenti hija mogħtija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 6295 finali tat-18 ta' Settembru 2015 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.35484 (2013/C) (ex SA.35484 (2012/NN)) mogħtija mill-Ġermanja għal testijiet tal-kwalità tal-ħalib skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam.
(22) Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).
(23) ĠU C 319, 27.12.2006, p. 1.
(24) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1).
(25) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 466/2001 tat-8 ta' Marzu 2001 li jistabbilixxi livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 77, 16.3.2001, p. 1).
(26) ĠU L 67, 9.3.2002, p. 69.
(27) Ara s-sentenza fil-kawża T-538/11 Ir-Renju tal-Belġju vs il-Kummissjoni Ewropea, paragrafu 71, ECLI:EU:T:2015:188 u l-ġurisprudenza kkwotata hemmhekk.
(28) (Ara, b'analoġija, is-sentenzi fil-kawża T-538/11 Ir-Renju tal-Belġju vs il-Kummissjoni Ewropea, paragrafu 76, ECLI:EU:T:2015:188; fil-kawża C-172/03 Heiser, paragrafu 38, EU:C:2005:130; fil-kawża C-126/01 GEMO, paragrafi 31, 32, ECLI:EU:C:2003:622; fil-kawża C-251/97 Franza vs il-Kummissjoni, paragrafu 40, EU:C:1999:480; fil-kawża 173/73 Italja vs il-Kummissjoni, paragrafi 15 sa 18, CLI:EU:C:1974:71.
(29) (Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 6295 final tat-18 ta' Settembru 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.35484 (2013/C) (ex SA.35484 (2012/NN)) mogħtija mill-Ġermanja għal testijiet tal-kwalità tal-ħalib skont il-Liġi dwar il-Ħalib u x-Xaħam, premessi 136–140.
(30) ECLI:EU:T:2015:188.