This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D0894
Council Implementing Decision (EU) 2016/894 of 12 May 2016 setting out a recommendation for temporary internal border control in exceptional circumstances putting the overall functioning of the Schengen area at risk
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/894 tat-12 ta' Mejju 2016 li tikkostitwixxi Rakkomandazzjoni għal kontroll temporanju fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/894 tat-12 ta' Mejju 2016 li tikkostitwixxi Rakkomandazzjoni għal kontroll temporanju fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju
ĠU L 151, 8.6.2016, p. 8–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
8.6.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 151/8 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/894
tat-12 ta' Mejju 2016
li tikkostitwixxi Rakkomandazzjoni għal kontroll temporanju fil-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f'riskju
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-UE għaddejja minn kriżi migratorja u tar-refuġjati mingħajr preċedent wara żieda qawwija ta' flussi migratorji mħallta sa mill-2015. Dan wassal għal diffikultajiet serji f'dak li għandu x'jaqsam mal-garanzija ta' kontroll effikaċi fil-fruntieri esterni f'konformità mal-acquis ta' Schengen u fl-akkoljenza u l-ipproċessar ta' migranti li jaslu. Saru evidenti wkoll nuqqasijiet strutturali usa' fil-mod kif il-fruntieri esterni tal-Unjoni qed jiġu protetti f'din il-kriżi. |
(2) |
Ir-Repubblika Ellenika, prinċipalment minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħha, qed tintlaqat b'mod partikolari minn dawn l-iżviluppi u ffaċċjat żieda drammatika fl-għadd ta' migranti li qed jaslu fuq il-gżejjer tal-Eġew. |
(3) |
Skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (2) u l-programm ta' evalwazzjoni annwali għall-2015 (3), twettqet żjara mhux imħabbra fil-post mill-10 sat-13 ta' Novembru 2015 biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntiera esterna mir-Repubblika Ellenika fil-fruntiera fuq l-art (Orestiada, Fylakio, Kastanies, Nea Vyssa) u l-fruntiera marittima tagħha (il-Gżejjer ta' Chios u ta' Samos) mat-Turkija. |
(4) |
Fit-2 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tistabbilixxi rapport tal-evalwazzjoni tar-Repubblika Ellenika dwar l-implimentazzjoni tal-acquis ta' Schengen fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni (4) li jikkonkludi li hemm nuqqasijiet serji fit-twettiq ta' kontroll tal-fruntieri esterni li għandhom jiġu indirizzati u ttrattati mill-awtoritajiet Elleniċi. |
(5) |
Fit-12 ta' Frar 2016, il-Kunsill adotta rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet serji identifikati matul l-evalwazzjoni u identifika l-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tagħhom. Għandhom jittieħdu miżuri xierqa mill-awtoritajiet Elleniċi biex jiġi żgurat li fil-fruntieri esterni kollha tagħha, isir il-kontroll tal-fruntieri esterni u jinġieb f'konformità mal-Acquis ta' Schengen biex ma jipperikolax il-funzjonament taż-żona Schengen. |
(6) |
Fl-24 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjonijiet dwar miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu mir-Repubblika Ellenika wara r-rapport ta' evalwazzjoni tat-2 ta' Frar 2016 sabiex tiġi żgurata konformità mar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016. |
(7) |
Fit-12 ta' Marzu 2016, ir-Repubblika Ellenika nnotifikat il-Pjan ta' Azzjoni tagħha biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet identifikati fir-rapport ta' evalwazzjoni u soġġett għar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. Fit-12 ta' April 2016 il-Kummissjoni ppreżentat il-valutazzjoni tagħha tal-adegwatezza tal-Pjan ta' Azzjoni lill-Kunsill. Filwaqt li l-Kummissjoni kkonkludiet li sar progress sinifikanti mill-Greċja, huwa meħtieġ aktar titjib għall-Pjan ta' Azzjoni sabiex jiġu indirizzati b'mod adegwat u komprensiv in-nuqqasijiet identifikati fir-Rapport ta' Evalwazzjoni. Hija talbet lill-Greċja biex tipprovdi elementi u kjarifiki addizzjonali fir-rigward tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha sas-26 ta' April. |
(8) |
Fis-26 ta' April 2016, ir-Repubblika Ellenika pprovdiet lill-Kummissjoni bl-elementi u l-kjarifiki addizzjonali mitluba fir-rigward tal-Pjan ta' Azzjoni tagħha. Fid-29 ta' April 2016, ir-Repubblika Ellenika bagħtet lill-Kummissjoni r-Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1053/2013. |
(9) |
Bejn l-10 u s-16 ta' April 2016, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1053/2013 u mal-programm ta' evalwazzjoni annwali għall-2016, saret żjara fil-post imħabbra fir-Repubblika Ellenika (5). |
(10) |
L-għadd rekord ta' migranti li qed jaslu fl-Unjoni Ewropea mill-2015 u n-nuqqasijiet f'partijiet tal-fruntiera esterna tal-Unjoni identifikati matul il-valutazzjoni ta' Novembru 2015 rriżultaw f'movimenti sekondarji importanti. li kkawżaw theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna f'diversi Stati Membri. |
(11) |
Bħalissa ħames Stati Schengen (l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja) qed iwettqu kontrolli fil-fruntieri interni b'reazzjoni għal theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna li kienet ikkawżata minn movimenti sekondarji ta' migranti irregolari skattati minn nuqqasijiet serji ta' kontrolli fil-fruntieri esterni. Dan id-dħul mill-ġdid ta' kontrolli fil-fruntieri interni jipprovdu rispons adegwat għat-theddida identifikata għas-sigurtà interna u għall-ordni pubbliku f'konformità mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, u dawn il-miżuri huma meħtieġa u jitqiesu bħala proporzjonati. Fit-23 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni ħarġet Opinjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità tal-kontrolli fil-fruntieri interni li ddaħħlu mill-ġdid mill-Ġermanja u l-Awstrija (6) li tikkonkludi li d-dħul mill-ġdid ta' kontrolli, kif ukoll l-estensjonijiet tagħhom, kienu konformi mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. |
(12) |
Fil-Komunikazzjoni tagħha “Lura lejn Schengen — Pjan ta' Direzzjoni” (7),il-Kummissjoni rreferiet għall-ħtieġa, jekk il-pressjonijiet migratorji u n-nuqqasijiet serji fil-kontroll fil-fruntieri esterni jkomplu jippersistu wara t-12 ta' Mejju 2016, li tippreżenta proposta skont l-Artikolu 29(2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen lill-Kunsill li tirrakkomanda approċċ koerenti tal-Unjoni għall-kontrolli fil-fruntieri interni sakemm in-nuqqasijiet strutturali fil-kontroll tal-fruntieri esterni jittaffew jew sakemm jinstab rimedju għalihom. Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-passi li jridu jittieħdu biex ikun hemm ritorn lejn funzjonament normali taż-żona Schengen sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016. |
(13) |
Ir-Repubblika Ellenika għamlet progress sinifikanti fl-indirizzar ta' bosta min-nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħha identifikati matul il-valutazzjoni ta' Novembru 2015. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni inizjali tad-Dikjarazzjoni tat-18 ta' Marzu 2016 bejn l-UE u t-Turkija (8), flimkien mal-operazzjonijiet li għaddejjin ta' Frontex u n-NATO, wasslu għal tnaqqis qawwi fl-għadd ta' migranti irregolari u ta' persuni li jfittxu ażil li jaqsmu mit-Turkija lejn ir-Repubblika Ellenika. Dan it-tnaqqis sostanzjali fil-flussi ta' migranti irregolari u ta' persuni li jfittxu ażil lejn ir-Repubblika Ellenika, flimkien mal-appoġġ ipprovdut minn Aġenziji tal-UE u Stati Membri oħra fil-hotspots, ippermettew lir-Repubblika Ellenika ttejjeb b'mod sinifikanti r-reġistrazzjoni ta' migranti irregolari u ta' persuni li jfittxu l-ażil li jkunu għadhom kif jaslu. Is-sostenibbiltà tat-tnaqqis sostanzjali tal-fluss migratorju jeħtieġ li tiġi kkonfermata. |
(14) |
Minkejja l-progress konsiderevoli li sar, mhux in-nuqqasijiet serji identifikati kollha jistgħu jiġu indirizzati b'mod adegwat u komprensiv fil-limitu ta' żmien ta' tliet xhur stipulat fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) 2016/399. Uħud min-nuqqasijiet serji fil-kontroll tal-fruntieri esterni għadhom qed jippersistu, u jqiegħdu f'riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. B'mod partikolari, in-nuqqasijiet strutturali fil-kontroll tal-fruntieri esterni relatati mas-sistema globali ta' ġestjoni tal-fruntieri, mas-sorveljanza tal-fruntieri u mal-għarfien tas-sitwazzjoni, għadhom ma ġewx irrimedjati. Barra minn hekk, għadd ta' persuni li joqogħdu b'mod irregolari fit-territorju tar-Repubblika Ellenika ma ġewx irreġistrati u dawn jistgħu jfittxu li jitilqu b'mod irregolari lejn Stati Membri oħra. Dan ir-riskju ta' movimenti sekondarji huwa partikolarment għoli għal dawk il-migranti irregolari li ma jingħatawx akkomodazzjoni f'faċilitajiet ta' akkoljenza xierqa. Fl-aħħar nett, filwaqt li l-Kunsill irrakkomanda li r-Repubblika Ellenika għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li fil-fruntieri esterni kollha tagħha, jitwettaq kontroll tal-fruntieri esterni u li dan jinġieb f'konformità mal-Acquis ta' Schengen, is-sorveljanza tal-fruntieri fil-fruntiera mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għadha mhijiex kompletament konformi mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Dan iżid ir-riskju ta' movimenti sekondarji ta' migranti lejn Stati Membri oħra. |
(15) |
Konsegwentement, qed jippersistu wħud minn nuqqasijiet serji fil-kontrolli fil-fruntieri esterni li skattaw movimenti sekondarji ta' migranti irregolari u li wasslu biex diversi Stati Membri introduċew mill-ġdid b'mod temporanju kontrolli fil-fruntieri interni għal raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku jew mas-sigurtà interna, u dan ipoġġi f'riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Dan ir-riskju persistenti ta' movimenti sekondarji jirrikjedi approċċ koerenti, koordinat u sostenibbli ta' kontrolli temporanji fil-fruntieri interni. |
(16) |
Billi l-miżuri l-oħra kollha kienu ineffettivi fit-tnaqqis tat-theddida serja identifikata, jirriżulta li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen bħala l-aħħar rikors huma ssodisfati. |
(17) |
Għalhekk, għandha tiġi indirizzata rakkomandazzjoni biex jitwettqu kontrolli fil-fruntieri interni skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, lil dawk l-Istati Membri li attwalment qed iwettqu kontrolli fil-fruntieri interni b'reazzjoni għal theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna li kienet ikkawżata minn movimenti sekondarji ta' migranti irregolari, jiġifieri l-Ġermanja, id-Danimarka, l-Awstrija u l-Iżvezja u l-pajjiż assoċjat in-Norveġja. Dawn l-Istati Membri għandhom jingħataw permess li jkomplu jwettqu dawn il-kontrolli billi dawn il-kontrolli jindirizzaw b'mod adegwat it-theddida serja għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà interna relatata mal-movimenti sekondarji ta' migranti irregolari. Il-fruntieri interni attwalment affettwati mill-kontrolli jikkorrispondu mar-rotot migratorji u mat-theddid identifikati, b'enfasi fuq oqsma speċifiċi tal-fruntiera tal-art jew portijiet speċifiċi. |
(18) |
L-Istati Membri li jiddeċiedu li jwettqu kontroll fil-fruntieri interni wara din ir-Rakkomandazzjoni għandhom jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni kif xieraq. |
(19) |
Il-kontrolli skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen għandhom jitwettqu biss sa fejn ikun meħtieġ, għandhom ikunu limitati fl-intensità ta' kontrolli tagħhom għall-minimu assolut neċessarju u għandhom jimpedixxu mill-inqas possibbli il-qsim tal-fruntieri interni rispettivi għall-pubbliku ġenerali. Għal dan l-għan, għandhom jitwettqu biss kontrolli mmirati. In-neċessità ta' dawn il-kontrolli, flimkien mat-taqsimiet tal-fruntieri affettwati, għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid regolarment f'kooperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati. |
(20) |
Il-kontroll fil-fruntiera għandu jitwettaq biss sakemm ikun meħtieġ biex jindirizza t-theddida għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna. Bosta inizjattivi leġiżlattivi u azzjonijiet meħuda mill-Unjoni biex issaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħha (il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, ir-ritorn għal applikazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-ażil tal-UE mir-Repubblika Ellenika, it-tħaffif tal-implimentazzjoni tal-iskema ta' rilokazzjoni ta' emerġenza, id-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija) għandhom ukoll ikunu fis-seħħ u operattivi għal kollox mingħajr dewmien biex b'hekk jikkontribwixxu għal aktar tnaqqis sostanzjali fil-movimenti sekondarji ta' migranti irregolari. |
(21) |
Il-Kunsill jieħu nota li l-Kummissjoni ser tissorvelja l-applikazzjoni ta' din ir-rakkomandazzjoni u, fejn ikun meħtieġ u proporzjonat, tipproponi adattamenti biex jirriflettu bidliet fiċ-ċirkostanzi speċifiċi li wasslu għall-adozzjoni ta' din ir-rakkomandazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. |
(22) |
Il-Kummissjoni ħabbret ukoll li ser tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill wara erba' xhur mid-data tal-adozzjoni ta' din ir-rakkomandazzjoni dwar l-applikazzjoni tagħha, jew qabel jekk possibbli, u f'dik l-okkażjoni tista' tipproponi emendi għal din ir-rakkomandazzjoni fid-dawl tal-esperjenza miksuba u ċ-ċirkostanzi, |
B'DAN JIRRAKKOMANDA:
1. |
L-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja jibqgħu jwettqu kontrolli proporzjonati u temporanji fil-fruntieri għal perjodu massimu ta' sitt xhur, li jibda mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, fil-fruntieri interni li ġejjin
Qabel jiddaħħlu dawn il-kontrolli, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħmel skambju ta' fehmiet mal-Istat(i) Membru/i ġirien rilevanti bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kontrolli tal-fruntieri interni jsiru biss f'dawk il-partijiet tal-fruntiera interna fejn huwa meqjus neċessarju u proporzjonat, skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. |
2. |
L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra, lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni kif xieraq. |
3. |
Il-kontrolli fil-fruntiera għandhom ikunu immirati u limitati fl-ambitu, fil-frekwenza, fil-post u fil-ħin, għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-indirizzar tat-theddid serju u s-salvagwardja tal-ordni pubbliku u s-sigurtà interna. L-Istat Membru li jwettaq kontrolli fil-fruntieri interni skont din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni għandu jirrevedi regolarment il-ħtieġa, il-frekwenza, il-post u l-ħin tal-kontrolli, jaġġusta l-kontrolli għal-livell tat-theddida indirizzata, filwaqt li jneħħihom b'mod progressiv kull fejn xieraq, u jirrapporta lill-Kummissjoni kull xahrejn. |
Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Mejju 2016.
Għall-Kunsill
Il-President
F. MOGHERINI
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta' Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).
(3) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2014) 8377 tal-14 ta' Novembru 2014 li tistabbilixxi l-programm ta' evalwazzjoni annwali għal żjarat fil-post mhux imħabbra għall-2015 skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen.
(4) C(2016) 450 tat-2 ta' Frar 2016.
(5) C(2015) 8537 tad-9 ta' Diċembru 2015.
(6) C(2015) 7100 tat-23 ta' Ottubru 2015.
(7) C(2016) 120 final.
(8) SN 38/16 tat-18.3.2016.