Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0398

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/398 tas-16 ta' Marzu 2016 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-ħobż ittrattat bir-raġġi UV bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2016) 1527)

    C/2016/1527

    ĠU L 73, 18.3.2016, p. 107–108 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/398/oj

    18.3.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 73/107


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/398

    tas-16 ta' Marzu 2016

    li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-ħobż ittrattat bir-raġġi UV bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2016) 1527)

    (It-test bl-Iżvediż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 7 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-12 ta' Frar 2014, il-kumpanija Viasolde AB, li timmanifattura t-tagħmir għat-trattament bir-raġġi UV, talbet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Finlandja biex tqiegħed il-ħobż ittrattat bir-raġġi ultravjola (UV) fis-suq bħala ikel ġdid skont it-tifsira tal-punt (f) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 258/97. L-għan tat-trattament tal-ħobż bir-raġġi UV huwa li jżid il-kontenut tal-vitamina D fil-ħobż, li jfisser li l-valur nutrittiv tal-ħobż ikun ivarja b'mod sinifikanti mill-valur nutrittiv tal-ħobż moħmi b'mod tradizzjonali.

    (2)

    Fl-14 ta' Marzu 2014, il-korp kompetenti għall-valutazzjoni tal-ikel tal-Finlandja ħareġ ir-rapport inizjali ta' valutazzjoni tiegħu. F'dak ir-rapport, il-korp ikkonkluda li l-ħobż ittrattat bir-raġġi UV jissodisfa l-kriterji għal ikel ġdid stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

    (3)

    Fid-19 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni bagħtet ir-rapport inizjali ta' valutazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

    (4)

    Matul il-perjodu ta' 60 jum stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tqajmu xi oġġezzjonijiet motivati.

    (5)

    Fit-13 ta' Novembru 2014 il-Kummissjoni kkonsultat lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) u talbitha tagħmel valutazzjoni oħra għall-ħobż ittrattat bir-raġġi UV bħala ikel ġdid skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97.

    (6)

    Fil-11 ta' Ġunju 2015, fl-“Opinjoni xjentifika tagħha dwar is-sikurezza tal-ħobż ittrattat bir-raġġi UV bħala ikel ġdid” (2), l-EFSA kkonkludiet li l-ħobż mogħni bil-vitamina D2 permezz tat-trattament bir-raġġi UV huwa sikur skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti.

    (7)

    Għaldaqstant, l-opinjoni tagħti raġunijiet biżżejjed biex jiġi stabbilit li l-ħobż ittrattat bir-raġġi UV bħala ikel ġdid jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

    (8)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi rekwiżiti dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel. L-użu tal-ħobż ittrattat bir-raġġi UV għandu jkun awtorizzat mingħajr ħsara għar-rekwiżiti ta' din il-leġiżlazzjoni.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-ħobż ittrattat bir-raġġi UV speċifikat fl-Anness I jista' jitqiegħed fis-suq bħala ikel ġdid b'livell massimu ta' 3 μg ta' vitamina D2 għal kull 100 gramma ħobż mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (KE) Nru 1925/2006.

    Artikolu 2

    Fuq it-tikketta tal-prodott, mal-isem għandu jiżdied dan li ġej: “fih il-vitamina D prodotta bit-trattament bir-raġġi UV”.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-kumpanija Viasolde AB, Dalstigen 4, 262 63, Ängelholm, l-Iżvezja.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Marzu 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

    (2)  EFSA Journal 2015; 13(7):4148.

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar iż-żieda ta' vitamini u minerali u ta' ċerti sustanzi oħra mal-ikel (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 26).


    ANNESS

    SPEĊIFIKAZZJONI TAL-ĦOBŻ ITTRATTAT BIR-RAĠĠI UV

    Definizzjoni:

    Il-ħobż ittrattat bir-raġġi UV huwa ħobż u bziezen bil-ħmira (mingħajr affarijiet miżjuda fil-wiċċ) li jkunu ġew ittrattati bir-raġġi UV wara l-ħami sabiex l-ergosterol jinbidel f'vitamina D2 (jiġifieri f'ergokalċiferol).

    Ir-radjazzjoni UV: proċess ta' radjazzjoni bid-dawl ultravjola fil-frekwenza ta' 240 sa 315 nm għal mhux aktar minn 5 sekondi b'input tal-enerġija ta' 10 sa 50 mJ/cm2.

    Il-vitamina D2:

    Isem kimiku

    (5Z,7E,22E)-3S-9,10-sekoergosta-5,7,10(19),22-tetraen-3-ol

    Sinonimu

    Ergokalċiferol

    Numru tal-CAS

    50-14-6

    Piż molekulari

    396,65 g/mol

    Il-kontenut:

    Il-vitamina D2 (l-ergokalċiferol) fil-prodott finali

    0,75 sa 3 μg għal kull 100 g (1)

    Ħmira fl-għaġina

    1 sa 5 g għal kull 100 g (2)


    (1)  L-istandard Ewropew EN 12821, 2009.

    (2)  Kalkolu tar-riċetta.


    Top