Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0175

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/175 tat-8 ta' Frar 2016 dwar miżura meħuda minn Spanja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' tip ta' apparat għall-ħasil bil-pressa (pressure washer) (notifikata bid-dokument C(2016) 670) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 33, 10.2.2016, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/175/oj

    10.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 33/12


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/175

    tat-8 ta' Frar 2016

    dwar miżura meħuda minn Spanja skont id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' tip ta' apparat għall-ħasil bil-pressa (pressure washer)

    (notifikata bid-dokument C(2016) 670)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat d-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    F'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(2) tad- Direttiva 2006/42/KE, Spanja infurmat lill-Kummissjoni dwar miżura li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' apparat għall-ħasil bil-pressa (pressure washer) tat-tip Parkside PHD 100 B2 immanifatturat minn Grizzly Gartengeräte GmbH & Co. KG Germany u mqassam mil-Lidl Supermercados, S.A.U. Spanja.

    (2)

    Din il-miżura ttieħdet minħabba nuqqas ta' konformità tal-apparat għall-ħasil bil-pressa (pressure washer) mar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE.

    (3)

    It-Taqsima 1.5.1 (“Il-provvista tal-elettriku”) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE tirrikjedi li l-makkinarju li jkollu provvista tal-elettriku, għandu jkun iddisinnjat, mibni u mgħammar b'tali mod li jistgħu jiġu evitati l-perikli kollha ta' natura elettrika. It-Taqsima 1.5.2 (“L-elettriku statiku”) tal-istess Anness I tirrikjedi l-makkinarju għandu jkun iddisinjat u mibni b'tali mod li jimpedixxi jew jillimita li jinġema ċarġ elettrostatiku potenzjalment perikoluż u/jew ikun mgħammar b'sistema ta' ħruġ ta' ċarġ tal-elettriku.

    (4)

    Id-Dikjarazzjoni ta' Konformità tal-KE maħruġa mill-mannifattur għall-apparat tal-ħasil bil-pressa għamlet referenza, fost l-oħrajn, għall-istandard armonizzat EN 60335-2-67:2009 “Household and similar electrical appliances — Safety — Part 2- 67: Particular requirements for floor treatment and floor cleaning machines for commercial use (IEC 60335-2-67:2002 (Modified) + A1:2005 (Modified))”.

    (5)

    Skont l-awtoritajiet Spanjoli, l-apparat ippreżenta n-nuqqasijiet li ġejjin:

    il-grad ta' protezzjoni kontra d-dħul perikoluż tal-ilma kien aktar baxx mil-livell IPX 7 mitlub għal apparat li jinżamm fl-idejn, b'riskju konsgewenti ta' xokk elettriku. Dan ma kienx f'konformità mat-Taqsimiet 1.5.1 u 1.5.2 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, kif ukoll mal-paragrafu 6.2 tal-istandard armonizzat EN 60335-2- 67:2009 fir-rigward ta' tagħmir li jinżamm fl-idejn;

    it-tul ta' kejbil tal-elettriku kien inqas minn 15 m, b'riskju konsgegwenti ta' xokk elettriku. Dan ma kienx f'konformità mat-Taqsimiet 1.5.1 u 1.5.2 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, kif ukoll mal-paragrafu 25.7 tal-istandard armonizzat EN 60335-2- 67:2009 fir-rigward ta' tagħmir li jinżamm fl-idejn;

    l-apparat għall-ħasil bil-pressa (pressure washer) kellu fetħa ta' inqas minn 60 mm mill-art li setgħet twassal l-ilma għal partijiet live, bil-konsegwenza ta' riskju ta' xokk elettriku. Dan ma kienx f'konformità mat-Taqsimiet 1.5.1 u 1.5.2 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, kif ukoll mal-paragrafu 22.101 tal-istandard armonizzat EN 60335-2- 67:2009.

    (6)

    Il-Kummissjoni stiednet lill-manifattur, Grizzly Gartengeräte GmbH & Co. KG, u lid-distributur, il-Lidl Supermercados, S.A.U., biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżura meħuda minn Spanja.

    (7)

    Ma waslet l-ebda tweġiba mingħand il-manifattur. Id-distributur, fir-replika li waslet mingħand ir-rappreżentant tiegħu, kien tal-fehma li l-makkinarju huwa apparat li jista' jinġarr u li r-rekwiżiti tekniċi inqas baxxi, il-grad tal-protezzjoni u t-tul tal-kejbil tal-elettriku kienu konformi ma' dak li hu mitlub fil-każ ta' apparat li jinġarr, filwaqt li n-nuqqasijiet rrimarkati mill-awtoritajiet Spanjoli kienu rekwiżiti diretti għal apparat li jinżamm fl-idejn. Dwar il-fetħa, id-distributur qies li dan ir-rekwiżit ġie sodisfat billi ma kienx hemm partijiet attivi fl-apparat tal-ħasil bil-pressa (pressure washer) għolja f'distanza ta' inqas minn 60 mm mill-art.

    (8)

    Skont id-dokumenti disponibbli, il-livell differenti tar-rekwiżiti ta' sikurezza tekniċi kkunsidrati mill-awtoritajiet Spanjoli u mid-distributur kienu direttament marbuta ma' jekk l-apparat għall-ħasil bil-pressa (pressure washer) għandux jiġi kklassifikat bħala tagħmir li jinżamm fl-idejn jew apparat li jista' jinġarr kif definit mill-istandard armonizzat EN 60335-1 “Sigurtà ta' apparati elettriċi domestiċi u apparati simili — Sikurezza- Part 1: Rekwiżiti ġenerali”. Barra minn hekk, l-istandard EN 60335-2-67 għandu jintuża flimkien mal-EN 60335-1.

    (9)

    L-analiżi tal-evidenza mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli u tad-dokumenti mogħtija mid-distributur wasslu għall-konklużjoni li l-apparat għall-ħasil bil-pressa (pressure washer) hu ta' użu doppju, jiġifieri, jista' jintuża mhux biss bħala apparat li jista' jinġarr, kif iddikjarat middistributur, iżda wkoll bħala apparat li jinżamm fl-idejn, kif ġie rrimarkat mill-awtoritajiet Spanjoli. Fi kwalunkwe każ, anki kieku kellu jitqies li l-apparat għall-ħasil bil-pressa (pressure washer) hu apparat li jinġarr, l-użu tiegħu bħala apparat li jinżamm fl-idejn jista' titqies bħala “użu ħażin raġonevolment prevedibbli” fit-termini tal-prinċipji tal-integrazzjoni tas-sikurezza stabbiliti fit-Taqsimiet 1.1.2 u 1.7.4.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42/KE, li jippreskrivu li l-manifattur għandu jqis l-użu maħsub u kull użu ħażin raġonevolment prevedibbli tal-magna. Għalhekk, il-apparat għall-ħasil bil-pressa (pressure washer) għandu f'kull każ jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi ta' sikurezza ogħla għal apparat li jinżamm fl-idejn.

    (10)

    Konsegwentement, il-apparat għall-ħasil bil-pressa (pressure washer) tat-tip Parkside PHD 100 B2 manifatturat minn Grizzly Gartengeräte GmbH & Co. KG Germany u mqassam mil-LIDL Supermercados, S.A.U. Spanja, jonqos milli jikkonforma mar-rekiwżiti essenzjali tas-saħħa u s-sikurezza msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2006/42/KE. Dan in-nuqqas ta' konformità jwassal għal riskju serju ta' korriment għall-utenti. Għaldaqstant jixraq li l-miżura li ħadet Spanja titqies bħala waħda ġġustifikata,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miżura meħuda minn Spanja biex tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-apparat għall-ħasil bil-pressa (pressure washer) tat-tip Parkside PHD 100 B2 manifatturat minn Grizzly Gartengeräte GmbH & Co. KG Germany u mqassam mil-LIDL Supermercados, S.A.U. Spanja, hi ġustifikata.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Frar 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Elżbieta BIEŃKOWSKA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.


    Top