This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R1971
Commission Delegated Regulation (EU) 2015/1971 of 8 July 2015 supplementing Regulation (EU) No 1306/2013 of the European Parliament and of the Council with specific provisions on the reporting of irregularities concerning the European Agricultural Guarantee Fund and the European Agricultural Fund for Rural Development and repealing Commission Regulation (EC) No 1848/2006
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1971 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1971 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006
ĠU L 293, 10.11.2015, p. 6–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 29/02/2024; Imħassar b' 32024R0205
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 32006R1848 | 11/11/2015 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 32024R0205 | 01/03/2024 |
10.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 293/6 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1971
tat-8 ta' Lulju 2015
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet li jikkonċernaw il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 50(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jiddetermina liema irregolaritajiet l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq il-kompiti tagħha marbuta mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq analiżi tar-riskju, għandu jiġi stabbilit ukoll liema dejta għandha tiġi pprovduta. |
(2) |
L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti bl-istess mod irrispettivament mill-fond użat biex jintlaħqu l-objettivi li għalihom ikun ġie stabbilit. Għal dak l-għan ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013, kif ukoll ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 (2), (UE) Nru 223/2014 (3) u (UE) Nru 514/2014 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet. Sabiex jiġi żgurat li japplikaw regoli identiċi fir-rigward tal-fondi kollha rregolati minn dawn ir-Regolamenti, huwa neċessarju li dan ir-Regolament ikun fih dispożizzjonijiet identiċi għal dawk fir-Regolamenti ta' Delegai tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970 (5), (UE) 2015/1972 (6) u (UE) 2015/1973 (7). |
(3) |
Biex tkun possibbli applikazzjoni koerenti tar-rekwiżiti tal-irrappurtar fl-Istati Membri kollha huwa meħtieġ li jiġu definiti t-terminu “suspett ta' frodi”, billi titqies id-definizzjoni ta' frodi fil-Konvenzjoni imfassla fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (8), u t-terminu “konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja”. Fil-każ tal-Fond Ewropew Agrikolu ta' Garanzija “operatur ekonomiku” għandu jfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità oħra involuta fl-implimentazzjoni tal-assistenza mill-fond jew li għandha tħallas xi assenjazzjoni tad-dħul fit-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, bl-eċċeżżjoni ta' Stat Membru li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika. |
(4) |
Ir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014, jiddeterminaw il-limitu ta' rappurtar li, sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor, irregolaritajiet li jaqgħu taħt dak il-limitu ma jkunux jeħtieġu li jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni u l-każijiet li għalihom ma hemmx bżonn isir rappurtar. Sabiex jiġu ssimplifikati u allinjati d-dispożizzjonijiet u jinstab bilanċ bejn il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u l-interess komuni li tingħata dejta preċiża għall-finijiet ta' analiżi fil-ġlieda tal-Unjoni Ewropea kontra l-frodi, huwa meħtieġ li jiġu applikati l-istess limitu tar-rappurtar u l-istess derogi għar-rapportar ta' irregolaritajiet imsemmija fir-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 514/2014. |
(5) |
Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tar-rappurtar huwa meħtieġ li l-ewwel jiġu stabbiliti l-kriterji biex jiġi ddeterminat meta għandhom jiġu inizjalment irrappurtati l-irregolaritajiet u d-dejta li għandha tiġi pprovduta f'dawk ir-rapporti inizjali. |
(6) |
Sabiex id-dejta pprovduta lill-Kummissjoni tkun preċiża, huwa meħtieġ li jsir rappurtar ta' segwitu. L-Istati Membri għandhom, għalhekk, jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni aġġornata dwar kull progress sinifikanti fil-proċeduri, jew fil-proċedimenti, amministrattivi u ġuridiċi relatati ma' kull rapport inizjali. |
(7) |
Fid-dawl tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 (10) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom, f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni pprovduta skont dan ir-Regolament, jipprevjenu kwalunkwe divulgazzjoni mhux awtorizzata ta' dejta personali, jew aċċess mhux awtorizzat għaliha. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jispeċifika għal liema skopijiet il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jipproċessaw dik id-dejta. |
(8) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 (11), li stabbilixxa regoli li japplikaw għall-perijodu ta' programmazzjoni 2007-2013 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (12) għandu jitħassar. Madankollu, għandu jibqa' japplika għal-irrappurtar ta' irregolaritajiet li jirrigwardaw l-assistenza mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005. |
(9) |
Minħabba li diġà saru pagamenti għall-Fondi kkonċernati u jistgħu jseħħu xi irregolaritajiet, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw immedjatament. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jiddetermina liema irregolaritajiet għandhom jiġu rrappurtati u jistabbilixxi liema dejta għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Id-definizzjonijiet fir-Regolamenti (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1303/2013 japplikaw. Barra minn hekk, għall-fini ta' dan ir-Regolament:
(a) |
“suspett ta' frodi” tfisser irregolarità li tagħti lok għall-bidu ta' proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji fuq livell nazzjonali sabiex jiġi stabbilit li hemm mġiba intenzjonata, b'mod partikolari frodi, kif jissemma fl-Artikolu 1(1)(a) tal-Konvenzjoni mfassla fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej; |
(b) |
“konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja” tfisser l-ewwel valutazzjoni bil-miktub minn awtorità kompetenti, amministrattiva jew ġudizzjarja, li fuq il-bażi ta' fatti speċifiċi tikkonkludi li twettqet irregolarità, mingħajr preġudizzju għall-possibilità li dik il-konklużjoni sussegwentement jista' jkollha tiġi riveduta jew irtirata minħabba żviluppi matul il-proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji. |
Artikolu 3
Rappurtar inizjali
1. L-Istati Membri jirrapportaw irregolaritajiet lill-Kummissjoni li:
(a) |
jaffettwaw ammont ta' iktar minn EUR 10 000 f'kontribuzzjoni mill-fondi; |
(b) |
kienu s-suġġett ta' konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja. |
2. Fir-rapport inizjali l-Istati Membri jagħtu l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
il-fond, l-iskema ta' sostenn, il-miżura, l-operazzjoni kkonċernata u fejn xieraq, l-isem u n-numru tal-Kodiċi ta' Identifikazzjoni Komuni (“CCI”) tal-programm operazzjonali, l-organizzazzjonijiet komuni għal swieq agrikoli affettwati, is-setturi u l-prodotti kkonċernati u l-linja baġitarja; |
(b) |
l-identità tal-persuni fiżiċijew ġuridiċi involuti, jew tat-tnejn li huma, jew ta' kull entità oħra li kellha rwol fit-twettiq tal-irregolarità u dettalji dwar x'kien ir-rwol tagħha, minbarra fejn dik l-informazzjoni ma tkunx rilevanti għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, minħabba n-natura tal-irregolarità kkonċernata; |
(c) |
ir-reġjun jew iż-żona fejn tkun seħħet l-operazzjoni, identifikati bl-użu ta' informazzjoni xierqa, bħalma hu l-livell NUTS; |
(d) |
id-dispożizzjoni, jew id-dispożizzjonijiet, li jkunu ġew miksura; |
(e) |
id-data u s-sors tal-ewwel informazzjoni li wasslet għas-suspett li twettqet irregolarità; |
(f) |
il-prattkċi użati biex titwettaq l-irregolarità; |
(g) |
fejn xieraq, jekk il-prattika twassalx għal suspett ta' frodi; |
(h) |
il-mod li bih tkun ġiet magħrufa l-irregolarità; |
(i) |
fejn xieraq, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi involuti; |
(j) |
il-perjodu li matulu, jew id-data ta' meta twettqet l-irregolarità; |
(k) |
id-data li fiha ġiet stabbilita l-konklużjoni amministrattiva jew ġudizzjarja primarja; |
(l) |
l-ammont totali tan-nefqa espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, ta' dik nazzjonali u ta' dik privata; |
(m) |
l-ammont affettwat mill-irregolarità espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u ta' dik nazzjonali; |
(n) |
f'każ ta' suspett ta' frodi u fejn ma sar ebda ħlas tal-kontribuzzjoni pubblika lill-benefiċjarju, l-ammont li kien se jitħallas indebitament kieku l-irregolarità ma tkunx ġiet identifikata, espress f'termini tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni u tal-kontribuzzjoni nazzjonali; |
(o) |
in-natura tan-nefqa irregolari; |
(p) |
is-sospensjoni tal-pagamenti, fejn applikabbli, u l-possibbiltà tal-irkuprar tal-ammonti mħallsa. |
3. B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri ma jirrapportawx lill-Kummissjoni irregolaritajiet marbuta ma' li ġej:
(a) |
il-każijiet fejn l-irregolarità tikkonsisti biss fin-nuqqas li jiġu eżegwiti, b'mod parzjali jew sħiħ, operazzjoni inkluża fil-programm kofinanzjat jew pagament dirett minħabba l-falliment tal-benefiċjarju; |
(b) |
il-każijiet li jinġiebu b'mod volontarju mill-benefiċjarju għall-attenzjoni tal-awtorità ta' ġestjoni, tal-aġenzija tal-pagamenti jew tal-awtorità kompetenti oħra, u qabel ma jiġu skoperti minn kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet, kemm qabel jew wara l-pagament tal-kontribuzzjoni pubblika; |
(c) |
il-każijiet skoperti u korretti mill-awtorità ta' ġestjoni, mill-aġenzija tal-pagamenti jew minn awtorità kompetenti oħra qabel l-inklużjoni tan-nefqa kkonċernata f'dikjarazzjoni tan-nefqa ppreżentata lill-Kummissjoni. |
Fil-każijiet l-oħra kollha, b'mod partikolari dawk li jippreċedu falliment jew f'każijiet ta' suspett ta' frodi, l-irregolaritajiet skoperti u l-miżuri ta' prevenzjoni u korrettivi marbuta magħhom għandhom jiġu rrappurtati lill-Kummissjoni.
4. Fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprovdu għall-kunfidenzjalità tal-investigazzjonijiet, il-komunikazzjoni tal-informazzjoni tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni tat-tribunal, qorti jew korp ieħor kompetenti skont ir-regoli nazzjonali.
Artikolu 4
Rappurtar ta' segwitu
1. Fejn parti mill-informazzjoni li tissemma fl-Artikolu 3(2), b'mod partikolari l-informazzjoni li tikkonċerna l-prattiki użati biex titwettaq l-irregolarità u l-mod li bih tkun ġiet skoperta, ma tkunx disponibbli jew ikun jeħtieġ li tiġi rettifikata, l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni nieqsa jew korretta fir-rapporti ta' segwitu dwar l-irregolaritajiet li jippreżentaw lill-Kummissjoni.
2. L-Istati Membri jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-bidu, il-konklużjoni jew l-abbandun ta' kull proċeduri jew proċedimenti għall-impożizzjoni ta' miżuri amministrattivi, penali amministrattivi jew penali kriminali fir-rigward tal-irregolaritajiet irrappurtati, kif ukoll dwar l-eżitu ta' dawk il-proċeduri jew il-proċedimenti. Fir-rigward tal-irregolaritajiet li għalihom ikunu ġew imposti penali, l-Istati Membri jindikaw ukoll dan li ġej:
(a) |
jekk il-penali hix ta' natura amministrattiva jew kriminali; |
(b) |
jekk il-penali jirriżultawx minn ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali u dettalji dwar il-penali; |
(c) |
jekk ġiex stabbilit li kien hemm frodi. |
3. Fuq talba bil-miktub tal-Kummissjoni, l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni fir-rigward ta' irregolarità speċifika jew grupp ta' irregolaritajiet speċifiċi.
Artikolu 5
Użu u pproċessar ta' informazzjoni
1. Il-Kummissjoni tista' tuża kull informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament biex tagħmel analiżi tar-riskju, bl-appoġġ tat-teknoloġija informatika, u tista', fuq il-bażi tal-informazzjoni miksuba, tipproduċi rapporti u tiżviluppa sistemi li jservu biex jidentifikaw ir-riskji b'mod iktar effettiv.
2. L-informazzjoni mogħtija skont dan ir-Regolament hija koperta mill-kunfidenzjalità professjonali u protetta bl-istess mod bħalma tkun protetta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jkun pprovdiha u mid-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jiżguraw li l-informazzjoni tibqa' kunfidenzjali.
3. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tistax, b'mod partikolari, tintbagħat lill-persuni ħlief dawk fl-Istati Membri jew fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni li d-dmirijiet tagħhom jeħtieġu li jkollhom aċċess għaliha, sakemm l-Istat Membru li jkun qed jipprovdiha ma jkunx ta l-kunsens speċifiku tiegħu.
4. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tista' tintuża għall-ebda skop ieħor għajr il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni sakemm l-awtoritajiet li jkunu ipprovdew l-informazzjoni ma jagħtux il-kunsens speċifiku tagħhom.
Artikolu 6
Tħassir u dispożizzjonijiet tranżitorji
Ir-Regolament (KE) Nru 1848/2006 huwa mħassar.
Madankollu jibqa' japplika fir-rigward tal-irrappurtar ta' irregolaritajiet li jirrigwardaw l-assistenza mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Lulju 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(2) Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(3) Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, p. 1).
(4) Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).
(5) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1970 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi għar-rappurtar ta' irregolaritajiet, dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(6) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1972 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi għall-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(7) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1973 tat-8 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b'dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-irrappurtar ta' irregolaritajiet fir-rigward tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ara l-paġna 15 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(8) ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.
(9) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 015, p. 355).
(10) Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 26, p. 102).
(11) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta' somom ta' flus imħallsa bi żball b'konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni kif ukoll l-organizzazzjoni ta' sistema ta' informazzjoni f'dan il-qasam u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 (ĠU L 355, 15.12.2006, p. 56).
(12) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) No 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1).