This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R1886
Commission Regulation (EU) 2015/1886 of 20 October 2015 refusing to authorise certain health claims made on foods and referring to children's development and health (Text with EEA relevance)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1886 tal-20 ta' Ottubru 2015 li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta' ċerti indikazzjonijiet dwar l-effetti tal-ikel fuq is-saħħa u li jkunu jirreferu għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1886 tal-20 ta' Ottubru 2015 li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta' ċerti indikazzjonijiet dwar l-effetti tal-ikel fuq is-saħħa u li jkunu jirreferu għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 276, 21.10.2015, p. 52–54
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
21.10.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 276/52 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1886
tal-20 ta' Ottubru 2015
li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta' ċerti indikazzjonijiet dwar l-effetti tal-ikel fuq is-saħħa u li jkunu jirreferu għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-indikazzjonijiet dwar l-effetti tal-ikel fuq is-saħħa huma ipprojbiti sakemm dawn ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni b'konformità ma' dan ir-Regolament u ma jkunux inklużi f'lista ta' indikazzjonijiet permessi. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jistgħu jitressqu mill-operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta' Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tibgħat l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA), minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Awtorità”. |
(3) |
Wara li tirċievi applikazzjoni, l-Awtorità għandha tgħarraf bla dewmien lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni u tipprovdi opinjoni fuq l-indikazzjoni kkonċernata dwar is-saħħa. |
(4) |
Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa filwaqt li tqis l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità. |
(5) |
Wara li tirċievi applikazzjoni mingħand Specialised Nutrition Europe (li qabel kienet il-“European Dietetic Food Industry Association”), imressqa skont l-Artikolu 14(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni fir-rigward ta' indikazzjoni dwar is-saħħa marbuta ma' “oligosakkaridi u polisakkaridi inklużi galakto-oligosakkaridi, oligofruttożju, polifruttożju u inulina mhux diġestibbli” u “iż-żieda fl-assorbiment tal-kalċju” (il-Mistoqsija Nru EFSA-Q-2008-140 (2)). L-indikazzjoni proposta mill-applikant kienet tgħid, inter alia, dan li ġej: “Permezz ta' oligosakkaridi u/jew polisakkaridi li jistimulaw l-assorbiment tal-kalċju”. |
(6) |
Abbażi tad-dejta ppreżentata, l-Awtorità kkonkludiet fl-opinjoni tagħha, li waslet għand il-Kummissjoni u għand l-Istati Membri fid-19 ta' Novembru 2014, li ma tistax tiġi stabbilita relazzjoni ta' kawża u effett bejn il-konsum ta' “oligosakkaridi u polisakkaridi inklużi galakto-oligosakkaridi, oligofruttożju, polifruttożju u inulina mhux diġestibbli” u effett fiżjoloġiku benefiċjarju. B'mod partikolari, l-Awtorità qieset li l-kostitwenti tal-ikel “oligosakkaridi u polisakkaridi inklużi galakto-oligosakkaridi, oligofruttożju, polifruttożju u inulina mhux diġestibbli” ma kinux ikkaratterizzati biżżejjed. Għaldaqstant, billi l-indikazzjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, din ma għandhiex tiġi awtorizzata. |
(7) |
Wara applikazzjoni mingħand Specialised Nutrition Europe, imressqa skont l-Artikolu 14(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni fir-rigward ta' indikazzjoni dwar is-saħħa marbuta mal-beta-galattożidażi minn Streptococcus thermophilus u t-tnaqqis tal-iskumdità gastrointestinali (il-Mistoqsija Nru EFSA-Q-2008-148 (3)). L-istqarrija proposta mill-applikant kienet tgħid, inter alia, dan li ġej: “Lattażju għal diġestjoni komda”. |
(8) |
Abbażi tad-dejta ppreżentata, l-Awtorità kkonkludiet fl-opinjoni tagħha, li waslet għand il-Kummissjoni u għand l-Istati Membri fid-9 ta' Ottubru 2014, li l-ebda relazzjoni ta' kawża u effett ma ġiet stabbilita bejn il-konsum tas-sustanza beta-galattożidażi, li hija prodotta minn Streptococcus thermophilus (sussegwentement inattivat) matul il-fermentazzjoni ta' formula tal-ikel tat-trabi, u tnaqqis tal-iskumdità gastrointestinali. Għaldaqstant, billi l-indikazzjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, din ma għandhiex tiġi awtorizzata. |
(9) |
Wara applikazzjoni mingħand Specialised Nutrition Europe, imressqa skont l-Artikolu 14(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni fir-rigward ta' indikazzjoni dwar is-saħħa marbuta mal-effetti tal-pruna u kontribut tagħha għall-funzjoni normali tal-musrana (il-Mistoqsija Nru EFSA-Q- 2008-193 (4)). L-istqarrija proposta mill-applikant kienet tgħid, inter alia, dan li ġej: “il-pruna niexfa/pruna tista' tikkontribwixxi għall-funzjoni normali tal-musrana”. |
(10) |
Abbażi tad-dejta ppreżentata, l-Awtorità kkonkludiet fl-opinjoni tagħha, li waslet għand il-Kummissjoni u għand l-Istati Membri fid-19 ta' Novembru 2014, li l-ebda relazzjoni ta' kawża u effett ma ġiet stabbilita bejn il-konsum tal-pruna u l-kontribut tagħha għall-funzjoni normali tal-musrana mingħajr l-okkorrenza ta' dijarea għat-trabi u t-tfal żgħar ta' età minn sitt xhur sa tliet snin. B'mod partikolari, l-Awtorità nnutat li l-applikant ma pprovda l-ebda studji li jinvestigaw l-effett tal-pruna fuq il-funzjoni tal-musrana fit-trabi u t-tfal żgħar. Għaldaqstant, billi l-indikazzjoni ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, din ma għandhiex tiġi awtorizzata. |
(11) |
Skont l-Artikolu 28(6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija fl-Artikolu 14(1)(b) ta' dak ir-Regolament li ma kinux awtorizzati minn Deċiżjoni skont l-Artikolu 17(3) ta' dak ir-Regolament jistgħu jkomplu jintużaw għal sitt xhur wara l-adozzjoni ta' dik id-Deċiżjoni, dejjem jekk l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tkun saret qabel id-19 ta' Jannar 2008. Għaldaqstant, billi l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa mniżżlin fl-Anness ta' dan ir-Regolament jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, għandu japplika l-perjodu transizzjonali stabbilit fl-Artikolu 28(6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006. |
(12) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-indikazzjonijiet dwar is-saħħa mniżżlin fl-Anness ta' dan ir-Regolament ma għandhomx jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet permessi kif previst fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.
2. Madanakollu, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa msemmijin fil-paragrafu 1 użati qabel ma daħal fis-seħħ dan ir-Regolament, jistgħu jibqgħu jintużaw għal perjodu massimu ta' sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.
(2) EFSA Journal 2014;12(11):3889.
(3) EFSA Journal 2014;12(10):3841.
(4) EFSA Journal 2014;12(11):3892.
ANNESS
Dikjarazzjonijiet miċħuda dwar is-saħħa
Applikazzjoni — Dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 |
Nutrijent, sustanza, prodott tal-ikel jew kategorija tal-ikel |
Stqarrija |
Referenza tal-opinjoni mogħtija mill-EFSA |
L-Artikolu 14(1)(b) stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li tirreferi għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal |
Oligo- u polisakkaridi mhux diġestibbli inkluż il-galaktooligosakkaridi, l-oligofruttożju, il-polifruttożju u l-inulina |
Bl-oligosakkaridi u/jew polisakkaridi mhux diġestibbli li jistimulaw l-assorbiment tal-kalċju |
Q-2008-140 |
L-Artikolu 14(1)(b) stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li tirreferi għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal |
Betagalattożidażi minn Streptococcus thermophilus |
Lattażju għal diġestjoni komda |
Q-2008-148 |
L-Artikolu 14(1)(b) stqarrija dwar l-effetti fuq is-saħħa li tirreferi għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal |
Pruna |
L-għajnbaqar imqadded/pruna jistgħu jikkontribwixxu għall-funzjoni tal-musrana normali |
Q-2008-193 |