This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R1840
Commission Implementing Regulation (EU) 2015/1840 of 7 October 2015 entering a name in the register of protected designations of origin and protected geographical indications (Istarski pršut/Istrski pršut (PDO))
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1840 tas-7 ta' Ottubru 2015 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetta u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Istarski pršut/Istrski pršut (DOP)]
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1840 tas-7 ta' Ottubru 2015 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetta u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Istarski pršut/Istrski pršut (DOP)]
ĠU L 267, 14.10.2015, p. 1–2
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
14.10.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 267/1 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1840
tas-7 ta' Ottubru 2015
li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetta u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Istarski pršut/Istrski pršut (DOP)]
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
F'konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni ppreżentata mill-Kroazja għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Istarski pršut” ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
(2) |
Is-Slovenja opponiet ir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 permezz tal-avviż ta' oppożizzjoni tat-30 ta' Awwissu 2013 u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-oppożizzjoni tal-25 ta' Ottubru 2013. L-oppożizzjoni tqieset li kienet ammissibbli. |
(3) |
Bl-ittri tas-7 ta' Frar 2014, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu qbil bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom. Barra minn hekk ingħatat estensjoni ta' tliet xhur għall-iskadenza tal-konsultazzjonijiet, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 51(3), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. |
(4) |
Is-Slovenja allegat, fost affarijiet oħra, li r-reġistrazzjoni ta' “Istarski pršut” ma kinitx konformi mad-definizzjoni ta' Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta minħabba li ż-żona ġeografika tal-materja prima kienet ikbar miż-żona ġeografika ddefinita. Barra minn hekk, is-Slovenja affermat li r-reġistrazzjoni kienet se tipperikola l-eżistenza ta' “Istrski pršut”, jiġifieri l-isem użat fis-Slovenja għal prodott li għandu l-istess karatteristiċi bħal ta' “Istarski pršut”, u li kien ilu legalment fis-suq għal aktar minn ħames snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni tad-dokument uniku ta' “Istarski pršut” f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(5) |
Wara sitt xhur ta' konsultazzjonijiet, intlaħaq ftehim bejn il-Kroazja u s-Slovenja. Dan ġie kkomunikat lill-Kummissjoni bl-ittri tat-3 u tal-10 ta' Settembru 2014. |
(6) |
Wara l-ftehim saru diversi emendi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. L-applikazzjoni tal-Kroazja saret applikazzjoni multinazzjonali (Kroata u Slovena). L-isem tal-prodott “Istarski pršut” inbidel għal “Istarski pršut/Istrski pršut”, u għalhekk jinkludi wkoll l-isem fil-lingwa Slovena. Iż-żona ta' produzzjoni ġiet estiża biex tinkludi l-parti Slovena tal-Peniżola tal-Istrija. Ġew introdotti wkoll aġġustamenti żgħar għal taqsimiet oħra tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott. |
(7) |
Peress li d-dokument uniku kien ġie emendat b'mod sostanzjali, f'konformità mal-Artikolu 51(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni rrepetiet l-iskrutinju tal-applikazzjoni u kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni huma ssodisfati. |
(8) |
Fir-rigward tal-parti taż-żona tal-Kroazja, id-differenza bejn iż-żona għall-materja prima u ż-żona ġeografika ddefinita nżammet bħalma kienet fl-applikazzjoni oriġinali. Billi r-rekwiżiti kollha elenkati fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ġew issodisfati, l-isem jista' jibbenefika mid-deroga stipulata f'dak l-Artikolu u għaldaqstant jista' jiġi rreġistrat bħala Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta. |
(9) |
F'konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni ppreżentata mill-Kroazja u mis-Slovenja għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Istarski pršut/Istrski pršut” ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3). |
(10) |
Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda stqarrija ta' oġġezzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-denominazzjoni “Istarski pršut/Istrski pršut” għandha għalhekk tiġi rreġistrata, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-denominazzjoni “Istarski pršut/Istrski pršut” (DOP) hija rreġistrata.
Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tidentifika prodott tal-Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.) tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (4).
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Phil HOGAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).