EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1831

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1831 tas-7 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi

ĠU L 266, 13.10.2015, p. 14–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1831/oj

13.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/14


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1831

tas-7 ta' Ottubru 2015

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 25 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (2) u jistabbilixxi regoli ġodda dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u miżuri ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi Jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni f'dak ir-rigward. Sabiex jiġi żgurat li l-qafas legali l-ġdid jiffunzjona tajjeb u japplika b'mod uniformi, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta' atti bħal dawk. Dawk l-atti għandhom jieħdu post ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008 (3) li tħassar bir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829 (4).

(2)

L-azzjonijiet ta' informazzjoni u l-miżuri ta' promozzjoni ma għandhomx ikunu orjentati lejn l-oriġini. Madankollu, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, jista' jissemma l-oriġini tal-prodotti skont ċerti kundizzjonijiet. Għandhom jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġi żgurat b'mod partikolari li r-referenza għall-oriġini ma tfixkilx il-messaġġ prinċipali tal-Unjoni ta' xi programm.

(3)

Sabiex jiġi evitat kull riskju li l-udjenza mmirata titħawwad dwar id-differenza bejn il-kampanja ġenerika li tirreferi għall-oriġini u l-kampanja li tirreferi għal prodotti speċifiċi li huma rreġistrati b'indikazzjoni ġeografika protetta skont l-iskemi ta' kwalità tal-Unjoni, ir-referenza għall-oriġini għandha tkun limitata għall-oriġini nazzjonali biss. Madankollu, b'qies tal-lista tal-iskemi eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, għandu jkun jista' jiġi indikat l-oriġini f'termini oħra għajr l-oriġini nazzjonali għal dawk l-iskemi speċifiċi. Barra minn hekk, għandu jkun possibbli li jissemmew l-oriġini supranazzjonali, bħal Nordiku, Alpin jew Mediterranju għax dawn jikkorrispondu għal referenza komuni pan-Ewropea.

(4)

L-azzjonijiet ta' informazzjoni u l-miżuri ta' promozzjoni ma għandhomx ikunu orjentati lejn il-marka kummerċjali. Madankollu, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, jistgħu jissemmew l-marki kummerċjali tal-prodotti skont ċerti kundizzjonijiet. Il-marki kummeċjali għandhom jintwerew biss b'dimostrazzjonijiet u avvenimenti ta' tidwiq, jiġifieri għal attivitajiet imfassla speċifikament biex iżidu l-bejgħ, u materjal ta' informazzjoni u promozzjoni korrispondenti muri waqt dawn l-attivitajiet speċifiċi. Għandhom jiġu stabbiliti regoli biex ikun żgurat li kull marka tkun viżibbli indaqs u biex il-preżentazzjoni grafika tagħha tkun iżgħar mill-preżentazzjoni tal-messaġġ ewlieni tal-Unjoni għall-kampanja. Sabiex jiġi żgurat li ma tinbidilx in-natura tal-miżuri li mhumiex orjentata lejn il-marki kummerċjali, għandhom jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw li jintwerew diversi marki kummerċjali, ħlief f'ċirkostanzi debitament ġustifikati, u li l-wiċċ ddedikat għall-marki kummerċjali jkun limitat għal persentaġġ massimu tal-erja tal-komunikazzjoni.

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 jippermetti li l-organizzazzjonijiet proponenti jimplimentaw ċerti partijiet tal-programmi tagħhom. Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli tal-applikazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

(6)

Għandhom jiġu implimentati programmi sempliċi bi mmaniġġjar komuni bejn l-Istati Membri u l-Unjoni b'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), filwaqt li l-programmi multipli għandhom jiġu ffinanzjati skont regoli ta' ġestjoni diretta skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Peress li l-istess organizzazzjoni proponenti jista' jkollha kemm programmi sempliċi kif ukoll multipli, ir-regoli ta' implimentazzjoni għaż-żewġ programmi għandhom ikunu jixxiebhu kemm jista' jkun. Għal dak il-għan, il-programmi sempliċi għandhom ikunu suġġetti għal regoli ekwivalenti għal dawk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar l-għotjiet li japplikaw għall-programmi multipli bħal pereżempju n-nuqqas ta' rekwiżit li tingħata garanzija li tiżgura t-twettiq sodisfaċenti tal-kuntratt.

(7)

L-Istati Membri huma responsabbli li l-programmi sempliċi li tagħżel il-Kummissjoni jwettquhom tajjeb. Għandha ssir dispożizzjoni għall-ħatra tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi, għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar il-konklużjoni ta' kuntratti għall-implimentazzjoni tal-programmi sempliċi magħżula. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tipprovdi mudell ta' kuntratt lill-Istati Membri u għandu jiġi stabbilit limitu ta' żmien raġonevoli għall-konklużjoni ta' kuntratti. Madankollu, fid-dawl ta' tipi differenti ta' miżuri li jistgħu jiġu previsti fi programm, għandha tingħata ċerta flessibbiltà fir-rigward tad-data meta tibda l-implimentazzjoni tal-programm.

(8)

Għal ġestjoni finanzjarja soda, l-organizzazzjonijiet proponenti u l-korpi ta' implimentazzjoni għandhom ikunu obbligati jżommu rekords u dokumentazzjoni oħra ta' sostenn meħtieġa sabiex jagħtu prova tal-implimentazzjoni korretta tal-programm u l-eliġibbiltà għall-finanzjament tal-Unjoni għall-ispejjeż dikjarati.

(9)

L-Istati Membri għandhom jivverifikaw l-implimentazzjoni tal-programmi sempliċi skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Dawn għandhom ukoll ikunu meħtieġa japprovaw l-għażla tal-korp ta' implimentazzjoni qabel ma jikkonkludu l-kuntratt mal-organizzazzjoni proponenti kkonċernata u li jiċċekkjaw kull applikazzjoni għal pagamenti qabel ma jsir xi pagament. Ħlief għal applikazzjoni għal pagament tal-avvanz, l-applikazzjonijiet kollha għal pagament għandhom jinkludu rapport finanzjarju li jiddikjara u jispeċifika l-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-organizzazzjoni proponenti, rapport dwar l-eżekuzzjoni teknika tal-programm u, barra minn hekk, rapport ta' evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-pagament tal-bilanċ.

(10)

F'ġieh is-simplifikazzjoni u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, il-perjodi konnessi mar-rapporti interim u mat-talbiet għal pagamenti korrispondenti għandhom jiġu stabbiliti għal sena. Barra minn hekk, meta jintalab rimborż għal ċerti ammonti, għandu jiġi ppreżentat ċertifikat tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji, maħruġ minn awditur indipendenti u kwalifikat. Iċ-ċertifikat għandu jipprovdi evidenza lill-Istati Membri fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati.

(11)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jivverifikaw jekk il-materjal prodott fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta' programm huwiex konformi mal-liġi tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, u b'mod partikolari jekk ġewx applikati d-dispożizzjonijiet dwar il-messaġġ ewlieni tal-Unjoni, l-indikazzjoni tal-oriġini u t-turija tal-marki kummerċjali, għandha tiġi stabbilita dispożizzjoni li tirrikjedi s-sottomissjoni lill-Istat Membru tal-materjal użat, inkluż il-materjal viżiv.

(12)

Sabiex l-organizzazzjonijiet proponenti jiġu pprovduti flotazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti għall-pagament tal-avvanzi. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod effettiv, il-pagament tal-avvanz għandu jkun suġġett għal garanzija. Din il-garanzija għandha tibqa' fis-seħħ sal-pagament tal-bilanċ meta l-avvanz jitħallas. Peress li l-organizzazzjonijiet proponenti stabbiliti fl-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet biex jipprovdu garanzija għall-ammont kollu li jaf jingħata, għandhom ikunu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi biex ikunu jistgħu jiksbu avvanzi f'żewġ partijiet.

(13)

Għal amministrazzjoni finanzjarja tajba, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jeħtieġu li l-avvanzi u l-pagamenti intermedji jibqgħu inqas mill-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni b'marġni ta' sigurtà.

(14)

Mill-esperjenza, għandhom ikunu determinati l-kontenut tal-verifiki fuq il-post li għandhom jagħmlu l-Istati Membri u b'mod partikolari l-frekwenza tagħhom, l-ambitu u l-lok tagħhom. Għalhekk hemm bżonn li kull programm għandu jkun soġġett għal verifiki fuq il-post mill-inqas darba matul l-implimentazzjoni tiegħu. Filwaqt li jitqies il-fatt li l-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni jiġu implimentati fi żminijiet differenti u li spiss ikollhom durata limitata u l-fatt li ċerti programmi huma implimentati barra mill-Istat Membru ta' oriġini tal-organizzazzjoni proponenti jew barra l-Unjoni, il-verifiki fuq il-post għandhom jitwettqu fil-bini tal-organizzazzjonijiet proponenti u, jekk xieraq, fil-post tal-korp ta' implimentazzjoni.

(15)

Ir-rata tal-imgħax f'każ ta' pagamenti mhux dovuti għandha tiġi allinjata mar-rata tal-imgħax korrispondenti applikabbli għal programmi multipli.

(16)

Sabiex jiġu vvalutati l-effettività u l-effiċjenza tal-programmi ta' informazzjoni u promozzjoni, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jeħtieġu monitoraġġ u evalwazzjoni xierqa tal-programmi kif ukoll tal-prestazzjoni globali tal-politika ta' promozzjoni kemm mill-organizzazzjonijiet proponenti kif ukoll mill-Istati Membri.

(17)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 fejn jidħlu l-viżibbiltà tal-oriġini u tal-marki kummerċjali fi programmi sempliċi u multipli kif ukoll ir-regoli li bihom l-organizzazzjoni proponenti tista' tiġi awtorizzata biex timplementa ċerti partijiet ta' programm sempliċi.

Dan jistabbilixxi wkoll regoli speċifiċi dwar il-konklużjoni ta' kuntratti, il-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-kontrolli ta' programmi sempliċi u sistema ta' indikaturi għall-valutazzjoni tal-impatt tal-programmi ta' informazzjoni u promozzjoni.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI GĦALL-PROGRAMMI SEMPLIĊI U MULTIPLI

TAQSIMA 1

Il-viżibbiltà tal-oriġini

Artikolu 2

Ir-rekwiżiti ġenerali għall-indikazzjoni tal-oriġini fil-materjal informattiv u promozzjonali kollu

1.   Il-messaġġ ewlieni tal-programm għandu jkun messaġġ tal-Unjoni u ma għandux jiffoka fuq oriġini speċifika.

2.   Kull indikazzjoni tal-oriġini għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

din ma għandhiex tammonta għal restrizzjoni fil-moviment ħieles tal-prodotti agrikoli u alimentari bi ksur tal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

(b)

din ma għandhiex tinkoraġġixxi lill-konsumaturi jixtru prodotti domestiċi biss minħabba l-oriġini tagħhom u għandha tirreferi għall-kwalitajiet partikolari tal-prodott aktar milli għall-oriġini biss; u

(c)

din għandha tikkomplimenta l-messaġġ ewlieni tal-Unjoni.

3.   Il-messaġġ ewlieni tal-Unjoni għall-programm ma għandux jiġu mistur b'materjal relatat mal-oriġini tal-prodott, bħal stampi, kuluri, simboli jew mużika. L-indikazzjoni tal-oriġini għandha tidher f'post separat minn dak iddedikat għall-messaġġ ewlieni tal-Unjoni.

4.   L-indikazzjoni tal-oriġini fuq materjal ta' informazzjoni u promozzjoni għandha tkun limitata għal materjal viżwali. L-ebda indikazzjoni tal-oriġini ma għandha ssir b'materjal tal-awdjo.

Artikolu 3

L-indikazzjoni tal-oriġini fuq materjal ta' informazzjoni u promozzjoni kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014

1.   L-indikazzjoni tal-oriġini fuq materjal ta' informazzjoni u promozzjoni kif imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, għandha tkun limitata għall-oriġini nazzjonali, jiġifieri l-isem tal-Istat Membru, jew għal oriġini supranazzjonali komuni. L-indikazzjoni tal-oriġini tista' tkun espliċita jew impliċita.

2.   Il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 għandhom ikunu mħarsa u għandha titqies il-prominenza tat-test jew tas-simbolu, inklużi l-istampi kif ukoll il-preżentazzjoni ġenerali li tirreferi għall-oriġini meta mqabbla mal-importanza tat-test jew tas-simbolu li jirreferi għal messaġġ ewlieni tal-Unjoni tal-programm.

Artikolu 4

L-indikazzjoni tal-oriġini fuq materjal ta' informazzjoni u promozzjoni li jirreferi għal skemi eliġibbli skont il-punti (c) u (d) tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014

1.   Azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni li jkunu jsemmu skemi eliġibbli skont il-punt (c) tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 jistgħu jsemmu l-isem tar-reġjuni ultraperiferiċi fis-simboli grafiċi relatati, sakemm ikunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (KE) Nru 179/2014 (7) u sakemm il-materjali viżwali relatati jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal- Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014.

2.   B'deroga mill-Artikolu 3(1), l-azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni li jsemmu skemi eliġibbli skont il-punt (d) tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 li jirreferu għall-oriġini f'isimhom jistgħu issemmu dik l-oriġini speċifika, bil-kundizzjoni li dawn ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014.

TAQSIMA 2

Il-viżibbiltà tal-marki kummerċjali

Artikolu 5

Ir-rekwiżiti ġenerali

1.   Il-marki kummerċjali kif imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 għandhom ikunu mifhuma bħala l-marki kummerċjali kif definiti fl-Artikoli 4 u 66 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 (8) u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

2.   Il-marki kummerċjali ta' prodotti promossi tal-organizzazzjonijiet proponenti għandhom ikunu viżibbli biss waqt dimostrazzjonijiet jew avvenimenti ta' tidwiq tal-prodotti.

Għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)

“dimostrazzjonijiet” tfisser kull mezz li juri l-merti ta' prodott jew ta' skema għal klijenti prospettivi biex jinkoraġġixxu x-xiri tal-prodott waqt fieri u avvenimenti bejn in-negozji u fuq siti web;

(b)

“avvenimenti ta' tidwiq” tfisser attività fejn il-klijenti prospettivi jistgħu jduqu l-prodott waqt fieri u avvenimenti bejn in-negozji u fil-punt tal-bejgħ.

3.   Il-marki kummerċjali jistgħu jkunu viżibbli fuq il-materjal ta' informazzjoni u promozzjoni li jintwera jew jitqassam waqt id-dimostrazzjonijiet jew l-avvenimenti ta' tidwiq tal-prodotti.

4.   L-organizzazzjonijiet proponenti li juru l-marki kummerċjali għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fl-applikazzjoni tal-programm huma għandhom jiġġustifikaw għalfejn hemm bżonn li jissemmew il-marki kummerċjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-kampanja u jikkonfermaw li t-turija tal-marki kummerċjali hija limitata għad-dimostrazzjonijiet u għall-avvenimenti ta' tidwiq tal-prodotti;

(b)

huma għandhom iżommu evidenza li l-membri kollha tal-organizzazzjoni proponenti kkonċernati ngħataw l-istess opportunità biex juru l-marki tagħhom;

(c)

huma għandhom jiżguraw li:

(i)

il-marki jintwerew flimkien b'mod ugwalment viżibbli, f'żona separata minn dik iddedikata għall-messaġġ ewlieni tal-Unjoni;

(ii)

it-turija tal-marki ma tkunx iddgħajjef il-messaġġ ewlieni tal-Unjoni;

(iii)

il-messaġġ ewlieni tal-Unjoni ma jiġix mistur bit-turija ta' materjal bħal stampi, kuluri, simboli;

(iv)

it-turija ta' marki jkun limitat għal materjal viżwali li jeskludi aġġeġġi u maskots, f'għamla iżgħar mill-messaġġ ewlieni tal-Unjoni. L-ebda indikazzjoni tal-oriġini ma għandha ssir b'materjal tal-awdjo.

Artikolu 6

Ir-rekwiżiti speċifiċi

1.   Waqt id-dimostrazzjonijiet jew l-avvenimenti ta' tidwiq tal-prodotti, il-marki jistgħu jintwerew biss:

(a)

flimkien fuq strixxun li jitpoġġa fuq in-naħa ta' quddiem tal-bank tal-istand jew f'post ekwivalenti. Dak l-istruxxun ma għandux jisboq il-5 % tal-erja kollha tan-naħa ta' quddiem tal-bank tal-istand jew fuq post ekwivalenti; jew

(b)

individwalment, b'mod separat u f'kompartimenti identiċi b'mod newtrali u identiku, fuq in-naħa ta' quddiem tal-bank tal-kompartiment jew fuq post ekwivalenti għal kull marka. F'dak il-każ, it-turija tal-marka kummerċjali ma għandhiex tisboq il-5 % tal-erja kollha tan-naħa ta' quddiem tal-bank tal-kompartiment jew fuq post ekwivalenti.

2.   Fis-siti web, il-marki jistgħu jidhru biss flimkien f'wieħed minn dawn iż-żewġ modi:

(a)

fuq strixxun li jitpoġġa fil-qiegħ tal-paġna web, li ma għandux jisboq il-5 % tal-erja kollha tas-sit web, fejn kull marka għandha tkun iżgħar mill-emblema tal-Unjoni li tirreferi għall-kofinanzjament tal-Unjoni;

(b)

f'paġna web apposta distinta mill-paġna ewlenija, b'mod newtrali u identiku għal kull marka.

3.   Fil-każ ta' materjal stampat imqassam waqt id-dimostrazzjonijiet jew l-avvenimenti ta' tidwiq tal-prodotti, il-marki jistgħu jintwerew biss flimkien fuq strixxun waħda fil-qiegħ tal-paġna li ma għandhiex tisboq il-5 % tal-erja kollha tal-wiċċ ta' dik il-paġna.

Artikolu 7

L-għadd tal-marki li jintwerew

1.   Ma għandhomx jintwerew inqas minn ħames marki kummerċjali.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, jistgħu jintwerew inqas minn ħames marki bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikun hemm inqas marki mill-Istat Membru tal-oriġini tal-organizzazzjoni proponenti għall-prodott jew għall-iskema inkwistjoni tal-programm;

(b)

għal raġunijiet debitament ġustifikati, ma kienx possibbli li jiġi organizzat programm ta' prodotti multipli jew ta' pajjiżi multipli li jippermetti li jintwerew aktar marki.

3.   L-organizzazzjoni proponenti għandhom jiġġustifikaw debitament li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 u jagħtu s-sostenn bid-dokumenti kollha meħtieġa, inkluża l-evidenza li jkunu ġew ikkuntattjati l-organizzazzjonijiet proponenti l-oħra u saret proposta lilhom mill-organizzazzjoni proponenti ikkonċernati, biex flimkien jistabbilixxu programm ta' prodotti multipli jew ta' pajjiżi multipli, u r-raġunijiet għala dan il-programm ma seħħx.

4.   Meta jintewrew inqas minn ħames marki kummerċjali, għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 6 u l-erja tal-wiċċ allokata għall-marki għandha titnaqqas proporzjonalment.

Artikolu 8

L-indikazzjoni ta' skemi eliġibbli skont il-punt (d) tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 li huma rreġistrati bħala marka kummerċjali

Meta l-programm jikkonċerna skema kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, l-Artikoli 5, 6 u 7 ma għandhomx japplikaw għall-ismijiet u għal-logos ta' dawn l-iskemi, li huma rreġistrati bħala marki kummerċjali.

KAPITOLU III

IL-ĠESTJONI TAL-PROGRAMMI SEMPLIĊI

TAQSIMA 1

L-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-programmi

Artikolu 9

Il-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali responsabbli mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Huma għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-ismijiet u d-dettalji sħaħ tal-awtoritajiet maħtura kif ukoll it-tibdil kollu li jsir fihom.

Il-Kummissjoni għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f'sura adattata.

Artikolu 10

Il-konklużjoni tal-kuntratti

1.   Malli l-Kummissjoni tadotta att ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014, din għandha tgħaddi l-kopji tal-programmi magħżula lill-Istati Membri kkonċernati.

2.   Mingħajr dewmien, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-organizzazzjonijiet proponenti interessati jekk l-applikazzjonijiet tagħhom ikunux ġew aċċettati jew le.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkonkludu kuntratti għall-implimentazzjoni ta' programmi mal-organizzazzjonijiet proponenti magħżula fi żmien 90 jum kalendarju min-notifika tal-att tal-Kummissjoni msemmi fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 diment li l-korpi ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament ikunu ntgħażlu skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1829. Wara din l-iskadenza, l-ebda kuntratt ma għandu jiġi konkluż mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

4.   Id-data tal-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm għandha tkun l-ewwel jum tax-xahar wara d-data tal-iffirmar tal-kuntratt. Madankollu, id-data tal-bidu tista' tiġi posposta għal sa sitt (6) xhur, b'mod partikolari biex titqies l-istaġjonalità tal-prodott ikkonċernat mill-programm jew il-parteċipazzjoni f'avveniment jew fiera speċifika.

5.   L-Istati Membri għandhom jużaw il-kuntratti mudell li l-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom.

6.   Meta japplika, l-Istati Membri jistgħu jbiddlu ċerti kundizzjonijiet tal-kuntratti mudell sabiex jikkonformaw mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, sakemm dan ma jkunx imur kontra l-liġijiet tal-Unjoni.

Artikolu 11

L-implimentazzjoni tal-programmi mill-organizzazzjonijiet proponenti

L-organizzazzjoni proponenti tista' timplimenta ċerti partijiet ta' programm sempliċi hija stess, soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni proponenti jkollha mill-anqas tliet snin esperjenza fl-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni; u

(b)

l-organizzazzjoni proponenti tiżgura li l-ispiża tal-miżura li jkun beħsiebha twettaq hija stess ma tkunx taqbeż ir-rati normali tas-suq.

Artikolu 12

L-obbligi rigward l-informazzjoni u r-rekords

1.   L-organizzazzjonijiet proponenti għandhom iżommu informazzjoni aġġornata u għandhom jinformaw lill-Istat Membru kkonċernat dwar avvenimenti u ċirkustanzi li aktarx jaffettwaw b'mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-programm jew l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

2.   L-organizzazzjonijiet proponenti u l-korpi ta' implimentazzjoni għandhom iżommu rekords u dokumentazzjoni oħra ta' sostenn li permezz tagħhom jagħtu prova tal-implimentazzjoni korretta tal-programm u l-ispejjeż iddikjarati bħala eliġibbli, b'mod partikolari dan li ġej:

(a)

għall-ispejjeż reali: rekords adegwati u dokumentazzjoni oħra ta' sostenn sabiex jagħtu prova tal-ispejjeż dikjarati, bħal kuntratti, sottokuntratti, fatturi u rekords tal-kontabbiltà. Il-prattiki tal-kontabbiltà tal-kontijiet u l-proċeduri ta' kontroll intern għandhom jippermettu rikonċiljazzjoni diretta bejn l-ammonti dikjarati, l-ammonti reġistrati fil-kontijiet tagħhom u l-ammonti dikjarati fid-dokumentazzjoni ta' sostenn.

Fir-rigward tal-ispejjeż tal-persunal, l-organizzazzjoni proponenti u l-korpi ta' implimentazzjoni għandhom iżommu rekords tal-ħin għas-sigħat ta' ħidma ddikjarati. Fin-nuqqas ta' rekords affidabbli tas-sigħat maħduma fuq l-azzjoni, l-Istat Membru jista' jaċċetta evidenza alternattiva li tappoġġa l-għadd ta' sigħat iddikjarati, jekk iħoss li din tkun toffri livell adegwat ta' assigurazzjoni.

Għall-persuni li jaħdmu esklussivament fuq il-programm, iż-żamma ta' rekords tal-ħin ma għandhiex tkun meħtieġa iżda minflok għandha tintalab dikjarazzjoni ffirmata li tikkonferma li l-persuni kkonċernati ħadmu esklussivament fuq l-azzjoni;

(b)

għall-ispejjeż b'rata fissa: rekords adegwati u dokumentazzjoni oħra ta' sostenn sabiex jagħtu prova tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż li skonthom tiġi kkalkulata r-rata fissa.

Artikolu 13

Il-pagament tal-avvanz

1.   Fi żmien 30 jum mid-data meta jkun ġie ffirmat il-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 10, l-organizzazzjoni proponenti tista' tissottometti applikazzjoni għall-pagament tal-avvanz lill-Istat Membru ikkonċernat, flimkien mal-garanzija pprovduta fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-avvanz għandu jitħallas bil-kundizzjoni li l-organizzazzjoni proponenti tkun iddepożitat garanzija ekwivalenti għall-ammont ta' dan l-avvanz favur l-Istat Membru skont il-Kapitolu IV tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (10).

3.   Il-pagament tal-avvanz ma għandux jaqbeż l-20 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja massima tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014.

4.   L-Istat Membru għandu jħallas l-avvanz fi żmien 30 jum mid-data meta tasal il-garanzija prevista fil-paragrafu 2 jew fi żmien 30 jum mid-data li tinzerta 10 ijiem qabel id-data tal-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm, skont liema minnhom tkun l-aktar reċenti.

5.   Il-pagament tal-avvanz għandu jingħata meta jsir il-pagament tal-bilanċ.

6.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 5 ta' dan l-Artikolu, l-organizzazzjonijiet proponenti stabbiliti fl-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014 jistgħu jagħmlu applikazzjoni għal pagament tal-avvanz f'żewġ partijiet. L-applikanti li jagħżlu li jagħmlu użu minn din l-alternattiva għandhom japplikaw għall-ewwel parti tal-pagament tal-avvanz tagħhom fi żmien l-iskadenza prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Applikazzjoni għall-parti li jifdal tal-avvanz tista' titressaq biss wara li tkun ġiet approvata l-ewwel parti tal-avvanz.

Artikolu 14

Applikazzjoni għal pagamenti interim

1.   Ħlief għall-aħħar sena tal-implimentazzjoni tal-programm, l-applikazzjonijiet għal pagament interim tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għandhom jitressqu mill-organizzazzjoni proponenti lill-Istati Membri fi żmien 60 jum mid-data meta tkun tlestiet l-implimentazzjoni ta' sena tal-programm.

2.   Dawn l-applikazzjonijiet għandhom ikopru l-ispejjeż eliġibbli mġarrba matul is-sena kkonċernata u għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport interim li jinkludi rapport finanzjarju perjodiku u rapport tekniku perjodiku.

3.   Ir-rapport finanzjarju perjodiku msemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi:

(a)

dikjarazzjoni finanzjarja mingħand kull organizzazzjoni proponenti li tagħti dettalji tal-ispejjeż eliġibbli inklużi fil-programm u tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni li tiċċertifika li:

l-informazzjoni fornuta hija sħiħa, affidabbli u vera;

l-ispejjeż iddikjarati huma eliġibbli skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1829;

l-ispejjeż jistgħu jiġu sostanzjati b'rekords adegwati u dokumentazzjoni ta' sostenn li jingħataw meta jintalbu jew fil-kuntest tal-verifiki stipulati f'dan ir-Regolament;

(b)

ċertifikat dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji minn awditur estern approvat mill-organizzazzjoni proponenti, meta l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż reali tal-programm tkun EUR 750 000 jew aktar, u meta l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-ispejjeż reali mitluba permezz ta' pagament interim tkun EUR 325 000 jew aktar. Iċ-ċertifikat għandu jipprovdi evidenza tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż proposti b'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1829 u b'konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 12(2) ta' dan ir-Regolament;

(c)

kopji tal-fatturi u tad-dokumenti ta' sostenn relevanti li juru l-eliġibbiltà tal-ispejjeż meta ċ-ċertifikat imsemmi fil-punt (b) mhux meħtieġa.

4.   Ir-rapport tekniku perjodiku msemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi:

(a)

kopji ta' kull materjal u elementi viżwali użati li jkun għadhom ma ngħatawx lill-Istat Membru;

(b)

deskrizzjoni tal-attivitajiet imwettqa fil-perjodu li l-pagament interim għandu x'jaqsam miegħu, u din għandha tuża l-indikaturi tal-kisbiet u tar-riżultati tal-programm msemmija fl-Artikolu 22; u

(c)

ġustifikazzjoni għal xi differenza bejn l-attivitajiet pjanati fil-programm u l-produzzjoni u r-riżultati mistennija tagħhom, u dawk li fil-fatt ikunu twettqu jew inkisbu.

Artikolu 15

L-applikazzjoni għall-pagament tal-bilanċ

1.   It-talba għallpagament tal-bilanċ għandha tagħmilha l-organizzazzjoni proponenti lill-Istat Membru fi żmien 90 jum minn meta jitlesta l-programm kopert mill-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 10.

2.   L-applikazzjoni għandha titqies ammissibbli jekk tkun akkumpanjata minn rapport interim, rapport finali u studju li jevalwa r-riżultati tal-miżuri promozzjonali u informattivi.

3.   L-aħħar rapport interim imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jikkonċerna l-aħħar sena ta' implimentazzjoni tal-programm. Fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom, l-organizzazzjonijiet proponenti għandhom jiċċertifikaw li jkunu ġew iddikjarati l-irċevuti kollha.

4.   Ir-rapport finali msemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi:

(a)

rapport finanzjarju finali li jkun fih dikjarazzjoni finanzjarja sommarja finali, imfassal mill-organizzazzjoni proponenti, li jikkonsolida d-dikjarazzjonijiet finanzjarji għal kull pagament interim u li juri n-nefqa kollha mġarrba;

(b)

rapport tekniku finali jkun fih:

(i)

ħarsa ġenerali tal-attivitajiet imwettqa u l-kisbiet u r-riżultati tal-programm bl-użu tal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 22; u

(ii)

sommarju għall-pubblikazzjoni.

5.   L-istudju li jivvaluta r-riżultati tal-miżuri promozzjonali u informattivi msemmija fil-paragrafu 2 għandu jagħmlu korp estern indipendenti. Dak il-korp għandu juża l-indikaturi msemmija fl-Artikolu 22.

Artikolu 16

Il-pagamenti mingħand l-Istat Membru

1.   F'daqqa, il-pagamenti interim u l-pagamenti tal-avvanzi msemmija fl-Artikoli 13 u 14 ma għandhomx jaqbżu d-90 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja totali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014.

2.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-pagamenti msemmija fl-Artikoli 14 u 15 fi żmien 60 jum minn meta jirċievu l-applikazzjoni għal pagament bil-kundizzjoni li jkunu twettqu l-verifiki kollha skont dan ir-Regolament.

3.   Jekk ikun hemm bżonn aktar verifiki fuq il-post jew amministrattivi li jissemmew fl-Artikoli 19 u 20, l-Istat Membru jista' jestendi l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 2billi jinnotifika lill-organizzazzjoni proponenti.

Artikolu 17

Iċ-ċaħda tal-ispejjeż ineliġibbli u l-irkupru tal-pagamenti mhux dovuti

1.   Meta jsir pagament interim jew pagament finali jew meta jkunu diġà saru dawn il-pagamenti, l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw l-ispejjeż li ma jitqisux eliġibbli, b'mod partikolari wara li jkunu saru l-verifiki kif previst f'dan ir-Regolament.

2.   L-organizzazzjoni proponenti għandha tħallas lura kull pagament mhux dovut skont it-Taqsima 1 tal-Kapitolu III tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 (11).

Għandha tapplika r-rata tal-imgħax stabbilita fl-Artikolu 83(2)(b) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (12).

TAQSIMA 2

Il-kontroll tal-implimentazzjoni tal-programmi u n-notifiki tal-Istati Membri

Artikolu 18

Il-verifiki tal-proċedura tal-għażla tal-korpi ta' implimentazzjoni

Qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-korpi ta' implimentazzjoni jkunu ntgħażlu skont il-proċedura kompetittiva prevista fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1829.

Artikolu 19

Il-verifiki amministrattivi tal-programmi sempliċi

1.   Waqt il-verifiki amministrattivi, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw b'mod sistematiku l-applikazzjonijiet għal pagament, b'mod partikolari r-rapporti li jakkumpanjaw l-applikazzjonijiet u l-eliġibbiltà tal-ispejjeż skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1829.

2.   L-Istati Membri għandhom jitolbu kull informazzjoni oħra li tkun meqjusa meħtieġa u, jekk ikun xieraq, iwettqu aktar verifiki, b'mod partikolari meta:

(a)

ir-rapporti mitluba ma jkunux tressqu jew mhumiex sħaħ;

(b)

l-eżami amministrattiv taċ-ċertifikat dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji ma jkunx jagħti evidenza adegwata dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1829 u dwar il-konformità mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 12(2) ta' dan ir-Regolament; jew

(c)

ikun hemm dubju dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż iddikjarati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji.

Artikolu 20

Il-verifiki fuq il-post tal-programmi sempliċi

1.   L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-applikazzjonijiet għal pagament li jkunu jridu jiġu verifikati b'analiżi tar-riskju.

L-għażla għandha ssir b'tali mod li jkun żgurat li kull programm sempliċi jkun soġġett għal verifiki fuq il-post mill-inqas darba matul l-implimentazzjoni tiegħu bejn l-ewwel pagament interim u l-pagament tal-bilanċ.

2.   Il-verifiki fuq il-post jinkludu verifiki tekniċi u tal-kontabbiltà fil-bini tal-organizzazzjoni proponenti u, jekk ikun il-każ, tal-korp ta' implimentazzjoni. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li:

(a)

l-informazzjoni u d-dokumenti ppreżentati jkunu preċiżi;

(b)

l-ispejjeż ġew iddikjarati skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Delega (UE) 2015/1829 u l-Artikolu 12(2) ta' dan ir-Regolament;

(c)

ikunu ġew ssosidati l-obbligi kollha stipulati fil-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 10;

(d)

ikun hemm konformità mal-Artikoli 10 u 15 tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014.

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 (13), l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni mal-ewwel opportunità b'kull irregolarità mikxufa waqt il-verifiki.

Il-verifiki fuq il-post jistgħu jkunu limitati għal kampjun li jkun ikopri mill-inqas 30 % tal-ispejjeż eliġibbli. Dan il-kampjun għandu jkun affidabbli u rappreżentattiv.

Meta jinstab xi nuqqas ta' konformità, l-Istat Membru għandu jeżamina d-dokumenti kollha relatati mal-ispejjeż iddikjarati jew inkella għandhom jiġu estrapolati r-riżultati tal-kampjun.

3.   L-Istati Membri għandhom ifasslu rapport li jkopri kull verifika fuq il-post. Dak ir-rapport għandu jispeċifika b'mod ċar il-kamp ta' applikazzjoni u r-riżultati tal-verifiki mwettqa.

Artikolu 21

In-notifiki lill-Kummissjoni dwar il-programmi sempliċi

1.   Għal kull pagament li jsir għall-programmi sempliċi, sal-15 ta' Lulju ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar din id-dejta li tkun tkopri s-sena kalendarja preċedenti b'rabta ma':

(a)

l-eżekuzzjoni finanzjarja u l-indikaturi tal-kisbiet kif imsemmija fl- Artikolu 22;

(b)

l-impatt tal-programmi vvalutati bl-użu tas-sistema tal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 22;

(c)

ir-riżultati tal-verifiki amministrattivi u tal-verifiki fuq il-post imwettqa skont l-Artikoli 19 u 20.

2.   Din in-notifika għandha ssir b'mezzi elettroniċi, billi jintużaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trasferiment tad-dejta magħmula disponibbli mill-Kummissjoni.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Is-Sistema tal-indikaturi għall-valutazzjoni tal-impatt tal-programmi ta' informazzjoni u promozzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-valutazzjoni tal-impatt tal-programmi ta' informazzjoni u promozzjoni msejsa fuq sistema ta' indikaturi. Din is-sistema għandha tinkludi dawn it-tliet settijiet ta' indikaturi tal-prestazzjoni: indikaturi tal-kisbiet, tar-riżultati u tal-impatt.

(a)

L-indikaturi tal-kisbiet għandhom ikejlu sa fejn tkun waslet l-implimentazzjoni tal-attivitajiet previsti f'kull programm.

(b)

L-indikaturi tar-riżultati għandhom ikejlu l-effetti diretti u immedjati ta' dawn l-attivitajiet.

(c)

L-indikaturi tal-impatt għandhom ikejlu l-benefiċċji lil hinn mill-effetti immedjati.

2.   Kull proposta għal programm ta' informazzjoni u promozzjoni ppreżentata mill-organizzazzjoni proponenti lill-Kummissjoni għandha tispeċifika liema indikaturi minn kull sett ta' indikaturi ta' prestazzjoni se jintużaw għall-valutazzjoni tal-impatt ta' dak il-programm. Meta jkun rilevanti, l-organizzazzjoni proponenti għandha tuża l-indikaturi stipulati fl-Anness, jew xi indikaturi oħra jekk tkun tista' juri li minħabba n-natura tal-programm ikkonċernat dawk l-indikaturi huma aktar xierqa.

Artikolu 23

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Diċembru 2015 għall-proposti ta' programmi mressqa mill-1 ta' Diċembru 2015 'il quddiem.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 317, 4.11.2014, p. 56.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 tas-17 ta' Diċembru 2007 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (ĠU L 3, 5.1.2008, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 501/2008 tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar termini u kundizzjonijiet ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 rigward azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (ĠU L 147, 6.6.2008, p. 3).

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1829 tat-23 ta' April 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi (ara l-paġna 3 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 179/2014 tas-6 ta' Novembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ir-reġistru tal-operaturi, l-ammont tal-għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti barra r-reġjun, il-logo, l-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni għal ċerti annimali bovini u l-iffinanzjar ta' ċerti miżuri relatati ma' miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 63, 4.3.2014, p. 3).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, 8.11.2008, p. 25).

(10)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).

(11)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta' Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta' kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 59).

(12)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(13)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1848/2006 tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru ta' somom ta' flus imħallsa bi żball b'konnessjoni mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni kif ukoll l-organizzazzjoni ta' sistema ta' informazzjoni f'dan il-qasam u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 595/91 (ĠU L 355, 15.12.2006, p. 56).


ANNESS

Lista ta' indikaturi għall-valutazzjoni tal-impatt tal-programmi ta' informazzjoni u promozzjoni msemmija fl-Artikolu 22

Is-sistema tal-indikaturi relatati mal-azzjonijiet li jagħmlu l-organizzazzjonijiet proponenti fil-programmi ta' informazzjoni u promozzjoni mhux bilfors tolqot kull fattur li jaf jintervjeni u jaffettwa l-kisbiet, ir-riżultati u l-impatti ta' programm operattiv. F'dan il-kuntest, l-informazzjoni provduta mill-indikaturi għandha tkun interpretata skont l-informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva li tirrigwarda fatturi ewlenin oħra li jikkontribwixxu għas-suċċess jew għall-falliment tal-implimentazzjoni tal-programm.

1.

L-indikaturi tal-kisbiet jinkludu, pereżempju:

l-għadd tal-avvenimenti organizzati;

l-għadd tar-reklami li jixxandru fuq it-televiżjoni/ir-radju jew li jiġu ippubblikati fl-istampa jew onlajn;

l-għadd tal-istqarrijiet għall-istampa;

id-daqs tal-grupp immirat minn attivitajiet speċifiċi (pereżempju l-għadd ta' professjonisti li lilhom intbagħtet korrispondenza diretta);

l-għadd tal-abbonati fil-bulettini bl-e-Mail.

2.

L-indikaturi tar-riżultati jinkludu, pereżempju:

l-għadd ta' professjonisti/esperti/importaturi/konsumaturi li pparteċipaw f'avvenimenti (bħal seminars, gruppi ta' ħidma, avvenimenti ta' tidwiq, eċċ.);

l-għadd ta' professjonisti/esperti/importaturi/konsumaturi li ntlaħqu bir-reklami tat-televiżjoni/radju/stampati jew onlajn;

l-għadd ta' professjonisti/esperti/importaturi/konsumaturi li pparteċipaw f'avvenimenti u rrikorrew għand l-organizzazzjonijiet tal-produtturi/il-produtturi;

l-għadd ta' artikli ppubblikati bla ħlas fl-istampa matul il-perjodu kopert mir-rapport tal-kampanja ta' informazzjoni;

l-għadd ta' viżitaturi fis-sit web jew likes fis-sit tal-Facebook tagħhom;

il-valur tal-materjal tal-midja.

3.

L-indikaturi tal-impatt jinkludu, pereżempju:

ix-xejriet tal-bejgħ tas-settur fis-sena wara l-kampanji ta' promozzjoni fir-reġjun fejn seħħew meta mqabbla mas-sena preċedenti u meta mqabbla max-xejriet ġenerali tal-bejgħ fis-suq inkwistjoni;

ix-xejriet tal-konsum tal-prodott f'dak il-pajjiż;

il-valur u l-volum tal-esportazzjonijiet tal-Unjoni tal-prodott promoss;

il-bidla fis-sehem mis-suq tal-prodotti tal-Unjoni;

ix-xejra fil-prezz medju tal-bejgħ tal-prodott esportat fil-pajjiż fejn seħħew il-kampanji;

il-bidla fil-livell ta' rikonoxximent tal-logos tal-iskemi ta' kwalità tal-Unjoni;

il-bidla fir-reputazzjoni tal-prodotti ta' kwalità tal-Unjoni;

iż-żieda fl-għarfien tal-valuri intrinsiċi/merti oħra tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni kif elenkati fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament (UE) Nru 1144/2014;

iż-żieda fil-fiduċja tal-konsumaturi wara l-implimentazzjoni tal-programm;

ir-redditu fuq l-investiment (ROI).


Top