EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0941

Regolament (UE) 2015/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2015 fuq ċerti proċeduri għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq naħa, u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra (kodifikazzjoni)

ĠU L 160, 25.6.2015, p. 76–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/941/oj

25.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/76


REGOLAMENT (UE) 2015/941 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta' Ġunju 2015

fuq ċerti proċeduri għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq naħa, u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 153/2002 (2) ġie emendat kemm-il darba b'mod sostanzjali (3). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq naħa, u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq l-oħra (4) (“FSA”), kien iffirmat fil-Lussemburgu fid-9 ta' April 2001 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2004.

(3)

Jeħtieġ li jkunu preskritti proċeduri biex jiġu applikati ċerti dispożizzjonijiet tal-FSA.

(4)

L-FSA jistipula li ċerti prodotti li joriġinaw mill-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jistgħu jkunu importati ġewwa l-Unjoni, b'dazju doganali mnaqqas, fil-limiti tal-kwoti tat-tariffi. Huwa għalhekk meħtieġ li jkunu preskritti dispożizzjonijiet għall-kalkolu tar-rati mnaqqsa tad-dazji doganali.

(5)

L-FSA jispeċifika l-prodotti eliġibbli għal dawk il-miżuri tat-tariffa, il- volumi rilevanti (u żidiet tagħhom), id-dazji applikabbli, il-perjodi ta' applikazzjoni u kull kriterju ta' eliġibilità.

(6)

Fl-interess tas-sempliċità u tal-pubblikazzjoni fiż-żmien tar-Regolamenti li jimplimentaw il-kwoti tat-tariffa tal-Unjoni, għandha ssir dispożizzjoni għall-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat stabbilit mill- Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għall-adozzjoni tar-Regolamenti li jiftħu u jipprovdu għall-amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffa għall-prodotti tal-“vitella”.

(7)

Għandha ssir dispożizzjoni għall-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat stabbilita mill-Artikolu 285 tar- Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), biex ikunu adottati Regolamenti li jiftħu u jipprovdu għall-amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffa li jistgħu jingħataw bħala riżultat ta' negozjati fuq konċessjonijiet oħra tariffarji bis-saħħa tal-Artikolu 29 tal-FSA.

(8)

Id-dazji għandhom ikunu sospiżi għal kollox fejn it-trattament preferenzali jirriżulta f'dazji ad valorem ta' 1 % jew anqas jew f'dazji speċifiċi ta' EUR 1 jew anqas.

(9)

L-implimentazzjoni tal-klawżoli bilaterali ta' salvagwardja tal-FSA titlob kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja u miżuri oħrajn. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(10)

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li japplikaw immedjatament fejn, f'każijiet ġustifikati kif mistħoqq relatati ma' ċirkostanzi eċċezzjonali u kritiċi li joriġinaw fit-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 37(4) u l-Artikolu 38(4) tal-FSA, jekk raġunijiet imperattivi urġenti jeħtieġu dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi ċerti proċeduri għall-adozzjoni ta' regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq naħa, u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq l-oħra, u għall-applikazzjoni tal-Ftehim Proviżorju bejn il-Komunità Ewropea u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FSA).

Artikolu 2

Konċessjonijiet fuq il-vitella

Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 27(2) tal-FSA, dwar il-kwota tat-tariffi għall-prodotti tal-“vitella” għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(4) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Konċessjonijiet oħra

Jekk jingħataw konċessjonijiet oħra għall-prodotti tas-sajd fil-kwoti tat-tariffa, bis-saħħa tal-Artikolu 29 tal-FSA, regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dawk il-kwoti tat-tariffa għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(4) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Tnaqqis tat-tariffa

1.   Soġġett għall-paragrafu 2, għandhom ikunu arrotondonditi sal-ewwel post deċimali r-rati preferenzali tad-dazju.

2.   Meta r-riżultat tal-kalkolu tar-rata ta' dazju preferenzali skont il-paragrafu 1 huwa wieħed minn dawn li ġejjin, ir-rata preferenzali għandha tkun ikkonsidrata bħala eżenzjoni sħiħa:

(a)

1 % jew anqas fil-każ ta' dazji ad valorem; jew

(b)

EUR 1 jew anqas kull ammont individwali fil-każ ta' dmirijiet speċifiċi.

Artikolu 5

Adattamenti tekniċi

L-emendi u l-adattamenti tekniċi għar-regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni adottati skont dan ir-Regolament, li huma meħtieġa wara t-tibdiliet għall-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda u s-subdiviżjonijiet TARIC jew li joħorġu mill-konklużjoni ta' ftehimiet, protokolli, skambji ta' ittri jew atti oħra ġodda bejn l-Unjoni u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, għandhom ikunu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(4).

Artikolu 6

Klawżola ta' protezzjoni ġenerali u klawżola ta' nuqqas

1.   Fejn Stat Membru jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri kif provdut fl-Artikoli 37 u 38 tal-FSA, għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, bħala sostenn għat-talba tiegħu, bl-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġġustifikaha.

2.   Fejn il-Kummissjoni, fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, issib li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 37 u 38 tal-FSA huma mwettqa, għandha:

(a)

tinforma lill-Istati Membri mal-ewwel jekk tkun qiegħda taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess jew, jekk qiegħda tirrispondi għal talba li għamel Stat Membru, fi żmien ħamest ijiem mid-data tal-irċevuta ta' dik it-talba,

(b)

tikkonsulta lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12(3) ta' dan ir-Regolament dwar il-miżuri proposti,

(c)

fl-istess ħin tinforma lill-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tinnotifikaha bil-ftuħ tal-konsultazzjonijiet fil-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kif provdut fl-Artikolu 37(4) u l-Artikolu 38(3) tal- FSA,

(d)

fl-istess ħin tipprovdi lill-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-konsultazzjonijiet msemmija fil-punt (c).

3.   Malli jitlestew il-konsultazzjonijiet imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2, u jekk ebda arranġament ieħor ma jkun possibbli, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(4) ta' dan ir-Regolament jew li ma taġixxix jew li tadotta l-miżuri adatti previsti fl-Artikoli 37 u 38 tal-FSA.

Dik id-Deciżjoni għandha tkun innotifikata mill-ewwel lill-Kunsill u lill-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Dik id-Deciżjoni għandha tkun applikata immedjatament.

4.   Il-konsultazzjonijiet fil-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 għandhom ikunu meqjusa li huma lesti 30 jum wara n-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 7

Ċirkostanzi eċċezzjonali u kritiċi

Fejn iseħħu ċirkostanzi eċċezzjonali u kritiċi fit-tifsira tal-punt (b) fil-Artikolu 37(4) u l-Artikolu 38(4) tal-FSA, il-Kummissjoni tista' tieħu miżuri immedjati kif stipulat fl-Artikoli 37 u 38 tal-FSA, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(4) ta' dan ir-Regolament, jew f'każijiet ta' urġenza, f'konformità mal-Artikolu 12(5) ta' dan ir-Regolament.

Jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn Stat Membru, hija għandha tieħu Deċiżjoni dwarha fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn meta tasal it-talba.

Artikolu 8

Klawżola ta' protezzjoni għal prodotti agrikoli u tas-sajd

Minkejja l-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7, miżuri neċessarji li jikkonċernaw prodotti tal-agrikoltura u s-sajd fuq il-bażi tal-Artikoli 30 jew 37 tal-FSA jew fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet fl-Annessi għall-FSA li jkopru dawk il-prodotti, kif ukoll tal-Protokoll 3 tiegħu, jistgħu jittieħdu skont proċeduri provduti bir-regoli relevanti li jistabbilixxu organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli jew swieq tas-sajd u prodotti tal-kultura tal-baħar, jew f'dispożizzjonijiet speċifiċi adottati skont l-Artikolu 352 tat-Trattat u applikabbli għal prodotti li jirriżultaw mill-proċessar ta' prodotti tal-agrikoltura u s-sajd, sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti skont l-Artikolu 30 tal-FSA jew l-Artikolu 37(3), (4) u (5) tal-FSA huma milħuqa.

Artikolu 9

Dumping

Fil-każ ta' prattika li hija responsabbli li tkun mogħtija applikazzjoni mill-Unjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 36(1) tal-FSA, l-introduzzjoni ta' miżuri kontra d-dumping għandhom ikunu miftehma fuqhom f'konformita' mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (8) u l-proċedura provduta fl-Artikolu 36(2) tal-FSA.

Artikolu 10

Kompetizzjoni

1.   Fil-każ ta' xi prattika li tkun tista' tiġġustifika l-applikazzjoni mill-Unjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 69 tal-FSA, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-każ, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' kwalunkwe Stat Membru, għandha tiddeċiedi jekk din il-prattika hix kompatibbli mal-FSA. Fejn meħtieġ għandha tadotta miżuri ta' salvagwardja f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(4) ta' dan ir-Regolament, minbarra fil-każi ta' għajnuna li għalihom japplika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (9), fejn għandhom jittieħdu miżuri f'konformità mal-proċeduri mniżżla f'dak ir-Regolament. Il-miżuri għandhom jittieħdu biss taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 69(5) tal-FSA.

2.   Fil-każ ta' prattika li tista' tikkawża li miżuri jkunu applikati lill-Unjoni mill-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fuq il-bażi tal-Artikolu 69 tal-FSA, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-każ, għandha tiddeciedi jekk tali prassi hija kompattibbli mal-prinċipji stabbiliti fl-FSA. Fejn neċessarju, għandha tieħu deciżjonijiet xierqa fuq il-bażi ta' kriterji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101, 102 u 107 tat-Trattat.

Artikolu 11

Frodi jew nuqqas ta' provvista ta' koperazzjoni amministrattiva

1.   Għall-għanijiet ta' interpretazzjoni tal-Artikolu 42 tal-FSA, nuqqas li tkun provduta koperazzjoni amministrattiva kif meħtieġa għall-verifika ta' prova ta' oriġini għandha tfisser, inter alia:

(a)

in-nuqqas ta' koperazzjoni amministrattiva, bħal nuqqas li jkunu provduti ismijiet u indirizzi ta' awtoritajiet tad-dwana jew tal-gvern responsabbli għall-ħruġ u verifiki ta' ċertifikati ta' oriġini, jew kampjuni ta' timbri użati li jawtentikaw iċ-ċertifikati, jew in-nuqqas li tkun aġġornata informazzjoni fejn adegwat;

(b)

nuqqas ripetut jew nuqqas ta' azzjoni fil-verifika tal-istat ta' oriġini ta' prodotti u t-twettiq tal-ħtiġiet l-oħra tal-Protokoll 4 tal-FSA u l-identifikazzjoni jew nuqqas ta' kontravenzjoni tar-regoli ta' oriġini;

(c)

rifjut ripetut li jesegwixxu, jew dewmien bla meħtieġ li jesegwixxu, fuq talba tal-Kummissjoni, verifika sussegwenti tal-prova ta' oriġini u li jikkommunikaw ir-riżultati tagħha fil-ħin;

(d)

rifjut ripetut jew dewmien bla meħtieġ, li tkun miġjuba l-awtorizzazzjoni sabiex ikunu imwettqa l-missjonijiet ta' koperazzjoni amministrattivi u investigattivi fl-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, sabiex tkun verifikata l-awtenticita' ta' dokumenti jew l-eżattezza ta' informazzjoni relevanti għall-għotja ta' trattament preferenzjali mogħti taħt l-FSA jew li jkun esegweit, jew irranġat għall-inkjesti xierqa sabiex ikunu iddentifikati kew imbegħda kontravenzjonijiet tar-regoli ta' oriġini;

(e)

nuqqas ripetut ta' konformita' mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 5 tal-FSA dwar l-għajnuna amministrattiva komuni f'materji ta' dwana sakemm huwa relevanti għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tan-negozju tal-FSA.

2.   Fejn il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' informazzjoni provduta minn Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, issib li l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 42 tal-FSA huma mwettqa għandha:

(a)

tinforma lill-Kunsill,

(b)

tidħol immedjatament f'konsultazzjonijiet mal-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja sabiex issib soluzzjoni adegwata kif provdut fl-Artikolu 42 tal-FSA.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista':

(a)

issejjaħ lill-Istati Membri sabiex jieħdu tali miżuri ta' kawtela kif huma neċessarji sabiex jipproteġġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(b)

tippubblika avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jistqarr li hemm bażijiet għal dubji raġonevoli dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 42 tal-FSA.

3.   Sa ma tintlaħaq soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewġ naħat fil-konsultazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista' tieħu deċiżjoni dwar miżuri oħra xierqa li hi tqis neċessarji f'konformità mal-Artikolu 42 tal-FSA, kif ukoll skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 12(4) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Proċedura ta' kumitat

1.   Għall-fini tal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament il-Kummissjoni għandha tkun assista mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit mill-Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Għall-fini tal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regoalment, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta' Kodiċi Doganali stabbilit mill-Artikolu 285 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Għall-fini tal-Artikoli 6, 7, 10 u 11 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit mill-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

5.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 13

Notifika

Notifika lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, rispettivament, kif meħtieġ mill-FSA, għandha tkun ir-responsabbilità tal-Kummissjoni, li taġixxi f'isem l-Unjoni.

Artikolu 14

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 153/2002 huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal- Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, id-9 ta' Ġunju 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 (għadha mhijex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2015.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 153/2002 tal-21 ta' Jannar 2002 fuq ċerti proċeduri għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri, fuq naħa, u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq l-oħra, u għall-applikazzjoni tal-Ftehim Proviżorju bejn il-Komunità Ewropea u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (ĠU L 25, 29.1.2002, p. 16).

(3)  Ara l-Anness I.

(4)  ĠU L 84, 20.3.2004, p. 13.

(5)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(6)  Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(9)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93).

(10)  Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).


ANNESS I

Regolament imħassar flimkien ma' lista tal-emendi suċċessivi tiegħu

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 153/2002

(ĠU L 25, 29.1.2002, p. 16)

 

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2003

(ĠU L 1, 4.1.2003, p. 30)

 

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

il-punt 8 biss tal-Anness


ANNESS II

Tabella ta' Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 153/2002

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 6

Artikolu 4

Artikolu 7

Artikolu 5

Artikolu 7a(1)

Artikolu 6(1)

Artikolu 7a(5), kliem introduttorju

Artikolu 6(2), kliem introduttorju

Artikolu 7a(5), l-ewwel inċiż

Artikolu 6(2)(a)

Artikolu 7a(5), it-tieni inċiż

Artikolu 6(2)(b)

Artikolu 7a(5), it-tielet inċiż

Artikolu 6(2)(c)

Artikolu 7a(5), ir-rabà inċiż

Artikolu 6(2)(d)

Artikolu 7a(6)

Artikolu 6(3)

Artikolu 7a(10)

Artikolu 6(4)

Artikolu 7b

Artikolu 7

Artikolu 7c

Artikolu 8

Artikolu 7d

Artikolu 9

Artikolu 7e

Artikolu 10

Artikolu 7f(1), kliem introduttorju

Artikolu 11(1), kliem introduttorju

Artikolu 7f(1), l-ewwel inċiż

Artikolu 11(1)(a)

Artikolu 7f(1), it-tieni inċiż

Artikolu 11(1)(b)

Artikolu 7f(1), it-tielet inċiż

Artikolu 11(1)(c)

Artikolu 7f(1), ir-raba' inċiż

Artikolu 11(1)(d)

Artikolu 7f(1), il-ħames inċiż

Artikolu 11(1)(e)

Artikolu 7f(2), l-ewwel subparagrafu, kliem introduttorju

Artikolu 11(2), l-ewwel subparagrafu, kliem introduttorju

Artikolu 7f(2), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 11(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

Artikolu 7f(2), l-ewwel subparagrafu, it-tieni nċiż

Artikolu 11(2), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

Artikolu 7f(2), it-tieni subparagrafu, kliem introduttorju

Artikolu 11(2), it-tieni subparagrafu, kliem introduttorju

Artikolu 7f(2), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 11(2), it-tieni subparagrafu, punt (a)

Artikolu 7f(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 11(2), it-tieni subparagrafu, punt (b)

Artikolu 7f(3)

Artikolu 11(3)

Artikolu 7fa

Artikolu 12

Artikolu 7g

Artikolu 13

__

Artikolu 14

Artikolu 8

Artikolu 15

__

Anness I

__

Anness II


Top