EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015H0818(20)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2015 fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Lussemburgu għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Lussemburgu tal-2015

ĠU C 272, 18.8.2015, p. 73–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/73


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Lulju 2015

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Lussemburgu għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Lussemburgu tal-2015

(2015/C 272/19)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fl-14 ta' Lulju 2015, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (2). Flimkien dawn jagħmlu l-'linji gwida integrati' li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Lussemburgu għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat tal-Lussemburgu għall-2014. Fit-28 ta' Novembru 2014, skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Lussemburgu għall-2015.

(4)

Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih il-Lussemburgu ma ġiex identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond.

(5)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiġi stimulat l-investiment, biex b'hekk kienu msaħħa r-riformi strutturali u titkompla t-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)

Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għal-Lussemburgu. Dan ivvaluta l-progress li għamel il-Lussemburgu fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta' Lulju 2014.

(7)

Fit-30 ta' April 2015, il-Lussemburgu ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tiegħu tal-2015 u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2015 tiegħu. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)

Bħalissal-Lussemburgu qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu għall-2015, il-Gvern qed jippjana li jnaqqas is-surplus nominali minn 0,6 % tal-PDG fl-2014 għal 0,1 % tal-PDG fl-2015. Minn hemm 'il quddiem, huwa ppjanat li dan jerġa' jogħla għal 0,9 % tal-PDG fl-2018. Il-Gvern qed jippjana li jibqa' fuq l-objettiv ta' terminu medju — surplus strutturali ta' 0,5 % tal-PDG — matul il-perjodu tal-programm. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-Gvern qed jippjana li jżomm il-proporzjon tad-dejn għall-PDG ferm anqas mill-valur referenzjarju ta' 60 % tat-Trattat. Il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkun qrib l-24 % matul il-perjodu tal-programm, waqt li jilħaq l-ogħla punt ftit 'il fuq minn 24 % fl-2016 u jonqos għal taħt l-24 % tal-PDG sal-2019. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa favorevoli fl-2015 u plawżibbli minn hemm 'il quddiem. Madankollu, mill-2016 'il quddiem hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-miżuri baġitarji. It-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015 jipprevedi li l-bilanċ strutturali se jibqa' fuq l-objettiv ta' terminu medju fl-2015 u l-2016. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-Kunsill hu tal-opinjoni li l-Lussemburgu hu mistenni jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-qafas fiskali tal-Lussemburgu, issaħħaħ b'mod sinifikanti bl-adozzjoni ta' qafas baġitarju ta' terminu medju u t-twaqqif tal-kunsill fiskali. Madankollu, dgħufijiet sinifikanti għandhom jiġu indirizzati f'termini tal-pubblikazzjoni regolari ta' statistika li jkun hemm matul is-sena fiskali, li huwa element essenzjali għal monitoraġġ f'ħin reali ta' żviluppi baġitarji.

(9)

It-tnaqqis mistenni fid-dħul mit-taxxa fuq il-konsum minħabba l-bidla fir-regolamentazzjoni relatata mal-kummerċ elettroniku jenfasizza l-fraġilità ta' mill-inqas parti waħda tad-dħul fiskali. Biex tiġi żgurata aħjar il-prevedibbiltà tagħhom, hemm lok għal aktar twessigħ tal-bażi tat-taxxa u armonizzazzjoni tat-tassazzjoni, b'mod partikolari billi terġa' tkun ikkunsidrata t-tassazzjoni fuq il-proprjetà għall-abitazzjoni li bħalissa hija baxxa, u billi jsir aktar użu ta' sorsi alternattivi, inkluż it-tassazzjoni ambjentali. Ġie varat xogħol ta' tħejjija fuq riforma komprensiva tat-taxxi (għad-dħul fis-seħħ fl-2017).

(10)

Is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi hija mhedda miż-żieda fin-nefqa tal-pensjoni, minkejja riforma riċenti tas-sistema, u miż-żieda kostanti fin-nefqa fuq il-kura fit-tul. L-assigurazzjoni għall-kura fit-tul mistennija li tagħmel defiċit fl-2015 (6) u r-riżervi tagħha huma mistennija li jonqsu gradwalment b'tali mod li fl 2017 diġà se jaqgħu taħt il-minimu legali ta' 10 % tal-ispejjeż. Xi miżuri b'potenzjal għall-iffrankar kienu adottati fil-baġit tal-2015 (7). Madankollu, ir-riforma ppjanata għall-assigurazzjoni għall-kura fit-tul, li għandha l-għan li tipprovdi lin-nies fil-bżonn ta' kura fit-tul b'livell adegwat ta' servizzi u li tiżgura l-finanzjament korrispondenti, għadha ma ġietx tradotta f'leġiżlazzjoni. Ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet tal-2012 ma kinitx ambizzjuża biżżejjed, peress li hija indirizzat parzjalment biss id-distakk kbir bejn l-età statutorja tal-irtirar u dik effettiva. Għadhom jeżistu għadd ta' possibilitajiet għall-irtirar bikri. Il-parteċipazzjoni ta' ħaddiema aktar avvanzati fl-età fis-suq tax-xogħol għadha baxxa ħafna meta mqabbla ma' Stati Membri oħra. Tħejja abbozz ta' leġiżlazzjoni marbuta mar-riforma tal-pensjonijiet u li temenda l-Kodiċi tax-Xogħol (il-Patt dwar l-Età). Dan jinkludi pakkett ta' miżuri li għandu l-għan li jżomm ħaddiema aktar avvanzati fl-età fl-impjiegi.

(11)

L-ekonomija tal-Lussemburgu hija kkaratterizzata minn ammont imdaqqas ta' diverġenza fil-produttività tax-xogħol fis-setturi ekonomiċi, bil-produttività fis-settur finanzjarju li hija darbtejn ogħla minn dik f'setturi mhux finanzjarji. Dan jimplika li varjazzjoni akbar fil-pagi settorjali reali, skont il-produttività tax-xogħol settorjali, tista' tappoġġa r-riallokazzjoni tal-ħaddiema lejn setturi kompetittivi emerġenti jew setturi li qegħdin ibatu minn telf fil-kompetittività fil-kost. Għad hemm ostakli għall-aġġustamenti neċessarji tal-pagi settorjali meħtieġa fuq medda twila ta' żmien.

(12)

Minkejja swieq tax-xogħol bi prestazzjoni ġeneralment tajba u rati għolja ta' kisbiet fl-edukazzjoni terzjarja, ir-rati tal-impjieg huma komparattivament baxxa għal ħaddiema avvanzati fl-età, nisa u żgħażagħ bi ftit kwalifiki. Għadhom jeżistu ostakli istituzzjonali għal politiki effettivi ta' attivazzjoni. Fis-servizz pubbliku tal-impjiegi, miexja 'l quddiem riforma importanti biex tipprovdi gwida individwali għal dawk li qed ifittxu x-xogħol, li l-Gvern beħsiebu jlesti sa tmiem l-2015. L-abbozz tar-riforma tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u r-riforma tal-iskola sekondarja biex jittejbu l-eżiti tal-edukazzjoni, b'mod partikolari għal dawk bi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat, ma ġewx adottati. Il-miżuri mħabbra dwar il-maternità u allowances għall-edukazzjoni u r-riforma ppjanata tal-liv tal-ġenituri jistgħu jkunu mistennija li jikkontribwixxu biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Diżinċentivi biex ikun hemm it-tieni sors ta' dħul irriżultaw mis-sistema ta' “tassazzjoni konġunta” u mit-tfassil tas-sistema tal-benefiċċji soċjali. Minkejja rati għolja ta' kisbiet fl-edukazzjoni terzjarja, l-eżiti tal-edukazzjoni għadhom mhux sodisfaċenti, u t-titjib tas-sitwazzjoni ta' persuni minn sfond ta' migranti u żgħażagħ bi ftit kwalifiki għadu diffiċli. L-isfidi tal-provvista tas-suq tax-xogħol relatati ma' fatturi istituzzjonali u mat-tfassil tas-sistema tal-benefiċċju soċjali jippersistu u huma s-sors ta' problemi fis-suq tax-xogħol.

(13)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Lussemburgu u ppublikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Lussemburgu fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Lussemburgu imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (3) hawn taħt.

(14)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u huwa tal-opinjoni (8) li l-Lussemburgu huwa konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(15)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro inġenerali. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro (9). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, il-Lussemburgu għandu jiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu jieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 biex:

1.

Iwessa' l-bażi tat-taxxa, b'mod partikolari fuq il-konsum, it-tassazzjoni fuq il-proprjetà rikorrenti u t-tassazzjoni ambjentali.

2.

Inaqqas id-distakk bejn l-età statutorja tal-irtirar u dik effettiva, billi jillimita l-irtirar bikri u billi jgħaqqad l-età statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor.

3.

Jirriforma s-sistema tal-iffissar tal-pagi, b'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u skont il-prassi nazzjonali, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-pagi jevolvu skont il-produttività, b'mod partikolari fil-livell settorjali.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Inżammu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Lussemburgu u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Lussemburgu, 2014 (ĠU C 247, 29.7.2014, p. 72).

(4)  Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

(5)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(6)  CNS, Budget de l'Assurance Dépendance, l-eżerċizzju tal-2015, disponibbli fuq http://cns.lu/files/publications/Budget_AD_2015.pdf.

(7)  Il-miżuri 255 u 256 tal-Baġit tal-2015, disponibbli fuq http://www.budget.public.lu/.

(8)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(9)  ĠU C 272, 18.8.2015, p. 98.


Top