Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015H0818(13)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2015 fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Irlanda għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Irlanda tal-2015

ĠU C 272, 18.8.2015, p. 42–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/42


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Lulju 2015

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Irlanda għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Irlanda tal-2015

(2015/C 272/12)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, bl-isem ta' Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fl-14 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (3). Flimkien dawn jagħmlu l-“linji gwida integrati” li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Irlanda għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat tal-Irlanda għall-2014. Fit-28 ta' Novembru 2014, skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Irlanda għall-2015.

(4)

Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih l-Irlanda ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond.

(5)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jitrawwem l-investiment, jissaħħu r-riformi strutturali u titkompla t-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)

Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għall-Irlanda. Dan ivvaluta l-progress li għamlet l-Irlanda fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta' Lulju 2014. Ir-rapport tal-pajjiż jinkludi wkoll ir-riżultati tar-rieżami fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Irlanda qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi, li jirrikjedu azzjoni politika deċiżiva u monitoraġġ speċifiku. B'mod partikolari, l-Irlanda temmet il-programm ta' assistenza finanzjarja UE-FMI fl-2013 u bħalissa hija soġġetta għal sorveljanza ta' wara l-programm u sorveljanza tas-Semestru Ewropew. Minkejja titjib notevoli fil-perspettiva ekonomika, xi riskji jkomplu jimmeritaw attenzjoni mill-qrib: il-livelli għoljin tad-dejn privat u tas-settur pubbliku; l-isfidi tas-settur finanzjarju li fadal, b'mod partikolari fir-rigward tal-profitabbiltà tal-banek; u l-aġġustament tas-suq tax-xogħol ikkaratterizzat minn qgħad strutturali għoli.

(7)

Fid-29 ta' April 2015, l-Irlanda ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2015 u, fit-30 ta' April 2015, il-Programm ta' Stabbiltà tal-2015 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)

Bħalissal-Irlanda qiegħda fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-programm ta' stabbiltà tiegħu tal-2015, il-Gvern qed jippjana li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2015, f'konformità mad-data ta' skadenza stabbilita mill-Kunsill. Minn hemm 'il quddiem, qed jippjana li jilħaq l-objettiv tat-terminu medju — baġit ibbilanċjat f'termini strutturali — sal-2019. Il-Gvern qed jippjana li gradwalment inaqqas id-defiċit nominali għal 2,3 % tal-PDG fl-2015 u għal 0,7 % tal-PDG fl-2019. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern huwa mistenni li jonqos minn 109,7 % fl-2014 għal 105,0 % tal-PDG fl-2015, u gradwalment għal 89,4 % tal-PDG fl-2019. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa favorevoli għall-2015 u plawżibbli għall-2016. Fuq il-bażi tal-previżjoni tar-Rebbiegħa tal-2015 tal-Kummissjoni, hija prevista korrezzjoni f'waqtha u fit-tul tad-defiċit eċċessiv sal-2015. L-isforz fiskali għall-2011-2015 huwa stmat li jkun taħt l-isforz rakkomandat, iżda l-ammont ta' miżuri diskrezzjonali meħuda taħt il-Programm u minn hemm 'il quddiem huwa konformi ma' dak li kien meħtieġ. Jekk wieħed jassumi korrezzjoni f'waqtha u li ddum tad-defiċit eċċessiv kif ippjanat, l-Irlanda se tkun suġġetta għall-parti preventiva tal-Patt fl-2016. Miżuri li jappoġġjaw il-miri ppjanati tad-defiċit u l-progress lejn l-objettiv ta' terminu medju mill-2016 'il quddiem għadhom ma ġewx speċifikati biżżejjed fid-dettall. Għalhekk, fid-dawl ta' dan it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2015 tal-Kummissjoni, jidher li hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv ta' terminu medju fl-2016 u li aktar miżuri se jkunu meħtieġa f'dik is-sena. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-Kunsill hu tal-opinjoni li hemm riskju li l-Irlanda ma tkunx tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(9)

Ir-riformi tat-taxxa kkontribwew għall-aġġustament fiskali, iżda għad hemm lok biex jitnaqqsu d-distorsjonijiet, tittejjeb l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa u jiżdied it-tkabbir tagħha u l-ħarsien tal-ambjent. It-tassazzjoni fuq il-proprjetà inbidlet f'taxxa rikorrenti, iżda l-bażi tat-taxxa għadha relattivament limitata hekk kif ċerti proprjetajiet mhux residenzjali baqgħu barra mix-xibka tat-taxxa. It-tassazzjoni fuq ix-xogħol hija nieqsa mis-sempliċità minħabba kontribuzzjonijiet soċjali kumplessi. Il-bażijiet tat-taxxa fuq il-konsum u t-taxxi ambjentali huma limitati minħabba rati mnaqqsa u eżenzjonijiet. Ir-rati ta' żero jew rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud jagħmluha inqas effiċjenti mill-medja tal-UE u ma jidher li hemm ebda evalwazzjoni sistematika ta' tali nefqiet tat-taxxa. Hemm spazju biex wieħed itejjeb l-effikaċja tal-istrumenti tat-taxxa ambjentali u jneħħi sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent. Bidliet riċenti fir-regoli ta' residenza tat-taxxa huma pożittivi, anki jekk l-effett tagħhom jista' jieħu ż-żmien biex jiġi vvalutat. Saru riformi maġġuri fil-qafas fiskali f'dawn l-aħħar snin. Regoli u proċeduri ġodda, b'mod partikolari l-qafas tan-nefqa fuq terminu medju ta' żmien, huma mistennija li jipprovdu protezzjoni kontra l-politika fiskali proċiklika u huma kruċjali għas-sostenibbiltà fiskali. Madankollu, skont ir-regoli attwali, il-Gvern għandu diskrezzjoni konsiderevoli biex ibiddel il-limiti massimi tan-nefqa lil hinn mill-kontinġenzi predefiniti, ħaġa li ddgħajjef il-pjanijiet baġitarji fuq perjodu ta' żmien medju.

(10)

In-nefqa pubblika fuq il-kura tas-saħħa hija relattivament għolja anke jekk l-indikaturi tal-istatus tal-qasam tas-saħħa tal-popolazzjoni b'mod ġenerali mhumiex aħjar milli fil-bqija tal-UE. Inkiseb titjib fl-effiċjenza f'dawn l-aħħar snin. Madankollu, is-sistema tas-saħħa teħtieġ riformi strutturali aktar profondi biex tillimita ż-żidiet mistennija fil-kostijiet u żżomm riżultati favorevoli fil-qasam tas-saħħa fid-dawl ta' popolazzjoni li qed tixjieħ. L-Irlanda għandha l-għan li tintroduċi skema ta' assigurazzjoni tas-saħħa universali b'livell wieħed f'perjodu ta' żmien medju u qed timplimenta riformi skont l-Istrateġija għas-Saħħa ġejjiena. Qed jiġu segwiti passi intermedji fl-introduzzjoni ta' assigurazzjoni tas-saħħa universali biex jiġu indirizzati wħud mill-isfidi urġenti u tittejjeb il-kosteffettività. L-introduzzjoni b'mod effettiv tal-għodod tas-saħħa elettroniċi, finanzjament ibbażat fuq l-attività u t-titjib tal-prattiki ta' preskrizzjoni għandhom potenzjal sinifikanti biex tiżdied il-kosteffettività. Fl-istess ħin, għad hemm potenzjal biex titnaqqas in-nefqa pubblika fuq il-farmaċewtiċi, b'mod partikolari mediċini li jkollhom privattiva, li huma ferm ogħla mill-medja tal-UE.

(11)

L-Irlanda għandha wieħed mill-ogħla proporzjonijiet ta' nies li jgħixu f'unitajiet domestiċi b'intensità baxxa ta' xogħol' fl-Unjoni. Din toħloq sfidi soċjali serji u żżid ir-riskju ta' faqar fost it-tfal. Peress li l-intensità baxxa tax-xogħol hija partikolarment gravi fost unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed, il-proporzjon ta' tfal li jgħixu f'unità domestika b'intensità baxxa ta' xogħol huwa kważi tliet darbiet aktar mill-medja tal-UE. Sar xi progress fl-indirizzar ta' sitwazzjonijiet ta' nases tal-inattività billi nbidlu l-mod kif jaħdmu xi ħlasijiet ta' assistenza soċjali. Madankollu, l-aċċess għall-kura tat-tfal full-time għadu limitat u għali, li huwa ostaklu għal nisa u familji b'ġenitur wieħed biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol.

(12)

Bl-ambjent makroekonomiku aktar b'saħħtu, is-sitwazzjoni ġenerali tal-SMEs tjiebet iżda għadhom iħabbtu wiċċhom ma' pożizzjonijiet finanzjarji kontrastanti ħafna; proporzjon relattivament żgħir għadu qed isofri minn kwistjonijiet ta' legat u qed jikkonċentra l-ħtiġijiet ta' diżingranġġ akbar tas-settur. Id-domanda għall-kreditu qed turi wkoll sinjali ta' rkupru. L-SMEs qed ikomplu jiddependu ħafna fuq il-finanzjament bankarju għall-investiment, u s-sorsi mhux bankarji tal-finanzi huma relattivament sottożviluppati. Hekk kif l-irkupru qed jaqbad ir-ritmu u d-domanda domestika qed tirkupra, il-limitazzjonijiet fil-forniment x'aktarx jiżdiedu sakemm il-kanali ta' kreditu jiġu rranġati b'mod adegwat u s-sorsi tal-finanzjament jiġu diversifikati; dan huwa kruċjali għall-investiment u l-prospetti ta' tkabbir. Ittieħdu inizjattivi ta' politika sinifikanti biex jappoġġjaw l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi u joffru prodotti ġodda li jdumu aktar fit-tul. Dawn jinkludu t-twaqqif ta' Strategic Banking Corporation of Ireland (SBCI), l-Ireland Strategic Investment Fund (ISIF) u skemi oħra. Madankollu, għalkemm għadhom fl-istadju tal-bidu, sa issa dawn l-iskemi għadhom ma qabdux ħafna u l-effettività u l-impatt tal-SBCI u l-ISIF jistgħu jiġu ġġudikati biss fid-dawl tal-esperjenza.

(13)

L-Irlanda għamlet progress tajjeb fir-ristrutturar, it-tnaqqis fid-daqs u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek domestiċi tagħha. Il-profili tal-finanzjament tal-banek irritornaw għan-normal u l-profittabbiltà qed tkompli titjieb. Madankollu, għad hemm sfidi kritiċi ta' legat. L-istokk għoli tas-self improduttiv qed jonqos biss bil-mod u għadu qed ikun ta' piż fuq il-kapaċità tal-banek biex jappoġġaw l-irkupru ekonomiku. Dawn is-selfiet irrappreżentaw 23,2 % tas-self totali fit-tliet banek domestiċi prinċipali fir-raba' kwart tal-2014, waħda mill-ogħla rati fl-Unjoni. Filwaqt li l-banek qed ikomplu jilħqu l-miri tagħhom ta' riżoluzzjoni tal-arretrati tas-self ipotekarju, l-arretrati tal-itwal terminu ta' żmien (aktar minn 720 jum) qed ikomplu telgħin u żdiedu għal 9,8 % tal-bilanċi totali tas-self fir-raba' kwart tal-2014. Qed isir progress fl-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet ta' ristrutturar sostenibbli; f'April, il-Bank Ċentrali tal-Irlanda esiġa li l-banek ikollhom soluzzjonijiet fis-seħħ għall-biċċa l-kbira ta' dawk li jissellfu sa tmiem l-2015. Madankollu, il-banek kienu jistrieħu b'mod sinifikanti fuq standard ta' metodi ta' awtodixxiplina li jinvolvu l-iskedar mill-ġdid tal-pagamenti prinċipali jew tal-imgħax minflok inaqqsu t-tnejn li huma. Il-banek ukoll għadhom jiddependu ħafna fuq proċeduri legali bħala mezz biex jikkonvinċu l-klijenti li jkollhom l-arretrati biex jimpenjaw ruħhom. L-introduzzjoni ppjanata ta' reġistru ċentrali tal-kreditu mxiet bil-mod anke jekk hi kruċjali biex tittejjeb is-superviżjoni, is-sottoskrizzjoni tal-kreditu u l-ġestjoni tar-riskju.

(14)

Is-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol tjiebet mill-2013 'l hawn, b'aktar ħolqien ta' impjiegi fis-settur privat u nżul kostanti fil-qgħad. Madankollu, ir-rata tal-qgħad għadha għolja u l-qgħad fuq perjodu twil ta' żmien jibqa' ta' inkwiet serju. Jeżisti r-riskju li xi qgħad ċikliku jista' jsir strutturali għaliex mal-ibbilanċjar tal-ekonomija xiref nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu ħafna ogħla milli fil-perjodu ta' qabel il-kriżi. Ir-riformi tal-attivazzjoni għamlu progress sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, iżda baqa' xi tħassib dwar l-effikaċja ta' politiki ta' attivazzjoni u programmi ta' taħriġ eżistenti, u l-kapaċità tas-servizzi tal-impjieg sabiex irendu fuq l-iskala meħtieġa. L-inizjattiva Job Path li tnediet dan l-aħħar hija żvilupp pożittiv; hemm bżonn li tiġi ttestjata l-effikaċja tagħha. Fil-passat, is-sistema tal-edukazzjoni avvanzata u ta' taħriġ ma kinitx effettiva biex tipproduċi t-tipi ta' ħiliet li kellha bżonn l-ekonomija bbilanċjata mill-ġdid, u kien biss reċentement li bdew ir-riformi.

(15)

Il-kostijiet għas-servizzi legali għadhom għolja u għad iridu jiġu aġġustati f'konformità ma' servizzi professjonali oħra. L-aġġustament huwa importanti, peress li s-servizzi legali huma input għas-setturi kollha tal-ekonomija u l-kost tagħhom għandu effett fuq il-kompetittività tal-Irlanda. Ir-riforma tal-qafas regolatorju għas-servizzi legali bil-għan li tiżdied il-kompetizzjoni u jitnaqqsu l-kostijiet hu proġett fit-tul li l-awtoritajiet huma impenjati għalih. Madankollu, il-Liġi dwar Regolament għas-Servizzi Legali, ippubblikata fl-2011, għadha ma ġietx adottata. Barra minn hekk, tnaqqis attwali fil-kostijiet jista' jinkiseb biss jekk it-tisħiħ tal-kompetizzjoni u d-dispożizzjonijiet tat-tnaqqis tal-kostijiet tal-qafas regolatorju ppjanat jiġu miżmuma u inkorporati fir-Regolamenti li għandhom jinħarġu mill-Awtorità Regolatorja tas-Servizz Legali li waslet biex tiġi stabbilita. Għalhekk, il-Kummissjoni ser tkompli timmonitorja l-progress f'dan il-qasam fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(16)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Irlanda u ppublikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm ta' Riforma Nazzjonali u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Irlanda fis-snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Irlanda imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) ta' hawn taħt.

(17)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) ta' hawn taħt.

(18)

Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (4) hawn taħt.

(19)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro inġenerali. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro (7). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, l-Irlanda għandha wkoll tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Irlanda tieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 biex:

1.

Tiżgura korrezzjoni fit-tul tad-defiċit eċċessiv fl-2015. Tikseb aġġustament fiskali ta' 0,6 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2016. Tuża l-qligħ mhux mistenni minn kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji li kienu aħjar milli kien mistenni biex jiġi aċċelerat it-tnaqqis tad-defiċit u t-tnaqqis tad-dejn. Tillimita s-setgħat diskrezzjonali eżistenti biex jinbidlu l-limiti massimi tan-nefqa lil hinn minn kontinġenzi speċifiċi u predefiniti. Twessa' l-bażi tat-taxxa u tirrieżamina n-nefqiet tat-taxxa, inkluż it-taxxi fuq il-valur miżjud.

2.

Tieħu miżuri biex iżżid il-kosteffettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa, inkluż billi tnaqqas in-nefqa fuq mediċini li jkollhom privattiva u timplimenta gradwalment il-prattiċi adegwati ta' preskrizzjoni. Tintroduċi finanzjament ibbażat fuq l-attività fis-sistema kollha tal-isptarijiet pubbliċi.

3.

Tieħu passi biex iżżid l-intensità tax-xogħol tal-unitajiet domestiċi u tindirizza r-riskju tal-faqar tat-tfal permezz tat-tnaqqis ta' kif jittieħdu l-benefiċċji u l-pagamenti supplimentari malli wieħed imur lura għall-impjieg u permezz ta' aċċess aħjar għal servizzi ta' kura tat-tfal fuq bażi full-time.

4.

Tiffinalizza soluzzjonijiet li jdumu ta' ristrutturar għal maġġoranza vasta ta' self ipotekarju arretrat sal-aħħar tal-2015 u ssaħħaħ l-arranġamenti ta' monitoraġġ mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda. Tiżgura li s-soluzzjonijiet ta' ristrutturar għal self lill-SMEs f'diffikultà u s-self kummerċjali residwu relatat mal-proprjetà immobbli jkunu sostenibbli billi l-prestazzjoni tal-banek tiġi vvalutata ulterjorment fl-isfond tal-miri proprji. Tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li r-reġistru ċentrali tal-kreditu jibda jaħdem sal-2016.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Inżammu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta’ Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Irlanda u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Irlanda, 2014 (ĠU C 247, 29.7.2014, p. 29).

(5)  Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

(6)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(7)  ĠU C 272, 18.8.2015, p. 98.


Top