EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015H0682

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/682 tad-29 ta' April 2015 dwar is-sorveljanza tal-preżenza tal-perklorat fl-ikel (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 111, 30.4.2015, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2015/682/oj

30.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 111/32


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/682

tad-29 ta' April 2015

dwar is-sorveljanza tal-preżenza tal-perklorat fl-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-perklorat iseħħ b'mod naturali fl-ambjent, b'depożiti tan-nitroġenu u l-potassa, u jista' jiġi ffurmat fl-atmosfera u jippreċipita fil-ħamrija u fl-ilma ta' taħt l-art. Jokkorri wkoll bħala kontaminant ambjentali minħabba l-użu ta' fertilizzanti tan-nitrat u mill-manifattura, mill-użu u mir-rimi tal-perklorat tal-ammonju użat fi propellants tar-rokits, fi splussivi, fil-logħob tan-nar, fi flares u f'neffieħa tal-airbags u fi proċessi industrijali oħra. Il-perklorat jista' jiġi ffurmat ukoll waqt id-degradazzjoni tal-ipoklorit tas-sodju użat sabiex jiddiżinfetta l-ilma u jista' jikkontamina l-provvista tal-ilma. L-ilma, il-ħamrija u l-fertilizzanti huma meqjusa bħala sorsi potenzjali ta' kontaminazzjoni tal-perklorat fl-ikel.

(2)

Il-Bord dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (il-Bord CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ipprovda opinjoni xjentifika dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika relatati mal-preżenza tal-perklorat fl-ikel (1). Il-Bord CONTAM ikkonkluda li l-espooniment kroniku għall-perklorat fid-dieta huwa ta' tħassib potenzjali, b'mod partikolari għal dawk li jikkunsmaw livell għoli fil-gruppi tal-età iżgħar tal-popolazzjoni b'defiċenza ta' jodju bejn ħafif u moderat. Barra minn hekk, huwa possibbli li esponiment għall-perklorat fuq medda qasira ta' żmien huwa ta' tħassib għat-trabi u t-tfal żgħar li jiġu mredda' bil-ħalib tas-sider b'livell baxx ta' konsum ta' jodju.

(3)

Il-Bord CONTAM irrakkomanda li hemm bżonn aktar dejta dwar l-okkorrenza tal-perklorat fl-ikel fl-Ewropa, speċjalment fil-ħaxix, fil-formula tat-trabi, fil-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, sabiex tkompli tonqos l-inċertezza fil-valutazzjoni tar-riskju. Instabu livelli għoljin fil-Cucurbitaceae u fil-ħaxix tal-weraq speċjalment dawk imkabbra f'serer/taħt għata. Ma hemmx biżżejjed dejta dwar l-okkorrenza tal-preżenza tal-perklorat fl-ikel b'mod partikolari f'kampjuni tal-ikel meħuda wara l-1 ta' Settembru 2013. Jekk ikun possibbli, l-analiżi tal-perklorat fl-ilma tax-xorb għandha tinkludi wkoll l-ilma tax-xorb li ma jaqax fid-definizzjoni tal-ikel kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Mill-1 ta' Settembru 2013 iddaħħlu fis-seħħ miżuri ta' mitigazzjoni, u d-dejta dwar il-perklorat minn kampjuni meħuda minn hemm 'il quddiem tirrifletti aħjar il-prinċipju “baxx kemm raġonevolment possibbli” b'segwitu tal-prattiki tajbin (jiġifieri l-użu ta' fertilizzanti li fihom livelli baxxi ta' perklorat) u l-preżenza attwali tal-perklorat fl-ikel.

(4)

Huwa għalhekk xieraq li ssir rakkomandazzjoni dwar is-sorveljanza tal-preżenza tal-perklorat fl-ikel

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

Bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozji tal-ikel, l-Istati Membri għandhom jagħmlu sorveljanza għall-preżenza tal-perklorat fl-ikel, u b'mod partikolari:

(a)

fil-frott, fil-ħaxix u fil-prodotti pproċessati minnhom, inkluż il-meraq;

(b)

fl-ikel għal użi nutrittivi partikolari maħsuba għat-trabi u t-tfal żgħar kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

(c)

fil-ħxejjex aromatiċi mnixxfin u l-ħwawar; fit-tè; fl-infużjonijiet tal-ħxejjex aromatiċi u tal-frott;

(d)

fix-xorb, inkluż fl-ilma tax-xorb.

2.

Sabiex jiġi żgurat li l-kampjuni huma rappreżentattivi tal-lott ikkampjunat, l-Istati Membri għandhom isegwu l-proċeduri stabbiliti fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1882/2006 (4) għall-ħaxix bil-weraq u fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (5) għal ikel ieħor fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 333/2007.

3.

Dan il-metodu ta' analiżi jipprovdi riżultati affidabbli:

“Quick Method for the Analysis of Residues of numerous Highly Polar Pesticides in Foods of Plant Origin involving Simultaneous Extraction with Methanol and LC-MS/MS Determination (QuPPe-Method) — Version 7.1”. Il-metodu jista' jitniżżel minn: http://www.crl-pesticides.eu/library/docs/srm/meth_QuPPe.pdf

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonsultat l-artiklu “Analysis of Perchlorate in Food Samples of Plant Origin Applying the QuPPe-Method and LC-MS/MS” għax dan jirrapporta kif jiġi integrat il-kontaminant ambjentali perklorat fil-metodu “QuPPe multiresidue” msemmi hawn fuq. Dan l-artiklu jista' jitniżżel minn http://www.analytik-news.de/Fachartikel/Volltext/cvuase2.pdf

Il-limitu ta' kwantifikazzjoni (LOQ, limit of quantification) immirat ma għandux ikun ogħla minn 2 μg/kg għall-analiżi tal-perklorat fl-ikel għat-trabi u t-tfal żgħar, 10 μg/kg f'ikel ieħor u 20 μg/kg fil-ħxejjex aromatiċi mnixxfin, fil-ħwawar, fit-te u fl-infużjonijiet tal-ħxejjex u l-frott.

4.

Bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozji tal-ikel, l-Istati Membri għandhom iwettqu investigazzjonijiet biex jidentifikaw il-fatturi li jirriżultaw fil-preżenza tal-perklorat fl-ikel. B'mod partikolari, l-analiżi tal-preżenza tal-perklorat fil-fertilizzant, fil-ħamrija, fl-irrigazzjoni u fl-ipproċessar tal-ilma hija xierqa f'sitwazzjonijiet meta dawn il-fatturi huma rilevanti.

5.

Fuq bażi regolari u sa mhux aktar tard minn tmiem Frar 2016, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati analitiċi jiġu pprovduti lill-EFSA fil-format tal-preżentazzjoni tad-dejta tal-EFSA f'konformità mar-rekwiżiti tal-Gwida tal-EFSA “Guidance on Standard Sample Description (SSD) for Food and Feed” (6) u mar-rekwiżiti addizzjonali speċifiċi tar-rappurtar tal-EFSA.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Bord CONTAM tal-EFSA (Il-Bord dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-EFSA), 2014. “Scientific Opinion on the risks to public health related to the presence of perchlorate in food, in particular fruits and vegetables”. EFSA Journal 2014;12(10):3869, 106 pp. doi:10.2903/j.efsa.2014.3869.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1882/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi metodi ta' teħid ta' kampjuni u ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' nitrati f'ċerti oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 25).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta' Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta' livelli ta' ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u idrokarburi poliċikliċi aromatiċi fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29).

(6)  http://www.efsa.europa.eu/en/datex/datexsubmitdata.htm


Top