Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2357

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2357 tal-10 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Marokk mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

    ĠU L 331, 17.12.2015, p. 20–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2357/oj

    17.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 331/20


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2357

    tal-10 ta' Diċembru 2015

    li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Marokk mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3) flimkien mal-Artikolu 218 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Miżuri għall-protezzjoni tat-tfal kontra t-teħid jew iż-żamma illegali tagħhom huma parti essenzjali ta' dik il-politika.

    (2)

    Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) (ir-“Regolament Brussell IIa”), li għandu l-għan li jħares it-tfal mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma illegali u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn minnufih tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet ta' aċċess u d-drittijiet tal-kustodja.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 jikkumplimenta u jirrinfurza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li jkun żgurat ir-ritorn minnufih ta' tfal li ttieħdu jew jinżammu b'mod illeċitu.

    (4)

    L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

    (5)

    L-Unjoni tinkoraġġixxi lil Stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat.

    (6)

    Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u Stati terzi jista' jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri.

    (7)

    Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u tali Stati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.

    (8)

    Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru parti għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi mal-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tiddepożita dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' Stat aderenti.

    (9)

    Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni taħt il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni.

    (10)

    Il-Marokk iddepożita l-istrument tal-adeżjoni tiegħu mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fid-9 ta' Marzu 2010. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għall-Marokk fl-1 ta' Ġunju 2010.

    (11)

    Bosta Stati Membri diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Marokk mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Valutazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Marokk wasslet għall-konklużjoni li dawk l-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tal-Marokk jinsabu f'pożizzjoni li jaċċettaw, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Marokk taħt it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

    (12)

    L-Istati Membri li għadhom ma aċċettawx l-adeżjoni tal-Marokk għandhom għalhekk ikunu awtorizzati li jiddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Marokk fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stabbiliti f'din id-Deċiżjoni. Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja li diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Marokk mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 m'għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni peress li d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi taħt id-dritt internazzjonali pubbliku.

    (13)

    Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

    (14)

    F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-Istati Membri li għadhom m'għamlux hekk huma b'dan awtorizzati li jaċċettaw l-adeżjoni tal-Marokk mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (“il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980”) fl-interess tal-Unjoni.

    2.   L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom, mhux aktar tard mill-11 ta' Diċembru 2016, jiddepożitaw dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Marokk mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni fformulata kif ġej:

    “[L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni tal-Marokk mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2357”

    3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tiegħu tal-adeżjoni tal-Marokk u jikkommunika lill-Kummissjoni t-test tad-dikjarazzjoni fi żmien xahrejn mid-depożitu tagħha.

    Artikolu 2

    Dawk l-Istati Membri li ddepożitaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Marokk mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 qabel id-data ta' adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni m'għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, l-Ungerija, Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Diċembru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. BAUSCH


    (1)  Opinjoni tal-11 ta' Frar 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) No 1347/2000 (ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1).


    Top