Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1984

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1984 tat-3 ta' Novembru 2015 li tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi, il-formati u l-proċeduri tan-notifika skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (notifikata bid-dokument C(2015) 7369) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 289, 5.11.2015, p. 18–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1984/oj

    5.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 289/18


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1984

    tat-3 ta' Novembru 2015

    li tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi, il-formati u l-proċeduri tan-notifika skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern

    (notifikata bid-dokument C(2015) 7369)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    In-notifika tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika mill-Istati Membri hija prerekwiżit għall-għarfien reċiproku ta' mezzi ta' identifikazzjoni elettronika.

    (2)

    Il-kooperazzjoni dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika teħtieġ proċeduri simplifikati. Billi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u rregolata fid-dettall fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/296 (2) diġà tirrikjedi l-użu tal-Ingliż, l-istess soluzzjoni għall-finijiet tan-notifika tal-skemi ta' identifikazzjoni elettronika għandha tħaffef il-kisba tal-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-iskemi. Madankollu, it-traduzzjoni ta' dokumentazzjoni li teżisti diġà ma għandhiex toħloq piż sproporzjonat.

    (3)

    L-iskemi jistgħu jinvolvu għadd ta' partijiet li joħorġu l-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika u/jew għadd ta' livelli ta' assigurazzjoni. Madankollu, għall-fini taċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, in-notifika tal-iskemi bħal dawn għandha tkun proċess uniku, b'formoli ta' notifika separati għal kull parti li toħroġ il-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika u/jew għal kull livell ta' assigurazzjoni.

    (4)

    L-organizzazzjoni ta' skemi ta' identifikazzjoni elettronika tvarja fost l-Istati Membri fejn jidħlu entitajiet tas-settur pubbliku u dawk tas-settur privat. Għalkemm l-iskop tal-formola ta' notifika għandu jkun li tingħata informazzjoni kemm jista' jkun preċiża fost l-oħrajn dwar l-awtoritajiet jew l-entitajiet differenti involuti fil-proċess ta' identifikazzjoni elettronika, l-għan ma għandukx ikun l-elenkar pereżempju l-muniċipalitajiet lokali kollha meta dawn ikunu involuti. F'dak il-każ, l-entrata rispettiva tal-formola tan-notifika għandha tidentifika l-livell tal-awtorità jew tal-entità involuta.

    (5)

    Prerekwiżit ieħor għall-għarfien reċiproku tal-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika huwa l-għoti ta' deskrizzjoni tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika qabel in-notifika lil Stati Membri oħra, kif stabbilit fl-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. Il-formola tan-notifika stabbilita f'dan l-att ta' implimentazzjoni għandha tintuża fil-kuntest tal-għoti ta' deskrizzjoni tal-iskema lil Stati Membri oħra, sabiex tippermetti evalwazzjoni bejn il-pari kif stabbilit fl-Artikolu 10(2) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/296.

    (6)

    Id-data ta' skadenza biex il-Kummissjoni tippubblika notifika, kif previst fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, għandha tingħadd mill-ġurnata meta titressaq il-formola lesta. Il-formola tan-notifika ma għandhiex titqies bħala lesta jekk il-Kummissjoni jkun jeħtiġilha titlob informazzjoni addizzjonali jew kjarifika.

    (7)

    Sabiex tiġi żgurat l-użu uniformi tal-formola tan-notifika, jixraq li l-Kummissjoni tagħti gwida lill-Istati Membri, partikolarment dwar jekk tibdiliet fil-formola tan-notifika jwasslux għal notifika mill-ġdid.

    (8)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmija fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għan

    Skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċ-ċirkustanzi, il-formati u l-proċeduri ta' notifiki ta' skemi ta' identifikazzjoni elettronika lill-Kummissjoni.

    Artikolu 2

    Il-lingwa tan-notifika

    1.   Il-lingwa tan-notifika għandha tkun l-Ingliż. In-notifika msemmija fl-Artikolu 3(1) għandha timtela bl-Ingliż.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jittraduċu d-dokumenti ta' prova msemmija fl-Artikolu 4.4 tal-Anness fejn dan joħloq piż mhux raġonevoli.

    Artikolu 3

    Il-proċedura u l-formati tan-notifika

    1.   In-notifika għandha ssir b'mod elettroniku fil-format konformi mal-formola mniżżla fl-Anness.

    2.   Meta skema tkun tinvolvi għadd ta' partijiet responsabbli li joħorġu l-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika u/jew tkun tkopri għadd ta' livelli ta' assigurazzjoni, il-punt 3.2 u/jew fejn xieraq il-punt 4.2 tal-formola tan- notifika stabbilita fl-Anness għandhom jimtlew separatament għal kull parti li toħroġ l-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika u/jew għal kull livell ta' assigurazzjoni.

    3.   Fejn l-awtoritajiet, il-partijiet, l-entitajiet jew il-korpi li għandhom jiġu notifikati fil-formola stabbilita fl-Anness, b'mod partikolari l-partijiet li jġestu l-proċess ta' reġistrazzjoni tad-dejta unika ta' identifikazzjoni ta' persuna jew il-partijiet li joħorġu l-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika, jaġixxu skont l-istess sett ta' regoli u jużaw l-istess proċeduri, b'mod partikolari fejn ikunu awtoritajiet reġjonali jew lokali, japplikaw ir-regoli speċifiċi li ġejjin:

    (a)

    il-formola tan-notifika tista' timtela darba fir-rigward tal-partijiet bħal dawn kollha;

    (b)

    il-formola tan-notifika tista' timtela bl-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-livell tal-organizzazzjoni territorjali jew funzjonali rispettiv.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tikkonferma l-wasla tan-notifika b'mezzi elettroniċi.

    5.   Il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni addizzjonali jew kjarifika fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a)

    il-formola tan-notifika ma tkunx mimlija sew;

    (b)

    ikun hemm żball li jidher fil-formola jew fid-dokumenti ta' prova;

    (c)

    ma tkunx ingħatat deskrizzjoni tal-iskema ta' identifikazzjoni elettronika qabel in-notifika lil Stati Membri oħra skont l-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

    6.   Fejn tintalab informazzjoni jew kjarifika addizzjonali msemmija fil-paragrafu 5, in-notifika titqies kompluta biss meta tali informazzjoni jew kjarifika addizzjonali jittressqu quddiem il-Kummissjoni.

    Artikolu 4

    Destinatarji

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Novembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Günther OETTINGER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/296 tal-24 ta' Frar 2015 li tistabbilixxi arranġamenti proċedurali għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 12(7) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 53, 25.2.2015, p. 14).


    ANNESS

    FORMOLA TA' NOTIFIKA GĦALL-ISKEMA TAL-IDENTITÀ ELETTRONIKA SKONT L-ARTIKOLU 9(5) TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 910/2014

    (Daħħal isem l-Istat Membru) b'dan tinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea bi skema tal-identifikazzjoni elettronika li se tiġi ppubblikata fil-lista msemmija fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u tikkonferma dan li ġej:

    l-informazzjoni kkomunikata f'din in-notifika hija konsistenti mal-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lin-Netwerk ta' Kooperazzjoni f'konformità mal-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, u

    l-iskema għall-identifikazzjoni elettronika tista' tintuża biex jinkiseb aċċess għal tal-anqas servizz wieħed ipprovdut minn korp tas-settur pubbliku f'(daħħal isem l-Istat Membru).

    Id-data

    [iffirmat elettronikament]

    1.   Informazzjoni ġenerali

    It-titolu tal-iskema (jekk ikun hemm)

    Il-livell(i) ta' assigurazzjoni (baxx, sostanzjali jew għoli)

     

     

    2.   L-awtorità(ajiet) responsabbli għall-iskema

    Isem (ismijiet) l-awtorità(ajiet)

    L-indirizz(i) postali

    L-indirizz(i) tal-posta elettronika

    In-numru tat-Telefown

     

     

     

     

    3.   Informazzjoni dwar il-partijiet rilevanti, entitajiet u korpi (fejn ikun hemm għadd ta' partijiet, entitajiet jew korpi għandek telenkahom kollha, f'konformità mal-Artikolu 3(2) u (3)

    3.1   L-entità li tiġġestixxi l-proċess ta' reġistrazzjoni tad-dejta unika ta' identifikazzjoni ta' persuna

    Isem l-entità li tiġġestixxi l-proċess ta' reġistrazzjoni tad-dejta unika tal-identifikazzjoni ta' persuna

    3.2   Il-parti li toħroġ il-mezzi għall-identifikazzjoni elettronika

    Isem il-parti li toħroġ il-mezzi għall-identifikazzjoni elettronika u indikazzjoni jekk il-parti tissemmiex fl-Artikolu 7(a)(i), (ii) jew (iii) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014

     

    l-Article 7(a)(i) ☐

    l-Article 7(a)(ii) ☐

    l-Article 7(a)(iii) ☐

    3.3   Il-parti li topera l-proċedura tal-awtentikazzjoni

    Isem il-parti li topera l-proċedura tal-awtentikazzjoni.

    3.4   Korp superviżorju

    Isem il-korp superviżorju

    (agħti l-isem (l-ismijiet) fejn applikabbli)

    4.   Deskrizzjoni tal-iskema għall-identifikazzjoni elettronika

    Jistgħu jiġu mehmuża dokumenti għal kull waħda minn dawn id-deskrizzjonijiet.

    (a)

    Iddeskrivi fil-qosor l-iskema, inkluż il-kuntest li fih topera u l-kamp ta' applikazzjoni tagħha

    (b)

    Fejn japplika, elenka l-attributi addizzjonali li jistgħu jingħataw għal persuni fiżiċi bħala parti mill-iskema jekk mitluba minn parti dipendenti

    (c)

    Fejn japplika, elenka l-attributi addizzjonali li jistgħu jingħataw għal persuni ġuridiċi bħala parti mill-iskema jekk mitluba minn parti dipendenti

    4.1.   Sistema superviżorja, ta' imputabbiltà u ta' ġestjoni applikabbli

    4.1.1   Is-sistema ta' applikabbiltà superviżorja

    Iddeskrivi s-sistema superviżorju tal-iskema fir-rigward ta' dawn:

    (fejn applikabbli, l-informazzjoni għandha tinkludi r-rwoli, ir-responsabiltajiet u l-poteri tal-korp superviżorju msemmi fil-punt 3.4, u l-entità li lilha jsir ir-rapport. Jekk il-korp superviżorju ma jirrappurtax lill-awtorità responsabbli għall-iskema, għandhom jingħataw id-dettalji kollha tal-entità li lilha jsir ir-rapport)

    (a)

    is-sistema superviżorja applikabbli għall-parti li toħroġ il-mezzi għall-identifikazzjoni elettronika

    (b)

    is-sistema superviżorja applikabbli għall-parti li tħaddem il-proċedura ta' awtentikazzjoni

    4.1.2   Is-sistema ta' imputabbiltà superviżorja

    Iddeskrivi fil-qosor is-sistema nazzjonali ta'imputabbiltà applikabbli dawn ix-xenarji:

    (a)

    l-imputabbiltà tal-Istat Membru skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014

    (b)

    l-imputabbiltà tal-Istat Membru li joħroġ il-mezzi għall-identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014

    (c)

    l-imputabbiltà tal-Istat Membru li jħaddem il-proċedura ta' awtentikazzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014

    4.1.3   Arranġamenti tal- ġestjoni applikabbli

    Iddeskrivi l-arranġamenti għas-sospensjoni jew ir-revoka tal-iskema ta' identifikazzjoni jew l-awtentikazzjoni, jew il-partijiet kompromessi tagħhom

    4.2   Deskrizzjoni tal-komponenti tal-iskema

    Iddeskrivi kif intlaħqu l-elementi li ġejjin tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1502 (1) biex jinkiseb livell ta' fiduċja ta' mezz għall-identifikazzjoni elettronika skont l-iskema li qed tiġi notifikata dwarha l-Kummissjoni:

    (inkludi kwalunkwe standard adottat)

    4.2.1   Ir-reġistrazzjoni

    (a)

    L-applikazzjoni u r-reġistrazzjoni

    (b)

    L-għoti ta' prova tal-identità u l-verifika (persuna fiżika)

    (c)

    L-għoti ta' prova tal-identità u l-verifika (persuna ġuridika)

    (d)

    Ir-rabta bejn il-mezz ta' identifikazzjoni elettronika ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi

    4.2.2   Il-ġestjoni tal-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika

    (a)

    Karatteristiċi u disinn tal-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika (inklużi, fejn ikun f'loku, informazzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà)

    (b)

    Il-ħruġ, it-twassil u l-attivazzjoni

    (c)

    Is-sospensjoni, ir-revoka u l-attivazzjoni mill-ġdid

    (d)

    It-tiġdid u l-bdil

    4.2.3   L-awtentikazzjoni

    Iddeskrivi l-mekkaniżmu ta' awtentikazzjoni, inklużi t-termini ta' aċċess għal awtentikazzjoni minn partijiet dipendenti għajr għall-korpi tas-settur pubbliku

    4.2.4   Ġestjoni u organizzazzjoni

    Iddeskrivu l-ġestjoni u l-organizzazzjoni tal-aspetti li ġejjin:

    (a)

    Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ġestjoni u l-organizzazzjoni

    (b)

    Avviżi ppubblikati u informazzjoni għall-utenti

    (c)

    Il-ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni

    (d)

    Iż-żamma tar-rekords

    (e)

    Il-faċilitajiet u l-persunal

    (f)

    Il-kontrolli tekniċi

    (g)

    Il-konformità u l-awditjar

    4.3   Rekwiżiti tal-interoperabilità

    Iddeskrivi kif intlaħqu r-rekwiżiti tekniċi minimi ta' interoperabbiltà tekniċi u ta' sigurtà operazzjonali skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1501 (2). Elenka u ehmeż kull dokument li jista' jagħti aktar informazzjoni dwar il-konformità, bħall-opinjoni tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni, awditi esterni, eċċ.

    4.4   Id-dokumenti ta' appoġġ

    Elenka kull dokumentazzjoni ta' appoġġ imressqa u indika għal liema element imsemmi hawn fuq jirrelataw. Inkludi kull leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda d-dispożizzjoni dwar l-identifikazzjoni elettronika rilevanti għal din in-notifika. Ressaq verżjoni bl-Ingliż jew traduzzjoni bl-Ingliż kull meta din tkun disponibbli.


    (1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1502 tat-8 ta' Settembru 2015 li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u proċeduri minimi għal-livelli ta' assigurazzjoni għall-mezzi ta' identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 235, 9.9.2015, p. 7).

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1501 tat-8 ta' Settembru 2015 dwar il-qafas tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 12(8) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 235, 9.9.2015, p. 1).


    Top