EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1873

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1873 tat-8 ta' Ottubru 2015 li tissottoponi 4-metil-5-(4-metilfenil)-4,5-diidroossażol-2-ammina) (4,4′-DMAR) u 1-ċikloesil-4-(1,2-difeniletil) piperażina (MT-45) għal miżuri ta' kontroll

ĠU L 275, 20.10.2015, p. 32–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1873/oj

20.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/32


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1873

tat-8 ta' Ottubru 2015

li tissottoponi 4-metil-5-(4-metilfenil)-4,5-diidroossażol-2-ammina) (4,4′-DMAR) u 1-ċikloesil-4-(1,2-difeniletil) piperażina (MT-45) għal miżuri ta' kontroll

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji dwar is-sustanza psikoattiva ġdida 4-metil-5-(4-metilfenil)-4,5-diidroossażol-2-ammina) (4,4′-DMAR) b'mod konformi mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI ġie mfassal minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), u sussegwentement ġie ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fid-19 ta' Settembru 2014.

(2)

L-4,4′-DMAR hija derivattiv sintetiku tal-ossażolina sostitwita. Hija derivattiv tal-aminorex u tal-4-metilaminorex (4-MAR), żewġ stimulanti sintetiċi kkontrollati skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

(3)

L-4,4′-DMAR ilha disponibbli fuq is-suq tad-drogi fl-Unjoni mill-anqas minn Diċembru 2012 u ġiet innotifikata lis-Sistema ta' Twissija Bikrija f'Diċembru 2012. Disa' Stati Membri rrappurtaw sejbiet li rriżultaw minn qabdiet li għamlu tas-sustanza, prinċipalment fil-forma ta' trab jew pilloli bojod jew ikkuluriti, kif ukoll ta' kampjuni bijoloġiċi u miġbura.

(4)

L-4,4′-DMAR tfaċċat fis-suq tas-sustanzi ġodda psikoattivi bħala “kimika għar-riċerka” mibjugħa fuq l-Internet, u issa hija disponibbli fuq suq tat-triq. L-4,4′-DMAR qed tinbiegħ u tiġi kkunsmata bħala sustanza għaliha waħedha, iżda nbiegħet ukoll b'qerq fis-suq illeċitu bħala ecstasy u amfetamini.

(5)

Ġew irreġistrati 31 mewta assoċjati mal-4,4′-DMAR fi tliet Stati Membri, bejn Ġunju 2013 u Ġunju 2014. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-4,4′-DMAR jew kienet il-kawża tal-mewt jew inkella, flimkien ma' sustanzi oħra, x'aktarx li kkontribwixxiet għall-mewt. Stat Membru wieħed irrapporta każ ta' intossikazzjoni mhux fatali.

(6)

Ma hemm l-ebda studju dwar it-tossiċità tal-4,4′-DMAR.

(7)

Ma hemm l-ebda data ta' prevalenza dwar l-użu tal-4,4′-DMAR. Madankollu, l-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi li ġietx użata estensivament. Informazzjoni miksuba minn każijiet li jinvolvu mewt tissuġġerixxi wkoll li l-utenti kkunsmaw bla ma jafu l-4,4′-DMAR meta kienu qed ifittxu stimulanti oħra.

(8)

Hemm involviment limitat tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni, it-traffikar u l-provvista tal-4,4′-DMAR fl-Unjoni. Il-prekursuri kimiċi u r-rotot sintetiċi użati għall-manifattura tal-4,4′-DMAR mhumiex magħrufa.

(9)

L-4,4′-DMAR mhijiex elenkata għall-kontroll taħt il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi jew taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi. Bħalissa mhix qed tiġi vvalutata, u lanqas ma kienet qed tiġi vvalutata mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, u m'hemm l-ebda valutazzjoni bħal din ippjanata.

(10)

L-4,4′-DMAR ma għandha l-ebda użu mediku għall-bniedem jew veterinarju stabbilit jew rikonoxxut fl-Unjoni. Minbarra l-użu tagħha u f'materjali ta' referenza analitiku u fir-riċerka xjentifika li investiga l-proprjetajiet kimiċi, farmakoloġiċi u tossikoloġi tagħha, ma hemm l-ebda indikazzjoni li qed tintuża għal skopijiet oħra.

(11)

Ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji juri li hemm ftit evidenza xjentifika disponibbli fuq l-4,4′-DMAR u jindika li aktar riċerka tkun meħtieġa biex jiġu determinati r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali li ġġib magħha. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni attwalment disponibbli jipprovdu raġunijiet suffiċjenti biex l-4,4′-DMAR tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Bħala riżultat tar-riskji għas-saħħa li jippreżenta l-konsum tal-4,4′-DMAR, kif iddokumentat permezz tal-individwazzjoni tagħha f'diversi fatalitajiet, il-fatt li l-utenti jistgħu jikkunsmawha bla ma jafu u n-nuqqas ta' valur mediku ta' din is-sustanza, l-4,4′-DMAR għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll.

(12)

Minħabba l-fatt li tliet Stati Membri jikkontrollaw l-4,4′-DMAR taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija konformi mal-obbligi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi u ħames Stati Membri jużaw miżuri leġiżlattivi oħrajn biex jikkontrollawha, il-fatt din is-sustanza tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jgħin biex jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakli fl-infurzar transkonfinali tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u jipproteġi kontra r-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.

(13)

Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji tas-sustanza psikoattiva ġdida 1-ċikloesil-4-(1,2-difeniletil) piperażina (MT-45) f'konformità mal-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI ġie mfassal minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż tal-EMCDDA, u sussegwentement ġie ppreżentat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fis-6 ta' Ottubru 2014.

(14)

L-MT-45 hija N,N′-piperażina disostitwenti, li għandha ċirku taċ-ċikloeżan marbut ma' wieħed mill-atomi tan-nitroġenu taċ-ċirku tal-pipereżan u frazzjoni 1,2-difeniletil marbuta mal-atomu tan-nitroġenu. L-MT-45 hija waħda min-serje ta' analġeżiċi piperażina 1-(1,2-difeniletil) ivvintati fil-bidu tas-snin 1970.

(15)

L-MT-45 ilha preżenti fuq is-suq tad-drogi fl-Unjoni minn Ottubru 2013, fejn tinbiegħ bħala “sostanza kimika għar-riċerka”, l-aktar fuq l-Internet. L-EMCDDA identifika 12-il sit ta' fornituri u bejjiegħa fuq l-Internet u li offrew l-MT-45 għall-bejgħ, inkluż uħud apparentement ibbażati fl-Unjoni.

(16)

Total ta' 28 fatalità li seħħew bejn Novembru 2013 u Lulju 2014 ġew irrappurtati minn Stat Membru wieħed. F'ħafna każijiet, il-preżenza tal-MT-45 f'kampjuni bijoloġiċi ġiet ikkonfermata b'mod analitiku. Ġew irrappurtati wkoll madwar 18-il intossikazzjoni mhux fatali mill-istess Stat Membru u l-karatteristiċi kliniċi tagħhom kienu simili għal intossikazzjoni opjojde, f'xi każi kien hemm reazzjoni għall-antagonista naloxone.

(17)

Hemm diversi studji fuq annimali li jindikaw li t-tossiċità akuta tal-MT-45 hija ħafna drabi ogħla minn dak ta' morfina.

(18)

L-informazzjoni attwalment disponibbli tissuġġerixxi li l-MT-45 ma ġietx użata estensivament. Is-sustanza tidher li tintuża l-aktar f'ambjent domestiku jew minn utenti lesti li jippruvaw sustanza ġdida jew minn utenti dipendenti mill-opjojde li ma għandhom l-ebda aċċess għall-eroina jew kwalunkwe opjojde oħra. L-utenti jistgħu jikkombinaw l-MT-45 ma' sustanzi psikoattivi oħra. Ma hemm l-ebda informazzjoni dwar ir-riskji soċjali li jistgħu jkunu relatati mal-MT-45.

(19)

Ma hemm l-ebda evidenza tal-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni, it-traffikar u l-provvista tal-MT-45 fl-Unjoni. Il-prekursuri kimiċi u r-rotot sintetiċi użati fil-produzzjoni tal-MT-45 individwata fl-Istati Membri mhumiex magħrufa.

(20)

L-MT-45 mhijiex elenkata għall-kontroll taħt il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi jew taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi. Bħalissa mhix qed tiġi vvalutata, u lanqas ma kienet qed tiġi vvalutata mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, u m'hemm l-ebda valutazzjoni bħal din ippjanata.

(21)

L-MT-45 ma għandha l-ebda użu mediku għall-bniedem jew veterinarju stabbilit jew magħruf fl-Unjoni. Minbarra l-użu tagħha u f'materjali ta' referenza analitiku u fir-riċerka xjentifika li investiga l-proprjetajiet kimiċi, farmakoloġiċi u t-tossikoloġi tagħha, ma hemm l-ebda indikazzjoni li qed tintuża għal skopijiet oħra.

(22)

Ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji juri li hemm ftit evidenza xjentifika disponibbli rigward l-MT-45 u jindika li aktar riċerka tkun meħtieġa biex jiġu determinati r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali li ġġib magħha. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni attwalment disponibbli jipprovdu raġunijiet suffiċjenti biex l-MT-45 tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Bħala riżultat tar-riskji għas-saħħa li ġġib magħha, kif iddokumentat permezz tal-individwazzjoni tagħha f'diversi fatalitajiet, u n-nuqqas ta' valur mediku ta' din is-sustanza, l-MT-45 għandha tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll.

(23)

Minħabba l-fatt li Stati Membru wieħed jikkontrolla l-MT-45 taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija konformi mal-obbligi skont il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi u skont l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi u li seba' Stati Membri jużaw miżuri leġiżlattivi oħrajn biex jikkontrollawha, il-fatt din is-sustanza tiġi sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jgħin biex jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakli fl-infurzar transkonfinali tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, u jipproteġi kontra r-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.

(24)

Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni għal meta jfiġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi tissottoponi dawk is-sustanzi għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Billi l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ntlaħqu, għandha tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex l-4,4′-DMAR u l-MT-45 jitqiegħdu taħt kontroll fl-Unjoni kollha.

(25)

Id-Danimarka hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(26)

L-Irlanda hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(27)

Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u mhux marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sustanzi psikoattivi ġodda li ġejjin għandhom jiġu sottoposti għall-miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha:

(a)

4-metil-5-(4-metilfenil)-4,5-diidroossażol- 2-ammina) (4,4′-DMAR);

(b)

1-ċikloesil-4-(1,2-difeniletil) piperażina (MT-45).

Artikolu 2

Sal-21 ta' Ottubru 2016, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji, f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, biex is-sustanzi psikoattivi l-ġodda msemmija fl-Artikolu 1 jiġu sottoposti għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali, kif previst fil-leġiżlazzjoni tagħhom li tagħti effett għall-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi u/jew taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ASSELBORN


(1)  ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.


Top