Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1827

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1827 tat-23 ta' Marzu 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA 28876 (12/C) (ex CP 202/09) implimentata mill-Greċja għal Piraeus Container Terminal S.A. u Cosco Pacific Limited (notifikata bid-dokument C(2015) 66) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 269, 15.10.2015, p. 93–141 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/04/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1827/oj

15.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/93


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1827

tat-23 ta' Marzu 2015

dwar l-għajnuna mill-Istat SA 28876 (12/C) (ex CP 202/09) implimentata mill-Greċja għal Piraeus Container Terminal S.A. u Cosco Pacific Limited

(notifikata bid-dokument C(2015) 66)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti li rċeviet mingħand il-Greċja u l-Piraeus Container Terminal S.A.,

Billi:

1.   IL-PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra tat-30 ta' April 2009, il-Prefett ta' Piraeus ressaq ilment quddiem il-Kummissjoni fejn allega li l-Istat Grieg ta għajnuna mill-Istat illegali lid-detentur il-ġdid tal-konċessjoni ta' parti mill-port ta' Piraeus, il-Piraeus Container Terminal S.A. (“PCT”), kumpanija sussidjarja bi skop speċjali ta' COSCO Pacific Limited (“COSCO”). L-allegata għajnuna ngħatat fil-forma ta' eżenzjonijiet mit-taxxa u dispożizzjonijiet favorevoli mdaħħla fil-ftehim ta' konċessjoni wara s-sejħa għall-offerti.

(2)

Fis-7 ta' Mejju 2009 il-Federazzjoni tal-ħaddiema Griegi tal-Port bagħtet ittra (2) li fiha informat lill-Kummissjoni dwar l-allegati vantaġġi fiskali li l-Istat Grieg ta lil PCT. Permezz tal-ittra tal-31 ta' Awwissu 2009, il-Federazzjoni tal-ħaddiema Griegi tal-Port ikkonfermat li l-ittra inizjali tagħha għandha tkun ittrattata bħala lment u allegat li ngħatat għajnuna fil-forma ta' vantaġġi fiskali u wkoll fil-forma ta' dispożizzjonijiet favorevoli mdaħħla fil-ftehim ta' konċessjoni.

(3)

Permezz tal-ittra tat-23 ta' Settembru 2009 (3), il-Kunsill Internazzjonali tal-Ħaddiema tat-Tarzna ressaq ilment b'deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li allegatament jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(4)

Permezz tal-ittra datata l-14 ta' Ottubru 2009 il-Kummissjoni talbet lill-Greċja informazzjoni dwar l-allegati miżuri ta' għajnuna mill-Istat. B'ittra tat-12 ta' Novembru 2009 l-awtoritajiet Griegi talbu għal estensjoni ta' dewmien, li l-Kummissjoni qablu fl-ittra tagħha tat-18 ta' Novembru 2009. Il-Kummissjoni bagħtet tfakkira dwar din it-talba fit-3 ta' Frar 2010 u fit-23 ta' Frar 2010 l-awtoritajiet Griegi wieġbu għal din it-talba għall-informazzjoni.

(5)

Fil-5 ta' Mejju 2010 is-servizzi tal-Kummissjoni ltaqgħu mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet Griegi sabiex jiddiskutu aktar kjarifiki.

(6)

Il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtoritajiet Griegi b'ittra datata s-27 ta' Ottubru 2010. L-awtoritajiet Griegi talbu għal estensjoni ta' dewmien permezz ta' ittra datata t-18 ta' Novembru 2011 li l-Kummissjoni aċċettat bl-ittra tat-2 ta' Diċembru 2011. L-awtoritajiet Griegi wieġbu għal din it-talba għal informazzjoni fit-8 ta' Frar 2011.

(7)

Permezz tal-ittra datata l-11 ta' Lulju 2012 (4), il-Kummissjoni informat lill-Greċja li kienet iddeċidiet li d-differenzi bejn il-ftehim ta' konċessjoni u l-avviż tal-kuntratt, kif ukoll il-miżura fiskali relatata mal-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji għal prodotti, xogħlijiet u servizzi pprovduta lil PCT barra l-Greċja ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Kienet iddeċidiet ukoll li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-allegati miżuri l-oħrajn kollha ta' għajnuna mill-Istat.

(8)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-5 ta' Ottubru 2012 (5). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri.

(9)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand il-benefiċjarja fil-5 ta' Novembru 2012. Dawn il-kummenti ntbagħtu lill-Greċja fl-14 ta' Jannar 2013, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi. Il-kummenti tagħha u informazzjoni addizzjonali waslu permezz tal-ittri datati t-2 ta' Novembru 2012, is-27 ta' Marzu 2013 u l-10 ta' Lulju 2013. Fit-13 ta' Settembru 2013 saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Griegi akkumpanjati mill-benefiċjarja. Fit-23 ta' Ottubru 2013 l-awtoritajiet Griegi ssottomettew informazzjoni addizzjonali. Il-Kummissjoni bagħtet tfakkira dwar informazzjoni li kienet għadha nieqsa fis-17 ta' Jannar 2014. L-awtoritajiet Griegi wieġbu fl-4 ta' Frar 2014 u saret laqgħa oħra fl-10 ta' Frar 2014. Wara din il-laqgħa, l-awtoritajiet Griegi pprovdew aktar informazzjoni fl-10 ta' Marzu 2014 u saret laqgħa oħra fit-12 ta' Marzu 2014. Wara dik il-laqgħa l-awtoritajiet Griegi ssottomettew informazzjoni supplimentari fil-31 ta' Marzu 2014, fis-16 ta' April 2014 u fit-28 ta' April 2014. Saru laqgħat addizzjonali mal-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarja fid-19 ta' Mejju 2014 u fit-8 ta' Diċembru 2014.

2.   DESKRIZZJONI TAL-BENEFIĊJARJA U TAL-ALLEGATI MIŻURI TA' GĦAJNUNA

2.1.   Il-Port ta' Piraeus

(10)

Il-Port ta' Piraeus huwa maqsum f'żewġ żoni: il-port kummerċjali u l-port tal-passiġġieri. Il-port kummerċjali għandu 3 terminali; it-terminal tal-kontejners, it-terminal tal-merkanzija u t-terminal tal-vetturi.

(11)

It-terminal tal-kontejners għandu żewġ mollijiet. Il-Piraeus Port Authority (“PPA”) iddeċidiet li tkabbar l-infrastruttura tat-terminal tal-kontejners bl-estensjoni ta' Moll I, l-ameljorament tat-tagħmir ta' Moll II u l-kostruzzjoni ta' Moll III.

2.2.   Il-Piraeus Port Authority S.A.

(12)

Il-kumpanija, Piraeus Port Authority S.A. ġiet stabbilita bil-Liġi 2688/1999, permezz tal-konverżjoni ta' korp irregolat mil-liġi pubblika, Piraeus Port Authority maħluqa fl-1930, f'kumpanija ta' utilità pubblika.

(13)

Fit-13 ta' Frar 2002 ġie ffirmat ftehim ta' konċessjoni għal 40 sena bejn l-Istat Grieg u PPA. Dan il-ftehim ġie ratifikat bil-Liġi 3654/2008. Skont dan il-Ftehim, PPA għandha d-dritt esklussiv tal-użu u l-isfruttar tal-art, il-bini u l-infrastruttura taż-żona tal-art tal-port tal-Port ta' Piraeus (6). B'mod partikolari, il-ftehim ta' konċessjoni jipprovdi għad-dritt ta' PPA li tissottokuntratta bi ħlas l-operat ta' parti mill-port lil parti terza (7).

2.3.   Il-ftehim ta' konċessjoni bejn PPA u PCT u l-proġett ta' investiment

(14)

Bl-għan li tikkonċedi l-Mollijiet II u III, PPA għamlet offerta pubblika Ewropea (8) għal servizzi ta' ġestjoni tal-port. F'din l-offerta PPA rċeviet żewġ applikazzjonijiet mingħand COSCO u mingħand konsorzju ta' kumpaniji magħmul minn Hutchinson Port Holdings L.T.D., Hutchinson Ports Investments S.A.R.L., Alapis Joint Stock Company S.A. u Lyd S.A.

(15)

Is-sejħa għall-offerti kienet tipprovdi għal proċeduri ta' appell. Madankollu, l-ebda wieħed mill-parteċipanti ma ressaq xi appell quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji rigward il-proċedura ta' sejħa għall-offerti jew rigward ir-riżultat finali. Barra minn hekk, il-proċedura u l-abbozz tal-ftehim ġew ikkontrollati u approvati mill-Qorti Griega tal-Awdituri.

(16)

F'Novembru 2008 PPA ffirmat ma' PCT ftehim ta' konċessjoni li permezz tiegħu PPA kkonċediet lil PCT l-isfruttrar u l-użu esklussiv tal-hekk imsejjaħ “Terminal Ġdid tal-Kontejners” (New Container Terminal — NCT), li kien jinkludi l-Moll II eżistenti, li kellu jiġi mmodernizzat, il-Moll III il-ġdid, li kellu jinbena, u ż-żona biswitu, kif ukoll l-użu taż-żona tal-baħar biswitu għall-immanuvrar għall-irmiġġ, li jippermetti l-irmiġġ sigur u s-servizzi tal-vapuri.

(17)

Skont il-ftehim ta' konċessjoni PCT għandha l-obbligu li timmodernizza l-Moll II eżistenti, tibni l-Moll III il-ġdid u tipprovdi firxa sħiħa ta' servizzi portwarji relatati mal-operat tat-terminal tal-kontejners. Barra minn hekk, id-detentur tal-konċessjoni ser jiffinanzja kompletament a spejjeż proprji l-ameljoramenti kollha ta' Moll II kif ukoll il-kostruzzjoni u l-operat ta' Moll III. Għaldaqstant, l-offerta kif ukoll il-ftehim ta' konċessjoni pprevedew li d-detentur tal-konċessjoni ma kellux jirċievi flejjes pubbliċi għall-investimenti tiegħu.

(18)

Barra minn hekk, huwa previst li d-detentur tal-konċessjoni jassumi r-riskji (kummerċjali) kollha fir-rigward tal-immodernizzar u l-bini tal-infrastruttura meħtieġa. Huwa jintrabat ukoll għal numru ta' obbligi sabiex jiżgura kapaċità garantita tat-Terminal il-Ġdid tal-Kontejners.

(19)

Il-ftehim ta' konċessjoni bejn PPA u PCT kien irratifikat bil-Liġi 3755/2009 (“il-Liġi”). L-Artikolu 1 tal-Liġi jinkorpora l-ftehim ta' konċessjoni kif ġie ffirmat, filwaqt li l-Artikolu 2 jistabbilixxi eżenzjonijiet fiskali speċifiċi għal PCT u l-Artikolu 3 jipprovdi l-possibbiltà li l-investimenti ta' PCT relatati mal-ftehim ta' konċessjoni jgawdu minn skema protettiva speċifika ta' investimenti barranin stipulata fid-digriet leġiżlattiv 2687/1953.

3.   IR-RAĠUNIJIET GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(20)

Il-Kummissjoni ddeċidiet fid-Deċiżjoni tagħha tal-11 ta' Lulju 2012 (9) li d-differenzi bejn il-ftehim ta' konċessjoni u l-avviż tal-kuntratt, kif ukoll żewġ miżuri fiskali (10) ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Fl-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha u fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali fir-rigward ta' allegati miżuri oħrajn ta' għajnuna mill-Istat:

1.

Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu mill-imgħax akkumulat sad-data tal-bidu tal-operat tal-Moll III (11);

2.

Id-dritt għar-rifużjoni ta' kreditu tal-VAT irrispettivament mill-istadju ta' tlestija tal-oġġett tal-kuntratt; id-definizzjoni tal-kunċett ta' “oġġett ta' investiment” għall-finijiet tar-regoli dwar il-VAT; id-dritt għall-imgħax arretrat mill-ewwel jum wara s-sittin jum mit-talba għar-rifużjoni tal-VAT (12);

3.

Ir-riport tat-telf mingħajr limitazzjoni ta' żmien (13);

4.

L-għażla minn fost tliet metodi ta' deprezzament rigward l-ispejjeż ta' investiment tar-rikostruzzjoni tal-Moll II u l-kostruzzjoni tal-Moll III (14);

5.

Eżenzjoni minn taxxi tal-boll fuq ftehimiet dwar self u kwalunkwe ftehim anċillari għall-iffinanzjar tal-proġett (15);

6.

Eżenzjoni mit-taxxi, taxxi tal-boll, kontribuzzjonijiet u kwalunkwe drittijiet favur l-Istat jew partijiet terzi fuq kuntratti bejn il-kredituri tal-ftehimiet ta' self fejn huma ttrasferiti l-obbligi u d-drittijiet li jirriżultaw minn dan (16);

7.

Eżenzjoni minn taxxi tal-boll għal kwalunkwe kumpens imħallas minn PPA lil PCT skont il-ftehim ta' konċessjoni, li jaqa' barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-kodiċi tal-VAT (17);

8.

Il-protezzjoni taħt l-iskema speċjali ta' protezzjoni għall-investimenti barranin (18).

9.

Eżenzjoni mir-regoli ġenerali ta' esproprjazzjoni furzata.

(21)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-miżuri inkwistjoni jagħtu vantaġġ selettiv lil PCT, peress li jikkostitwixxu deroga mir-regoli ta' tassazzjoni li normalment jiġu applikati li ma tistax tiġi ġġustifikata bil-kunsiderazzjonijiet tal-politika ekonomika li invokaw l-awtoritajiet Griegi. B'mod partikolari l-Kummissjoni kkunsidrat li l-għan ta' trawwim tal-investimenti magħmula minn proġetti kbar ta' infrastruttura huwa kunsiderazzjoni ta' politika ekonomika li hija estrinsika għas-sistema ta' tassazzjoni inkwistjoni u ma jistax jiġġustifika t-trattament differenzjat favur PCT.

(22)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li xi wħud minn dawk l-eżenzjonijiet jew eżenzjonijiet simili ta' taxxa kienu inklużi f'kuntratti pubbliċi preċedenti li dwarhom il-Kummissjoni adottat deċiżjonijiet pożittivi mhuwiex rilevanti biex jintwera li dawn il-miżuri huma ġġustifikati mil-loġika tas-sistema fiskali Griega.

(23)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mal-Artikolu 107(3)(a) u 107(3)(c) TFUE, argumentata mill-awtoritajiet Griegi. B'mod partikolari, il-Kummissjoni qajmet dubji rigward l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE, peress li l-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà ta' dan l-Artikolu ġew żviluppati mill-Kummissjoni fil-Linji Gwida tagħha dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 u l-awtoritajiet Griegi ma pprovdew l-ebda argumentazzjoni rilevanti rigward il-konformità tal-miżuri mal-kundizzjonijiet ta' dawn il-Linji Gwida. Rigward l-applikabbiltà tal-Artikolu 107(3)(c), il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha rigward il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri.

4.   IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-GREĊJA

(24)

Il-Greċja u l-benefiċjarja ssottomettew kummenti konġunti f'dan il-każ. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment mingħand partijiet terzi oħrajn wara li fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali.

4.1.   Rigward l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat

L-assenza ta' vantaġġ

(25)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li eżenzjoni minn regola tat-taxxa applikabbli b'mod ġenerali mhux neċessarjament tagħti vantaġġ selettiv, u li l-Kummissjoni ma tiddistingwix bejn l-eżistenza ta' selettività u dik ta' vantaġġ. Għaldaqstant anki meta tiġi identifikata miżura selettiva, ma jistax jingħad li din awtomatikament tagħti vantaġġ u viċe versa. L-applikazzjoni tal-istess regola ġenerali għal sitwazzjonijiet differenti tista' toħloq diskriminazzjoni jew żvantaġġ għal ċerti persuni li jkunu soġġetti għal din ir-regola. L-eżenzjoni jista' jkollha l-għan li tiżgura li sitwazzjonijiet oġġettivament differenti jiġu ttrattati b'mod differenti u b'hekk ma tinħoloq l-ebda diskriminazzjoni jew żvantaġġ involontarju.

(26)

Barra minn hekk jargumentaw li l-istess bħall-impriżi fdati bil-prestazzjoni ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, l-impriżi fdati b'konċessjonijiet fit-tul sabiex joħolqu u joperaw infrastruttura pubblika permezz ta' fondi privati jassumu obbligi kuntrattwali sabiex jinvestu somom konsiderevoli ta' flus għal infrastruttura li tkun ser tingħata lura lill-Istat fi tmiem il-perjodu ta' konċessjoni. B'hekk il-miżuri ta' taxxa inkwistjoni huma maħsuba sabiex jikkumpensaw l-“iżvantaġġi strutturali” li għandhom dawn il-kumpaniji. Għal dan huma jirreferu għas-sentenza Combus (19), fejn il-Qorti Ġenerali ddikjarat li t-tneħħija ta' “żvantaġġ strutturali” ma tfissirx l-għoti ta' “vantaġġ” stabbilit mill-Artikolu 107(1) TFUE.

L-assenza ta' selettività u/jew il-ġustifikazzjoni skont il-loġika tas-sistema tat-taxxa

i.    Rigward is-“sistema ta' referenza” tal-miżuri investigati

(27)

Skont l-awtoritajiet Griegi u PCT, is-sistema korretta ta' referenza hija l-iskema ġenerali applikata għall-proġetti ta' infrastruttura pubblika fil-Greċja, inklużi Sħubiji Pubbliċi-Privati. Din l-iskema tapplika għall-impriżi kollha impenjati fi proġetti kbar ta' infrastruttura u sħubiji pubbliċi-privati u ma tagħmilx distinzjoni bejniethom. Id-dispożizzjonijiet fiskali tal-Liġi 3755/2009 jirrappreżentaw l-applikazzjoni individwali ta' din l-iskema ġenerali.

(28)

Peress li dawn il-proġetti għandhom karatteristiċi speċjali (20) li jiddistingwuhom minn proġetti oħrajn, l-impriżi responsabbli għall-proġetti ta' infrastruttura pubblika huma oġġettivament f'sitwazzjoni legali u fattwali differenti b'mod ċar meta mqabbla ma' impriżi oħrajn impenjati f'tipi oħrajn ta' attività. B'hekk ir-regoli fiskali applikabbli b'mod ġenerali ma jistgħux jitqiesu bħala s-“sistema ta' referenza valida”. Is-sistema korretta ta' referenza hija dik li ħadet inkunsiderazzjoni dawn il-karatteristiċi rikonoxxuti wkoll mil-leġiżlazzjoni tal-UE (21) li titlob trattament speċjali (22).

(29)

B'hekk il-mekkaniżmu stabbilit mill-Greċja sabiex tiżgura t-trattament xieraq tal-karatteristiċi partikolari ta' proġetti ta' infrastruttura pubblika, li jiddistingwuhom minn attivitajiet oħrajn, huwa l-introduzzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet fiskali li jiċċaraw ir-regoli li japplikaw f'ċerti oqsma ta' tassazzjoni, li l-applikazzjoni tagħhom i) tista' altrimenti twassal għal diskriminazzjoni kontra proġetti ta' infrastruttura pubblika, ii) hija kkaratterizzata min-nuqqas ta' ċarezza u konsistenza mal-prinċipji ġenerali tas-sistema fiskali jew iii) hija megħluba mir-rekwiżit obbligatorju msemmi hawn fuq f'termini ta' żgurar tal-użu/allokazzjoni l-aktar effiċjenti ta' riżorsi pubbliċi.

(30)

Barra minn hekk, huma jindikaw li t-teknika leġiżlattiva użata fl-introduzzjoni ta' miżura fiskali ma tiddeterminax in-natura ġenerali ta' miżura. B'referenza għas-sentenza ta' Ġibiltà (23), huma jargumentaw li l-introduzzjoni minn Stat Membru ta' eżenzjoni għal regoli ġeneralment applikabbli ma toħloqx awtomatikament selettività u vantaġġ. Li wieħed isegwi sempliċiment approċċ “ibbażat fuq deroga” ikun metodoloġija formalistika li faċli tiġi evitata.

ii.    L-għan tal-miżura kkonċernata

(31)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li fid-dawl tal-każistika Adria-Wien, l-għan tal-miżura li taħtha d-dispożizzjonijiet favur PCT għandhom ikunu evalwati jikkonsisti fil-promozzjoni tal-implimentazzjoni b'suċċess ta' proġetti ta' infrastruttura pubblika. Huma jirribattu l-valutazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ f'dak li jirrigwarda l-“irrilevanza” u l-“invalidità” ta' dan it-tip ta' għan.

(32)

Huma jirreferu wkoll għall-għan imfittex mill-imposti ambjentali, sabiex jargumentaw li l-konklużjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ għandha l-konsegwenza li kwalunkwe miżura fiskali b'għan speċifiku għajr dak tal-ġbir tad-dħul mit-taxxa qatt ma jista' jkun iġġustifikat min-natura tas-sistema fiskali ġenerali. L-Istati Membri huma liberi fil-limiti tal-konformità mal-liġi tal-UE li jsegwu l-politika li jqisu xierqa permezz tas-sistemi fiskali tagħhom.

(33)

Barra minn hekk, huma jargumentaw li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li l-għan imsemmi tas-sistema fiskali huwa “irrilevanti” (24), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Azores (25) ma ddikjaratx li l-għan mhuwiex importanti. Taħt l-analiżi tas-selettività l-għan mhuwiex li jiġi ddeterminat jekk l-“għan” tal-miżura investigata “waħdu” huwiex “validu” jew “rilevanti” jew le. L-“għan” tal-miżura jikkonsisti f'“il-bażi” li fuqha jista' jsir il-paragun bejn is-“sitwazzjoni legali u fattwali” tal-kumpaniji.

(34)

Huma jargumentaw li l-Kummissjoni ma tispjegax għalfejn l-“għan” tal-politika mhuwiex “validu” jew “rilevanti” għall-finijiet tal-valutazzjoni tas-selettività. Għal dan huma jirreferu għas-sentenzi Adria-Wien (26), Regione Sardegna (27) u British Aggregates (28) filwaqt li jargumentaw li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ppronunzjatx ruħha kontra dawn l-għanijiet, iżda sempliċiment ivvalutat jekk il-miżuri inkwistjoni kinux selettivi.

iii.    Is-sitwazzjoni legali u fattwali ta' PCT fid-dawl tal-għan tal-miżura kkonċernata

(35)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li fid-dawl tal-għan tal-implimentazzjoni b'suċċess ta' proġetti ta' infrastruttura pubblika PCT u l-impriżi l-oħrajn li jassumu proġetti kbar ta' infrastruttura jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali differenti minn dik ta' impriżi oħrajn. Fuq din il-bażi, huma jargumentaw li l-Kummissjoni injorat fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha ċ-ċirkustanzi/il-karatteristiċi partikolari ta' dawn il-proġetti. It-trattament fiskali mogħti lil PCT u oħrajn f'sitwazzjoni simili ma jistax jagħti vantaġġ kompetittiv fuq impriżi oħrajn li ma jirċevux dan it-trattament, peress li ż-żewġ tipi ta' impriżi ma jikkompetux fir-rigward tal-prestazzjoni tal-proġetti ta' infrastruttura pubblika kkonċernati.

(36)

L-impriżi kollha li qegħdin jimplimentaw proġetti bħal dawn huma soġġetti għal din l-iskema b'mod ugwali u ħadd ma għandu jkun eskluż, u m'hemm l-ebda limiti stabbiliti f'dak li jirrigwarda r-reġjun jew is-settur ta' applikazzjoni, il-baġit jew il-limiti ta' żmien. Għaldaqstant m'hemm l-ebda selettività de facto.

(37)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Griegi ma żammew l-ebda setgħa diskrezzjonali dwar kif japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet fiskali li ġew introdotti sistematikament f'kull proġett ta' infrastruttura pubblika għal bosta snin.

iv.    Il-loġika tas-sistema fiskali

(38)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li d-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni u l-iskema li minnha jiffurmaw parti huma konsistenti mal-prinċipji bażiċi jew ta' gwida li jirregolaw ir-regoli fiskali Griegi rilevanti, peress li (a) huma maħsuba sabiex jilħqu għan ta' politika pubblika konsistenti mal-prinċipji bażiċi tas-sistema fiskali ġenerali, b'mod partikolari l-prinċipju ta' proporzjonalità, l-għan tal-ekonomija u taż-żieda tad-dħul tas-sistema fiskali u politiki ewlenin tal-Greċja rigward il-ħolqien ta' infrastruttura pubblika, (b) għandhom l-għan li jiżguraw li sitwazzjonijiet differenti oġġettivi jiġu ttrattati b'mod differenti, u b'hekk japplikaw il-prinċipji tal-ugwaljanza u tal-proporzjonalità u jiżguraw li r-riżultati maħsuba mis-sistema fiskali ma jiġux imfixkla, (c) huma applikati fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi, (d) huma mfassla b'mod speċifiku bħala l-mekkaniżmu leġiżlattiv li jindirizza tħassib finanzjarju ewlieni li jinħoloq fl-implimentazzjoni ta' proġetti ta' infrastruttura pubblika, li jistgħu jipperikolaw il-parteċipazzjoni tas-settur privat (29).

(39)

Barra minn hekk bil-provvediment ta' ċertezza legali permezz ta' dawn id-dispożizzjonijiet, u għalhekk bil-ħarsien tal-abbiltà tal-kontribwent li jħallas it-taxxa, l-investiment tas-settur privat f'infrastrutturi pubbliċi u allura l-estensjoni tal-bażi tat-taxxa u l-ġbir ta' aktar dħul mit-taxxa tiġi promossa. B'hekk il-miżuri rilevanti huma ġġustifikati mil-loġika tas-sistema.

L-assenza ta' valutazzjoni rigward il-kundizzjonijiet relatati mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

(40)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li l-Kummissjoni naqset milli tidentifika s-swieq tas-servizzi u dawk ġeografiċi li huma relatati mal-valutazzjoni kompetittiva, ma analizzatx il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti u ma stabbilixxietx li l-portijiet Ewropej imsemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ u li qegħdin jikkompetu huma kompetituri attwali jew potenzjali tal-Port ta' Piraeus u PCT.

(41)

Huma jkomplu jargumentaw li l-Kummissjoni naqset milli teżamina s-suq rilevanti li fih jopera t-terminal tal-kontejners ta' PCT kif ukoll il-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq rilevanti. Tali eżami juri li d-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni ma għandhomx effett ħażin fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-UE.

(42)

Rigward il-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq, huma jargumentaw li fuq il-bażi tas-sentenza WAM (30) is-sempliċi fatt li hemm merkanzija f'kontejners innegozjata bejn l-Istati Membru tal-UE u li hemm diversi portijiet li jikkompetu kontra xulxin għall-forniment ta' servizzi ta' faċilitajiet portwarji għall-kontejners ma jfissirx awtomatikament li kwalunkwe għajnuna mogħtija lil operatur ta' port tissodisfa l-kriterju tal-effett fuq il-kummerċ u/jew tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni stipulati fl-Artikolu 107(1) TFUE. B'hekk huma jargumentaw li l-Kummissjoni ma analizzatx l-effett tad-dispożizzjonijiet fiskali dwar il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-swieq rilevanti.

(43)

PCT ipprovdiet aktar kummenti dettaljati dwar l-argumentazzjoni msemmija hawn fuq.

Id-definizzjoni tas-suq rilevanti

(44)

Rigward id-definizzjoni tas-suq rilevanti, PCT tirreferi għal deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-fużjonijiet (31) sabiex targumenta li hemm żewġ swieq rilevanti distinti għas-servizzi portwarji ta' terminal għall-kontejners; it-traffiku intern u t-traffiku tat-trasbord.

(45)

Hija targumenta wkoll li rigward it-traffiku intern, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha tidher li tikkunsidra li l-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tas-suq jiġbor fih lill-“Greċja u l-Mediterran tal-Lvant”, mingħajr ma tispjega għalfejn tiddefinixxih b'mod differenti mill-Kummissjoni tal-Kompetizzjoni Ellenika, li ddeċidiet li l-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tas-suq għas-servizzi tal-burdnara fir-rigward tat-traffiku intern huwa limitat għall-Greċja Ċentrali u dik tan-Nofsinhar (32).

(46)

Barra minn hekk, PCT targumenta li kemm minn perspettiva ta' provvista kif ukoll ta' domanda, il-parti Ċentrali u tan-Nofsinhar tal-Greċja jikkostitwixxu suq ġeografiku differenti mill-parti ta' Fuq tal-Greċja, minħabba: a) il-kapaċità tat-terminal portwarju tal-kontejners ta' PCT li jimmaniġġja volum ferm akbar ta' traffiku mill-port ta' Tessalonika u minn kwalunkwe port Grieg ieħor, u f'termini aktar kompetittivi minħabba l-kapaċità teknika akbar li għandu, b) il-konċentrazzjoni tal-industrija, tal-kummerċ u tal-popolazzjoni fiż-żona usa' ta' Ateni u b'mod ġenerali fil-parti ċentrali/ta' isfel tal-pajjiż, c) it-topografija tal-Greċja li tiddetta l-ispiża addizzjonali għat-trasportar tat-traffiku ta' kontejners bejn il-port ta' Tessalonika fil-parti ta' Fuq tal-Greċja u l-partijiet ċentrali u ta' isfel tal-pajjiż u viċe versa.

(47)

Rigward is-servizzi ta' kontejners tat-trasbord, PCT tirreferi għad-deċiżjonijiet ta' Maersk/ECT u Hutchinson/Evergreen tal-Kummissjoni fejn il-Kummissjoni identifikat bħala suq ġeografiku rilevanti għas-servizzi ta' kontejners ta' trasbord, iż-żona tal-Mediterran tal-Lvant u tal-Baħar l-Iswed. Hija tikkunsidra wkoll li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha tikkunsidra li l-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tas-suq jiġbor fih lill-“Greċja u l-Mediterran tal-Lvant”.

Il-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq rilevanti

(48)

Rigward it-traffiku tat-trasbord, PCT targumenta li t-terminal tal-kontejners ta' PCT ma jikkompetix ma' portijiet Ewropej għall-provvista ta' servizzi ta' burdnara għat-traffiku tat-trasbord ta' kontejners fil-baħar fond fil-Mediterran tal-Lvant, ħlief għat-terminal tal-kontejners tal-Moll I ta' PPA. Barra minn hekk hija targumenta li l-Kummissjoni ma spjegatx għalfejn tikkunsidra li hemm diversi portijiet fl-Istati Membri tal-UE (33) f'dan is-suq li jikkompetu mal-port tat-terminal tal-kontejners ta' PCT. Skont PCT id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li “…il-Port ta' Tessalonika, il-Port ta' Kostanza fir-Rumanija, il-Port ta' Koper fis-Slovenja u għadd ta' portijiet fl-Italja jistgħu jitqiesu bħala kompetituri diretti” tikkontradixxi s-sejbiet tal-Kummissjoni fil-Kawża C 21/2009 (34). Il-portijiet tal-Italja u l-port ta' Koper fis-Slovenja mhumiex fis-segment tas-suq tal-Mediterran tal-Lvant li l-Kummissjoni identifikat skont PCT, iżda pjuttost f'dak taċ-ċentru tal-Mediterran. Barra minn hekk, it-traffiku tat-trasbord maħsub għall-intern tal-pajjiż kopert minn dawn il-partijiet (“żona ta' qbid”) mhuwiex attwalment immaniġġjat mill-port ta' Piraeus (35).

(49)

Minn perspettiva ta' provvista, PCT targumenta li dawn il-portijiet jistgħu jitqiesu sa ċertu punt bħala sostituti għat-terminal portwarju tal-kontejners ta' PCT, peress li jistgħu jservu xi wħud mit-tipi ta' bastimenti tal-kontejners li l-port tal-kontejners ta' PCT jista' jservi, iżda mhux kollha, minħabba l-fatt li għandhom baħar aktar baxx u kapaċità ta' krejnijiet iżgħar (36). Mill-perspettiva tad-domanda, dawn il-portijiet ma jistgħux jitqiesu bħala sostituti għall-port ta' Piraeus, peress li: (a) Piraeus joffri l-iqsar u l-orħos (37) devjazzjoni mill-assi ta' Suez/Ġibiltà li jirrappreżentaw il-linji ewlenin ta' tbaħħir tal-kontejners tal-baħar fond fil-Baħar Mediterran (38), (b) Piraeus joffri l-orħos prezzijiet tal-karburant tal-bastimenti fuq livell dinji, (c) Konstanza b'mod partikolari jkun jinvolvi spejjeż addizzjonali ta' tmunieri fid-Dardanelli u l-Bosporus.

(50)

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, PCT targumenta li l-portijiet imsemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ ma jistgħux jitqiesu bħala sostituti attwali jew potenzjali għall-port tal-kontejners ta' PCT f'dak li jirrigwarda l-provvista ta' servizzi ta' burdnara għat-traffiku tat-trasbord fil-Mediterran tal-Lvant.

(51)

Barra minn hekk PCT tirreferi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-investimenti fil-port ta' Piraeus, fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kompetizzjoni bejn portijiet speċifiċi u l-Port ta' Piraeus hija insinifikanti (39). Barra minn hekk, hija targumenta li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza l-effett tad-dispożizzjonijiet fiskali fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-swieq rilevanti. Barra minn hekk il-valutazzjoni ta' dan l-effett tkun teħtieġ eżami tas-sistemi fiskali ekwivalenti li japplikaw fis-swieq rilevanti peress li portijiet oħrajn jistgħu jibbenefikaw minn dispożizzjonijiet fiskali simili jew ekwivalenti.

(52)

Hija targumenta wkoll li PCT tiffaċċja biss kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati minn PPA, li topera t-terminal tal-kontejners ta' Moll I fil-port ta' Piraeus. Madankollu rigward PPA, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-konċessjoni lil PCT sejra żżid il-kompetizzjoni għas-servizzi tal-burdnara għat-traffiku tal-kontejners fil-port ta' Piraeus (40).

(53)

Rigward il-kompetituri potenzjali li jistgħu jirriżultaw mill-privatizzazzjoni ta' PPA u ta' portijiet Griegi oħrajn, PCT targumenta li l-operaturi tal-port Grieg li ma jiġux fdati b'konċessjoni simili mhumiex f'pożizzjoni simili, u b'hekk la jinħoloq vantaġġ kompetittiv u lanqas distorsjoni fil-kompetizzjoni mid-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni.

(54)

Hija targumenta wkoll li l-Kummissjoni ma tirreferix għal xi evidenza li operaturi portwarji oħrajn ikunu interessati li jidħlu għal investiment kbir sabiex jistabbilixxu terminal portwarju kbir tal-kontejners fil-Greċja. Skont PCT huwa ferm improbabbli li tista' tinħoloq tali kompetizzjoni, peress li l-ebda port eżistenti ieħor fil-Greċja mhu ser ikollu l-karatteristiċi kollha ta' Piraeus (41).

(55)

Fl-aħħar nett rigward il-kompetizzjoni minn PPA, hija targumenta li l-opinjoni tal-Kummissjoni mhijiex eżatta, peress li PCT diġà tiffaċċja l-kompetizzjoni mit-terminal tal-kontejners tal-Moll I ta' PPA u l-effett tal-konċessjoni huwa l-ftuħ tas-suq għall-kompetizzjoni u mhux distorsjoni tal-kompetizzjoni. F'dan ir-rigward hija targumenta wkoll li PPA tibbenefika minn ċerti dispożizzjonijiet legiżlattivi ta' natura fiskali, li fid-dawl tagħhom l-adozzjoni ta' xi wħud mid-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni kienet meqjusa bħala mekkaniżmu neċessarju biex ikun żgurat li PCT ma taqax fi żvantaġġ kompetittiv.

4.2.   Dwar il-paragun tal-allegati miżuri ta' għajnuna mill-Istat ma' dispożizzjonijiet simili f'kuntratti oħrajn ta' proġetti kbar ta' infrastruttura  (42)

(56)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jindikaw li dispożizzjonijiet simili għal dawk tal-Artikolu 2 u 3 tal-Liġi kienu inklużi fil-liġijiet Griegi li rratifikaw bosta proġetti individwali ta' infrastruttura pubblika kif ukoll fil-Liġi 3389/2005 dwar is-Sħubiji Pubbliċi-Privati. Billi l-Kummissjoni eżaminat dawk il-liġijiet skont l-Artikolu 107(1) TFUE u ddeċidiet li ma ħolqux għajnuna mill-Istat, konklużjoni li d-dispożizzjonijiet fiskali favur PCT jikkostitwixxu miżura selettiva u jagħtu vantaġġ mhux dovut li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE tipperikola ċ-ċertezza legali u tkun kontrarja għall-prattika tal-Kummissjoni u għal dikjarazzjonijiet preċedenti rigward l-applikazzjoni ta' tali dispożizzjonijiet għall-proġetti ta' infrastruttura pubblika fil-Greċja.

(57)

Rigward il-kawża tal-Ajruport Internazzjonali ta' Ateni (43), fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet fiskali applikati fir-rigward ta' servizzi tal-ajruport li dak iż-żmien ma kinux liberalizzati, huma jargumentaw li l-istess konklużjoni tista' tittieħed għas-servizzi ta' infrastruttura portwarja f'dan il-każ. Barra minn hekk l-awtoritajiet Griegi jinsistu bl-argument li l-Kummissjoni eżaminat l-imsemmija dispożizzjonijiet f'dak il-każ.

(58)

Rigward il-kawża ta' Athens Ring Road (44) u l-Kawża Il-Pont tal-Awtostrada Rio Antirrion, fil-fehma tagħhom il-Kummissjoni eżaminat bl-attenzjoni l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tas-settur pubbliku u privat għall-ispejjeż tal-proġett kif ukoll id-dispożizzjonijiet fiskali kkonċernati. Il-Kummissjoni mbagħad ikkonkludiet li l-ammont tal-kontribuzzjoni tas-settur pubbliku (fil-forma ta' għotjiet u garanziji tal-Istat) kien stabbilit bħala “prezz tas-suq” (jiġifieri l-inqas ammont tal-kontribuzzjoni meħtieġ mis-settur pubbliku) permezz ta' sejħa għall-offerti miftuħa, nondiskriminatorja u kompetittiva. Fid-deċiżjoni dwar Athens Ring Road il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dispożizzjonijiet fiskali kkostitwew kjarifika tal-iskema fiskali applikabbli, li n-nuqqas tagħha seta' pperikola s-suċċess tal-proġett u ma kkunsidrathomx bħala parti mir-remunerazzjoni tal-konċessjonarju. Kwalunkwe valur finanzjarju li jista' jkun assoċjat mal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali adottati ma setax ikun ikkunsidrat bħala parti mill-kontribuzzjoni tas-settur pubbliku, peress li seta' jkun iddeterminat b'eżattezza biss meta jiskadi l-perjodu ta' konċessjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet kienu biss il-kjarifiki meħtieġa sabiex l-investituri privat ma jaqtgħux qalbhom b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda dan it-tip ta' proġetti ta' kostruzzjoni mhux vijabbli ta' riskju għoli. Għaldaqstant PCT ma tistax tiġi distinta mill-konċessjonarji f'dawn il-każijiet, peress li dawn id-dispożizzjonijiet kienu fi kwalunkwe każ “kjarifika” u mhux “remunerazzjoni” kif il-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha.

(59)

Barra minn hekk, il-każistika (45) li ssemmi l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha rigward il-fatt li s-skiet tal-Kummissjoni dwar miżuri speċifiċi ma jfissirx li ġew approvati (46), ma tistax tiġi applikata f'kawżi notifikati bħal dawk invokati mill-awtoritajiet Griegi u PCT.

(60)

Rigward id-deċiżjonijiet sussegwenti ta' għajnuna mill-Istat fuq il-bqija tal-proġetti ta' infrastruttura, il-Kummissjoni ma kellhiex għalfejn tirreferi fid-dettall għad-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni peress li ma bidlitx il-pożizzjoni tagħha espressa fil-kawżi Il-Pont tal-Awtostrada Rion Antirion u Athens Ring Road (47).

(61)

Huma jargumentaw li l-kwistjoni li tinħoloq hija jekk fid-dawl tal-approvazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet preċedenti msemmija hawn fuq, id-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni jistgħux ikunu kkunsidrati konsistenti mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u mhux jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex ikkonċernati mill-valutazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni, kif indikat fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Barra minn hekk, kieku dawn id-dispożizzjonijiet ġew inklużi fid-dokumenti tal-offerti ta' din il-konċessjoni, il-Kummissjoni kienet tikkonkludi l-istess bħal fid-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni.

(62)

Huma jargumentaw ukoll li d-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha bejn il-kawża attwali u l-kawżi preċedenti hija bbażata fuq teknikalità, jiġifieri l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali fil-Liġi 3755/2009 minflok l-inklużjoni tagħhom fil-kuntratt ta' konċessjoni. Barra minn hekk hija tindika li: (i) l-offerenti tas-sejħa għall-offerti kienu konxji mill-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet fiskali bħala l-qafas standard użat mill-Greċja għall-proġetti ta' infrastruttura pubblika u fir-rigward tal-PPPs fil-Greċja; (ii) il-kuntratti ta' PCT fir-rigward tal-konċessjonijiet portwarji tal-kontejners ta' Piraeus u Tessalonika saru fil-livell tal-Prim Ministru u tal-Ministru tas-settur Marittimu tal-Ġreċja li kienu qegħdin jippromwovu dan il-proġett ma' investituri f'livell internazzjonali u kienu qegħdin joffru l-pakkett sħiħ ta' miżuri li l-Greċja għandha stabbilit għal proġetti ta' infrastruttura pubblika ffinanzjati mir-riżorsi tas-settur privat; (iii) PCT kienet konxja li l-Kummissjoni kienet eżaminat u ma kienet qajmet l-ebda oġġezzjoni għal kull proġett simili preċedenti; (iv) PCT talbet lill-gvern Grieg u lil PPA waqt il-proċedura tal-offerti li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu inklużi fil-kuntratt ta' konċessjoni; (v) PCT reġgħet qajmet din il-kwistjoni mal-Prim Ministru Grieg u mal-Ministru tas-settur Marittimu u għal darba oħra ġiet assigurata li din il-leġiżlazzjoni kienet sejra tiġi introdotta; (vi) fid-dawl ta' dawn l-assigurazzjonijiet u matul is-sejħa għall-offerti u t-tħejjija tal-offerta tagħha, PCT ħadet inkunsiderazzjoni li l-kuntratt ta' konċessjoni kien ser ikun operat fuq l-istess bażi tal-konċessjonijiet tal-infrastruttura pubblika l-oħrajn kollha u li għalhekk, il-mutwanti jkunu familjari mat-termini tal-konċessjoni.

(63)

Għaldaqstant, il-proċess tas-sejħa għall-offerti għall-għoti tal-kuntratt ta' konċessjoni lil PCT ma jistax ikun distint mill-kawżi preċedenti, peress li l-qafas fiskali standard għal proġetti kbar ta' infrastruttura kien magħruf fost l-offerenti kollha. Huma jkomplu jindikaw li ma kien hemm ebda raġuni partikolari biex iżommu rekord ta' dawn l-iskambji fil-kuntest tal-proċess tal-offerti peress li PPA m'għandhiex is-setgħa li tadotta tali dispożizzjonijiet u fi kwalunkwe każ l-applikazzjoni tagħhom kienet kwistjoni ta' prattika stabbilita fil-Greċja f'konformità mal-preċedent tal-Kummissjoni.

(64)

B'hekk, jekk il-Kummissjoni tibbaża fuq teknikalità bħala l-unika raġuni biex tagħmel distinzjoni bejn PCT mill-impriżi l-oħrajn kollha li jwettqu infrastruttura pubblika fil-Greċja, din il-formalità tkun kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi.

(65)

Rigward id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li “l-evidenza pprovduta mill-awtoritajiet Griegi ssaħħaħ is-sejba li l-offerenti ma ħadux vantaġġi speċifiċi inkunsiderazzjoni… (48), PCT targumenta li mhijiex konxja tal-evidenza msemmija u li l-adozzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet permezz tal-liġi li tirratifika l-kuntratt ta' konċessjoni ma tistax titqies bħala xi evidenza.

4.3.   Dwar il-kompatibbiltà tal-allegati miżuri ta' għajnuna mill-Istat

(66)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li f'każ li l-Kummissjoni tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet fiskali inkwistjoni joħolqu għajnuna mill-Istat, tali għajnuna għandha titqies kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(a) u 107(3)(c), fid-dawl tal-importanza tal-investimenti rilevanti, l-infrastruttura u s-servizzi għall-iżvilupp ekonomiku tal-Greċja u, b'mod partikolari, għall-iżvilupp u l-immodernizzar tas-settur tat-trasport tal-kontejners marittimi.

(67)

Il-proġett ta' investiment inkwistjoni għandu l-għan li jiżviluppa lill-Port ta' Piraeus bħala terminal tal-kontejners marittimi modern fil-Baħar Mediterran, b'aktar kapaċità u spazju għall-ħażna, filwaqt li ttejjeb il-prestazzjoni tiegħu fl-immaniġġjar tat-traffiku tal-kontejners marittimi b'aktar effiċjenza. Id-dejta dwar il-prestazzjoni rilevanti għall-operat ta' Moll II (49) diġà turi l-kisba ta' dan l-għan. Barra minn hekk, il-proġett għandu l-għan ta' interess komuni tal-Kummissjoni b'rabta mal-politika tat-trasport tal-UE, kif ġie analizzat f'diversi regolamenti u komunikazzjonijiet tal-UE.

(68)

L-akkwist ta' tagħmir u l-bini ta' Moll III jitqiesu bħala investiment inizjali taħt ir-regoli Ewropej dwar l-għajnuna reġjonali li jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE. Dawn jikkorrispondu għal EUR […] (*) miljun u diġà ħolqu madwar 900 impjieg full-time diretti u indiretti li sejrin jibqgħu għall-perjodu ta' 35 sena konċessjoni. Minħabba l-ammont kbir ta' investiment, kwalunkwe ammont ta' għajnuna possibbli jkun ferm taħt il-limitu massimu ta' 30 % għajnuna li kien applikabbli għar-reġjun ta' Attika sa tmiem l-2010 jew l-ammonti ta' għajnuna massima approvati mill-Kummissjoni f'deċiżjonijiet rilevanti għall-infrastruttura portwarja (50). B'hekk il-miżuri ta' għajnuna jikkonsistu fil-minimu meħtieġ u f'miżuri xierqa għall-appoġġ ta' proġett ta' infrastruttura daqstant kbir. Il-kontribuzzjoni proprja ta' PCT għall-proġett hija sew fil-limiti stabbiliti fir-regoli dwar l-għajnuna reġjonali. Barra minn hekk kwalunkwe għajnuna possibbli tkun kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE għall-istess raġunijiet tal-għajnuna lil PPA approvata mill-Kummissjoni fil-Kawża C 21/2009 (51).

(69)

B'mod partikolari l-għajnuna tista' titqies meħtieġa fid-dawl tal-ħtieġa ta' finanzjament pubbliku għall-iżvilupp ta' infrastruttura portwarja matul il-kriżi finanzjarja, skont il-politika tal-UE f'dan ir-rigward (52), kif ukoll sabiex tiżgura ċ-ċarezza, il-flessibbiltà u l-prevedibbiltà tas-sistema ta' taxxa applikabbli għal konċessjonijiet bħal din. Rigward il-ħtieġa tal-miżuri ta' għajnuna, huma jargumentaw li d-dispożizzjonijiet fiskali żguraw il-konformità mal-arranġamenti finanzjarji tal-proġett tas-settur privat u l-evitar tal-inadempjenza tal-kumpanija li tħallas is-self u l-obbligazzjonijiet potenzjali tagħha. Mingħajr dawn id-dispożizzjonijiet fiskali, l-arranġamenti finanzjarji tal-proġett li PCT setgħet tikseb kienu jkunu materjalment aktar onerużi, xi ħaġa li setgħet tipperikola l-offerta tagħha jew l-implimentazzjoni tal-kuntratt ta' konċessjoni (falliment tas-suq). Fil-prattika d-dispożizzjonijiet fiskali kienu meħtieġ biex jiġi żgurat l-aċċess tal-konċessjonarju għall-finanzjament meħtieġ mill-finanzjaturi tas-settur privat (53). Finalment għotja fil-forma ta' flus minflok dawn il-miżuri ma kinitx tkun inċentiv xieraq u meħtieġ minħabba d-diffikultà fl-ikkalkular minn qabel bl-eżatt tar-rekwiżiti finanzjarji li jinħolqu minn dan il-falliment tas-suq.

(70)

Barra minn hekk huma jargumentaw li l-miżuri għandhom effett ċar ta' inċentiv, peress li l-bidu u l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' konċessjoni u kwalunkwe xogħol ta' investiment seħħew wara l-adozzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet fiskali. Fid-dawl tal-kriżi ekonomika u n-nuqqas ta' kreditu finanzjarju prevalenti fil-Greċja u fid-dinja kollha fl-2008/2009, PCT kellha inċentiv li tkompli bl-implimentazzjoni tal-konċessjoni wara l-adozzjoni tal-liġi biss. Inkella setgħet abbandunat il-konċessjoni akkost li titlef biss l-ittra ta' garanzija tagħha tal-bank ta' EUR 5 miljun. L-effett ta' inċentiv kien ippruvat ukoll bil-fatt li PCT kienet assumiet ir-riskju tal-finanzjament kollu tal-proġett.

(71)

Huma jargumentaw ukoll li l-istimi li pprovdew (54) juru li d-dispożizzjonijiet fiskali jipprovdu ammont bejn EUR […] miljun u EUR […] miljun (55) għall-perjodu sħiħ ta' konċessjoni, jiġifieri […] % sa […] % tal-ispejjeż totali ta' investiment ta' EUR […] miljun, ferm aktar baxx mill-ammonti ta' għajnuna approvati mill-Kummissjoni f'kawżi relatati mal-investimenti għall-portijiet.

(72)

Barra minn hekk huma jargumentaw li l-kwantifikazzjonijiet ex-ante tal-vantaġġi speċifiċi ma kinux meħtieġa għall-approvazzjoni tagħhom jew għall-implimentazzjoni tal-investiment. Fil-fehma tagħhom, dan l-approċċ ex-ante għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-Artikolu 107 TFUE ta' kwalunkwe allegat benefiċċju li jista' jingħad li jinħoloq minn kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet fiskali hija konformi ma' każistika stabbilita (56).

(73)

Huma jirreferu wkoll għal ċerti deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (57) fejn il-Kummissjoni approvat għajnuna mill-Istat mhux notifikata, billi stabbiliet l-effett ta' inċentiv u l-karattru meħtieġ u proporzjonat ta' tali għajnuna, f'każijiet fejn l-għajnuna ma kinitx ġiet ikkwantifikata fuq bażi ex ante u/jew ma setgħetx tiġi kkwantifikata anki meta ġiet adottata d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. B'hekk il-kalkolu (58) tal-benefiċċju finanzjarju ma kienx meħtieġ għall-istabbiliment tal-effett ta' inċentiv u ta' proporzjonalità.

(74)

Finalment indikaw li l-ebda waħda mill-miżuri eżaminati ma ġiet applikata fil-prattika.

5.   IL-VALUTAZZJONI TAL-KARATTRU TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT TAL-MIŻURI

(75)

L-Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi l-għajnuna mill-Istat bħala kwalunkwe għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, biex ikun iddeterminat jekk il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin iridu jkunu ssodisfati. Jiġifieri, il-miżura trid a) tingħata permezz ta' riżorsi mill-Istat, b) tagħti vantaġġ ekonomiku lil xi impriża, c) tkun selettiva, d) tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

5.1.   Kunċett ta' impriża

(76)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, ir-regoli tal-għajnuna dwar l-Istat japplikaw biss meta r-riċevitur ta' għajnuna tkun “impriża”. Skont każistika stabbilita, impriża hija entità impenjata f'attività ekonomika irrispettivament mill-istatus legali tagħha u l-mod kif inhi ffinanzjata (59). Barra minn hekk, kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-offerta ta' oġġetti u/jew servizzi f'suq partikolari hija attività ekonomika (60).

(77)

Il-Kummissjoni diġà kkunsidrat li l-bini u t-tħaddim ta' ċerti tipi ta' infrastruttura jistgħu jitqiesu bħala attività ekonomika (61). Barra minn hekk skont każistika stabbilita (62), il-provvediment ta' faċilitajiet ta' infrastruttura lil partijiet terzi bi ħlas jikkostitwixxi attività ekonomika.

(78)

Billi PCT immodernizzat il-Moll II eżistenti, bniet il-Moll III il-ġdid u tipprovdi firxa sħiħa ta' servizzi portwarji relatati mal-operat tat-terminal tal-kontejners, tista' titqies bħala impriża għall-finijiet tar-regoli ta' għajnuna mill-Istat. B'hekk PCT hija soġġetta għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

5.2.   Ir-riżorsi tal-Istat

(79)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, allegata miżura ta' għajnuna mill-Istat għandha tingħata minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat. Il-miżura hija deċiża mill-Istat u imputabbli lill-Istat. Billi jippermetti lil PCT tgawdi trattament fiskali speċifiku, l-Istat Grieg jirrinunzja għal riżorsi tal-Istat li kien jikseb li kieku ma kienx ippromulga l-allegati dispożizzjonijiet fiskali vantaġġjużi. B'hekk il-miżuri inkwistjoni jinvolvu telf ta' riżorsi tal-Istat u jistgħu jitqiesu li ngħataw mir-riżorsi tal-Istat.

5.3.   L-eżistenza ta' vantaġġ selettiv

(80)

Skont każistika kostanti, sabiex ikun iddeterminat jekk miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, jeħtieġ li wieħed jistabbilixxi jekk l-impriża riċeventi hijiex tirċievi vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta' intervent mill-Istat (63).

(81)

L-effett tal-miżura biss fuq l-impriża huwa rilevanti, la l-kawża u lanqas l-għan tal-intervent tal-Istat (64). Biex dan jiġi vvalutat, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża wara l-miżura għandha titqabbel mas-sitwazzjoni finanzjarja li kieku l-miżura ma ġietx introdotta. Il-kunċett ta' għajnuna jiġbor fih mhux biss benefiċċji pożittivi, iżda wkoll miżuri li, f'diversi forom, itaffu l-imposti li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta' impriża u li, mingħajr mhuma sussidji fit-tifsira stretta tal-kelma, huma simili fil-karattru u għandhom l-istess effett (65). Rigward it-taxxa, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni mit-taxxa li tqiegħed lir-riċevitur f'pożizzjoni aktar favorevoli minn kontribwenti oħrajn hija kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. Bl-istess mod, miżura li tippermetti lil ċerti impriżi tnaqqis ta' taxxa jew li tipposponi pagament ta' taxxa normalment dovuta tista' tammonta għal għajnuna mill-Istat (66).

(82)

Il-miżuri eżaminati jikkonsistu f'eżenzjonijiet u posponimenti ta' pagamenti tat-taxxi jew l-imposti normali li PCT ikollha tħallas fin-nuqqas tad-dispożizzjonijiet rilevanti jew fi trattament differenzjat li jippermetti lil PCT tiżgura fluss aqwa ta' flus matul l-ewwel snin tal-fażi ta' kostruzzjoni (ara minn hawn 'il quddiem id-deskrizzjoni ta' sistema fiskali normali jew sistemi ta' referenza). B'hekk permezz ta' dawn il-miżuri s-sitwazzjoni finanzjarja ta' PCT tjiebet meta mqabbla mas-sitwazzjoni tagħha mingħajr il-miżuri. Għaldaqstant jagħtu vantaġġ lil PCT.

(83)

L-eżistenza ta' vantaġġ tista' tiġi eskluża fil-każ fejn l-impriża inkwistjoni tipprovdi servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali f'konfomità mal-kriterji stabbiliti fil-każistika Altmark (67) jew meta l-intervent tal-Istat ikun seħħ f'konformità mal-kundizzjonijiet normali tas-suq (68). Madankollu dawn iż-żewġ xenarji mhumiex applikabbli f'dan il-każ.

(84)

Rigward l-“iżvantaġġ strutturali” invokat mill-benefiċjarja u l-awtoritajiet Griegi, il-Kummissjoni tinnota l-ewwel li f'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta' żvantaġġ strutturali mhuwiex rilevanti għall-esklużjoni tal-eżistenza ta' vantaġġ u b'hekk ta' għajnuna mill-Istat (69). Barra minn hekk, il-Kawża Combus mhijiex applikabbli fi kwalunkwe każ fil-każ investigat. F'dak il-każ, Combus kellha tabilħaqq żvantaġġ strutturali meta mqabbla mal-kompetituri tas-settur privat u l-miżura f'dak il-każ tabilħaqq eskludiet l-eżistenza ta' vantaġġ. Dan kien dovut għall-fatt li ħafna mis-sewwieqa ta' Combus kellhom l-istatus ta' uffiċjali li kien ifisser spejjeż tal-persunal ogħla milli kieku kienet impjegat sewwieqa fuq bażi ta' kuntratt, bħall-operaturi l-oħrajn kollha tax-xarabanks. Madankollu, PCT m'għandhiex żvantaġġ strutturali meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, peress li l-fatt li ntrabtet li tinvesti f'infrastruttura pubblika kbira ma jikkostitwixxix waħdu żvantaġġ strutturali, iżda deċiżjoni ta' investitur privat li ttieħdet mill-kumpanija prinċipali Cosco fil-kuntest tal-attività tan-negozju normali tagħha. B'hekk is-sejbiet fil-każistika Combus mhumiex applikabbli f'dan il-każ.

(85)

B'mod partikolari fir-rigward tal-miżura relatata mal-eżenzjoni mit-taxxi, il-kontribuzzjonijiet u kwalunkwe dritt favur l-Istat jew partijiet terzi fuq il-kuntratti bejn il-kredituri, u b'mod partikolari l-kumpanija prinċipali tagħha Cosco, tal-ftehimiet ta' self li taħthom jiġu trasferiti l-obbligi u d-drittijiet li jirriżultaw minnhom (70), il-Kummissjoni tikkunsidra li din id-dispożizzjoni hija ekwivalenti għall-għoti ta' kuntratt ta' assigurazzjoni li l-Istat jagħti lill-kredituri ta' PCT bla ħlas. Essenzjalment, il-kredituri ta' PCT, u b'mod partikolari Cosco, jistgħu jgawdu l-immunità mill-pagament ta' kwalunkwe taxxa, kontribuzzjoni u kwalunkwe dritt favur l-Istat jew partijiet terzi li l-Istat Grieg jista' jiddeċiedi li jimponi fil-futur, mingħajr ma jkollhom iħallsu xi kumpens lill-Istat għal immunità bħal din. B'hekk minħabba din il-miżura Cosco tinsab f'pożizzjoni aktar vantaġġjuża minn kredituri ta' investituri oħrajn, peress li ma għandhiex għalfejn tħallas primjum lill-Istat għal tali immunità.

(86)

Minħabba n-natura ta' din il-miżura li hija prevista li tapplika f'każ li l-Istat jadotta regoli ġeneralment applikabbli li jimponu taxxi indiretti għal dawn it-tip ta' tranżazzjonijiet, essenzjalment hija tipprevedi immunità mit-taxxa favur il-kredituri ta' PCT, b'mod partikolari Cosco, meta mqabbla mal-kumpaniji fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħal kredituri oħrajn ta' kumpaniji li jagħmlu investimenti. F'każ li l-Istat jadotta regoli ġeneralment applikabbli li jimponu taxxi indiretti fuq it-trasferiment ta' obbligi ta' self magħmul minn kumpaniji, il-kredituri tal-investituri l-oħrajn kollha jkollhom iħallsu tali taxxi indiretti fil-każ ta' trasferiment ta' dawn id-drittijiet ta' self. Għall-kuntrarju fil-każ ta' PCT it-trasferiment ta' kwalunkwe dritt li jinħoloq minn kwalunkwe self li jiffinanzja l-investiment tagħha bejn il-kredituri tagħha u b'mod partikolari Cosco, mhux ser ikun soġġett għal xi taxxa bħal din, mingħajr ma l-Istat ikun ikkumpensat għall-għoti ta' tali immunità. B'hekk il-vantaġġ inkwistjoni huwa selettiv peress li jikkonċerna biss lill-kredituri ta' PCT, b'mod partikolari Cosco, li jittrasferixxu drittijiet u/jew obbligi li joħorġu mis-self relatat mal-finanzjament tal-kuntratt ta' konċessjoni u PCT.

(87)

Biex taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, miżura ta' Stat għandha “tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti” meta mqabbla ma' oħrajn li, fid-dawl tal-għan segwit minn dik l-iskema, jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli (71). B'hekk, fil-prinċipju, għal miżuri fiskali, il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-selettività materjali tal-miżura permezz ta' analiżi fi tliet fażijiet.

(88)

L-ewwel jeħtieġ li tidentifika l-iskema komuni jew “normali” taħt is-sistema ta' taxxa applikabbli (“sistema ta' referenza”). It-tieni, irid ikun ivvalutat jekk il-miżura tikkostitwixxix deroga minn dik is-sistema ta' referenza diment li tagħmel differenza bejn operaturi ekonomiċi, li fid-dawl tal-għan intrinsiku għas-sistema, huma f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli (72).

(89)

Jekk tali deroga tiġi stabbilita, jiġifieri jekk il-miżura inkwistjoni hija prima facie selettiva, fit-tielet stadju, irid ikun eżaminat jekk il-miżura derogatorja tirriżultax min-natura jew mill-iskema ġenerali tas-sistema fiskali li minnha tifforma parti u għaldaqstant tista' tkun iġġustifikata. F'dan il-kuntest, skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istat Membru jkollu juri jekk id-differenzjazzjoni hijiex ġejja direttament mill-prinċipji bażiċi jew gwida ta' dik is-sistema (73).

(90)

L-awtoritajiet Griegi u PCT ipprovdew argumentazzjoni estiża sabiex jargumentaw li għall-miżuri fiskali kollha s-sistema ta' referenza korretta hija l-iskema ġenerali applikata għall-proġetti kbar ta' infrastruttura pubblika fil-Greċja bl-għan li tiffaċilita l-aċċess tagħhom għall-finanzi fid-dawl tar-riskji kbar li jġorru magħhom dawn il-proġetti, u li jirriżulta mis-sentenza ta' Ġibiltà (74) li l-introduzzjoni minn Stat Membru ta' eżenzjoni għal regoli ġeneralment applikabbli ma toħloqx awtomatikament selettività u vantaġġ.

(91)

Il-Kummissjoni l-ewwel ser tanalizza jekk din l-argumentazzjoni tistax tiġi aċċettata f'dak li jirrigwarda l-elementi kollha tal-analiżi tas-selettività, jiġifieri s-sistema ta' referenza, l-għan tas-sistema, it-tqabbil ta' sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli fuq il-bażi ta' dan l-għan. Imbagħad hija tkompli bl-analiżi tas-selettività ta' kull miżura b'mod separat.

i.    Rigward is-“sistema ta' referenza” u l-għan tagħha

(92)

Is-sistema ta' referenza tikkostitwixxi l-qafas li fl-isfond tiegħu tiġi vvalutata s-selettività ta' miżura. Hija tiddefinixxi l-limiti għall-eżami ta' jekk ċerti impriżi jibbenefikawx minn deroga mir-regoli normali li flimkien jifformaw dik is-sistema ta' referenza u għaldaqstant huma ttrattati b'mod vantaġġjuż meta mqabbla ma' impriżi oħrajn soġġetti għar-regoli ġenerali tas-sistema.

(93)

Meta jiġi stabbilit dan il-qafas fiskali ta' referenza, il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jrid jiġi ddeterminat b'mod konsistenti sabiex jiġi evitat li l-għanijiet li huma estrinsiċi għas-sistema jittieħdu bħala bażi għad-definizzjoni tagħha. Jekk id-definizzjoni tas-sistema ta' referenza kienet stabbilita fid-dawl tal-għan politiku li l-Istati Membri jsegwu f'kull każ li huwa estrinsiku għal-loġika tas-sistema fiskali, allura l-miżuri fiskali kollha li l-Istati Membri jimplimentaw sabiex jippromwovu ċerti setturi, attivitajiet jew tipi ta' impriżi fil-prattika jaħarbu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (75).

(94)

F'dan il-każ, l-għan ta' faċilitazzjoni ta' kumpaniji impenjati fi proġetti kbar ta' infrastruttura permezz tal-għoti ta' ċertezza legali u fluss addizzjonali ta' kontanti waqt il-fażi tal-kostruzzjoni, invokat mill-awtoritajiet Griegi u PCT, huwa għan politiku li huwa estern għal kunsiderazzjonijiet fiskali u ma jistax jintuża għall-finijiet tal-analiżi tas-selettività. Il-karatteristiċi ta' proġetti kbar ta' infrastruttura pubblika huma estrinsiċi għas-sistema fiskali u ma jistgħux iservu bħala bażi għad-determinazzjoni tas-sistema ta' referenza applikabbli. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-Istat Grieg jadotta liġi speċifika kull darba li jixtieq jippermetti trattament fiskali speċifiku lil kumpanija speċifika, ma jistax jitqies bħala qafas ġenerali li l-amministrazzjoni tapplika mingħajr diskrezzjoni.

ii.    Is-sitwazzjoni legali u fattwali ta' PCT fid-dawl tal-għan tal-miżura kkonċernata

(95)

Ladarba s-sistema ta' referenza tiġi stabbilita, il-pass li jmiss fl-analiżi huwa l-eżami ta' jekk miżura partikolari tagħmilx differenza bejn l-impriżi f'deroga minn dik is-sistema. Biex dan isir, jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk il-miżura aktarx li tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti oġġetti meta mqabbla ma' impriżi oħrajn li jinsabu f'sitwazzjoni fattwali u legali simili, fid-dawl tal-għan intrinsiku tas-sistema ta' referenza. Madankollu, għal dan il-għan, wieħed ma jistax jibbaża fuq l-għanijiet ta' politika esterna biex janalizza t-trattament differenzjat ta' impriżi taħt sistema fiskali partikolari.

(96)

Rigward il-karattru “orizzontali” tal-iskema argumentata li tapplika għall-impriżi kollha li jimplimentaw proġetti kbar ta' infrastruttura, hija każistika stabbilita (76) li l-fatt li n-numru ta' impriżi li jistgħu jippretendu li jkunu intitolati taħt miżura huwa kbir ħafna, jew li jappartjenu għal setturi differenti ta' attività, mhuwiex biżżejjed biex jikkontesta n-natura selettiva ta' dik il-miżura u, għaldaqstant, li jeskludi l-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat (77). Għaldaqstant il-fatt li l-kumpaniji li jassumu proġetti kbar ta' infrastruttura jistgħu jibbenefikaw minn diversi eżenzjonijiet fiskali, mhuwiex suffiċjenti sabiex wieħed jeskludi l-karattru selettiv tal-miżuri inkwistjoni. Għall-kuntrarju, il-kriterji li skonthom dawn il-kumpaniji jiksbu aċċess għal dawn l-eżenzjonijiet jistgħu jinvolvu de facto selettività (78).

(97)

Għaldaqstant is-sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli ta' PCT trid tiġi eżaminata kull darba fid-dawl tal-għan tas-sistema fiskali rilevanti applikabbli u mhux fuq il-bażi ta' għanijiet politiċi esterni.

iii.    Ġustifikazzjoni skont il-loġika tas-sistema fiskali

(98)

Miżura li tidderoga mis-sistema ta' referenza, li għalhekk hija prima facie selettiva, tista' xorta waħda tinstab li mhijiex selettiva jekk tkun iġġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali ta' dik is-sistema. Dan huwa l-każ meta miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji intrinsiċi jew il-prinċipji gwida bażiċi tas-sistema ta' referenza jew meta tkun ir-riżultat ta' mekkaniżmi inerenti meħtieġa għall-funzjonament u l-effettività tas-sistema (79). Għall-kuntrarju l-għanijiet ta' politika esterna li mhumiex inerenti fis-sistema ma jistgħux jiġu invokati għal dak il-għan (80). Għaldaqstant l-eżenzjonijiet mit-taxxa li huma r-riżultat ta' għan li mhuwiex relatat mas-sistema fiskali li jiffurmaw parti minnha ma jistgħux jevitaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(99)

F'dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea stabbilixxiet li anki jekk għan politiku jkun wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Unjoni Ewropea, il-ħtieġa li dak l-għan jittieħed inkunsiderazzjoni ma tiġġustifikax l-esklużjoni ta' miżuri selettivi milli jiġu kklassifikati bħala għajnuna (81). L-implimentazzjoni b'suċċess tal-proġetti kbar ta' infrastruttura u ċ-ċertezza legali għall-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti ma jistgħux jitqiesu bħala għan intrinsiku tas-sistema fiskali. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Griegi u PCT ma wrewx kif dan l-għan huwa konsistenti mal-prinċipju tal-ugwaljanza u l-proporzjonalità tas-sistema fiskali ġenerali, u b'mod partikolari l-għan li żżid l-introjtu. Huwa diffiċli li tirrikonċilja dan l-aħħar għan mal-għoti ta' tnaqqis fit-taxxi (82). Lanqas ma jista' t-tħassib finanzjarju ewlieni tal-kumpaniji li jkunu qegħdin jimplimentaw proġetti kbar ta' infrastruttura jitqies bħala għan li jiġġustifika trattament differenzjat għal dawn il-kumpaniji speċifiċi u b'mod partikolari għal PCT.

(100)

Għaldaqstant jekk il-miżuri fiskali li sejrin ikunu eżaminati hawn taħt jikkostitwixxu miżuri selettivi, ma jistgħux jitqiesu ġġustifikati mill-għan ta' politika pubblika mressaq mill-awtoritajiet Griegi u mill-benefiċjarja.

5.3.1.   Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu imposta fuq l-imgħax akkumulat sad-data tal-bidu  (83) tal-operat ta' Moll III  (84)

Sistema ta' referenza

(101)

Taħt is-sistema Griega tat-taxxa fuq l-introjtu, fil-prinċipju l-qligħ kollu ta' S.A., kumpaniji ta' responsabilità limitata u kumpaniji b'kapital privat stabbiliti fil-Greċja, li jiġi ġġenerat fil-Greċja u barra l-pajjiż, inkluż dak fil-forma ta' imgħax, jiġi intaxxat (85) bir-rata applikabbli fis-sena finanzjarja kkonċernata u l-ammont ta' qligħ li jifdal wara t-taxxa jista' jew jitqassam lill-azzjonisti, jiġi akkumulat bħala riżerva jew inkorporat/ikkonvertit f'kapital azzjonarju permezz ta' żieda fil-kapital. Ladarba l-ammont tal-qligħ wara t-taxxa jitqassam lill-azzjonisti jew inkorporat/ikkonvertit f'kapital azzjonarju, jiġi intaxxat għal darba oħra bir-rata applikabbli fis-sena finanzjarja kkonċernata (86).

(102)

Għaldaqstant, is-sistema ta' referenza għat-tassazzjoni tal-imgħaxijiet akkumulati sad-data tal-bidu tal-operat ta' Moll III hija s-sistema Griega ta' taxxa fuq il-kumpaniji, b'mod partikolari t-tassazzjoni ta' kumpaniji fuq il-qligħ inkluż dak li jirriżulta minn imgħaxijiet akkumulati.

Deroga mis-sistema ta' referenza

(103)

L-“imgħaxijiet akkumulati” (87) jikkostitwixxu parti mid-dħul gross taxxabbli ta' PCT u normalment ikunu soġġetti għal tassazzjoni. Madankollu, PCT hija eżenti mit-taxxa fuq l-introjtu mill-imgħax akkumulat sal-bidu tal-operat ta' Moll III (88), trattament li jiddevja mis-sistema ta' referenza, l-aktar it-taxxa fuq l-introjtu taħt il-kodiċi Grieg dwar it-taxxa fuq l-introjtu (“GITC”). PCT tista' titqies li hija f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli mal-S.A kollha li huma intaxxati fuq il-qligħ tagħhom taħt il-qafas ġeneralment applikabbli. Għaldaqstant wieħed jista' jikkonkludi li ngħatat vantaġġ selettiv.

(104)

Skont l-awtoritajiet Griegi u PCT, l-Artikolu 99 tal-GITC jipprovdi li d-dħul eżenti mit-tassazzjoni huwa soġġett għat-taxxa fuq il-kumpaniji meta jitqassam jew jiġi kapitalizzat. Fuq din il-bażi huma jargumentaw li d-dispożizzjoni inkwistjoni tippermetti biss differiment tat-taxxa lil PCT, fis-sens li ladarba PCT tikkapitalizza jew tqassam il-qligħ tagħha, PCT ikollha tħallas it-taxxa fuq il-kumpaniji fuq il-qligħ tagħha kif ukoll taxxa minn ras il-għajn fuq id-dividendi tal-azzjonisti.

(105)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 99§1, a), it-tielet inċiż tal-GITC jiddikjara li għall-kumpaniji li huma eżenti mit-taxxa fuq il-kumpaniji skont leġiżlazzjoni speċifika (f'dan il-każ id-dispożizzjoni taħt eżami), il-qligħ li jiġi kapitalizzat jew imqassam biss jiġi intaxxat, wara li titnaqqas it-taxxa fuq il-kumpaniji korrispondenti mill-valur tiegħu. B'hekk dan ifisser li permezz ta' din id-dispożizzjoni, PCT ma jkollhiex taxxa fuq l-introjtu xi tħallas mill-imgħax akkumulat sakemm id-dħul relatat tagħha ma jiġix kapitalizzat jew imqassam jew sa mhux aktar tard mill-bidu tal-operat ta' Moll III. B'hekk id-differiment tat-taxxa jirreferi biss għall-qligħ li jista' jiġi mqassam jew kapitalizzat. Minħabba din id-dispożizzjoni, PCT tista' tuża l-qligħ tagħha li jkun ġej mill-imgħax akkumulat sal-bidu tal-operat ta' Moll III, biex takkumula riżervi mingħajr ma jkollha għalfejn tħallas it-taxxa fuq il-kumpaniji f'dan ir-rigward. Barra minn hekk billi skont l-awtoritajiet Griegi m'hemm l-ebda obbligu taħt il-liġi Griega li wieħed jikkonverti r-riżervi f'kapital azzjonarju jew li jqassam il-qligħ, PCT tista' minħabba din id-dispożizzjoni tgawdi eżenzjoni sħiħa mit-taxxa fuq il-qligħ tagħha li jkun ġej mill-imgħax akkumulat iġġenerat fil-Greċja u barra l-pajjiż (89). Fi kwalunkwe każ, differiment tat-taxxa jikkostitwixxi vantaġġ selettiv għal PCT.

(106)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jindikaw li PCT trid iżżomm depożiti ta' flus kontanti sinifikanti sabiex tiffinanzja l-investimenti meħtieġa matul il-fażi ta' kostruzzjoni u l-perjodu ta' qabel il-bidu ta' Moll III u li din l-eżenzjoni għandha l-għan li tiffaċilita dawn l-investimenti fl-infrastruttura pubblika. F'dan is-sens huma jqisu li PCT hija f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli mal-kumpaniji kollha li jwettqu investimenti kbar fl-infrastruttura pubblika.

(107)

Madankollu, il-fatt li l-miżura hija disponibbli għall-kumpaniji kollha li jwettqu investimenti f'infrastruttura pubblika ma jfissirx li l-miżura mhijiex selettiva. Għall-kuntrarju, huwa stabbilit li ċerta kategorija ta' kumpaniji biss, dawk li jinvestu fl-infrastrutturi pubbliċi, jistgħu jibbenefikaw mill-miżura. Kumpaniji oħrajn li mhumiex attivi f'dan is-settur ta' attività ma jistgħux igawdu mill-istess miżura. Barra minn hekk, kif diġà ġie analizzat hawn fuq (90) l-għan politiku ta' faċilitazzjoni lill-kumpaniji impenjati fi proġetti kbar ta' infrastruttura matul il-fażi ta' kostruzzjoni ma jistax jitqies bħala għan inerenti għal skema fiskali li fuq il-bażi tagħha tista' tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli tal-kumpaniji.

Ġustifikazzjoni skont il-loġika tas-sistema fiskali

(108)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jindikaw li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-imgħaxijiet akkumulati hija bbażata direttament fuq dispożizzjoni ġenerali tal-GITC (91) li tinkludi fost ċerti tipi ta' dħul eżenti mit-taxxa, “dħul eżenti minħabba kuntratt ratifikat bil-liġi”. Huma jargumentaw li peress li l-leġiżlatur Grieg juża b'mod konsistenti din l-eżenzjoni ġenerali sabiex jintroduċi eżenzjonijiet mit-taxxa li japplikaw b'mod speċifiku għal kull proġett kbir ta' infrastruttura pubblika li jitwettaq fil-Greċja, id-dispożizzjoni eżaminata ma tintroduċix xi eżenzjoni speċjali mit-taxxa. Għall-kuntrarju, hija tifforma parti minn skema ġenerali bbażata fuq is-sistema tat-taxxa ġenerali li għandha l-għan li tiffaċilita u tappoġġja l-implimentazzjoni ta' proġetti kbar ta' infrastruttura pubblika jew ta' investiment. Din id-dispożizzjoni ġiet applikata b'mod konsistenti għal kull proġett ta' infrastruttura pubblika sabiex ikun żgurat li l-kumpaniji li jidħlu għal dawn il-proġett ma jkunux diskriminati jew jingħataw “żvantaġġ strutturali”.

(109)

Jirriżulta mill-każistika tal-qrati tal-UE li t-trattament ta' aġenti ekonomiċi fuq bażi diskrezzjonali jista' jfisser li l-applikazzjoni individwali ta' miżura ġenerali tassumi l-karatteristiċi ta' miżura selettiva, b'mod partikolari meta l-eżerċitar tas-setgħa diskrezzjonali jmur lil hinn mis-sempliċi ġestjoni tad-dħul tat-taxxa b'referenza għal kriterji oġġettivi (92).

(110)

Fid-dawl ta' din il-każistika, wieħed jista' jikkonkludi li l-allegata dispożizzjoni “ġenerali” tippermetti diskrezzjoni sħiħa lil-leġiżlatur li jeżenta kwalunkwe dħul mit-tassazzjoni, f'termini prattiċi wara li l-Istat ikun innegozja u kkonkluda kwalunkwe tip ta' kuntratt ma' kwalunkwe persuna taxxabbli. Għaldaqstant fil-prattika din id-dispożizzjoni “ġenerali” tippermetti eżenzjonijiet li mhumiex fil-loġika tas-sistema ta' tassazzjoni ġenerali, iżda fil-loġika li tiffavorixxi lill-kumpanija speċifika li magħha jista' jiġi nnegozjat u konkluż kuntratt kull darba. Għaldaqstant, l-allegata dispożizzjoni “ġenerali” tal-GITC ma tistax titqies li tifforma parti mil-loġika tas-sistema ta' taxxa fuq l-introjtu.

(111)

Rigward il-ġustifikazzjoni tal-miżura bħala inerenti mal-għan ta' politika pubblika ta' faċilitazzjoni ta' proġetti ta' infrastruttura pubblika, il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn l-argumenti jistgħu ma jittieħdux inkunsiderazzjoni meta jiġi vvalutat il-kunċett ta' għajnuna.

(112)

Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura tikkostitwixxi vantaġġ selettiv favur PCT li huwa ugwali għat-taxxa fuq l-introjtu li PCT normalment ikollha tħallas fuq l-imgħaxijiet akkumulati sal-bidu tal-operat ta' Moll III.

5.3.2.   Rifużjoni tal-bilanċ tal-kreditu tal-VAT irrispettivament mill-istadju ta' tlestija tal-oġġett tal-kuntratt — “oġġett ta' investiment uniku” — rifużjoni tal-VAT fi żmien 60 jum mill-applikazzjoni; imgħaxijiet minħabba dewmien  (93)

Sistema ta' referenza

(113)

Skont is-sistema fiskali Griega tal-VAT, persuna taxxabbli hija intitolata li tnaqqas il-VAT tal-input li huwa marbut direttament mat-twettiq ta' atti li huma taxxabbli (94) jew li mhumiex taxxabbli iżda jagħtu dritt għal tnaqqis. It-tnaqqis jingħata għall-parti tal-oġġetti u servizzi li huma tabilħaqq użati għat-twettiq ta' atti soġġetti għat-taxxa. Barra minn hekk, il-kreditu tal-VAT li jirriżulta mit-tnaqqis tal-VAT tal-input u tal-VAT tal-output f'perjodu partikolari tat-taxxa ma jitħallasx lura iżda jiġi riportat għall-perjodu tat-taxxa sussegwenti (95). Rifużjoni hija permessa jekk il-kumpanija ma tkunx tista' tpaċi l-kreditu tal-VAT tagħha mal-VAT tal-output fuq perjodu ta' 3 snin u malli jintemm dan il-perjodu (96).

(114)

Il-kreditu tal-VAT jista' jitħallas lura u ma jiġix paċut għall-perjodu tat-taxxa sussegwenti biss skont l-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 34 tal-Kodiċi dwar il-VAT. Waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet tirrigwarda l-VAT li tkun tħallset fuq “oġġetti ta' investiment”, kif inhuma definiti fil-Kodiċi dwar il-VAT (97), jiġifieri “oġġetti tanġibbli, proprjetà tal-kumpanija u esplojtati kontinwament minnha, kif ukoll il-bini u tipi oħrajn ta' kostruzzjonijiet li huma mibnija mill-kumpanija taxxabbli fuq proprjetà residenzjali li mhijiex tagħha, iżda li tagħha għandha l-użu abbażi ta' kwalunkwe relazzjoni legali, għal perjodu ta' mill-inqas 9 snin… L-ispejjeż ta' tiswija u manutenzjoni mhumiex inklużi fil-valur tal-oġġett ta' investiment”.

(115)

Skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Ministerjali 1073/2004 (98), fil-każijiet eċċezzjonali previsti (99), il-kreditu tal-VAT jista' jitħallas lura kif ġej: a) għall-ewwel applikazzjoni għar-rifużjoni tal-VAT, fi żmien xahrejn mid-data tal-applikazzjoni; b) għall-applikazzjonijiet sussegwenti għal rifużjoni tal-VAT ta' aktar minn EUR 6 000: (i) 90 % imħallsin lura fi żmien xahar mid-data tal-applikazzjoni u ii) l-10 % li jifdal fi żmien xahrejn mid-data tal-applikazzjoni; c) għal applikazzjonijiet sussegwenti ta' rifużjoni tal-VAT ta' inqas minn EUR 6 000, l-ammont sħiħ tal-VAT fi żmien xahar mid-data tal-applikazzjoni.

(116)

Kif l-awtoritajiet Griegi u PCT ġustament jindikaw, għall-kostruzzjoni ta' proprjetà immobbli, ir-rifużjoni ta' kreditu tal-VAT issir wara li jibda x-xogħol u sal-ammont li jikkorrispondi għan-nefqa relatata max-xogħol li jkun sar u fatturat matul kull perjodu li għalih tista' tintalab il-VAT (100).

(117)

B'mod partikolari fir-rigward ta' oġġetti ta' investiment, id-dritt li titnaqqas il-VAT jiġi deċiż b'mod definit meta l-oġġetti ta' investiment jibdew jintużaw. Barra minn hekk, biex jiġu evitati l-abbużi fil-mekkaniżmu ta' rifużjoni tal-VAT, jekk fi żmien 5 snin mit-twettiq tan-nefqa għall-akkwist jew il-kostruzzjoni ta' oġġett ta' investiment, dan l-oġġett ma jintużax, allura l-VAT tal-input li tkun tnaqqset ikollha titħallas lura lill-Istat, peress li titqies li ma ntużatx għal atti taxxabbli (101).

(118)

Finalment skont il-qafas ġeneralment applikabbli, il-komputazzjoni tal-imgħax fuq it-taxxa jew ir-rifużjoni ta' ammonti mħallsa indebitament tibda 6 xhur wara l-ewwel jum tax-xahar wara d-dikjarazzjoni fiskali tal-persuna taxxabbli (102). Madankollu, il-qrati amministrattivi Griegi kkunsidraw li din id-dispożizzjoni mhijiex konformi mal-prinċipju kostituzzjonali tal-ugwaljanza tal-kontribwenti (103). Għaldaqstant huma warrbu din id-dispożizzjoni meta kkunsidraw li l-imgħax għandu jinħadem mill-jum li fih il-persuna taxxabbli tressaq l-appell kontra d-deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa li ma tħallasx lura l-kreditu tal-VAT mitlub (104).

(119)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu s-sistema ta' referenza dwar ir-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT fil-Greċja.

Deroga mis-sistema ta' referenza

—   Rigward ir-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT irrispettivament mill-istadju ta' tlestija tal-oġġett tal-kuntratt

(120)

Skont l-Artikolu 2(3) tal-Liġi 3755/2009, PCT hija intitolata għal rifużjoni tal-kreditu tal-VAT irrispettivament mill-grad ta' tlestija tal-proġett ta' kostruzzjoni jew ta' strutturi individwali jew ta' partijiet minnu. Barra minn hekk skont l-istess artikolu PCT ma titlifx id-dritt tagħha ta' rifużjoni tal-kreditu tal-VAT, f'każ li ma tkunx użat l-oġġett ta' investiment fi żmien ħames snin mit-twettiq tan-nefqa relatata, għalkemm dan ikun il-każ skont ir-regoli ġeneralment applikabbli.

(121)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li billi l-kumpaniji kollha għandhom id-dritt għal rifużjoni tal-VAT ladarba n-nefqa rilevanti tkun saret u ġiet fatturata, id-dispożizzjoni rigward PCT ma tagħtiha l-ebda vantaġġ addizzjonali, peress li fi kwalunkwe każ PCT tkun intitolata għal rifużjoni tal-VAT wara l-bidu tax-xogħlijiet u mhux biss meta dawn ix-xogħlijiet ikunu tlestew.

(122)

Abbażi tal-informazzjoni addizzjonali u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti, il-Kummissjoni wasslet għall-konklużjoni li PCT tabilħaqq ikollha fi kwalunkwe każ id-dritt għar-rifużjoni tal-VAT wara l-bidu tax-xogħlijiet fuq il-proġett u sal-ammont korrispondenti għall-fatturi maħruġa. Madankollu, dan id-dritt jiġi definittivament deċiż ladarba l-oġġett ta' investiment jintuża. Billi PCT għandha d-dritt għal rifużjoni tal-VAT irrispettivament mit-tlestija tal-proġett ta' investiment u fl-istess waqt ma titlifx dan id-dritt f'każ li ma tużax l-oġġett ta' investiment fi żmien 5 snin, kif għandu jseħħ taħt ir-regoli normalment applikabbli, hija tgawdi vantaġġ selettiv.

(123)

Dan il-vantaġġ jikkonsisti fir-rifużjoni tal-VAT li PCT hija intitolata li żżomm jekk sa 5 snin wara t-twettiq tan-nefqa relatata ma' din ir-rifużjoni, il-proġett ma jkunx inbeda, filwaqt li kumpaniji oħrajn ikollhom iħallsu lura lill-Istat Grieg il-VAT rimborżata f'każ li l-proġett ma jinbediex fi żmien ħames snin (mit-twettiq tan-nefqa relatata). Huwa mfakkar li, taħt ir-regoli ġeneralment applikabbli, f'dawn il-każijiet, l-atti rilevanti (ikkonċernati min-nefqa) ma jibqgħux jitqiesu bħala atti taxxabbli (ara l-premessa 117 ta' hawn fuq). Dan ifisser li, f'ċirkustanzi simili, kumpaniji oħrajn normalment ma jitħallewx jużaw il-kreditu tal-VAT marbut ma' dawn in-nefqiet sabiex ipaċu l-VAT dovuta f'perjodu sussegwenti. Għaldaqstant, il-vantaġġ li tgawdi PCT minn din id-dispożizzjoni huwa ugwali għall-ammont sħiħ tar-rifużjoni tal-VAT li għandha permess iżżomm (taħt din id-dispożizzjoni) jekk sa 5 snin wara t-twettiq tan-nefqa relatata, il-proġett ma jkunx inbeda.

(124)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li din id-devjazzjoni hija applikabbli wkoll għall-kumpaniji ta' utilità pubblika, peress li huma dawk li ħafna drabi jibnu proġetti ta' infrastruttura li jistgħu jieħdu aktar ħin biex jitlestew minn dan il-perjodu ta' 5 snin ġeneralment applikabbli. Fil-fehma tagħhom, l-istess linja ta' raġunament tapplika wkoll għal PCT, li sejra tibni proġett kbir ta' infrastruttura li jista' jeħtieġ aktar żmien minn 5 snin. Huwa għalhekk ukoll li din id-dispożizzjoni ddaħħlet fil-kuntratti l-oħrajn kollha ta' konċessjoni relatati ma' proġetti kbar ta' infrastruttura. Għaldaqstant huma jikkunsidraw li din id-devjazzjoni mir-regoli ġeneralment applikabbli mhijiex eċċezzjoni iżda applikazzjoni differenti tar-regoli għal sitwazzjonijiet differenti li mhumiex komparabbli.

(125)

Il-Kummissjoni tqis li din id-devjazzjoni tikkostitwixxi vantaġġ selettiv, peress li tagħti lil PCT il-flessibbiltà li jkollha aċċess għar-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT irrispettivament minn meta tuża l-oġġett ta' investiment, jiġifieri għal perjodu ta' żmien mhux definit. B'dan il-mod, anki jekk qatt ma tuża l-oġġett ta' investiment, id-dritt tagħha għal rifużjoni tal-kreditu tal-VAT qatt ma jkun deċiż b'mod definit u aġġustat kif xieraq, li fil-prattika jfisser li jekk ma tlestix il-proġett, ma tkunx obbligata tħallas lura l-kreditu tal-VAT li hija tkun irċeviet matul il-perjodu kollu ta' kostruzzjoni. Il-fatt li l-kumpaniji ta' utilità pubblika jistgħu jibbenefikaw mill-istess vantaġġ ma jfissirx li dan il-vantaġġ mhuwiex selettiv. Il-kumpaniji ta' utilità pubblika huma kategorija ta' kumpaniji li jistgħu jibbenefikaw mill-miżura. Għaldaqstant, din il-miżura hija selettiva.

—   Rigward id-definizzjoni ta' oġġett ta' investiment

(126)

L-Artikolu 2(3) tal-Liġi 3755/2009 jipprovdi li għall-finijiet tal-kodiċi tal-VAT, il-proġett ta' kostruzzjoni tal-ftehim ta' konċessjoni u kwalunkwe provvista ta' oġġetti, xogħlijiet, servizzi u xogħlijiet anċillari relatati mal-kostruzzjoni għandhom jitqiesu bħala “oġġett ta' investiment uniku”. Din id-dispożizzjoni tiddikjara essenzjalment li għall-finijiet tal-ftehim ta' konċessjoni, il-kunċett ta' “oġġett ta' investiment” previst fil-kodiċi dwar il-VAT għandu jinkludi l-attivitajiet kollha relatati mal-oġġett tal-ftehim ta' konċessjoni, jiġifieri mhux l-“oġġetti tanġibbli” (105) mibnija biss iżda wkoll kull provvista ta' oġġetti, xogħlijiet u servizzi relatati jew anċillari għall-oġġett tal-ftehim ta' konċessjoni.

(127)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li fid-dawl tal-Artikoli 34 u 33§4 tal-Kodiċi dwar il-VAT dwar l-“oġġett ta' investiment”, id-dispożizzjoni taħt eżami tikkonsisti sempliċiment fi kjarifika tar-regoli ġeneralment applikabbli sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni żbaljata tar-regoli dwar ir-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT mill-awtoritajiet tat-taxxa fid-dawl tal-partikolaritajiet u l-ammonti kbar involuti fi proġetti kbar ta' infrastruttura. Fil-fehma tagħhom, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-ftehim ta' konċessjoni, il-miżura taħt eżami għandha l-għan li tittratta lil kull element tal-ispejjeż tal-investiment bħala unità ta' negozju waħda għall-finijiet tal-VAT. Peress li kull nefqa relatata mal-proġett ta' investiment hija fi kwalunkwe każ integrata fl-oġġett ta' investiment minn perspettiva kontabilistika, din id-dispożizzjoni sempliċiment tiċċara dak li huwa diġà applikabbli. Peress li PCT wettqet investimenti konsiderevoli li jinkludu azzjonijiet u stadji separati u tipi ta' nefqa fuq oġġetti u servizzi, jekk kull waħda minn dawn l-ispejjeż kellhom jiġu ttrattati separatament, PCT tiġi ttrattata b'mod differenti għall-finijiet tal-iskema tal-VAT minn kwalunkwe impriża li tinvesti sabiex twettaq attività ekonomika.

(128)

Biex jappoġġjaw l-argument tagħhom, l-awtoritajiet Griegi u PCT jirreferu għall-każistika INZO (106), li tgħid li l-attivitajiet ekonomiċi fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT “…jistgħu jikkonsistu f'bosta tranżazzjonijiet konsekuttivi u atti preparatorji…” (107) li jippermettu r-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT rilevanti waqt il-perjodu ta' kostruzzjoni. Barra minn hekk huma jindikaw li fl-istess linja ta' raġunament il-liġi dwar il-PPPs ġiet emendata fl-2011 (108) sabiex tipprovdi li l-PPPs ikunu eliġibbli għat-talba ta' rifużjoni tal-kreditu tal-VAT kull sena mal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni annwali tal-VAT tagħhom, mingħajr ma jkollhom jirriportaw il-bilanċ ta' kreditu għall-perjodu kontabilistiku.

(129)

Finalment huma jargumentaw li anki jekk l-investiment ma jiġix ikkunsidrat li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni ta' “oġġett ta' investiment”, PCT tkun intitolata li titlob ir-rifużjoni (i) fuq bażi annwali kieku tkun tista' tistabbilixxi li mhijiex sejra tkun kapaċi tpaċi l-kreditu tal-VAT tagħha mal-VAT tal-output fuq perjodu ta' tliet snin u (ii) malli jgħaddu t-tliet snin.

(130)

Il-Kummissjoni tinnota li d-dispożizzjoni taħt eżami tinkludi definizzjoni speċifika tal-kunċett ta' “oġġett ta' investiment” li hija usa' għal PCT milli għal kumpaniji oħrajn li jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali. Fil-prattika din id-definizzjoni għandha konsegwenza li PCT għandha d-dritt li tieħu rifużjoni għall-kreditu tal-VAT fir-rigward tax-xogħlijiet, servizzi u oġġetti kollha relatati mal-oġġett ta' kostruzzjoni, għalkemm skont ir-regoli ġeneralment applikabbli din il-possibbiltà teżisti biss għal oġġetti tanġibbli u mhux għal servizzi, xogħlijiet, spejjeż ta' tiswijiet u manutenzjoni. Billi skont ir-regoli ġeneralment applikabbli PCT tkun intitolata għal rifużjoni tal-kreditu tal-VAT fuq bażi annwali meta tistabbilixxi li mhijiex sejra tkun kapaċi tpaċi l-kreditu tal-VAT tagħha mal-VAT tal-output fuq perjodu ta' tliet snin u malli jgħaddu t-tliet snin, id-definizzjoni usa' tal-oġġett ta' investiment uniku għall-finijiet tal-kuntratt ta' konċessjoni fil-prattika tirriżulta fl-għoti lil PCT ta' flus kontanti addizzjonali bil-quddiem minn kreditu tal-VAT li normalment jitħallsu lura aktar tard (109).

(131)

Tabilħaqq, bis-saħħa ta' din id-dispożizzjoni, PCT tista' tieħu rifużjoni tat-taxxa mhux biss għal oġġetti tanġibbli iżda wkoll għal spejjeż relatati ma' servizzi, xogħlijiet, tiswijiet u manutenzjoni, filwaqt li kumpaniji oħrajn jistgħu biss ipaċu l-VAT tal-input mal-VAT tal-output għal dawn l-ispejjeż jew jistennew 3 snin qabel jieħdu r-rifużjoni. Għaldaqstant, il-vantaġġ li PCT tgawdi bis-saħħa ta' din id-dispożizzjoni huwa ugwali għall-imgħaxijiet akkumulati fuq il-VAT imħallsa lura għall-ispejjeż kollha minbarra dawk għall-oġġetti tanġibbli (relatati mal-oġġett ta' investiment), mill-mument li r-rifużjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta' PCT sal-mument li PCT kienet tkun intitolata għal din ir-rifużjoni, jiġifieri 3 snin wara jew sal-mument fejn PCT kienet tkun tista' tpaċi l-kreditu tal-VAT tagħha (li jirrigwarda dawk l-ispejjeż) mal-VAT tal-output.

(132)

Il-fatt li l-awtoritajiet tat-taxxa setgħu possibbilment japplikaw ir-regoli dwar ir-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT b'mod differenti fl-assenza ta' din id-definizzjoni, juri li din id-definizzjoni tinvolvi vantaġġ selettiv għal PCT li ma japplikax għall-kumpaniji kollha. Barra minn hekk il-fatt li l-liġi dwar il-PPPs li hija prinċipalment applikabbli għal proġetti ta' infrastruttura, ġiet emendata biex tipprovdi d-dritt tal-PPPs li jitolbu r-rifużjoni u jevitaw ir-riportar tal-kreditu tal-VAT għas-sena ta' wara, huwa wkoll prova li skont ir-regoli ġeneralment applikabbli kull nefqa relatata ma' proġett ta' infrastruttura mhux ser tkun ittrattata bħala “oġġett ta' investiment uniku” għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT. L-ittra tal-Ministeru għall-Marina Merkantili lill-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi (110) li titlob arranġamenti speċifiċi ta' rifużjoni tal-kreditu tal-VAT (111) għal PCT u għall-offerent rebbieħ tal-Port ta' Tessalonika f'dak iż-żmien, turi li r-regoli ġeneralment applikabbli relatati mar-rifużjoni ma jkunux l-istess. Finalment il-fatt li wara d-deċiżjoni ministerjali tal-2013 m'hemm l-ebda differenzjazzjoni fir-regoli dwar ir-rifużjoni irrispettivament mid-definizzjoni ta' oġġett ta' investiment, ukoll juri li din id-definizzjoni kienet tikkostitwixxi vantaġġ selettiv favur PCT fiż-żmien meta ngħatat.

(133)

Barra minn hekk il-Kummissjoni tinnota li l-każistika INZO imsemmija tirreferi għad-dritt li titnaqqas il-VAT għal tranżazzjonijiet soġġetti għall-VAT li huma relatati mal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli u mhux mad-dritt għal rifużjoni.

—   Rigward il-komputazzjoni tal-imgħaxijiet mill-ewwel jum ta' wara l-iskadenza ta' 60 jum

(134)

Id-dispożizzjoni taħt eżami tagħti wkoll lil PCT id-dritt għall-imgħaxijiet mill-kreditu tal-VAT kontra l-Istat li jinħolqu b'mod awtomatiku ladarba l-iskadenza ta' 60 jum tagħlaq, mingħajr ma jkollha ssegwi r-rekwiżiti proċedurali jew temporali stabbiliti mill-qafas ġenerali applikabbli relatat mar-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT, jiġifieri fi stadju aktar bikri milli għal kumpaniji oħrajn u mingħajr ma jkollha tgħaddi mill-proċedura tal-qrati amministrattivi. Għaldaqstant tinvolvi vantaġġ selettiv ieħor għal PCT.

(135)

Dan il-vantaġġ jikkonsisti fl-imgħaxijiet li PCT tista' titlob (skont din id-dispożizzjoni) mill-Istat Grieg ladarba jkunu għaddew 60 jum mill-mument li tkun ippreżentat id-dikjarazzjoni fiskali rilevanti (biex titlob ir-rifużjoni tal-VAT), filwaqt li kumpaniji oħrajn f'sitwazzjoni simili ma jkunux intitolati għall-imgħaxijiet fl-istess punt ta' żmien.

(136)

L-awtoritajiet Griegi jsostnu l-argumentazzjoni tagħhom appoġġjata minn PCT billi jirreferu għall-każistika tal-UE dwar il-VAT (112) li tiddikjara li r-rifużjoni ta' bilanċ ta' kreditu tal-VAT tikkostitwixxi r-rifużjoni ta' riżorsi tal-persuna taxxabbli u mhux riżorsi tal-Istat. Huma jkomplu jargumentaw li l-limitu ta' żmien ta' 60 jum joħroġ mill-prinċipju tan-newtralità u tal-ugwaljanza li ġej mill-każistika tal-UE dwar il-VAT (113). Meta l-Istat idewwem ir-rifużjoni tal-bilanċ ta' kreditu tal-VAT aktar minn kemm ikun stabbilixxa bħala “perjodu raġonevoli ta' żmien”, għandu jkun meħtieġ iħallas l-imgħax arretrat permezz ta' kumpens lill-kontribwent li jitlob din ir-rifużjoni. B'hekk il-pagament ta' dan it-tip ta' imgħax arretrat fuq il-bilanċ ta' kreditu tal-VAT ma jikkostitwixxix riżorsi tal-Istat.

(137)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-komputazzjoni tal-imgħaxijiet fir-rigward tad-dewmien fil-pagament tar-rifużjoni tal-VAT timplika riżorsi tal-Istat, f'dak li jirrigwarda l-imgħaxijiet addizzjonali li l-Istat ikollu jħallas lil PCT minħabba din id-dispożizzjoni. Fil-prattika minħabba din id-dispożizzjoni l-Istat ser iħallas imgħaxijiet awtomatikament mill-jum ta' wara l-perjodu ta' 60 jum u mhux mid-data li PCT tressaq appell f'dan ir-rigward, kif ikun il-każ skont ir-regoli applikabbli. Peress li PCT biss tikseb dan id-dritt b'mod awtomatiku għalkemm dan huwa possibbli inġenerali biss wara l-preżentazzjoni ta' appell, id-dispożizzjoni tinvolvi vantaġġ selettiv għal PCT.

(138)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li din id-dispożizzjoni sempliċiment tiżgura li l-Istat ma jiksibx benefiċċju finanzjarju a spejjeż ta' PCT. Fil-każ ta' ftehimiet ta' konċessjoni ta' dan it-tip dewmien kbir fir-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT ikun spiża konsiderevoli u b'hekk żvantaġġ strutturali serju għal PCT. Barra minn hekk il-possibbiltà ta' pagament ta' ammonti iżgħar ta' imgħaxijiet arretrati lil impriżi oħrajn ma tnaqqasx l-ispiża li PCT ikollha ġġorr normalment fl-attività tan-negozju tagħha. B'hekk PCT ma għandha l-ebda vantaġġ kompetittiv u mhijiex ittrattata b'mod differenti minn kumpaniji oħrajn.

(139)

Il-Kummissjoni ma tqisx li PCT tinsab f'sitwazzjoni differenti minn kumpaniji oħrajn li tiġġustifika trattament differenti. Kif diġà ntqal il-fatt li PCT twettaq investiment kbir mhuwiex argument rigward il-kunċett ta' selettività. Barra minn hekk, il-ħlas awtomatiku ta' imgħax lil PCT inaqqas l-ispejjeż normali tal-kumpanija u jagħti lil PCT vantaġġ meta mqabbla ma' kumpaniji oħrajn.

Ġustifikazzjoni skont il-loġika tas-sistema fiskali

(140)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li anki kieku kien hemm element ta' selettività fid-dispożizzjonijiet relatati mar-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT, dan kien ikun iġġustifikat mill-prinċipji bażiċi jew gwida li huma inerenti fis-sistema tal-VAT, peress li dan ġie kkonfermat mill-qrati Ewropej u Griegi.

(141)

Il-Kummissjoni tinnota li f'dan il-każ il-miżuri favur PCT jindikaw li PCT ingħatat trattament favorevoli rigward ir-rifużjoni tal-VAT meta mqabbla ma' kumpaniji oħrajn li jagħmlu investimenti u jnaqqsu l-VAT u dan ma jistax jitqies iġġustifikat mill-prinċipju tan-newtralità jew saħansitra tal-ugwaljanza tas-sistema fiskali tal-VAT.

(142)

B'mod partikolari fir-rigward tar-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT irrispettivament mill-istadju ta' tlestija tal-oġġett tal-kuntratt, anki li kieku potenzjalment jista' jkun aċċettat li devjazzjoni tista' tkun possibbli minħabba perjodu itwal ta' kostruzzjoni, li jista' jkun antiċipat fi proġetti akbar, tul ta' żmien indefinit ta' din id-devjazzjoni ma jistax jitqies li jirrispetta l-prinċipju tal-ugwaljanza jew tan-newtralità tas-sistema tal-VAT. B'mod partikolari, peress li skont it-termini tal-kuntratt ta' konċessjoni PCT kienet taħt l-obbligu li tlesti l-Moll II sat-30 ta' April 2014 u l-Moll III sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2015, l-imsemmija flessibbiltà għal perjodu mhux limitat ta' żmien ma tistax tispjega f'liema termini s-sitwazzjoni komparabbli u legali fattwali ta' PCT hija differenti minn dik ta' impriżi oħrajn li jagħmlu investimenti u jieħdu rifużjoni tal-kreditu tal-VAT. Fid-dawl tal-prinċipji tas-sistema tal-VAT, li skonthom irid ikun żgurat li l-kumpaniji ma jibbenefikawx minn vantaġġ mhux dovut mis-sistema tal-VAT stabbilita, dan it-trattament speċifiku ma jistax jitqies iġġustifikat mil-loġika tas-sistema.

(143)

Rigward id-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' oġġett ta' investiment, il-Kummissjoni tinnota li d-Direttiva dwar il-VAT tippermetti lill-Istati Membri diskrezzjoni sabiex jiddeċiedu jekk il-kumpaniji jistgħux jieħdu rifużjonijiet ta' kreditu tal-VAT jew jekk għandhomx jirriportaw il-kreditu tal-VAT għas-sena ta' wara, kif ukoll kif sejrin jiddefinixxu l-“oġġett ta' investiment” għall-finijiet tal-VAT. B'hekk l-Istat Grieg kellu d-diskrezzjoni li jiddetermina r-regoli applikabbli f'dan ir-rigward u jispeċifika f'liema każijiet tista' tintalab rifużjoni u fuq liema bażi. Madankollu, id-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' oġġett ta' investiment li ppermettiet li PCT ikollha rifużjoni ffaċilitata u bikrija tal-kreditu tal-VAT ma tistax titqies iġġustifikata mil-loġika tas-sistema fiskali, peress li dan imur kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza li għandu jkun applikat għall-kumpaniji kollha li jagħmlu investimenti u mhux biss għal PCT.

(144)

Rigward il-komputazzjoni tal-imgħaxijiet wara l-iskadenza ta' 60 xahar, il-Kummissjoni tikkunsidra li lanqas din ma tista' tkun iġġustifikata mil-loġika tas-sistema Griega tal-VAT. Il-prinċipju ġenerali tan-newtralità tal-VAT jista' jiġġustifika l-impożizzjoni fuq l-imgħaxijiet f'każ ta' dewmien tar-rifużjoni tal-VAT, biex jobbliga lill-Istat ma jittrasferixxix l-oneru tas-sistema tal-VAT fuq il-kontribwent. Id-dispożizzjonijiet Griegi f'dan ir-rigward ġew interpretati mill-Qrati Griegi b'mod li l-kontribwent ta' kwalunkwe tip ma jbatix il-konsegwenzi tal-possibbiltà ta' nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Istat. Din l-interpretazzjoni saret indipendentement mill-ammonti li l-Istat għandu jħallas lill-kontribwent. B'hekk il-vantaġġ li PCT tieħu mid-dispożizzjoni taħt eżami li suppost għandha tagħmel aktar pressjoni fuq l-Istat Grieg f'każ li ma jħallas lura l-VAT fil-ħin ma jistax jitqies iġġustifikat fid-dawl tan-nefqa kbira tal-investiment tagħha.

(145)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri msemmija hawn fuq rigward il-kundizzjonijiet tar-rifużjoni tal-VAT jagħtu vantaġġ selettiv lil PCT.

5.3.3.   Telf riportat mingħajr limitazzjoni temporali — Taxxa fuq l-introjtu (l-Artikolu 2§5 tal-Liġi 3755/2009)

Sistema ta' referenza

(146)

Skont il-qafas ġenerali applikabbli (114), għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq l-introjtu, it-telf ta' sena għall-attivitajiet kummerċjali u attivitajiet ta' professjoni libera jista' jiġi riportat sa perjodu massimu ta' ħames snin. Il-GITC ma tipprovdi l-ebda eċċezzjoni fir-rigward ta' din ir-regola.

Deroga mis-sistema ta' referenza

(147)

Skont l-Artikolu 2(5) tal-Liġi 3755/2009, PCT tista' tirriporta t-telf tagħha mingħajr ebda limitazzjoni fiż-żmien. Din il-miżura tagħti vantaġġ selettiv ċar lil PCT peress li tiddevja mir-regola ġeneralment applikabbli li m'għandhiex eċċezzjonijiet taħt il-GITC. Minħabba din id-dispożizzjoni PCT tkun tista' tirriporta t-telf tagħha għal kwalunkwe ħin li jkun jaqblilha l-aktar, prinċipalment ladarba l-bilanċ bejn l-ispejjeż tal-investiment tagħha u d-dħul taxxabbli tagħha jinbidel, jiġifieri meta jkollha qligħ kbir, sabiex tevita li tħallas taxxi li normalment ikollha tħallas fin-nuqqas tal-benefiċċju ta' din l-eċċezzjoni.

(148)

Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tagħti lil PCT vantaġġ li huwa ugwali għad-differenza bejn it-taxxa fuq l-introjtu li attwalment tħallas u t-taxxa fuq il-kumpaniji li kien ikollha tħallas fin-nuqqas tal-possibbiltà li tirriporta t-telf tagħha aktar minn 5 snin wara li jseħħ dan it-telf.

(149)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw ukoll li d-dritt li t-telf jiġi riportat sakemm iddum il-konċessjoni f'dan il-każ ġie kkunsidrat xieraq bħala applikazzjoni tal-prinċipju ta' tqabbil tal-introjtu u l-ispejjeż. Skont l-awtoritajiet Griegi u PCT wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-GITC f'dan ir-rigward u ġie applikat bħala tali fl-iskema ġenerali li minnha jifforma parti l-Artikolu 2(5), li huma jqisu għandha tittieħed bħala s-sistema ta' referenza.

(150)

Barra minn hekk huma jargumentaw li f'konċessjonijiet fit-tul għall-bini u t-tħaddim ta' infrastruttura pubblika, hemm nuqqas ta' bilanċ ovvju bejn il-perjodu ta' kostruzzjoni inizjali tal-infrastruttura u l-istadji sussegwenti ta' tħaddim tal-infrastruttura meta l-infrastruttura tkun mistennija li ssir profittabbli biex tkopri t-telf inizjali. Peress li l-investimenti kienu jeħtieġu vantaġġ bil-quddiem għal telf sinifikanti fuq aktar minn 5 snin u jistgħu biss jiġu paċuti fl-aħħar parti tal-perjodu ta' konċessjoni, il-limitu ta' ħames snin iċaħħad lill-konċessjonarju l-benefiċċju tar-regola dwar ir-riportar tat-telf mit-taxxa. F'dan ir-rigward, l-impriżi responsabbli għal proġetti kbar ta' infrastruttura jkunu f'sitwazzjoni differenti minn impriżi ordinarji.

(151)

Il-Kummissjoni tqis li din id-deroga mir-regola ġenerali ma tistax titqies inerenti fil-loġika tas-sistema fiskali Griega. Peress li r-regola ta' 5 snin għar-riportar tat-telf fiskali hija ġenerali u mingħajr ebda differenzjazzjoni, ir-riportar tat-telf mingħajr ebda limitu temporali ma jistax jitqies iġġustifikat għall-proġetti kbar ta' infrastruttura. Il-limitu ta' 10 snin li issa huwa applikabbli għall-PPPs ikompli jsaħħaħ il-konklużjoni li perjodu mhux definit previst b'mod speċjali għal PCT huwa vantaġġ selettiv ċar għaliha. Finalment il-Kummissjoni tikkunsidra li l-impriżi kollha li jwettqu investimenti li jistgħu jieħdu bosta snin huma fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali bħal PCT u l-konċessjonarji l-oħrajn fil-Greċja, fid-dawl tal-għanijiet tal-Kodiċi Ġenerali dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu. Perress li s-sistema fiskali Griega ma tippermettix differenzjazzjonijiet skont it-tul tal-investimenti tal-impriżi iżda tistabbilixxi din ir-regola ġenerali ta' 5 snin għal kulħadd, PCT ma tistax titqies differenti minn kumpaniji oħrajn fir-rigward ta' din ir-regola. Kif imsemmi fil-punt 107, miżura applikabbli għall-impriżi kollha responsabbli għal proġetti kbar ta' infrastruttura hija selettiva peress li tapplika biss għal kategorija limitata ta' impriżi.

Ġustifikazzjoni skont il-loġika tas-sistema fiskali

(152)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li a) l-“għan imfittex” għal din il-miżura għandu jkun dak imfittex mid-dispożizzjoni li tidderoga, b) din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tapplika l-prinċiplu ġenerali tas-sistema fiskali ta' tqabbil tad-dħul mal-ispejjeż mal-karatteristiċi partikolari tal-konċessjonijiet, c) l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju għal dawn il-proġetti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala tneħħija tar-riskju li jġorr il-konċessjonarju iżda għandha l-għan li tiżgura trattament ugwali u tneħħija tal-“iżvantaġġ strutturali” ta' dawn il-proġetti, d) din id-dispożizzjoni ġiet applikata b'mod konsistenti għall-proġetti kbar ta' infrastruttura pubblika fil-Greċja, e) il-possibbiltà li jiġi riportat it-telf tul il-konċessjoni huwa l-mekkaniżmu xieraq fl-indirizzar tal-karatteristiċi partikolari ta' tali konċessjonijiet u d-differenza oġġettiva bejn il-konċessjonarju u impriżi kummerċjali oħrajn.

(153)

Il-Kummissjoni tinnota li l-għan tas-sistema fiskali jrid ikun stabbilit fil-livell tas-sistema ta' referenza u mhux fil-livell tal-miżura eċċezzjonali (115). Kieku l-miżura nnifisha kienet tikkostitwixxi s-sistema ta' referenza, allura kwalunkwe miżura fiskali taħrab il-klassifikazzjoni ta' għajnuna mill-Istat, tkun kemm tkun eċċezzjonali. L-għan tas-sistema tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji huwa li jiġġenera d-dħul għall-baġit tal-Istat u jkun ipperikolat kieku kumpaniji speċifiċi jitħallew inaqqsu l-bażi tat-taxxa tagħhom meta jidhrilhom skont l-interessi finanzjarji tagħhom. Barra minn hekk l-ammonti kbar ta' investiment involuti fi proġetti kbar ta' infrastruttura ma jfissrux li l-kumpaniji li jidħlu għalihom huma fi żvantaġġ strutturali li jrid ikun korrett permezz tas-sistema tat-taxxa fuq l-introjtu. Il-kumpaniji li jagħmlu investimenti għandhom telf matul l-ewwel snin tal-kostruzzjoni tal-investiment tagħhom u jista' ma jkollhomx dħul fil-perjodu ta' 5 snin previst mill-GITC. Tali ġustifikazzjoni ma toħroġx fi kwalunkwe każ mill-prinċipji tas-sistema Griega tat-taxxa fuq l-Introjtu. Barra minn hekk il-fatt li dispożizzjoni simili ġiet applikata għal ċerti proġetti kbar ta' infrastruttura fil-Greċja ma jfissirx li l-miżura tista' tkun iġġustifikata għal PCT. Finalment l-allegati karatteristiċi speċifiċi ta' konċessjonijiet kbar ma jistgħux jiġu aċċettati bħala għan validu tar-regoli ġeneralment applikabbli dwar ir-riport tat-telf fiskali, kif spjegat aktar 'il fuq fil-premessi 98 sa 100. B'hekk l-awtoritajiet Griegi u PCT naqsu milli jagħtu prova li fid-dawl tal-prinċipji tas-sistema Griega tat-taxxa fuq l-introjtu id-differenzjazzjoni favur PCT tista' tkun iġġustifikata.

(154)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura selettiva taħt eżami ma tistax tkun iġġustifikata mil-loġika tas-sistema fiskali Griega ta' referenza deskritta hawn fuq.

5.3.4.   Għażla minn fost tliet metodi ta' deprezzament

Sistema ta' referenza

(155)

Il-GITC jipprovdi li għad-deprezzament tal-assi r-regola ġenerali hija l-“metodu tal-linja dritta fissa” ta' deprezzament (116)  (117). Skont l-Artikolu 1(2) tad-Digriet Presidenzjali 299/2003 (118) il-kumpaniji huma obbligati jiddeprezzaw l-assi fiskali tagħhom kull sena bir-rati ta' deprezzament stabbiliti f'dan id-digriet, irrispettivament minn jekk jagħmlux qligħ jew telf matul il-perjodu ta' deprezzament. Għaldaqstant jekk id-deprezzament isir b'rati li huma ogħla minn dawk ipprovduti fid-digriet presidenzjali, ma jiġux ikkunsidrati għall-finijiet tat-taxxa.

(156)

B'mod speċjali fir-rigward ta' kuntratti ta' konċessjoni, ir-riżervi għall-irkupru ta' assi li jiġu rritornati lill-Istat jew lil partijiet terzi (119) wara ċertu perjodu ta' żmien fuq il-bażi ta' kuntratt huma deduċibbli mid-dħul gross (120). Skont id-Deċiżjoni Ministerjali 100/2005 (121), ir-riżervi għall-irkupru tal-assi li jiġu rritornati lill-Istat jew lil partijiet terzi mingħajr kumpens, jiġu ffurmati kull sena u għal daqstant snin daqs kemm iddum għaddejja l-konċessjoni tax-xogħol. Din ir-riżerva titnaqqas mid-dħul gross u ma tiġix iffurmata mill-qligħ tal-kumpanija. Il-kumpanija mhijiex intitolata li tikkalkula d-deprezzamenti fuq il-bażi tad-Digriet Presidenzjali 299/2003, li huwa ġeneralment applikabbli, minħabba din id-dispożizzjoni speċifika, iżda wkoll minħabba l-fatt li x-xogħol magħmul mill-kumpanija għall-użu ma jappartjenix għall-kumpanija iżda għall-Istat jew għall-parti terza. It-tnaqqis inkwistjoni jiġi kkalkulat irrispettivament mill-eżistenza ta' qligħ.

(157)

Finalment l-ispejjeż relatati mat-titjib u s-supplimenti fuq proprjetà immobbli mikrija huma ddeprezzati f'porzjonijiet indaqs tul il-perjodu tal-lokazzjoni, diment li r-rata ta' deprezzament applikabbli ma tkunx aktar baxxa mir-rata stabbilita fid-Digriet Presidenzjali 299/2003 (122).

(158)

B'hekk is-sistema ġenerali ta' referenza rigward din il-miżura tikkonsisti fil-metodu tal-linja dritta fissa li huwa ġeneralment applikabbli, għall-perjodu sħiħ ta' konċessjoni, li huwa l-perjodu ta' żmien determinat għall-kuntratti li taħthom l-assi deprezzati jkunu sejrin jiġu rritornati lill-Istat jew lil parti terza.

(159)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li d-dispożizzjonijiet relatati mad-deprezzament jippermettu l-flessibbiltà tal-għażla bejn metodi ta' deprezzament u rati ta' deprezzament alternattivi, biex jippermettu trattament xieraq ta' ċirkustanzi differenti. F'dak il-prospett, huma jirreferu għall-possibbiltà ta' impriżi industrijali, tal-minjieri, tal-barrieri u impriżi mħallta ta' dan it-tip li jiddeċiedu dwar l-użu tal-metodu tal-linja dritta fissa jew il-metodu tal-bilanċ li jkun qiegħed jonqos. Fil-fehma tagħhom, l-għażla tal-metodu ta' deprezzament, kif ukoll l-għażla tar-rati ta' deprezzament, hija fid-diskrezzjoni tal-kontribwenti. F'konformità ma' dawn iż-żewġ metodi u b'riflessjoni tal-prinċipju tal-flessibbiltà f'dan ir-rigward, huma jirreferu għall-possibbiltà tal-PPPs li jagħżlu bejn il-metodu tal-linja dritta li japplika għall-perjodu sħiħ tal-proġett u l-metodu tal-linja dritta għal 10 snin bl-opzjoni ta' għażla ta' perjodu ta' deprezzament itwal fi żmien xahar mit-tlestija tal-proġett (123). Finalment huma jtennu l-argument mogħti qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ, billi jindikaw li l-flessibbiltà ta' din is-sistema tintwera wkoll bil-fatt li kumpaniji oħrajn li jingħataw konċessjonijiet ta' proġetti kbar ta' infrastruttura pubblika fil-Greċja għandhom l-għażla bejn metodi differenti ta' deprezzament.

(160)

Il-Kummissjoni tinnota li l-possibbiltà għall-impriżi industrijali, tal-minjieri, tal-barrieri u impriżi mħallta ta' dan it-tip, li jagħżlu bejn żewġ tipi ta' metodi ta' deprezzament ma tapplikax għal PCT peress li din il-possibbiltà ma kinitx tkopri kuntratti li permezz tagħhom l-assi jiġi rritornat lill-Istat jew lil xi parti terza fi tmiem il-kuntratt.

(161)

Barra minn hekk il-fatt li kumpaniji oħrajn setgħu bbenefikaw minn vantaġġi simili ma jfissirx li dawn il-vantaġġi jistgħu jikkostitwixxu sistema ta' referenza. B'mod partikolari, il-fatt li kumpaniji oħrajn mogħtija konċessjonijiet ta' proġetti kbar ta' infrastruttura pubblika fil-Greċja għandhom l-għażla bejn metodi differenti ta' deprezzament juri biss li l-possibbiltà hija limitata għal kategorija ta' kumpaniji, dawk li jkunu qegħdin iwettqu proġetti kbar ta' infrastruttura pubblika.

(162)

B'hekk il-Kummissjoni tqis li s-sistema ta' referenza għal din il-miżura hija dik iddeterminata hawn fuq fil-premessi 155 sa 156.

Deroga mis-sistema ta' referenza

(163)

L-Artikolu 2§6 tal-Liġi taħt eżami, jipprovdi lil PCT l-għażla bejn 3 metodi differenti ta' deprezzament:

a.

Il-metodu tal-linja dritta fissa matul il-perjodu sħiħ ta' konċessjoni.

b.

Deprezzament tal-ispejjeż ta' kostruzzjoni tax-xogħlijiet fi żmien 10 snin mill-mument li jitlestew ix-xogħlijiet b'ammonti ndaqs kull sena (124). F'każ li PCT tixtieq tiddeprezza dawn l-ispejjeż f'perjodu itwal, tista' tagħmel dan, iżda mbagħad ikollha tinnotifika b'dan lill-awtorità tat-taxxa fi żmien xahar minn tmiem is-sena fiskali li matulha jkun tlesta x-xogħol.

c.

Deprezzament ta' kwalunkwe ammont sa 100 % tal-ispejjeż ta' kostruzzjoni fi żmien 5 snin mill-bidu tal-isfruttament kummerċjali tax-xogħol (125). Għas-snin sussegwenti kollha, tista' tiddeprezza sa 50 % tal-ispejjeż ta' kostruzzjoni mhux deprezzati ta' xogħlijiet lesti irrispettivament minn meta jitlestew. F'każ li PCT tkun tixtieq tuża dan il-metodu, hija trid tiddikjara l-intenzjoni tagħha lill-awtorità tat-taxxa kompetenti fi kwalunkwe ħin fi żmien sitt 6 wara l-bidu tal-konċessjoni.

(164)

PCT ingħatat il-possibbiltà li tagħżel bejn il-metodu ta' deprezzament standard ġeneralment applikabbli tal-linja dritta u żewġ metodi ta' deprezzament oħrajn li huma disponibbli għal ċerti proġetti kbar ta' infrastruttura fil-Greċja. Id-dispożizzjoni tippermetti lil PCT id-dritt tagħżel metodi ta' deprezzament li jistgħu jinvolvu vantaġġ meta mqabbla mas-sistema ġenerali. Jekk pereżempju PCT tagħżel waħda miż-żewġ metodi ta' deprezzament aċċelerati, tkun tista' tnaqqas il-bażi taxxabbli tagħha ferm aktar u fi stadju aktar bikri milli bl-applikazzjoni tal-metodu standard tal-linja dritta. Barra minn hekk, id-diskrezzjoni mogħtija lilha biex tagħżel it-tielet metodu ta' deprezzament fi żmien 6 snin mill-bidu tal-konċessjoni, fil-prattika tfisser li PCT tista' tagħżel il-mod u l-livell sa fejn hija tnaqqas il-bażi taxxabbli tagħha fi stadju aktar tard, meta tkun f'qagħda li tikkalkula d-dħul taxxabbli tagħha b'mod aktar preċiż. B'hekk skont id-dħul tagħha f'dak iż-żmien hija tista' tibbenefika mill-vantaġġ li tbaxxi l-qligħ taxxabbli tagħha u tħallas inqas taxxi milli kieku tħallas kieku kellha tiddeprezza l-assi kollha tagħha skont ir-regoli ġeneralment applikabbli.

(165)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li l-għażla tal-metodu ta' deprezzament ma tistax tikkostitwixxi vantaġġ minħabba li l-benefiċċju tal-allowance tat-taxxa jibqa' l-ispejjeż sħaħ tad-deprezzament u n-numru ta' snin li fuqhom ser ikun mifrux biss ser ikun differenti.

(166)

Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li d-deprezzament sħiħ ta' assi f'perjodu ta' żmien iqsar jew itwal jista' jwassal għal differenzjazzjoni tar-riżultat finanzjarju u s-sitwazzjoni taxxabbli tal-kumpanija f'ċertu perjodu ta' żmien u għaldaqstant iwassal għal benefiċċju. Jekk pereżempju kumpanija tiddeprezza l-valur totali ta' assi fi żmien 10 snin minflok fi żmien 35 sena, allura tkun tista' tnaqqas il-bażi taxxabbli tagħha fi stadju aktar bikri. Il-valur tal-ispejjeż deprezzati li jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-ewwel każ ikun ogħla mill-valur tal-istess spejjeż deprezzati f'perjodu itwal ta' żmien. B'hekk il-Kummissjoni tikkunsidra li tabilħaqq l-allowance tat-taxxa tibqa' l-ispiża sħiħa tad-deprezzament iżda l-mod li bih l-ispiża ta' deprezzament tintuża għall-finijiet tat-taxxa jista' jirriżulta f'vantaġġ addizzjonali għal PCT li kumpaniji oħrajn m'għandhomx.

(167)

L-awtoritajiet Griegi u PCT semmew li l-flessibbiltà inerenti għar-regoli dwar id-deprezzament fil-Greċja għandha tinkludi firxa sħiħa ta' opzjonijiet li tippermetti trattament xieraq ta' ċirkustanzi differenti ta' proġetti ta' infrastruttura pubblika, waqt li tiżgura deprezzament sħiħ tal-ispejjeż tal-assi.

(168)

Madankollu, ir-regola ġeneralment applikabbli tal-metodu tal-linja dritta fissa għall-kuntratti ta' konċessjoni, jiġifieri għal kumpaniji li jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali, hija prevista b'mod ċar fil-liġi u l-“flessibbiltà” relatata mal-medda ta' rati ta' deprezzament mhijiex ġeneralment applikabbli għall-ispejjeż ta' kuntratti ta' konċessjoni, iżda għal tipi oħrajn ta' spejjeż ta' investiment.

(169)

L-awtoritajiet Griegi jargumentaw ukoll li fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha l-Kummissjoni interpretat ħażin il-flessibbiltà addizzjonali mogħtija lil PCT li mhux neċessarjament u awtomatikament tinvolvi vantaġġ. Il-kalkoli ta' kull metodu ta' deprezzament disponibbli u b'mod partikolari l-medda ta' rati ta' deprezzament f'kull metodu flimkien mas-sett partikolari ta' ċirkustanzi (126) ifissru li fil-prinċipju ma jistax ikun eskluż li eżitu simili jista' joħroġ minn kwalunkwe metodu alternattiv. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li impriża għandha aktar alternattivi minn oħra ma jfissirx awtomatikament li jinħoloq vantaġġ. L-eżistenza ta' vantaġġ kompetittiv jew le tista' biss tiġi stabbilita fuq il-bażi ta' valutazzjoni tal-kundizzjonijiet kompetittivi u l-eżiti differenti li jistgħu jirriżultaw f'ċirkustanzi speċifiċi mill-applikazzjoni tal-metodi ta' deprezzament alternattivi disponibbli għal kull kompetitur.

(170)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raġunament tagħha fid-deċiżjoni tal-ftuħ (127) f'dan ir-rigward huwa essenzjalment ikkonfermat mill-argumentazzjoni ta' hawn fuq. Peress li kull metodu ta' deprezzament jinvolvi parametri differenti li jeħtieġu li jkunu eżaminati biex jintgħażel l-aktar wieħed vantaġġjuż, minħabba din id-dispożizzjoni, PCT għandha l-libertà li tagħmel il-kalkoli tagħha u tagħżel mid-diversi metodi ta' deprezzament dak li jaqbel l-aktar għall-interessi tagħha. B'mod partikolari l-fatt li sa 6 snin mill-bidu tal-proġett tista' tiddeċiedi li tibdel il-metodu ta' deprezzament applikabbli, il-marġni ta' libertà tagħha huwa akbar minn dak ta' operatur normali (128). Barra minn hekk, peress li PCT tista' tagħżel il-metodu ta' deprezzament li jidhrilha, għall-kuntrarju ta' impriżi oħrajn li jistgħu biss japplikaw ir-regoli normali ta' deprezzament għall-konċessjonijiet, hija żgur tgawdi vantaġġ selettiv meta mqabbla ma' dawn il-kumpaniji. Huwa irrilevanti f'dan ir-rigward li wieħed jeżamina l-kundizzjonijiet kompetittivi u l-eżiti differenti li jistgħu jirriżultaw għad-diversi kompetituri fiċ-ċirkustanzi speċifiċi, peress li dan mhuwiex l-għan li miegħu trid tiġi mqabbla s-sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli ta' PCT.

(171)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Griegi jsostnu l-argument inizjali tagħhom rigward ir-regoli ta' deprezzament applikabbli għal PPA u l-Port ta' Tessalonika (129), iż-żewġ portijiet il-kbar l-oħrajn tal-Greċja, u jinsistu fuq l-opinjoni tagħhom li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiżgura li PCT ma tiġix ittrattata agħar minn dawk iż-żewġ operaturi tal-port l-oħrajn.

(172)

Il-Kummissjoni tinnota li fi kwalunkwe każ il-fatt li rati ta' deprezzament speċifiċi setgħu kienu applikabbli dak iż-żmien għal PPA u l-Port ta' Tessalonika ma jfissirx li PCT tista' tkun intitolata li tgawdi trattament speċifiku, jew li dan it-trattament speċifiku kien iġġustifikat. Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjoni taħt eżami tinvolvi vantaġġ selettiv għal PCT.

(173)

Dan il-vantaġġ jikkonsisti fil-possibbiltà għal PCT li tagħżel bejn 3 metodi ta' deprezzament u huwa ugwali għad-differenza bejn it-taxxa fuq l-introjtu li PCT ikollha tħallas li kieku ġie applikat il-metodu tal-linja dritta fissa u t-taxxa fuq l-introjtu li eventwalment ħallset bl-applikazzjoni ta' metodu ta' deprezzament differenti.

Ġustifikazzjoni skont il-loġika tas-sistema fiskali

(174)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li a) l-għażla ta' metodi alternattivi ta' deprezzament hija parti mill-iskema ġenerali applikata għall-impriżi kollha fdati bi proġetti ta' infrastruttura pubblika f'kull settur tal-ekonomija, b) m'hemm l-ebda diskriminazzjoni peress li l-konċessjonarji ta' proġetti kbar ta' infrastruttura jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali differenti minn attivitajiet oħrajn, c) id-dispożizzjoni hija konsistenti mal-għan tagħha u disponibbli għal dawn il-kumpaniji kollha, d) il-kunsiderazzjonijiet li huma rilevanti huma l-għan imfittex, il-mekkaniżmu magħżul u l-prinċipju tal-flessibbiltà fis-sistema ta' deprezzament ġenerali tal-assi, e) fin-nuqqas ta' din id-dispożizzjoni ikun hemm inċertezza legali peress li hemm tipi ta' assi li għalihom m'hemmx rati ta' deprezzament disponibbli, f) l-essenza tad-dispożizzjoni hija li tippermetti flessibbiltà akbar għad-deprezzament tal-assi li mhumiex koperti minn rati standard, minħabba l-partikolaritajiet tal-konċessjonijiet ta' infrastruttura pubblika, g) peress li dan il-mekkaniżmu japplika għall-konċessjonijiet kollha ta' infrastruttura pubblika f'kull settur, huwa konsistenti mal-prinċipju rilevanti tal-flessibbiltà tas-sistema ta' deprezzament, h) dan il-mekkaniżmu huwa xieraq u proporzjonat peress li japplika l-prinċipju tal-flessibbiltà u m'hemm l-ebda alternattiva oħra aktar xierqa li tiżgura tali flessibbiltà fid-deprezzament minħabba li ċ-ċirkustanzi li tiffaċċja kull impriża fiż-żmien li tagħżel il-metodu ta' deprezzament tagħha ma jistgħux ikunu magħrufa minn qabel, i) PCT ma għandha l-ebda diskrezzjoni speċjali ħlief dik iġġustifikata skont il-prinċipju ġenerali tal-flessibbiltà.

(175)

L-ewwel nett il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-każistika standard, l-Istat Membru għandu jagħti ġustifikazzjoni għal miżuri selettivi (130). L-argument mogħti mill-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarja ma jistabbilixxix kif miżura li tippermetti diskrezzjoni lill-benefiċjarja tista' titqies iġġustifikata skont il-loġika tas-sistema tat-taxxa. B'hekk hija ssostni l-konklużjonijiet preliminari tagħha fid-deċiżjoni tal-ftuħ li din il-miżura ma tistax tkun iġġustifikata min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema.

(176)

Barra minn hekk hija tinnota li l-flessibbiltà li tippermetti diskrezzjoni sħiħa lill-benefiċjarja biex tiddeprezza l-assi tagħha, ma tistax titqies bħala prinċipju sottostanti għas-sistema fiskali li tista' tiġġustifika l-miżura. Essenzjalment dan iwassal biex ikun ikkunsidrat li l-miżura nnifisha hija s-sistema ġenerali u l-mekkaniżmi tagħha jkunu l-għan li għalih il-miżura tista' tiġi ġġustifikata. Kieku dan ir-raġunament kien applikabbli allura kwalunkwe miżura fiskali diskrezzjonali tista' taħrab mill-klassifikazzjoni ta' għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk l-argumentazzjoni kollha mressqa rigward il-fatt li regoli simili japplikaw għal kuntratti oħrajn ta' konċessjoni ta' infrastruttura pubblika fil-Greċja ma tistax titqies li tiġġustifika l-miżura (131). Għaldaqstant din il-miżura tikkostitwixxi vantaġġ selettiv li ma jistax ikun iġġustifikat mil-loġika jew l-iskema ġenerali tas-sistema.

5.3.5.   Eżenzjoni mit-taxxi tal-boll fuq il-ftehimiet ta' self u ftehim anċillari għall-finanzjament tal-proġett ta' investiment (l-Artikolu 2§8)

Sistema ta' referenza

(177)

Skont il-leġiżlazzjoni ġeneralment applikabbli, it-taxxi tal-boll jiġu imposti fuq il-forma miktuba ta' diversi atti tal-liġi ċivili u kummerċjali, għaldaqstant din tinkludi ftehimiet ta' self, kreditu u ftehimiet anċillari. Skont id-digriet presidenzjali dwar it-taxxi tal-boll (132), it-taxxi tal-boll jinġabru b'konnessjoni ma' dokument speċifiku li jistabbilixxi tranżazzjoni bil-miktub. It-taxxa tal-boll hija relatata mal-att innifsu; għaldaqstant hija r-responsabbiltà tal-partijiet li jiftiehmu liema parti għandha tħallasha. Madankollu, fil-prattika dan ifisser li għal ftehimiet ta' self, kreditu u ftehimiet anċillari, min jissellef huwa l-aktar responsabbli li jħallas it-taxxi tal-boll relatati, peress li l-kreditur għandu s-setgħa li jimponi tali pagament. L-introduzzjoni tal-VAT bħala taxxa ġenerali fuq in-nefqa bil-Liġi 1642/1986 fl-ordni legali Griega kellha bħala konsegwenza s-sostituzzjoni ta' diversi taxxi tal-boll u taxxi fuq l-introjtu tan-negozju mill-VAT (133).

(178)

Skont l-Artikolu 16 tal-Liġi 1676/1986 u l-Artikolu 36 tal-Liġi 3220/2004 huma eżenti mit-taxxi tal-boll il-ftehimiet ta' self u ta' kreditu, kif ukoll il-ftehimiet anċillari tagħhom li huma pprovduti minn banek Griegi u barranin fil-Greċja jew li għandhom xi konnessjoni mal-Greċja, jiġifieri huma konklużi u/jew eżegwiti fil-Greċja, joħolqu obbligi eżegwibbli fil-Greċja, jinvolvu kollaterali fil-Greċja (il-prinċipju tat-territorjalità) (134). B'hekk skont il-kodiċi eżistenti dwar it-taxxa tal-boll, is-self li jingħata mill-impriżi li mhumiex banek huwa soġġett għat-taxxa tal-boll (135) diment li ma jkollhomx konnessjoni mal-Greċja jew jinħarġu bħala self obbligazzjonarju. Self trasferit bejn impriżi apparti l-banek huwa wkoll soġġett għat-taxxa tal-boll (136), jekk is-self prinċipali kien inizjalment soġġett għat-taxxa tal-boll.

(179)

Il-Kummissjoni tinnota li l-liġi dwar it-taxxa tal-boll tinkludi diversi eżenzjonijiet b'mod partikolari wara l-introduzzjoni tas-sistema tal-VAT u/jew is-sostituzzjoni tat-taxxa tal-boll b'imposti jew taxxi oħrajn. Madankollu, il-qafas applikabbli ġenerali għal din il-miżura jibqa' s-sistema Griega tat-taxxa tal-boll, kif kienet fiż-żmien meta d-dispożizzjoni taħt eżami ġiet adottata. L-eżistenza ta' eżenzjonijiet għal din is-sistema ma tfissirx li s-sistema tat-taxxa tal-boll ma teżistix, iżda li kull eżenzjoni (137) trid tiġi vvalutata fuq il-merti tagħha.

Deroga mis-sistema ta' referenza

(180)

Peress li skont il-qafas ġeneralment applikabbli, il-ftehimiet ta' self, kreditu u ftehimiet anċillari ma' kumpaniji minbarra banek li jkunu kuntrattati u eżegwiti fil-Greċja jew għandhom xi konnessjoni mal-Greċja (138) huma soġġetti għat-taxxa tal-boll, PCT normalment ikollha tħallas taxxi tal-boll għal dan it-tip ta' atti. Madankollu, fuq il-bażi ta' din id-dispożizzjoni taħt eżami, lil PCT tnaqqsulha t-taxxi tal-boll li normalment ikollha tħallas għal dan it-tip ta' atti. Lil PCT tnaqqsulha t-taxxi tal-boll li normalment ikollha tħallas għal self ma' kwalunkwe tip ta' kumpanija minbarra banek, u b'mod partikolari mill-kumpanija prinċipali tagħha Cosco (139).

(181)

B'dan il-mod, PCT tgawdi vantaġġ selettiv meta mqabbla ma' impriżi oħrajn f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli. Dan il-vantaġġ huwa ugwali għat-taxxa tal-boll li PCT normalment ikollha tħallas taħt ir-regoli ġeneralment applikabbli.

(182)

L-awtoritajiet Griegi u PCT ma għandhomx dubju li dawn it-tranżazzjonijiet ta' self huma eżenti mill-pagament tat-taxxa tal-boll li normalment hija dovuta. Madankollu, huma jargumentaw li din l-eżenzjoni tipprovdi lil PCT b'aktar flessibbiltà rigward il-finanzjament meħtieġ għat-twettiq tal-obbligi tal-konċessjoni tagħha mingħajr ebda spiża addizzjonali, f'każ li din il-flessibbiltà titqies meħtieġa f'ċirkustanzi eċċezzjonali. Huma jirreferu wkoll għall-fatt li PPA bbenefikat ukoll minn din l-eżenzjoni fil-kuntest tal-konċessjoni tagħha biex timmaniġġja l-port ta' Piraeus. B'hekk din il-miżura għandha titqies bħala parti minn miżura ġenerali inerenti fis-sistema fiskali Griega, li għandha l-għan li tiffaċilita l-finanzjament ta' proġetti kbar ta' infrastruttura.

(183)

Madankollu, kif diġà ddikjarat aktar 'il fuq għall-miżuri l-oħrajn, il-faċilitazzjoni tal-finanzjament ta' infrastruttura kbira tikkostitwixxi element li għandu jiġi kkunsidrat fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà possibbli ta' għajnuna mill-Istat u mhux tal-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat.

(184)

Barra minn hekk l-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarja jargumentaw li ż-żewġ selfiet subordinati ta' EUR […] miljun u EUR 54,8 miljun li Cosco tat lil PCT sabiex tibda l-investimenti tagħha fil-port ta' Piraeus ma kinux soġġetti għat-taxxa tal-boll skont ir-regoli ġeneralment applikabbli, billi (a) ġew eżegwiti barra l-Greċja, (b) tħallsu f'kont tal-bank ta' PCT miftuħ ma' bank barra l-Greċja, (c) tħallsu lura minn PCT permezz ta' trasferiment ta' flus mill-kont bankarju tagħha barra l-Greċja. Għal dan huma pprovdew rapport tal-awditu tat-taxxa regolari tas-sena fiskali ta' PCT li jikkonferma din l-eżenzjoni.

(185)

Il-Kummissjoni l-ewwel tinnota li l-fatt li PCT ma ħallsitx taxxa tal-boll fit-tranżazzjonijiet imsemmija hawn fuq mhuwiex prova li skont ir-regoli ġeneralment applikabbli ma tħallasx lanqas. Ir-rapport tal-awditu tat-taxxa pprovdut jagħmel referenza speċifika għad-dispożizzjoni eżaminata. Barra minn hekk it-tranżazzjonijiet inkwistjoni huma perfettament identiċi għal tranżazzjoni simili li fuqha l-Qorti Amministrattiva tal-Appelli f'Ateni kkunsidrat (140) li l-prinċipju tat-territorjalità tal-kodiċi dwar it-taxxa tal-boll (141) inkiser. B'mod partikolari f'dak il-każ il-ftehim ta' self sar bejn kumpanija bbażata fil-Greċja bħala l-mutwatarja u kumpanija barranija bbażata barra l-Greċja bħala l-mutwanti. Is-self ġie ffirmat barra l-Greċja. Il-mutwanti ddepożita l-ammont tas-self f'kont bankarju tal-mutwatarja barra l-Greċja, u wara d-depożitu l-bank barrani kien obbligat jittrasferixxi l-ammont tas-self fil-kont bankarju tal-mutwatarju fil-Greċja fl-istess jum. Il-Qorti Amministrattiva tal-Appelli kkunsidrat li dan is-self kellu l-istess riżultati legali daqs li kieku ġie ffirmat fil-Greċja u daqslikieku l-ammont tas-self ġie trasferit direttament fil-Greċja mingħajr l-intermedjazzjoni tal-bank barrani u għaldaqstant kien soġġett għat-taxxa tal-boll.

(186)

L-istess xenarju tal-każ japplika wkoll għas-selfiet li Cosco tat lil PCT. B'mod partikolari, il-ftehim tas-self kien iffirmat barra l-Greċja, l-ammonti tas-self ġew iddepożitati fil-kont ta' PCT fl-HSBC tal-Lussemburgu fil-21 ta' April 2009 u fit-22 ta' April 2009 ġew trasferiti fil-kont ta' PCT fl-HSBC ta' Piraeus. Skont is-sottomissjonijiet tal-awtoritajiet Griegi PCT użat EUR 50 miljun flimkien mal-VAT bħala ittra ta' garanzija li PCT kellha tipprovdi lil PPA għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self (142). B'hekk iċ-ċirkustanzi fattwali tal-ftehim tas-self involut fil-każ ta' hawn fuq, huma ekwivalenti għal dawk tal-ftehimiet ta' self bejn Cosco u PCT. B'mod partikolari għalkemm is-self kien iffirmat barra l-Greċja u ddepożitat f'kont bankarju barra l-Greċja, wara ġie trasferit fil-kont ta' PCT fil-Greċja biex tużah għall-iskopijiet tal-ftehim ta' konċessjoni fil-Greċja. B'hekk, skont il-prinċipju tat-territorjalità stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Kodiċi dwar it-Taxxa tal-Boll kif interpretat mill-Qrati Griegi, il-ftehimiet tas-self inkwistjoni kellhom ikunu soġġetti għall-ħlas tat-taxxa tal-boll skont ir-regoli ġeneralment applikabbli. B'hekk il-Kummissjoni tikkunsidra li PCT diġà bbenefikat minn vantaġġ finanzjarju konkret minħabba din id-dispożizzjoni li ma tikkostitwixxix l-applikazzjoni tar-regoli ġeneralment applikabbli iżda deroga għalihom.

(187)

L-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju jargumentaw li din id-deċiżjoni tal-Qorti ma tapplikax fil-każ ta' PCT peress li ċ-ċirkustanzi fattwali ta' dan il-każ huma differenti minn dawk tal-ftehimiet tas-self ta' PCT. Huma jargumentaw li PCT setgħet użat dawn l-ammonti ta' self barra l-Greċja għall-iskopijiet tagħha. Barra minn hekk huma jargumentaw li din id-deċiżjoni ġiet appellata quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema Griega u l-amministrazzjoni Griega tapplika ċirkolari interpretattiva (143) fejn jingħad li tranżazzjoni bħal din ma tkunx soġġetta għat-taxxa tal-boll. Din iċ-ċirkolari għandha validità ġenerali u hija vinkolanti għall-Amministrazzjoni Pubblika. B'hekk in-nuqqas ta' ħlas ta' taxxi tal-boll f'dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet ma jikkostitwixxix devjazzjoni mir-regoli ġeneralment applikabbli.

(188)

Il-Kummissjoni tinnota li ċirkolari interpretattiva dwar l-applikazzjoni tal-kodiċi dwar it-taxxa tal-boll ma tistax titqies li għandha validità akbar mid-deċiżjonijiet tal-Qorti. Il-fatt li d-deċiżjoni tal-Qorti Amministrattiva tal-Appelli ta' Ateni ġiet appellata ma jfissirx lanqas li din id-deċiżjoni ma tapplikax. Barra minn hekk l-interpretazzjoni tal-prinċipju tat-territorjalità kif deskritta hawn fuq (144) mill-qrati Griegi hija fl-istess linja tal-imsemmija deċiżjoni. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-fatti rilevanti għall-ftehimiet ta' self ta' PCT huma l-istess u għaldaqstant jista' jkun konkluż li skont ir-regoli normalment applikabbli kif interpretati mill-qrati Griegi, PCT ikollha tħallas it-taxxa tal-boll rilevanti. Minħabba din l-interpretazzjoni d-dispożizzjoni taħt eżami tagħti b'mod ċar vantaġġ selettiv lil PCT.

Ġustifikazzjoni skont il-loġika tas-sistema fiskali

(189)

L-awtoritajiet Griegi jargumentaw li din l-eżenzjoni hija konsistenti mal-iskema ġenerali tat-tneħħija gradwali tat-taxxa tal-boll fejn il-leġiżlatur jiddeċiedi li l-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll hija mekkaniżmu xieraq biex jiġi żgurat li sitwazzjonijiet oġġettivament differenti jiġu ttrattati b'mod differenti għall-finijiet tat-taxxa. F'dan is-sens, l-eżenzjoni tapplika għall-impriżi kollha li jimplimentaw proġetti ta' infrastruttura pubblika. Bħala mekkaniżmu li jindirizza l-karatteristiċi partikolari tagħhom huwa wkoll proporzjonat peress li ma jirriskjax li jikkomprometti d-dħul mit-taxxa tal-boll, billi bosta tipi oħrajn ta' tranżazzjonijiet alternattivi, li huma wkoll eżenti mit-taxxa tal-boll, jistgħu fi kwalunkwe każ jintużaw minn impriżi bħal dawn.

(190)

Il-Kummissjoni tinnota li t-tneħħija gradwali tat-taxxa tal-boll ma tistax tapplika bħala prinċipju tas-sistema tat-taxxa tal-boll li jiġġustifika din il-miżura, peress li tali tneħħija gradwali tista' tiġi prevista biss fir-rigward tal-ftehimiet ta' self kollha u mhux dawk ta' PCT biss. Rigward il-karatteristiċi partikolari ta' proġetti ta' infrastruttura pubblika, il-Kummissjoni tirreferi għall-analiżi tagħha fil-premessi 98 sa 100 ta' din id-deċiżjoni. B'hekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet Griegi u PCT naqsu milli juru li din il-miżura selettiva hija ġġustifikata bil-loġika tas-sistema tat-taxxa.

5.3.6.   L-eżenzjoni mit-taxxi tal-boll fuq il-kuntratti bejn il-kredituri tal-ftehimiet tas-self li taħthom jiġu trasferiti l-obbligi u d-drittijiet li jirriżultaw minnhom (l-Artikolu 2§9)

(191)

Skont il-kodiċi eżistenti dwar it-taxxa tal-boll, is-self trasferit bejn impriżi li mhumiex banek huwa soġġett għat-taxxa tal-boll (145), jekk is-self prinċipali kien inizjalment soġġett għat-taxxa tal-boll.

(192)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 2.9 ta' hawn fuq tinvolvi vantaġġ dirett favur il-kredituri ta' PCT, li fosthom hemm il-kumpanija ewlenija tagħha Cosco. Dan il-vantaġġ huwa ugwali għall-ammont ta' taxxa tal-boll li l-kredituri ta' PCT normalment ikollhom iħallsu, taħt ir-regoli ġeneralment applikabbli, f'każ ta' trasferiment ta' self relatat mal-ftehim ta' konċessjoni kuntrattat ma' PCT. Din id-dispożizzjoni tinvolvi wkoll vantaġġ indirett favur PCT sal-punt li jagħmilha aktar faċli għal PCT li tieħu self.

(193)

Skont l-awtoritajiet Griegi, Cosco tat żewġ selfiet lil PCT fl-2009 li skont l-awtoritajiet Griegi u PCT tħallsu fl-2011. Minħabba d-dispożizzjoni taħt eżami, Cosco li hija l-kumpanija prinċipali ta' PCT tista' tibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa tal-boll kieku kellha titrasferixxi dan is-self lil impriżi oħrajn. Skont l-awtoritajiet Griegi u PCT dan is-self diġà tħallas minn PCT. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni m'għandha l-ebda raġuni biex temmen li dan it-trasferiment seħħ. Madankollu din id-dispożizzjoni tista' tinvolvi vantaġġ selettiv għal Cosco jew għal kredituri oħrajn ta' PCT.

(194)

L-argumentazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Griegi u PCT rigward l-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll hija l-istess bħall-eżenzjoni mit-taxxa tal-boll għal self lil PCT. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li r-raġunament tagħha żviluppat taħt dik l-eżenzjoni huwa validu wkoll għal din il-miżura. B'hekk din il-miżura hija selettiva u ma tistax titqies iġġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema.

5.3.7.   L-eżenzjoni mit-taxxi tal-boll għal kwalunkwe kumpens imħallas minn PPA lil PCT taħt il-ftehim ta' konċessjoni, li huwa barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-kodiċi dwar il-VAT (l-Artikolu 2§10)

Sistema ta' referenza

(195)

Rigward din il-miżura, is-sistema ta' referenza hija l-iskema tat-taxxa tal-boll applikabbli għal atti tal-liġi ċivili jew kummerċjali fil-Greċja. Ir-regoli li jirregolaw din l-iskema huma diġà msemmijin fil-premessi 177 u 179 ta' din id-deċiżjoni. Skont ir-regoli dwar it-taxxa tal-boll, it-taxxi tal-boll huma imposti b'rabta mad-dokumenti legali li huma marbuta magħhom u mhux il-persuni taxxabbli speċifiċi li jiffirmaw dawn id-dokumenti. Skont iċ-Ċirkolari Ministerjali 44/1987 (146) li tinterpreta d-dispożizzjonijiet dwar it-taxxa tal-boll wara l-bidliet introdotti bl-iskema tal-VAT, il-kuntratti, l-atti legali jew it-tranżazzjonijiet soġġetti għall-VAT mhumiex soġġetti għat-taxxa tal-boll.

(196)

Barra minn hekk skont il-liġi ġeneralment applikabbli kif interpretata u infurzata mill-awtoritajiet kompetenti Griegi tat-taxxa, il-ħlas ta' kumpens ma jaqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-VAT u għaldaqstant huwa soġġett għat-taxxa tal-boll (147).

(197)

Skont l-istess ċirkolari, l-attivazzjoni ta' ftehim anċillari (kollateral, garanzija, self ipotekarju, klawżola penali u kull tip ieħor ta' sigurtà) relatat ma' kuntratt li huwa soġġett għall-VAT u b'hekk eżenti mit-taxxa tal-boll, mhuwiex soġġett għat-taxxa tal-boll proporzjonata. Madankollu, meta l-kuntratt ewlieni jkun soġġett għall-VAT jew ikun soġġett għal taxxa fissa (u mhux proporzjonata) l-attivazzjoni ta' ftehim anċillari għal dan il-kuntratt hija soġġetta għal taxxa tal-boll fissa.

(198)

Finalment il-ħlas ta' tipi oħrajn ta' kumpens, bħal pereżempju għal danni jew ksur internazzjonali ta' kuntratt, huwa soġġett għat-taxxa tal-boll.

(199)

L-awtoritajiet Griegi indikaw li skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Grieg dwar it-Taxxa tal-Boll, il-kumpens imħallas fil-Greċja minħabba danni huwa soġġett għal taxxa tal-boll b'rata ta' 3,6 %. Il-ħlas ta' kumpens skont klawżola ta' indennizz inkluża f'kuntratt huwa soġġett għat-taxxa tal-boll b'rata ta' 2,4 %.

Deroga mis-sistema ta' referenza

(200)

L-Artikolu 2§10 tal-liġi ta' ratifika kien jipprovdi li kwalunkwe tip ta' kumpens li PPA ikollha tħallas lil PCT skont il-ftehim ta' konċessjoni li huwa barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-kodiċi dwar il-VAT, huwa eżenti mit-taxxa tal-boll.

(201)

Minħabba li skont il-qafas ġeneralment applikabbli t-taxxa tal-boll hija imposta fuq id-dokumenti legali u mhux speċifikament fuq il-partijiet tat-tranżazzjoni u minħabba li PPA kienet eżentata mit-taxxa tal-boll bil-liġi (148) meta ġiet adottata l-liġi ta' ratifika, kull darba li pagament ta' kumpens f'isem PPA b'rabta mal-kuntratt ta' konċessjoni jkun barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-kodiċi dwar il-VAT u jkun soġġett għat-taxxa tal-boll, PCT tkun obbligata tħallsu taħt ir-regoli ġeneralment applikabbli. B'mod partikolari minħabba din id-dispożizzjoni, PCT tkun eżentata mill-pagament ta' taxxa tal-boll fissa fil-każ tal-attivazzjoni ta' klawsola penali tal-kuntratt ta' konċessjoni, kif ukoll f'każ li PPA tħallas kumpens minħabba danni relatati mal-kuntratt ta' konċessjoni jew ksur tal-kuntratt ta' konċessjoni. Barra minn hekk kif jindikaw l-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarju, peress li PPA kienet eżentata dak iż-żmien mill-pagament tat-taxxa tal-boll fir-rigward ta' tranżazzjonijiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni ta' xogħlijiet f'isimha minn partijiet terzi, minħabba din id-dispożizzjoni, tkun eżentata wkoll mill-pagament ta' taxxa tal-boll li jirriżultaw mill-arranġamenti tagħha ma' PPA soġġetti għat-taxxa tal-boll. B'hekk l-eżenzjoni inkwistjoni għandha l-effett li teżenta lil PCT mill-obbligu li tħallas taxxi tal-boll f'każijiet bħal dawn, u għalhekk b'mod ċar tfisser vantaġġ selettiv għal PCT.

(202)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li meta l-pagament tal-kumpens ikollu rabta kawżali ma' kuntratt li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-iskema tal-VAT skont klawżola ta' indennizz (“klawżola penali”) li tkun inkluża fih, dan ikun eżenti mit-taxxa tal-boll. Dan għaliex tali klawżola ta' indennizz hija kkunsidrata bħala ftehim anċillari eżentat mit-taxxa tal-boll meta l-ftehim prinċipali jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-VAT. Peress li l-kuntratt ta' konċessjoni huwa soġġett għall-VAT kwalunkwe pagament taħt klawżola penali pprovduta fil-kuntratt ta' konċessjoni huwa eżenti mit-taxxa tal-boll skont ir-regoli ġeneralment applikabbli.

(203)

Il-Kummissjoni tinnota li tabilħaqq skont il-qafas ġeneralment applikabbli l-ebda taxxa tal-boll proporzjonata mhija imposta fuq l-attivazzjoni ta' klawżola penali ta' kuntratt soġġett għall-VAT. Madankollu f'dawn il-każijiet taxxa tal-boll fissa hija imposta skont l-istess ċirkolari invokata mill-awtoritajiet Griegi. Għaldaqstant f'każ li PPA jkollha tħallas kumpens minħabba l-attivazzjoni ta' klawżola penali tal-kuntratt ta' konċessjoni, minħabba d-dispożizzjoni taħt eżami, PCT ma jkollhiex tħallas it-taxxa tal-boll fissa li tkun applikabbli. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni kienet tinvolvi vantaġġ selettiv favur PCT.

(204)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jindikaw ukoll li l-pagament ta' tipi oħrajn ta' kumpens, jiġifieri għal danni jew ksur internazzjonali ta' kuntratt, huwa soġġett għat-taxxa tal-boll. F'dan is-sens, l-Artikolu 2§10 jintroduċi eżenzjoni rigward dawn it-tipi oħrajn ta' kumpens. Madankollu fil-fehma tagħhom din l-eżenzjoni hija parti mill-iskema ġenerali li għandha l-għan li tindirizza b'mod oġġettiv il-karatteristiċi/partikolaritajiet differenti tal-konċessjonijiet ta' infrastruttura pubblika. B'hekk ma tinħoloq l-ebda differenzjazzjoni ġenwina u selettività f'dan ir-rigward.

(205)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Griegi u PCT jikkonfermaw is-sejba tagħha li f'każijiet fejn PPA tħallas kumpens lil PCT minħabba danni relatati mal-kuntratt ta' konċessjoni u/jew kwalunkwe ksur tiegħu, minħabba d-dispożizzjoni taħt eżami PCT, ma tħallasx it-taxxa tal-boll li normalment ikollha tħallas. B'hekk, din id-dispożizzjoni tipprovdi lil PCT vantaġġ li huwa ugwali għat-taxxa tal-boll li jkollha tħallas f'tali ċirkustanzi u li minnha hija eżentata. Rigward l-argumentazzjoni dwar l-iskema ġenerali speċifika għall-proġetti ta' infrastruttura pubblika, il-Kummissjoni tirreferi għall-analiżi tagħha fil-premessi 92 sa 97 u 107 ta' hawn fuq. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tikkunsidra li miżura applikabbli għall-kumpaniji inkarigati mill-proġetti ta' infrastruttura pubblika tapplika biss għal kategorija ta' impriżi u għalhekk hija selettiva.

Ġustifikazzjoni skont il-loġika tas-sistema fiskali

(206)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li din l-eżenzjoni hija konsistenti mal-iskema ġenerali tat-tneħħija gradwali tat-taxxa tal-boll u mal-prinċipju tal-ugwaljanza, peress li tirrappreżenta l-mekkaniżmu għall-iżgurar li l-karatteristiċi partikolari tal-proġetti ta' infrastruttura pubblika jkunu ttrattati kif xieraq għall-finijiet ta' taxxa. Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta li dawn l-“għanijiet” jiġġustifikaw il-miżura inkwistjoni u tirreferi għal kull analiżi fil-premessi 189 sa 190 hawn fuq fir-rigward tal-eżenzjoni tat-taxxa tal-boll tas-self ta' PCT.

(207)

Barra minn hekk l-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li din l-eżenzjoni hija konsistenti mal-prinċipju tal-ugwaljanza. B'mod partikolari fin-nuqqas tagħha u minħabba li PPA kienet eżentata fi żmien l-adozzjoni tal-liġi ta' ratifika, mill-ħlas tat-taxxa tal-boll fir-rigward ta' tranżazzjonijiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni ta' xogħlijiet f'isimha minn persuni oħrajn, PCT tkun obbligata tħallas taxxa tal-boll kull meta din tinħoloq mill-arranġamenti tagħha ma' PPA.

(208)

Madankollu, kif diġà nnotat fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha (149) il-fatt li PPA tista' tkun eżentata minn taxxi tal-boll ma jfissirx li tali eżenzjoni favur PCT hija ġġustifikata min-natura tas-sistema fiskali.

(209)

Il-Kummissjoni tinnota li l-Liġi 4152/2013 neħħiet din id-dispożizzjoni. B'hekk il-vantaġġ selettiv favur PCT jirreferi biss għall-passat.

5.3.8.   Wara l-applikazzjoni ta' PCT, il-protezzjoni pprovduta fid-Digriet Leġiżlattiv 2687/1953 għall-investiment tal-kuntratt ta' konċessjoni (l-Artikolu 3)

Deskrizzjoni tad-digriet leġiżlattiv u l-miżuri li jista' jinvolvi

a.   Il-proċedura

(210)

Id-Digriet Leġiżlattiv 2687/1953 jippermetti lill-amministrazzjoni Griega tagħti skema favorevoli speċifika lil kwalunkwe kumpanija li timporta kapital barrani sabiex tagħmel “investimenti produttivi”. Biex il-kumpanija tibbenefika minn din l-iskema, ikollha tapplika mal-Ministeru tal-Ekonomija Nazzjonali. Wara l-applikazzjoni tal-kumpanija, kumitat speċifiku joħroġ opinjoni wara li jivvaluta:

jekk l-investiment huwiex “produttiv”, jiġifieri jekk għandux l-għan li jiżviluppa l-produzzjoni nazzjonali jew jekk jikkontribwixxix għall-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż;

jekk jirrigwardax kapital barrani, inkluż kwalunkwe tip ta' kapital, jiġifieri muniti barranin, makkinarju u materjali, invenzjonijiet, metodi tekniċi, kif ukoll marki kummerċjali;

l-“utilità” tal-importazzjoni ta' kapital barrani; dwar dan il-punt speċifiku d-digriet ma jinkludix xi definizzjoni jew kriterju li jrid ikun issodisfat, u għalhekk jipprovdi diskrezzjoni lill-amministrazzjoni nazzjonali.

(211)

Wara din l-opinjoni l-Ministru responsabbli, skont l-importanza tal-investiment, jipproponi digriet presidenzjali irrevokabbli jew jadotta deċiżjoni ministerjali li tapprova l-importazzjoni ta' kapital barrani taħt kundizzjonijiet speċifiċi deċiżi fiha u jagħti skema favorevoli irrevokabbli (150).

b.   Il-privileġġi li jistgħu jingħataw

(212)

Id-digriet presidenzjali/id-deċiżjoni ministerjali li jistgħu jkunu adottati għal kumpanija speċifika jagħtu l-“faċilitajiet” fiskali li ġejjin (151):

friża fuq ir-rata tat-taxxa applikata fuq il-qligħ għal perjodu li ma jaqbiżx l-10 snin jew applikazzjoni ta' rata ta' taxxa aktar baxxa (152);

tnaqqis jew eżenzjoni minn dazji doganali jew bidliet fuq l-importazzjonijiet ta' makkinarju eċċ., għal perjodu li ma jaqbiżx l-10 snin;

rata ta' taxxa aktar baxxa jew eżenzjoni minn kwalunkwe taxxa imposta mill-awtoritajiet lokali jew awtoritajiet portwarji għal perjodu li ma jaqbiżx l-10 snin;

tnaqqis jew eżenzjoni minn kwalunkwe imposta jew royalty ta' kwalunkwe tip b'rabta mar-reġistrazzjoni ta' selfiet ipotekarji jew mal-ħolqien ta' rahan bħala sigurtà għall-kapital importat jew għall-konklużjoni ta' kwalunkwe kuntratt relatat miegħu;

projbizzjoni ta' restrizzjonijiet jew taxxi tal-esportazzjoni;

projbizzjoni tal-impożizzjoni retroattiva ta' taxxi;

eżenzjoni minn espropjazzjoni furzata favur l-Istat ta' assi tal-kumpanija benefiċjarja;

projbizzjoni tar-rekwiżizzjoni ta' assi tal-impriżi protetti;

reklutaġġ ta' ċittadini barranin bħala persunal tekniku u amministrattiv u permess għall-esportazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni tagħhom f'muniti barranin;

permess għar-ripatrijazzjoni ta' self jew kapital azzjonarju (sa 10 % tal-kapital annwali importat); esportazzjoni kumulattiva ta' qligħ (sa 12 % mingħajr taxxa, tal-kapital annwali importat u ripatrijat); l-esportazzjoni tal-imgħaxijiet (sa 10 % fis-sena) (153).

(213)

Skont id-digriet leġiżlattiv, l-assi ta' kumpaniji li jinħolqu jew jiżdiedu b'mod sinifikanti (154) b'kapital barrani taħt dan id-digriet huma eżenti minn kwalunkwe esproprjazzjoni furzata favur l-Istat, kif ukoll minn kwalunkwe rekwiżizzjoni tal-assi tagħhom (155). Finalment, hemm dispożizzjoni speċifika li tistabbilixxi l-prinċipju ta' ebda impożizzjoni retroattiva ta' taxxi għall-kumpaniji kollha koperti mid-digriet leġiżlattiv (156).

Sistema ta' referenza

(214)

Peress li l-protezzjoni pprovduta taħt id-Digriet Leġiżlattiv 2687/1953 tista' tvarja skont il-miżuri li huma deċiżi kull darba fir-rigward ta' kull impriża speċifika li taqa' taħt din il-“protezzjoni”, u l-eżenzjonijiet li jistgħu jingħataw lil PCT minħabba dan id-digriet ġew iddeterminati f'dan id-digriet b'mod indikattiv, is-sistema ġenerali ta' referenza tista' tinkludi l-miżuri fiskali differenti li l-benefiċjarja tgawdi minnhom ladarba l-amministrazzjoni tadotta l-iskema speċifika li sejra titlob PCT.

(215)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li billi dan id-digriet ġie stabbilit bħala liġi ta' validità superjuri marbuta miegħu mill-Kostituzzjoni, ma jistax jitqies bħala miżura “speċjali” li tista' titqabbel mal-qafas leġiżlattiv “ġenerali”. Meta dan id-digriet ġie adottat u mogħti l-validità leġiżlattiva superjuri tiegħu, il-parti l-kbira tal-qafas leġiżlattiv nazzjonali li l-Kummissjoni tuża bħala “sistema ta' referenza” lanqas biss kienet teżisti. B'hekk is-“sistema ta' referenza” li teħtieġ li tiġi kkunsidrata f'dan ir-rigward hija l-Kostituzzjoni Griega u d-Digriet Leġiżlattiv 2687/1953 innifsu bħala miżura ġenerali. Barra minn hekk il-Kummissjoni kienet diġà konxja mill-eżistenza tiegħu sa mis-sħubija tal-Greċja.

(216)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw ukoll li l-iskema protettiva speċjali għall-investimenti barranin hija miżura ġenerali li tapplika għall-investimenti barranin kollha li jissodisfaw kriterji oġġettivi għall-applikazzjoni tagħha. Huma jargumentaw ukoll li r-raġuni għad-digriet kienet il-ħtieġa li (a) jiġi rikonoxxut li l-investimenti barranin fiċ-ċirkustanzi li japplikaw għall-Greċja kienu jiffaċċjaw riskji u sfidi partikolari u għaldaqstant kienu jeħtieġu trattament partikolari, sabiex jintlaħaq l-għan li jinġiebu dawn l-investimenti u (b) jiġi pprovdut trattament xieraq f'dan ir-rigward.

(217)

Barra minn hekk l-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li t-tweġiba tal-Kummissarju Tajani (157) rigward dan id-digriet kienet teskludi biss il-miżuri l-ġodda fil-qasam tat-tariffi doganali u mhux miżuri ta' għajnuna mill-Istat. Fil-fehma tagħhom, huwa ċar li l-applikazzjoni ta' dan id-digriet sa issa ma ħolqitx għajnuna illegali mill-Istat, peress li kien fis-seħħ meta l-Greċja daħlet fl-UE u kompliet tapplikah mingħajr emenda u sa issal-Kummissjoni ma ħadet l-ebda pass biex tpoġġi f'dubju l-legalità ta' dan id-digriet taħt il-liġi tal-UE.

(218)

Il-Kummissjoni tinnota li d-digriet leġiżlattiv inkwistjoni ma jistax jitqies bħala sistema ta' referenza valida. Għalkemm huwa minnu li dan id-digriet kien jeżisti qabel l-adeżjoni tal-Greċja fl-UE, dan ma jfissirx li dan id-digriet għandu validità akbar mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk mid-dispożizzjonijiet ta' dan it-Trattat f'dak li jirrigwarda l-għajnuna mill-Istat. Meta l-Greċja ngħaqdet mal-UE kellha tikkonforma mal-“acquis communautaire” u b'mod partikolari għandha tirrispetta r-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat. B'hekk f'każ li l-Greċja tuża dan id-digriet billi tagħti vantaġġi speċifiċi lil kumpaniji speċifiċi, l-ewwel trid tinnotifikahom lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-approvazzjoni possibbli skont ir-regoli tat-Trattat (158).

(219)

Barra minn hekk, dan id-digriet jippermetti marġni wiesgħa ta' diskrezzjoni (159) lill-amministrazzjoni biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet, kif ukoll il-vantaġġi li jingħataw lill-impriżi speċifiċi li jagħmlu użu minnu. It-trattament speċifiku ta' investimenti barranin fil-Greċja bl-għan li dawn jiġu promossi diġà jinvolvi elementi selettivi. Fl-istess waqt jimmira lejn għan ta' politika pubblika u mhux għan ta' tassazzjoni. Sistema valida ta' referenza għall-finijiet tal-analiżi tas-selettività tista' tkun ibbażata biss fuq prinċipji ta' tassazzjoni. L-għanijiet ta' politika pubblika huma għanijiet estrinsiċi għal sistema fiskali kif diġà ġie indikat fil-premessi 92 sa 94 ta' din id-deċiżjoni u b'hekk ma jistgħux jitqiesu bħala l-finijiet ta' sistema ta' referenza għall-finijiet tal-valutazzjoni tas-selettività.

Deroga mis-sistema ta' referenza

(220)

L-Artikolu 3 tal-Liġi 3755/2009 jippermetti lil PCT tapplika għall-iskema protettiva prevista skont id-digriet leġiżlattiv deskritt. Din id-dispożizzjoni għandha konsegwenza li bosta vantaġġi selettivi jistgħu jingħataw lil PCT meta din titlobhom lill-amministrazzjoni Griega. Dawn il-vantaġġi jikkonsistu prinċipalment f'taxxi li PCT ikollha tħallas skont regoli normali u li minnhom tista' tkun eżentata permezz ta' din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l-eżenzjoni minn restrizzjonijiet legali oħrajn (l-esproprjazzjoni furzata, ir-rekwiżizzjoni ta' assi, il-permess għar-reklutaġġ ta' persunal barrani u l-esportazzjoni tar-remunerazzjoni tagħhom f'muniti barranin, il-permess għar-ripatrijazzjoni tas-self jew tal-kapital azzjonarju) ukoll tista' tiffavorixxi lil PCT fil-futur. Il-fatt li dawn il-vantaġġi, skont l-awtoritajiet Griegi, attwalment ma ngħatawx lil PCT sa issa, ma jneħħix il-fatt li d-dispożizzjoni taħt eżami tagħti d-dritt lil PCT li titlob u tikseb il-qafas privileġġjat stipulat fid-digriet.

(221)

Rigward il-miżura favur PCT l-awtoritajiet Griegi ma jipprovdux argumenti addizzjonali minn dak ipprovdut inizjalment. B'hekk il-konklużjoni tal-Kummissjoni rigward il-karattru selettiv ta' din il-miżura tibqa' l-istess (160).

(222)

Kif diġà indikat hawn fuq (161) il-fatt li miżura jista' jkollha għan ta' politika ekonomika ma jfissirx li mhijiex selettiva, iżda li tista' tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq intern, jekk ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfati (162).

(223)

Barra minn hekk, irrispettivament min-natura tal-iskema pprovduta skont id-digriet leġiżlattiv (163), l-applikazzjoni individwali tagħha tista' tieħu l-karatteristika ta' vantaġġ selettiv (164), minħabba li kull deċiżjoni tal-amministrazzjoni Griega tista' titbiegħed mir-regoli fiskali ġenerali għall-benefiċċju ta' PCT. Skont l-Avviż Fiskali (165), tali sejba twassal għal preżunzjoni ta' għajnuna mill-Istat u għandha tkun analizzata fid-dettall. Fuq din il-bażi l-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjoni inkwistjoni tinvolvi vantaġġ selettiv favur PCT li jiġi implimentat f'każ li PCT tiddeċiedi li tagħmel użu minnha.

Ġustifikazzjoni skont il-loġika tas-sistema fiskali

(224)

L-awtoritajiet Griegi jargumentaw li l-iskema speċifika skont dan id-digriet għandha l-għan li tiġbed kapital barrani u tiffaċilita r-rikostruzzjoni tal-pajjiż wara t-Tieni Gwerra Dinjija u l-gwerra ċivili fis-snin erbgħin. Minħabba l-importanza tiegħu għall-iżvilupp ekonomiku Grieg, l-Artikolu 107 tal-Kostituzzjoni Griega jirrikonoxxi espressament li jipprevali fuq liġijiet ordinarji. Tabilħaqq dan sar biex ikun żgurat li l-investituri ta' kapital barrani jkunu protetti kontra l-modifikazzjonijiet kostanti tal-liġi fiskali Griega li ma jiffavorixxux l-investimenti barranin. Madankollu l-istess skop ta' din l-iskema protettiva li huwa l-iżvilupp tal-ekonomija Griega ma jistax jiġġustifika l-karattru selettiv tal-miżura, iżda jista' jiġi kkunsidrat biss fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà.

(225)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li peress li din l-iskema protettiva li tista' tingħata lil PCT fuq talba tagħha, tingħata fuq bażi diskrezzjonali, ma tistax tkun iġġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali (166).

(226)

Għaldaqstant id-dispożizzjoni inkwistjoni tinvolvi vantaġġ selettiv favur PCT li ma jistax ikun iġġustifikat min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema.

Għajnuna eżistenti

(227)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li f'każ li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-applikazzjoni ta' dan id-digriet tikkostitwixxi għajnuna, din tkun għajnuna eżistenti.

(228)

Il-Kummissjoni tinnota li d-dispożizzjoni favur PCT kienet adottata fl-2009 u mhux qabel l-adeżjoni tal-Greċja mal-UE. Din id-dispożizzjoni tagħti d-dritt lil PCT li tapplika u tikseb din l-iskema speċifika. Ladarba PCT tapplika, irid jiġi adottat digriet presidenzjali jew deċiżjoni ministerjali li tiddetermina l-vantaġġi speċifiċi li PCT sejra tgawdi minnhom. B'hekk applikazzjoni speċifika tad-digriet fuq talba ta' PCT ikollha l-konsegwenza li l-implimentazzjoni konkreta tal-miżuri tidħol fis-seħħ fil-mument li l-att ta' għoti jiġi adottat. Għaldaqstant il-miżura favur PCT tikkostitwixxi għajnuna ġdida.

5.3.9.   Eżenzjoni mir-regoli ġenerali ta' esproprjazzjoni furzata

(229)

L-ilmenti riċevuti f'dan il-każ kienu jirreferu għal eżenzjoni pprovduta lil PCT fir-rigward tar-regoli ta' esproprjazzjoni furzata. Il-liġi li rratifikat il-kuntratt ta' konċessjoni ma rreferiet għal ebda eżenzjoni bħal din. L-awtoritajiet Griegi u PCT jindikaw li ma ngħatat l-ebda eżenzjoni bħal din u l-Kummissjoni ma għandha l-ebda raġuni biex temmen li dan mhuwiex il-każ. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkunsidra li dan it-tip ta' vantaġġ ma ngħatax lil PCT.

5.4.   Tqabbil tal-miżuri ta' għajnuna mill-Istat imsemmija hawn fuq ma' dispożizzjonijiet simili f'kuntratti oħrajn ta' proġetti kbar ta' infrastruttura

(230)

L-argumentazzjoni ewlenija sottomessa fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-miżuri fiskali ta' hawn fuq tirreferi għall-ħtieġa ta' appoġġ għal proġetti kbar ta' infrastruttura pubblika bl-iżgurar ta' skema fiskali ċara, flessibbli u stabbli lill-kumpaniji li jimplimentawhom fil-Greċja. Bħala appoġġ għall-argumentazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet Griegi u PCT jirreferu għal għadd ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li kkunsidraw li l-ebda għajnuna mill-Istat ma kienet involuta fil-finanzjament ta' kuntratti ta' konċessjoni ta' infrastruttura kbira li jinkludu eżenzjonijiet fiskali simili.

(231)

Il-Kummissjoni eżaminat l-argumentazzjoni pprovduta u waslet għal dawn il-konklużjonijiet li ġejjin.

(232)

L-ewwel nett, skont każistika stabbilita sew (167), dan it-tip ta' argument huwa irrilevanti għall-valutazzjoni tal-legalità ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni. Kull każ għandu jkun ivvalutat fuq il-bażi tal-Artikolu 107(1) TFUE, waqt li jiġu kkunsidrati l-merti proprji. Fi kwalunkwe każ kif intqal fil-punt 107 ta' din id-deċiżjoni, l-eżistenza ta' miżuri simili f'kuntratti oħrajn ta' proġetti kbar ta' infrastruttura tfisser biss li dawn il-miżuri huma applikabbli għal kategorija ta' kumpaniji u għalhekk huma selettivi.

(233)

Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet kollha, li għalihom jirreferu l-awtoritajiet Griegi u PCT, kienu jittrattaw sitwazzjonijiet differenti.

(234)

Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-konklużjoni tal-każ tal-ajruport Internazzjonali ta' Ateni (168) mhijiex applikabbli f'dan il-każ. F'dak il-każ, l-attivitajiet li kienu qegħdin jibbenefikaw mill-għajnuna jew ma kinux ekonomiċi jew ma kinux liberalizzati f'dak iż-żmien, u għaldaqstant ma kienx hemm għajnuna mill-Istat involuta. Għall-kuntrarju fil-każ attwali, l-Istat Grieg innifsu fetaħ id-dispożizzjoni tas-servizzi tal-infrastruttura portwarja għall-kompetizzjoni billi offra l-parti tal-port li hija s-suġġett tal-kuntratt ta' konċessjoni. B'hekk ir-raġunament tan-“non-liberalizzazzjoni” ta' din id-deċiżjoni qadima mhuwiex applikabbli f'dan il-każ.

(235)

Rigward il-kawżi ta' Athens Ring Road u tal-Pont tal-Awtostrada ta' Rio Antirrio, il-Kummissjoni tinnota li anki jekk sommarju tad-dispożizzjonijiet fiskali applikabbli f'dawk il-konċessjonijiet kien inkluż fid-deskrizzjoni tal-miżuri tal-Istat fir-rigward ta' dawk il-proġetti, il-Kummissjoni ma esprimietx ruħha espressament dwar dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi, iżda vvalutat biss jekk l-appoġġ tal-Istat għall-proġett kienx il-minimu meħtieġ, kif ukoll jekk il-proċedura tal-offerti li saret kellhiex bħala riżultat il-prezz tas-suq. Il-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet l-oħrajn (169) lanqas biss jirreferu għall-eżenzjonijiet mit-taxxa favur il-konċessjonarji (aħseb u ara l-fatt li huma ġġustifikati mil-loġika tas-sistema fiskali) u sempliċiment jivvalutaw jekk il-proċedura tal-offerti kinitx miftuħa biżżejjed jew le, non-diskriminatorja u bbażata fuq l-inqas prezz. Il-fatt li l-Kummissjoni rċeviet il-kuntratti ta' konċessjoni rilevanti li rreferew għal diversi eżenzjonijiet fiskali waqt in-notifika ma jfissirx li l-Kummissjoni eżaminathom mill-perspettiva tal-għajnuna mill-Istat jew esprimiet lilha nfisha dwar dawk il-miżuri speċifiċi. Skont il-każistika tal-Qorti, il-Kummissjoni għandha tieħu pożizzjoni ċara u espressa dwar il-miżuri sabiex il-benefiċjarji jikkunsidraw li dawn il-miżuri ma jinvolvux għajnuna mill-Istat. Is-silenzju tal-Kummissjoni ma jfissirx li dawn il-miżuri kienu approvati (170).

(236)

Fl-istess linja ta' raġunament, il-fatt li fid-deċiżjoni dwar l-iżvilupp tal-broadband (171), il-Kummissjoni semmiet bħala bażi legali l-liġi dwar is-Sħubija Pubblika-Privata li tinkludi dispożizzjonijiet simili, ma jfissirx lanqas li l-Kummissjoni vvalutat b'mod impliċitu dawk id-dispożizzjonijiet. Finalment il-Kawża dwar il-Mina Sommersa ta' Tessalonika (172) ma tidhirx li hija rilevanti peress li l-miżuri fiskali ma kinux inklużi fil-valutazzjoni lanqas u fi kwalunkwe każ l-offerent li rebaħ qagħad lura milli jieħu vantaġġ mill-opzjoni, inkluża fid-dokumenti tas-sejħa għall-offerti, li jibbenefika mis-sussidji operattivi.

(237)

Barra minn hekk l-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li l-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha rigward il-valutazzjoni rilevanti tagħha f'dawn il-każijiet wara l-ħruġ f'Diċembru 2013 tad-deċiżjonijiet tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat f'dak li jirrigwarda l-emendi għal erbgħa minn dawn il-proġetti (173). Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li dawn id-deċiżjonijiet lanqas biss jirreferu għal xi dispożizzjoni fiskali, peress li s-suġġett tagħhom kien differenti, aħseb u ara għal xi valutazzjoni f'isem il-Kummissjoni.

(238)

Fid-dawl ta' dak li ntqal ma jistax ikun ikkunsidrat li l-Kummissjoni “approvat” dispożizzjonijiet simili fil-passat u li tali “approvazzjoni” tista' tiġi invokata mill-benefiċjarja sabiex teskludi l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat (174).

(239)

B'hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżuri eżaminati hawn fuq (bl-eċċezzjoni tal-miżura f'5.3.9) huma vantaġġi selettivi mhux iġġustifikati permezz tan-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali.

5.5.   Distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ

(240)

Il-miżuri msemmija hawn fuq li jikkostitwixxu vantaġġi selettivi, jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat jekk joħolqu distorsjoni jew jheddu li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni u sakemm jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Skont il-każistika stabbilita, vantaġġ selettiv mogħti mill-Istat jitqies li joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni meta aktarx li jtejjeb il-pożizzjoni kompetittiva ta' min jirċevih meta mqabbel ma' impriżi oħrajn li magħhom jikkompeti (175). Distorsjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107 TFUE hija għalhekk preżunta inkwantu l-Istat jagħti vantaġġ finanzjarju lil xi impriża f'settur liberalizzat fejn hemm, jew jista' jkun hemm, kompetizzjoni (176).

(241)

Billi l-Istat Grieg offra l-konċessjoni li wettqet Cosco f'livell internazzjonali, huwa kien fetaħ is-servizzi tas-suq tal-port għall-kompetizzjoni. Peress li impriżi differenti minn diversi Stati Membri jistgħu jikkompetu għall-aġġudikazzjoni tal-konċessjonijiet portwarji, l-għoti tal-vantaġġi fiskali speċifiċi lil PCT li ma kinux disponibbli għall-kandidati kollha possibbli fi żmien is-sejħa għall-offerti jista' jitqies li tal-inqas potenzjalment joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni.

(242)

Diġà meta PCT ħadet il-ftehim ta' konċessjoni, il-Port ta' Piraeus kellu kapaċità sostanzjali (1,6 M TEUs) u kien meqjus li jista' jikkompeti ma' portijiet oħrajn tal-UE (177). Pereżempju, il-Port ta' Tessalonika, il-Port ta' Kostanza fir-Rumanija, il-Port ta' Koper fis-Slovenja u għadd ta' portijiet fl-Italja jistgħu jitqiesu bħala kompetituri diretti jew tal-inqas potenzjali ta' PCT. Skont il-ftehim ta' konċessjoni, il-Mollijiet II u III tat-Terminal tal-Kontejners li huma mħaddma minn PCT huma previsti li jilħqu kapaċità kbira ħafna (sa 3,7 M TEUs) sal-2015. Din il-kapaċità ġdida, li l-ħolqien tagħha ġie ffaċilitat mill-miżuri inkwistjoni, għandha l-potenzjal li taffettwa kemm il-kompetizzjoni kif ukoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri, peress li portijiet differenti f'diversi Stati Membri jistgħu wkoll ikollhom l-istess klijenti bħal PCT u huma mill-inqas potenzjalment f'kompetizzjoni magħha.

(243)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li t-terminali tal-kontejners tat-trasbord, bħal dak tal-benefiċjarja, huma ferm aktar esposti għall-kompetizzjoni, inkluż minn pajjiżi terzi (fiż-żona tal-Mediterran). Pereżempju, minħabba dan l-investiment, Cosco kkonċentrat l-operazzjonijiet ta' tbaħħir tagħha fil-Mediterran f'Piraeus minflok fil-portijiet tat-trasbord Taljani u Spanjoli li kienet qiegħda tuża qabel. PCT tikkompeti ma' portijiet oħrajn tal-UE u sejra żżid il-pożizzjoni tagħha fis-suq fis-snin li ġejjin.

(244)

Peress li l-miżuri fiskali inkwistjoni kienu jassiguraw fluss ta' flus addizzjonali lil PCT, b'mod partikolari fl-ewwel stadji tal-proġett ta' kostruzzjoni, dawn għenu lil Cosco tespandi l-attivitajiet tagħha fis-suq Ewropew tas-servizzi tal-port u potenzjalment saħħet il-pożizzjoni kompetittiva tagħha f'dan is-suq.

(245)

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-miżuri inkwistjoni aktarx li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u joħolqu distorsjoni jew jheddu l-kompetizzjoni. Skont il-każistika standard tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biżżejjed li jiġi stabbilit li l-għajnuna inkwistjoni aktarx li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u thedded li toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (178). Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, il-Kummissjoni ma tqisx li għandha bżonn tiddefinixxi aktar il-medda eżatta ta' servizzi jew is-suq ġeografiku inkwistjoni jew tanalizza fid-dettall l-istruttura tiegħu u r-relazzjonijiet kompetittivi li jirriżultaw (179).

(246)

Rigward l-argument ippreżentat minn PCT li l-valutazzjoni tal-effett tal-miżuri fiskali fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ tkun teħtieġ eżami tas-sistemi fiskali ekwivalenti li japplikaw fis-swieq relatati, il-Kummissjoni tinnota li skont il-każistika stabbilita (180) il-fatt li Stat Membru jfittex li jqarreb permezz ta' miżuri unilaterali l-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni f'settur partikolari tal-ekonomija għal dawk prevalenti fi Stati Membri oħrajn ma jistax jelimina mill-miżuri inkwistjoni l-karattru ta' għajnuna li għandhom.

Konklużjoni

(247)

Fid-dawl ta' dak li ntqal il-Kummissjoni tikkonkludi li l-vantaġġi fiskali kollha mogħtija lil PCT jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE bl-eċċezzjoni tal-allegata eżenzjoni mir-regoli ġenerali ta' esproprjazzjoni furzata.

6.   IL-VALUTAZZJONI TAL-KOMPATIBBILTÀ TAL-MIŻURI

(248)

L-awtoritajiet Griegi u PCT jargumentaw li l-miżuri ta' għajnuna għandhom jitqiesu kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(a) u 107(3)(c) TFUE, kif ukoll mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna reġjonali.

6.1.   L-applikabbiltà tal-linji gwida dwar l-Għajnuna reġjonali 2007-2013  (181) (“RAG”)

(249)

Il-Kummissjoni tinnota li d-dritt legali ta' PCT li tuża l-miżuri ta' għajnuna ngħatalha mal-pubblikazzjoni fil-ġurnal uffiċjali tal-liġi inklużi l-miżuri, jiġifieri fit-30 ta' Marzu 2009 (182). B'hekk il-Kummissjoni sejra tivvaluta l-miżuri fuq il-bażi tal-RAG 2007-2013 li kienu applikabbli f'Marzu 2009.

(250)

Il-Kummissjoni tinnota li l-miżuri ta' għajnuna taħt valutazzjoni jikkonsistu f'vantaġġi fiskali mhux limitati li ma jistgħux jitqiesu bħala għajnuna għall-investiment iżda għajnuna operatorja taħt ir-regoli dwar l-għajnuna reġjonali. L-RAG 2007-2013 jistgħu b'mod eċċezzjonali u f'każijiet limitati ħafna jippermettu l-għajnuna operatorja (183) f'reġjuni eliġibbli taħt id-deroga fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE. Il-Port ta' Piraeus jinsab fir-reġjun ta' Attika li f'Marzu 2009 kien reġjun eliġibbli għall-għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE, bħala reġjun ta' “effett statistiku” (184). Għalhekk irid jiġi eżaminat jekk il-miżuri ta' għajnuna jikkonformawx mal-kundizzjonijiet tal-għajnuna operatorja stipulati fl-RAG. L-għajnuna operatorja taħt l-RAG 2007-2013 tista' tkun permessa diment li tkun iġġustifikata f'termini tal-kontribuzzjoni tagħha għall-iżvilupp reġjonali u n-natura tagħha u l-livell tagħha huwa proporzjonat mal-iżvantaġġi li tipprova ttaffi. Barra minn hekk l-għajnuna operatorja għandha fil-prinċipju tingħata għal sett definit minn qabel ta' nefqa jew spejjeż eliġibbli (185) u tkun limitata għal ċertu proporzjon ta' dawn l-ispejjeż. Għandha tkun ukoll temporanja u mnaqqsa maż-żmien u għandha titneħħa gradwalment meta r-reġjuni kkonċernati jiksbu konverġenza reali maż-żoni aktar sinjuri tal-UE.

(251)

Il-Kummissjoni tinnota li minħabba n-natura tal-għajnuna u l-iżvantaġġi li tipprova ttaffi, fil-prinċipju għajnuna ad hoc, ma tistax tindirizza tali żvantaġġi, peress li huwa improbabbli ħafna li l-għoti ta' għajnuna operatorja lil impriża waħda jindirizza l-iżvantaġġi b'mod olistiku. Barra minn hekk, il-ġustifikazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Griegi u PCT għall-miżuri ta' għajnuna, jiġifieri l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tas-settur tat-trasport tat-terminals tal-kontejners marittimi, permezz tal-ħolqien ta' ċertezza legali tal-iskema applikabbli għall-proġett ta' investiment, ma jistgħux jitqiesu bħala żvantaġġi relatati mar-reġjun ikkonċernat li jkunu jeħtieġu jittaffew. Barra minn hekk, anki kieku l-Kummissjoni kellha taċċetta din il-ġustifikazzjoni bħala rilevanti f'dan il-każ, m'hemm l-ebda nefqa eliġibbli definita minn qabel relatata ma' dawn l-iżvantaġġi u għalhekk ammont ta' għajnuna. Barra minn hekk il-miżuri ta' għajnuna mhumiex digressivi maż-żmien u ma kinux maħsuba li jitneħħew gradwalment meta r-reġjun ta' Attika jsir reġjun “c” fl-1 ta' Jannar 2011 (186). Għaldaqstant il-miżuri ta' għajnuna ma jistgħux jitqiesu kompatibbli fuq il-bażi tal-RAG 2007-2013.

6.2.   Applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE

Għan ta' interess komuni

(252)

Fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata Futur Sostenibbli għat-Trasport: Lejn sistema integrata, iggwidata mit-teknoloġija u faċli għall-utent  (187), il-Kummissjoni enfasizzat li l-iżvilupp tal-portijiet u tat-terminali intermodali huwa essenzjali għall-kisba ta' sistema loġistika integranti u intelliġenti fl-UE. Fil-Komunikazzjoni dwar il-Miri Strateġiċi u Rakkomandazzjoni għall-Politika tat-Trasport Marittimu sal-2018  (188), il-Kummissjoni tenfasizza li l-provvediment ta' infrastrutturi portwarji ġodda, kif ukoll it-titjib tal-użu tal-kapaċitajiet eżistenti, huwa essenzjali biex ikun żgurat li l-portijiet tal-UE ilaħħqu b'mod effiċjenti mal-funzjoni tagħhom ta' portal.

(253)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (189), it-TEN-T jista' jkun żviluppat l-aħjar permezz ta' approċċ ta' żewġ saffi, li jikkonsisti f'netwerk komprensiv u netwerk ċentrali. In-netwerk komprensiv jikkostitwixxi s-saff bażiku tat-TEN-T il-ġdid. Jikkonsisti fl-infrastruttura kollha eżistenti jew ippjanata li tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament dwar it-TEN-T. In-netwerk ċentrali għandu jikkostitwixxi s-sinsla tal-iżvilupp ta' netwerk tat-trasport multimodali sostenibbli, għandu jistimula l-iżvilupp tan-netwerk komprensiv sħiħ u jkun fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-2030. Il-port ta' Piraeus huwa wieħed mill-portijiet marittimi inklużi fin-netwerk ċentrali tal-UE.

(254)

F'dan il-kuntest, il-port ta' Piraeus huwa wieħed mill-akbar u l-aktar portijiet sinifikanti fil-Baħar Mediterran u l-operat tiegħu huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-ekonomija Griega u importanti għall-iżvilupp tal-għanijiet ta' politika tat-trasport tal-UE. L-investiment li PCT għamlet żviluppa parti mill-port ta' Piraeus f'terminal modern tal-kontejners marittimi billi tejjeb l-effiċjenza, il-kapaċità tal-ħażna, l-abbiltà li jservi bastimenti tat-tagħbija ta' ġenerazzjoni ġdida u l-interkonnettività tiegħu. Taħt il-ftehim ta' konċessjoni huwa mistenni li l-kapaċità sejra tiżdied minn mill-inqas 300 000 TEU matul l-ewwel sena tal-perjodu ta' konċessjoni għal tal-inqas 3 700 000 TEUs wara t-tmien sena tal-perjodu ta' konċessjoni. B'hekk jista' jitqies li l-investiment fil-faċilitajiet portwarji kkaratterizzati b'elementi ta' għajnuna mill-Istat jista' jikkontribwixxi għal għan ta' interess komuni.

Ħtieġa u effett ta' inċentiv

(255)

Skont il-prattika tal-Kummissjoni dwar il-kawżi f'dan il-qasam, il-ħtieġa tal-għajnuna tiġi stabbilita jekk jista' jintwera li l-ammont tal-influss ta' dħul nett iġġenerat mill-proġett ta' investiment mhuwiex suffiċjenti biex iħallas l-ispejjeż tal-investiment tal-investitur. Essenzjalment jekk dan id-dħul ma jkunx suffiċjenti l-proġett ma kienx jitwettaq minn investitur privat mingħajr appoġġ pubbliku u tkun neċessarja l-għajnuna mill-Istat.

(256)

L-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarja jargumentaw li l-miżuri ta' għajnuna kienu meħtieġa minħabba li mingħajrhom l-arranġamenti ta' finanzjament tal-proġett li PCT kienet tikseb kienu jkunu ferm aktar onerużi u setgħu potenzjalment jipperikolaw l-implimentazzjoni tal-proġett.

(257)

Il-Kummissjoni dejjem qieset li l-proġetti ta' infrastruttura portwarja jeħtieġu investimenti ta' kapital konsiderevoli li jistgħu jiġu rkuprati biss fit-tul u l-vijabbiltà ekonomika tagħhom mhux dejjem tista' tkun assigurata mingħajr appoġġ pubbliku. Madankollu, f'dan il-każ, PPA, l-awtorità kontraenti li wettqet il-proċedura tas-sejħa għall-offerti għall-għażla tal-konċessjonarju tal-Port ta' Piraeus, kienet diġà stmat li l-vijabbiltà ekonomika tal-proġett kienet sejra tkun assigurata, xi ħaġa li hija ppruvata mill-fatt li skont id-dokumenti tas-sejħa għall-offerti l-benefiċjarju magħżul kellu suppost iwettaq l-investiment sħiħ fuq spejjeż tiegħu stess. Barra minn hekk, PCT wettqet l-estensjoni tal-Moll II u l-bini ta' Moll III, billi ħallset l-ispejjeż kollha ta' investiment li dan il-proġett jinvolvi. Meta ssottomettiet l-offerta tagħha li kienet aċċettata minn PPA, hija kienet stmat li l-investiment tagħha fil-Port ta' Piraeus ikun profittabbli għaliha mingħajr il-ħtieġa ta' kwalunkwe appoġġ pubbliku, inkella kienet tissottomettiha b'riżerva fir-rigward tal-profittabbiltà tal-proġett fin-nuqqas ta' trattament fiskali speċifiku. Barra minn hekk, il-fatt li Cosco kellha l-għan li tibdel il-port ta' Piraeus fl-ewwel terminal tal-kontejners fil-Baħar Mediterran juri l-potenzjal ta' dan il-port, kif ukoll il-profittabbiltà tal-proġett ta' investiment li qatt ma kien hemm dubji fuqha (190). Għaldaqstant ma jistax ikun ikkunsidrat li l-miżuri eżaminati kienu meħtieġa biex tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika tal-proġett ta' investiment.

(258)

Il-fatt li ċ-China Development Bank stenna għall-adozzjoni tal-liġi dwar ir-ratifika ma jurix il-ħtieġa tal-miżuri ta' għajnuna. Minħabba li l-kuntratt ta' konċessjoni kellu jkun ratifikat bil-liġi skont il-prattika leġiżlattiva Griega, kwalunkwe bank kien ser jistenna għall-adozzjoni tal-liġi ta' ratifika, mingħajr dan ma jkun relatat b'mod speċifiku mal-għoti tal-miżuri taħt eżami. Barra minn hekk lanqas il-protezzjoni mitluba mill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra bidla ġenerali jew diskriminatorja fil-liġi, mhija prova tal-ħtieġa tal-għajnuna.

(259)

PCT bdiet biss ix-xogħol ta' kostruzzjoni wara r-ratifika tal-kuntratt ta' konċessjoni skont il-liġi. Iżda dan huwa wkoll relatat mal-fatt li l-kuntratti pubbliċi kollha ta' dan it-tip iridu jiġu ratifikati mil-liġi. Kwalunkwe kumpanija fil-pożizzjoni tal-PCT kienet fi kwalunkwe każ sejra tistenna għar-ratifika tal-kuntratt. Barra minn hekk, Cosco kienet intrabtet li timplimenta l-proġett diġà meta ssottomettiet l-offerta tagħha u dan seħħ qabel l-adozzjoni tal-att tal-għoti, jiġifieri l-liġi tar-ratifika. Ladarba saret is-sottomissjoni tal-offerta, Cosco kienet taf li kienet legalment marbuta li timplimenta l-investiment, kieku kellha tintgħażel minn PPA bħala offerent rebbieħ.

(260)

Barra minn hekk, il-benefiċjarja qatt ma invokat l-eżistenza ta' diskrepanza tal-likwidità li kienet teħtieġ li tiġi koperta mill-miżuri taħt eżami. Il-fatt li PCT ikkwantifikat biss l-ammont tal-għajnuna wara l-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali mill-Kummissjoni, jiġfieri kważi 5 snin wara l-iffirmar tal-kuntratt ta' konċessjoni, juri li l-ammont ta' għajnuna ma tteħidx inkunsiderazzjoni minn PCT fil-pjan tan-negozju inizjali tagħha, u b'mod partikolari meta Cosco iddeċidiet li twettaq l-investiment. Rigward id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni invokati mill-benefiċjarja, fejn il-Kummissjoni approvat għajnuna mhux ratifikata f'każijiet fejn l-għajnuna ma kinitx ġiet ikkwantifikata minn qabel, il-Kummissjoni tinnota li l-każijiet imsemmija mhumiex applikabbli f'dan il-każ, peress li ma jirrigwardawx il-finanzjament ta' infrastruttura portwarja, fejn diskrepanza tal-likwidità speċifika trid tiġi ddeterminata anki għal analiżi ex-post tal-kompatibbiltà. Għaldaqstant, din l-għajnuna ma tistax titqies meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġett, peress li PCT ikollha fi kwalunkwe każ twettqu.

(261)

Fi kwalunkwe każ, kif diġà spjegat hawn fuq, il-miżuri taħt eżami jikkonsistu f'vantaġġi fiskali mhux limitati li jikkostitwixxu għajnuna operatorja li normalment hija pprojbita. Din l-għajnuna tista' tiġi aċċettata biss f'kundizzjonijiet eċċezzjonali ddeterminati b'mod speċifiku. Fil-kuntest tal-analiżi tal-kompatibbiltà tal-finanzjament tal-proġett ta' infrastruttura portwarja fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c), dan it-tip ta' għajnuna ma jistax jitqies kompatibbli.

(262)

Il-benefiċjarja targumenta li l-falliment tas-suq f'dan il-każ jikkonsisti fil-ħtieġa li jiġu żgurati l-istabbiltà, iċ-ċertezza legali u l-flessibbiltà f'dak li jirrigwarda l-qafas fiskali tal-implimentazzjoni tal-kuntratt ta' konċessjoni. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li skont il-prattika kostanti tagħha, il-ħtieġa li jiġu żgurati l-istabbiltà, iċ-ċertezza legali u l-flessibbiltà ma tistax titqies bħala falliment tas-suq, jew bħala bażi valida tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta' għajnuna. Barra minn hekk u aktar importanti, in-nuqqas ta' tali “qafas” ma waqqafx lil Cosco milli titħajjar li tinvesti fil-Port ta' Piraeus. B'hekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għan li jiġu żgurati l-istabbiltà, iċ-ċertezza legali u l-flessibbiltà ma jistax juri l-ħtieġa jew l-effett ta' inċentiv tal-miżuri ta' għajnuna taħt eżami.

(263)

Fid-dawl ta' dak li ntqal il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri ta' għajnuna mogħtija lil PCT ma kinux meħtieġa, peress li ma ġiex ippruvat li Cosco kienet sejra tabbanduna l-implimentazzjoni tal-proġett fin-nuqqas tagħhom. B'hekk il-miżuri ta' għajnuna jikkostitwixxu għajnuna operatorja, li jeħilsu lil PCT minn spejjeż li normalment ikollha ġġorr u ma jistgħux jiġu ddikjarati kompatibbli. Fid-dawl ta' din il-konklużjoni, il-Kummissjoni ma tqisx li għandha għalfejn tkompli teżamina l-kundizzjonijiet l-oħrajn tal-Artikolu 107(3)(c), dwar il-proporzjonalità u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, sabiex tikkonkludi li l-miżuri ta' għajnuna mhumiex kompatibbli.

7.   L-IRKUPRU TAL-GĦAJNUNA

Skont il-każistika stabbilita, għajnuna li l-Kummissjoni tqis inkompatibbli mas-suq komuni trid tiġi rkuprata sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (191). Peress li l-miżuri msemmija hawn fuq jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli, il-Kummissjoni għandha tordna l-irkupru ta' għajnuna mogħtija b'mod illegali li hija inkompatibbli mas-suq intern, sakemm il-benefiċjarja ma jkollhiex aspettattivi leġittimi jew ma tistrieħx fuq prinċipju ġenerali tal-liġi tal-UE (192).

Kwantifikazzjoni

(264)

Il-kwantifikazzjoni tal-għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Griegi u l-benefiċjarja kienet ibbażata fuq is-suppożizzjonijiet ipotetiċi tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ta' PCT fl-2009. Għaldaqstant ma jistgħux iservu bħala bażi għall-kwantifikazzjoni eżatta tal-ammonti tal-għajnuna.

(265)

Fin-nuqqas ta' informazzjoni xierqa f'isem l-awtoritajiet Griegi, din id-deċiżjoni ma tistabbilixxix l-ammont eżatt ta' għajnuna riċevuta minn PCT għal kull waħda minn dawn il-miżuri. Madankollu, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Istat Membru għandu jsegwi l-metodoloġija li ġejja sabiex jiddetermina l-ammont ta' għajnuna mill-Istat inkompatibbli li għandha tiġi rkuprata mingħand PCT:

—   Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu fuq l-imgħax akkumulat sad-data tal-bidu tal-operazzjoni ta' Moll III:

(266)

Din il-miżura tinvolvi għajnuna lil PCT li hija ugwali għat-taxxa fuq l-introjtu li PCT normalment ikollha tħallas fuq l-imgħaxijiet akkumulati sal-bidu tal-operazzjonijiet ta' Moll III u li minnha PCT kienet eżentata abbażi tal-Artikolu 2§1 tal-Liġi.

(267)

L-awtoritajiet Griegi indikaw li PCT ma bbenefikatx minn din id-dispożizzjoni fil-prattika, peress li fl-introjtu taxxabbli tagħha hija inkludiet l-ammont ta' imgħax akkumulat fuq id-depożiti fi flus (u allura dan id-dħul kien soġġett għat-taxxa fuq l-introjtu). Għaldaqstant huma għandhom jipprovdu evidenza li dan kien fil-fatt il-każ.

(268)

F'każ li PCT għamlet użu minn din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet Griegi għandhom l-ewwel jipprovdu d-dati li ġejjin:

Id-data minn meta PCT kienet eżentata mit-taxxa fuq l-introjtu fuq l-imgħax akkumulat;

Id-data li fiha beda jopera l-Moll III.

(269)

L-awtoritajiet Griegi għandhom jieħdu bħala bażi d-depożiti rilevanti ta' PCT fil-banek Griegi kull sena (wara d-data ta' eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu fuq l-imgħax akkumulat), l-imgħaxijiet rilevanti li rriżultaw kull sena u japplikawlhom ir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu applikabbli kull sena.

—   Dritt għar-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT irrispettivament mid-data tat-tlestija tax-xogħol ta' kostruzzjoni jew ta' partijiet minnu

(270)

Din il-miżura tinvolvi għajnuna lil PCT li hija ugwali għall-ammont sħiħ tar-rifużjoni tal-VAT li PCT għandha permess iżżomm (taħt din id-dispożizzjoni) jekk sa 5 snin wara t-twettiq tan-nefqa relatata, il-proġett ma jkunx beda.

(271)

L-awtoritajiet Griegi indikaw li PCT diġà użat il-proġett ta' investiment fil-5 snin mill-bidu tal-proġett, u għalhekk il-perjodu ta' eżenzjoni ta' 5 snin ma rriżultax għal ammont speċifiku li jrid jiġi rkuprat.

(272)

Madankollu, l-awtoritajiet Griegi ma ssottomettew l-ebda prova li turi li l-kostruzzjoni tal-proġett tlestiet u li l-investiment intuża. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Griegi għandhom jipprovdu evidenza li turi t-tlestija tal-kostruzzjoni tal-proġett. Barra minn hekk, għandhom jipprovdu wkoll il-lista ta' fatturi relatati ma' din il-kostruzzjoni u d-dati meta PCT irċeviet rifużjonijiet tal-VAT għal dawn il-fatturi.

(273)

F'każ li l-kostruzzjoni tal-proġetti ma titlestiex, il-ħames anniversarju mid-data ta' rifużjoni tal-VAT għal kull fattura relatata ma' din il-kostruzzjoni jkun id-data tal-għoti tal-għajnuna. L-għajnuna fi kwalunkwe każ tkun l-ammont tal-VAT imħallsa lura.

—   Definizzjoni wiesgħa tal-oġġett ta' investiment => dritt dirett għal 90 % rifużjoni tal-kreditu tal-VAT mingħajr awditjar

(274)

Din il-miżuri tinvolvi għajnuna lil PCT li hija ugwali għall-imgħaxijiet akkumulati fuq il-VAT imħallsa lura għan-nefqiet kollha għajr għall-oġġetti tanġibbli (relatati mal-oġġett ta' investiment), mill-mument li r-rifużjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta' PCT sal-mument li PCT kienet tkun intitolata għal tali rifużjoni, jiġifieri 3 snin wara jew sal-mument li fih PCT setgħet tkun tista' tpaċi l-input tal-VAT tagħha (rigward dawn in-nefqiet) kontra l-output tal-VAT.

(275)

L-awtoritajiet Griegi għandhom jagħmlu distinzjoni bejn il-VAT relatata mal-assi tanġibbli li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett ta' oġġett ta' investiment u l-input tal-VAT relatat ma' xogħlijiet u ma' servizzi oħrajn. Dan l-input tal-VAT imbagħad irid jiġi kkalkulat. Fuq il-bażi tal-ammont li jirriżulta minn dan il-kalkolu l-awtoritajiet Griegi jkollhom jikkalkulaw l-imgħax li l-Istat għandu jitlob għall-pagament fi flus bil-quddiem qabel il-perjodu ta' 3 snin, li fih PCT tista' fi kwalunkwe każ titħallas lura. Dawn l-imgħaxijiet għandhom ikunu kkalkulati għall-perjodu mill-mument li r-rifużjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta' PCT sal-mument li PCT kienet tkun intitolata għal tali rifużjoni, jiġifieri tliet 3 wara. Jekk jista' jintwera li setgħet titħallas lura qabel il-perjodu ta' 3 snin, l-imgħax relatat jiġi kkalkulat sal-mument fejn PCT setgħet tpaċi l-input tal-VAT tagħha (li jirrigwarda dawn in-nefqiet) mal-output tal-VAT.

—   Dritt għall-imgħaxijiet arretrati mingħajr rekwiżiti temporali jew proċedurali f'każ li l-Istat ma jħallasx lura l-VAT

(276)

Din il-miżura tinvolvi għajnuna lil PCT li hija ugwali għall-imgħaxijiet li PCT tista' titlob (skont din id-dispożizzjoni) mingħand l-Istat Grieg ladarba jkunu għaddew 60 jum mill-mument li tkun ressqet id-dikjarazzjoni fiskali rilevanti (sabiex titlob rifużjoni tal-VAT), filwaqt li kumpaniji oħrajn f'sitwazzjoni simili ma jkunux intitolati għall-imgħaxijiet.

(277)

PCT indikat li ma għamlitx użu minn din id-dispożizzjoni. Madankollu, jekk dan ma kienx il-każ u tali imgħaxijiet tabilħaqq tħallsu mill-Istat, allura l-awtoritajiet Griegi għandhom jindikaw l-imgħaxijiet eżatti mħallsa flimkien mad-dati ta' meta saru dawn il-pagamenti. Dawn id-dati jkunu d-dati tal-għoti u l-imgħaxijiet korrispondenti mħallsa jkunu l-ammonti ta' għajnuna mogħtija f'dawn id-dati.

—   Riport tat-telf mingħajr limitazzjoni temporali

(278)

L-għajnuna f'dan il-każ tkun it-taxxa addizzjonali fuq il-kumpaniji li PCT ikollha tħallas li kieku ma seħħ l-ebda riport tat-telf lil hinn mil-limitazzjoni temporali ta' ħames snin. Fi kliem ieħor, l-għajnuna hija ugwali għad-differenza bejn it-taxxa fuq l-introjtu li PCT effettivament ħallset u t-taxxa fuq l-introjtu li kien ikollha tħallas fin-nuqqas tal-possibbiltà li tirriporta t-telf tagħha għal aktar minn 5 snin wara li jkun seħħ dan it-telf.

(279)

Id-data tal-għoti f'dan il-każ tkun id-data meta t-taxxa kienet tkun dovuta. L-awtoritajiet Griegi għandhom jissottomettu data li turi t-telf fiskali li PCT kellha kull sena u jekk dan ġiex riportat għal perjodu ta' aktar minn 5 snin. Jekk dan huwa l-każ, allura jkollhom jikkalkulaw l-impatt ta' dan it-telf fuq il-bażi taxxabbli tagħha u għalhekk it-taxxa fuq l-introjtu korrispondenti li PCT ma ħallsitx minħabba dan ir-riport.

—   Għażla bejn 3 metodi ta' deprezzament

(280)

PCT indikat li hija użat il-metodu tal-linja dritta fissa. L-awtoritajiet Griegi għandhom jipprovdu evidenza li l-metodu tal-linja dritta fissa biss intuża u ma jipprovdux kwalunkwe possibbiltà ta' tibdil għall-metodi l-oħrajn ta' deprezzament. Jekk intuża xi metodu ta' deprezzament ieħor, l-għajnuna tkun id-differenza bejn it-taxxa fuq il-kumpaniji li PCT ikollha tħallas meta tuża l-metodu ta' deprezzament lineari fissa u t-taxxa fuq il-kumpaniji meta tuża kwalunkwe wieħed miż-żewġ metodi l-oħrajn. Id-data tal-għoti tal-għajnuna tkun id-data meta t-taxxa addizzjonali kienet tkun dovuta.

—   Eżenzjoni mit-taxxa tal-boll fuq il-ftehimiet ta' self u kwalunkwe ftehim anċillari għall-finanzjament tax-xogħol

(281)

L-awtoritajiet Griegi għandhom jindikaw jekk PCT ikkuntrattatx ftehimiet ta' self oħrajn minbarra dawk imsemmija ma' Cosco. Rigward dawn il-ftehimiet, l-għajnuna mogħtija lil PCT tkun ugwali għat-taxxi tal-boll korrispondenti applikabbli għal dan is-self. Id-dati tal-għoti tal-ammonti ta' għajnuna jkunu d-dati li fihom dawn it-taxxi tal-boll kienu dovuti.

—   Eżenzjoni favur il-kredituri ta' PCT minn taxxi, taxxi tal-boll, kontribuzzjonijiet u kwalunkwe dritt favur l-Istat jew partijiet terzi li normalment ikollhom iħallsu fuq kuntratti li jittrasferixxu l-obbligi u d-drittijiet li jirriżultaw mill-ftehimiet ta' self ta' PCT

(282)

Din il-miżura tinvolvi għajnuna lill-kredituri ta' PCT, b'mod partikolari Cosco li hija ugwali għall-ammont ta' taxxa tal-boll li Cosco normalment ikollha tħallas, skont ir-regoli ġeneralment applikabbli, f'każ ta' trasferiment ta' self ikkuntrattat ma' PCT lil xi parti terza.

(283)

Skont l-awtoritajiet Griegi, Cosco tat żewġ selfiet lil PCT fl-2009 li tħallsu lura fl-2011. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni m'għandha l-ebda raġuni biex temmen li dan it-trasferiment seħħ.

(284)

L-awtoritajiet Griegi għandhom jiċċaraw jekk din id-dispożizzjoni ntużatx. Jekk dan huwa l-każ allura jkollhom jiddeterminaw it-taxxa tal-boll li tkun dovuta għal tali atti legali.

—   Eżenzjoni minn taxxi tal-boll għal kwalunkwe kumpens imħallas minn PPA lil PCT skont il-ftehim ta' konċessjoni, li jaqa' barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-kodiċi tal-VAT

(285)

Din il-miżuri tipprovdi vantaġġ lil PCT li huwa ugwali għat-taxxa tal-boll li jkollha tħallas f'ċirkustanzi bħal dawn u li minnhom hija eżentata. L-awtoritajiet Griegi għandhom jindikaw jekk din id-dispożizzjoni ntużatx. Jekk intużat allura jkollhom jidentifikaw l-ammonti ta' għajnuna mogħtija lil PCT u d-dati tal-għoti korrispondenti bl-istess mod kif deskritt għall-miżuri ta' hawn fuq.

—   Skont it-talba ta' PCT, skema preferenzjali għall-investimenti barranin

(286)

L-awtoritajiet Griegi indikaw li din l-iskema ma ntużatx. Madankollu, kif imsemmi fil-premessa 220, PCT għandha d-dritt li titlob u li tikseb din l-iskema preferenzjali.

L-Azzjoni ta' Twaqqit

(287)

Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-deċiżjoni lir-Repubblika tal-Greċja, il-Greċja għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu jew dawk ippjanati:

i.

indikazzjoni tal-miżuri li tabilħaqq jistgħu jaqgħu taħt ir-regolament de minimis u sottomissjoni tad-dokumentazzjoni rilevanti li turi dan;

ii.

indikazzjoni tal-miżuri li ġew irkuprati jew tal-ippjanar tal-irkupru li ddaħħal fis-seħħ;

(288)

Fi żmien erba' xhur wara n-notifika ta' din id-deċiżjoni lir-Repubblika tal-Greċja, il-Greċja għandha tinforma lill-Kummissjoni li implimentat l-irkupru.

(289)

Fil-prinċipju din tkun l-iskadenza finali għall-irkupru.

(290)

Fil-każijiet fejn PCT irċeviet vantaġġ li jaqbeż il-limiti speċifikati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1407/2013 (193), tali vantaġġ mhuwiex ikkunsidrat għajnuna mill-Istat jekk il-kundizzjonijiet kollha stipulati permezz ta' dan ir-Regolament huma ssodisfati, u mhuwiex soġġett għall-irkupru.

(291)

Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' PCT sal-irkupru attwali tagħhom. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 (194) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 (195).

8.   KONKLUŻJONI

(292)

Il-Kummissjoni tqis li l-Greċja implimentat b'mod illegali dawn il-miżuri ta' għajnuna li ġejjin bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:

1.

Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu fuq l-imgħax akkumulat sad-data tal-bidu tat-tħaddim ta' Moll III;

2.

Id-dritt għar-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT irrispettivament mill-istadju ta' tlestija tal-oġġett tal-kuntratt; id-definizzjoni tal-kunċett ta' “oġġett ta' investiment” għall-finijiet tar-regoli dwar il-VAT; id-dritt għall-imgħaxijiet arretrati mill-ewwel jum ta' wara s-60 jum wara t-talba għar-rifużjoni tal-VAT;

3.

Riport tat-telf mingħajr ebda limitazzjoni temporali;

4.

Għażla minn fost tliet metodi ta' deprezzament li jirrigwardaw l-ispejjeż tal-investiment tar-rikostruzzjoni ta' Moll II u l-kostruzzjoni ta' Moll III;

5.

Eżenzjoni mit-taxxi tal-boll fuq il-ftehimiet ta' self u kwalunkwe ftehim anċillari għall-finanzjament tal-proġett;

6.

Eżenzjoni mit-taxxi, taxxi tal-boll, kontribuzzjonijiet u kwalunkwe dritt favur l-Istat jew partijiet terzi fuq il-kuntratti bejn il-kredituri tal-ftehimiet ta' self li taħthom huma trasferiti l-obbligi u d-drittijiet li jirriżultaw minnhom;

7.

Eżenzjoni minn taxxi tal-boll għal kwalunkwe kumpens imħallas minn PPA lil PCT taħt il-kuntratt ta' konċessjoni, li huwa barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-kodiċi dwar il-VAT;

8.

Protezzjoni taħt skema protettiva speċjali għall-investimenti barranin.

(293)

L-awtoritajiet Griegi ma eżentawx lil PCT minn regoli li jirrigwardaw l-esproprjazzjoni furzatau għalhekk ma taw l-ebda għajnuna lil PCT f'dan il-kuntest.

(294)

Il-miżuri kollha ta' għajnuna identifikati hawn fuq mhumiex kompatibbli mat-Trattat u jkollhom jiġu rkuprati.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri li ġejjin ta' għajnuna mill-Istat favur Piraeus Container Terminal S.A. u l-kreditur tagħha, Cosco, li ddaħħlu fis-seħħ illegalment mill-Greċja bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huma inkompatibbli mas-suq intern:

1.

Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-introjtu fuq l-imgħax akkumulat sad-data tal-bidu tat-tħaddim ta' Moll III;

2.

Id-dritt għar-rifużjoni tal-kreditu tal-VAT irrispettivament mill-istadju ta' tlestija tal-oġġett tal-kuntratt; id-definizzjoni tal-kunċett ta' “oġġett ta' investiment” għall-finijiet tar-regoli dwar il-VAT; id-dritt għall-imgħaxijiet arretrati mill-ewwel jum ta' wara s-60 jum wara t-talba għar-rifużjoni tal-VAT;

3.

Riport tat-telf mingħajr ebda limitazzjoni temporali;

4.

Għażla minn fost tliet metodi ta' deprezzament li jirrigwardaw l-ispejjeż tal-investiment tar-rikostruzzjoni ta' Moll II u l-kostruzzjoni ta' Moll III;

5.

Eżenzjoni mit-taxxi tal-boll fuq il-ftehimiet ta' self u kwalunkwe ftehim anċillari għall-finanzjament tal-proġett;

6.

Eżenzjoni mit-taxxi, taxxi tal-boll, kontribuzzjonijiet u kwalunkwe dritt favur l-Istat jew partijiet terzi fuq il-kuntratti bejn il-kredituri tal-ftehimiet ta' self li taħthom huma trasferiti l-obbligi u d-drittijiet li jirriżultaw minnhom;

7.

Eżenzjoni minn taxxi tal-boll għal kwalunkwe kumpens imħallas minn PPA lil PCT taħt il-kuntratt ta' konċessjoni, li huwa barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-kodiċi dwar il-VAT;

8.

Il-protezzjoni taħt l-iskema speċjali ta' protezzjoni għall-investimenti barranin

Artikolu 2

L-awtoritajiet Griegi ma taw l-ebda għajnuna mill-Istat billi eżentaw lil Piraeus Container Terminal S.A. minn regoli li jirrigwardaw l-esproprjazzjoni furzata.

Artikolu 3

1.   Il-Greċja għandha tirkupra l-għajnuna inkompatibbli mogħtija u msemmija fl-Artikolu 1 mingħand PCT u l-kumpanija prinċipali tagħha Cosco.

2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarja sal-irkupru attwali tagħhom.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 u r-Regolament (KE) Nru 271/2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

4.   Il-Greċja għandha tabolixxi kwalunkwe dispożizzjoni li tippermetti l-kontinwazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

5.   Il-Greċja għandha tħassar il-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija u msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Il-Greċja għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni, il-Greċja għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ammont totali (prinċipali u imgħaxijiet fuq l-irkupru) li jrid jiġi rkuprat mingħand PCT u l-kumpanija prinċipali tagħha Cosco;

(b)

deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati biex tinżamm konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li PCT u l-kumpanija prinċipali tagħha Cosco ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

2.   Il-Greċja għandha żżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex timplimenta din id-Deċiżjoni sakemm ikun intemm l-irkupru tal-għajnuna mogħtija msemmija fl-Artikolu 1. Fuq talba sempliċi tal-Kummissjoni, tissottometti minnufih informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ħadet u dawk ippjanati, sabiex tkun f'konformità ma' din id-Deċiżjoni. Il-Greċja għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u ta' imgħaxijiet fuq l-irkupru li jkunu diġà ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarja.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Greċja.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(2)  Irreġistrata mill-Kummissjoni fit-13 ta' Mejju 2009.

(3)  Irreġistrata mill-Kummissjoni fl-istess jum.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Lulju 2012 C(2012) 4217 finali, fil-Kawża SA. 28876 (C (12/C) (ex CP 202/09) — Il-Greċja — Container Terminal Port ta' Piraeus u Cosco Pacific Limited (ĠU C 301, 5.10.2012, p. 55).

(5)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 4.

(6)  Ara l-Artikolu 1.1 tal-ftehim ta' konċessjoni fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, u Sezzjoni 3 dwar id-dritt tal-użu u l-isfruttar.

(7)  Ara l-Artikolu 3.1.iii tal-ftehim ta' konċessjoni.

(8)  Ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Referenza 2008/S 20-026332 mit-30 ta' Jannar 2008, emendata bir-Referenza 2008/S 54-072476 mit-18 ta' Marzu 2008, li testendi l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-offerti sad-19 ta' Mejju 2008.

(9)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 4.

(10)  i) eżenzjoni mit-taxxa tal-kumpaniji fuq l-introjtu għal prodotti, xogħlijiet u servizzi pprovduti lil PCT 'il barra mill-Greċja minn kumpaniji jew impriżi konġunti 'il barra mill-Greċja, f'każ ta' ftehim fiskali bilaterali biex tiġi evitata t-taxxa doppja bejn il-Greċja u l-pajjiżi ta' reġistrazzjoni, ii) rifużjoni tal-VAT fi żmien 60 jum mill-perjodu tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni rilevanti u rata tal-imgħax applikabbli għall-komputazzjoni tal-imgħaxijiet f'każ li l-Istat ma jirrifondix il-kreditu tal-VAT fi żmien 60 jum mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni rilevanti.

(11)  L-Artikolu 2§1 tal-Liġi.

(12)  L-Artikolu 2§3 u §4 tal-Liġi.

(13)  L-Artikolu 2§5 tal-Liġi.

(14)  L-Artikolu 2§6 tal-Liġi.

(15)  L-Artikolu 2§8 tal-Liġi.

(16)  L-Artikolu 2§9 tal-Liġi.

(17)  L-Artikolu 2§10 tal-Liġi.

(18)  L-Artikolu 3 tal-Liġi.

(19)  Il-Kawża T-157/01, Danske Busvogmaend v Il-Kummissjoni, [2004] Ġabra I — 917.

(20)  i) in-natura twila tal-kuntratti, ii) il-ħtieġa għal investiment sinifikanti ħafna bil-quddiem, liema prattika tfisser dħul imnaqqas jew ebda dħul matul il-perjodu inizjali, iii) il-ħtieġa li jiġi żgurat il-finanzjament estern, iv) in-natura inċerta tar-redditi finanzjarji, v) interess pubbliku ġenerali fil-ħolqien ta' infrastruttura pubblika ġdida, vi) interess qawwi u pubbliku fit-tlestija b'suċċess u profittabbli tal-proġett.

(21)  Ir-Regolament (UE) Nru 670/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2012 li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija (ĠU L 204, 31.7.2012, p. 1), u r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).

(22)  B'mod partikolari huma jsemmu li r-Regolament 1370/2007 tal-PSO jirrikonoxxi li jekk ikun iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat il-benefiċċju tat-taxxa jew l-amortizzazzjoni sħiħa tal-kapital b'rabta ma' infrastruttura eċċezzjonali, materjal fuq ir-roti jew investiment veikolari, kuntratt ta' servizz pubbliku jista' jdum aktar minn kemm ikun permess normalment.

(23)  Il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P, Il-Kummissjoni (C-106/09) u r-Renju ta' Spanja (C-107/09 P) v Il-Gvern ta' Ġibiltà u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq, [2011] ECLI:EU:C:2011:732, il-paragrafi 90-92.

(24)  Il-premessa 115 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni.

(25)  Il-Kawża C-88/03, Il-Portugall v Il-Kummissjoni, [2006] Ġabra I-7115, il-paragrafu 81.

(26)  Il-Kawża C-143/99, Adria-Wien Pipeline, [2001] Ġabra I-8384.

(27)  Il-Kawża C-169/08, Presidente del Consiglio del Ministri v Regione Sardegna, [2009] Ġabra I-10821.

(28)  Il-Kawża T-210/02 RENV, British Aggregates Association v Il-Kummissjoni Ewropea, [2012].

(29)  Ara pereżempju l-analiżi tal-Qorti Ġenerali f'dan ir-rigward fil-Kawża T-210/02 RENV, British Aggregates Association v Il-Kummissjoni Ewropea, [2012], il-paragrafi 83-91.

(30)  Kawżi Magħquda T-304/04 u T-316/04, L-Italja u WAM SpA v Il-Kummissjoni, [2006] Ġabra II-64.

(31)  Il-Kawżi COMP/M.5398 — HUTCHINSON/EVERGREEN, COMP/M.5450 — KUHNE/HGV/TIU/HAPAG-LLOYD, COMP/JV.55 — HUTCHINSON/RCPM/ECT, COMP/JV.56 — HUTCHINSON/ECT, COMP/M.3863 — TUI/CP SHIPS, COMP/M.5398 — HUTCHINSON/EVERGREEN, COMP/M.3576 — ECT/PONL/EUROMAX, COMP/M.3973 –CMA CGM/DELMAS, COMP/M.3829 MAERRSK/PONL, COMP/M.1674 — MAERSK/ECT, IV/M.831 — P&O/ROYAL NEDLLOYD.

(32)  Il-Kawża 409/V/2009, id-Deċiżjoni tat-23 ta' Jannar 2009, p. 22.

(33)  Il-port ta' Tessalonika, il-port ta' Kostanza fir-Rumanija, il-port ta' Koper fis-Slovenja u għadd ta' portijiet fl-Italja (ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 173 tad-deċiżjoni tal-ftuħ).

(34)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2009 dwar il-Kawża C 21/09 (ex N 105/08, N 168/08 u N 169/08) — Il-Greċja — Il-finanzjament pubbliku tal-infrastruttura u t-tagħmir fil-Port ta' Piraeus (ĠU C 402, 29.12.2012, p. 25).

(35)  Minħabba: id-distanza ta' Piraeus minn dawn iż-żoni; in-nuqqas ta' konnessjoni u servizzi ferrovjarji moderni; l-ispiża konsiderevoli addizzjonali li tkun meħtieġa; u l-arranġamenti tal-linji ta' tbaħħir ewlenin għall-kontejners tal-baħar fond li jservu ż-żona tal-Mediterran Ċentrali permezz ta' terminali portwarji tal-kontejners f'Malta (eż. Maersk), Taranto (eż. Evergreen), Venezja (eż. MSC) u Gioia Tauro (eż. MSC)

(36)  Pereżempju Koper joffri fond ta' madwar 9 metri minflok il-15 sa 19-il metru li joffri Piraeus (li normalment jeħtieġ ferm aktar minn 12-il metru għall-bastimenti li jservi). 13 500 TEU bastiment tal-kontejners jidħlu fil-port tal-kontejners ta' Piraeus kull ġimgħa u li ma jkunux jistgħu jinqdew f'dawn il-portijiet l-oħrajn.

(37)  L-ispiża konsiderevoli tal-vjaġġ addizzjonali involuta fil-ġarr tat-traffiku tat-trasbord lejn kwalunkwe wieħed mill-portijiet l-oħrajn tagħmel lil dawn il-portijiet inqas attraenti għal dan it-tip ta' traffiku.

(38)  Id-distanza ta' Piraeus minn u lejn din il-linja ta' tbaħħir għal bastiment normali tal-baħar fond hija biss madwar 16-il siegħa ta' tbaħħir, meta mqabbla mal-44 għal Tessalonika, 120 siegħa għal Koper u bosta ġranet għal Kostanza (minħabba li jkollu jivvjaġġa mid-Dardanelli u l-Bosporus u l-problemi ta' konġestjoni ta' traffiku hemmhekk).

(39)  Skont § 117 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni: “L-uniċi portijiet tal-UE li jifformaw parti mis-suq tal-baħar Mediterran tal-Lvant huma dawk li jmissu mal-Baħar l-Iswed (bħal Konstanza fir-Rumanija, Varna fil-Bulgarija). Madankollu, minħabba s-sitwazzjoni speċjali tal-istretti li jgħaqqdu lill-Baħar l-Iswed mal-Baħar Eġew, il-portijiet tal-Baħar l-Iswed mhumiex il-kompetituri ewlenin tal-Port ta' Piraeus. Bl-istess mod, għalkemm ma jistax ikun eskluż għal kollox li portijiet oħrajn Ewropej, bħall-portijiet Adrijatiċi tal-Italja u tas-Slovenja, jistgħu wkoll ikunu f'kompetizzjoni mal-Port ta' Piraeus, il-kompetizzjoni bejniethom u l-Port ta' Piraeus hija insinifikanti”.

(40)  §§ 114 u 115 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża C 21/2009 imsemmija fin-nota ta' qiegħ il-paġna 4.

(41)  (i) il-pożizzjoni tiegħu fl-akbar żona urbana tal-Greċja b'aktar minn 5 miljun persuna, l-akbar żona industrijali/kummerċjali bl-aqwa konnessjonijiet ferrovjarji u tat-triq disponibbli fil-pajjiż, (ii) spazju estensiv għall-irmiġġ, faċilitajiet ta' ħażna u ankraġġ kbir, (iii) l-akbar fond tal-baħar, (iv) l-eqreb distanza mill-assi ta' bejn Suez u Ġibiltà, (v) wieħed mill-aktar swieq dinjija kompetittivi tal-karburant tal-bastimenti, (vi) faċilitajiet estensivi ta' tiswija tal-bastimenti u l-firxa wiesgħa ta' servizzi meħtieġa mill-operaturi tal-bastimenti.

(42)  Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-Kawżi N 508/07 Ionia Odos, N 45/2008 — L-Awtostrada Elefsina-Korinthos-Patras-Pirgos-Tsakona, N 566/07 L-Awtostrada Korinthos-Tripoli-Kalamata u l-Fergħa Lefktro-Sparti, N 565/07 L-Awtostrada Ċentrali Griega, N 633/07 Il-kuntratt ta' konċessjoni tas-sezzjoni Maliakos-Kleidi tal-Awtostrada ta' Patras-Athens-Thessaloniki-Evzona, N 134/07 Il-kuntratt ta' konċessjoni tal-Mina Sommersa Thessaloniki, N 462/99 Attiki Odos, NN 143/97 Il-Pont tal-Awtostrada Rion Antirrion, NN 27/96 L-Ajruport Internazzjonali ta' Spata.

(43)  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 27/96 L-Ajruport Internazzjonali ta' Spata.

(44)  Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-Kawżi N 462/99 Attiki Odos u NN 143/97 Il-Pont tal-Awtostrada Rion Antirrion.

(45)  Il-Kawżi Magħquda T-427/04 Franza v Il-Kummissjoni u T-17/05 France Telecom v Il-Kummissjoni, Ġabra [2009] II-0435, il-paragrafi 264-266, C-474-09 P sa C-476/09 P, Territorio Historico de Vizcaya ECLI:EU:C:2011:522, il-paragrafu 70.

(46)  Ara l-premessa 221 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(47)  Fl-istess linja ta' raġunament, il-Kummissjoni approvat ukoll skema fuq l-infrastruttura għall-broadband f'żoni rurali (SA. 32866 (2011/N) li kellha bħala bażi legali l-Liġi 3389/2005 dwar il-PPPs li tinkludi dispożizzjonijiet fiskali simili għal dawk tal-liġi 3755/2009.

(48)  Ara l-premessi 225 u 226 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(49)  Fl-2012 a) it-traffiku fil-Moll II żdied b'76,5 % meta mqabbel mal-2011 (2,108 miljun TEU fl-2012 meta mqabbel ma' 1,188 miljun TEU fl-2011), b) il-kapaċità kienet 700 000 TEU ogħla minn dak li kien previst fil-kuntratt ta' konċessjoni, c) id-dħul żdied bi 43 % meta mqabbel mal-2011 (minn EUR 72,87 miljun għal EUR 104,3 miljun). Fl-2012 PCT, TRAINOSE u Hewlett Packard iffirmaw ftehim li permezz tiegħu Hewlett Packard kellha tgħaddi l-prodotti tagħha mill-Greċja lejn pajjiżi oħrajn ġirien.

(*)  Koperti mill-obbligu tas-sigriet professjonali

(50)  Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-Kawżi C 39/2009 — il-Latvja — Ventspills Free Port Authority (50 % intensità ta' għajnuna), SA. 30742 Il-Kostruzzjoni ta' Infrastruttura għat-Terminal tal-Lanċa fi Klaipeda (65 % intensità ta' għajnuna), SA 34940 (2012/N) il-Port ta' Augusta (68,87 % intensità ta' għajnuna), N 649/2001 Għotja għall-faċilitajiet tal-merkanzija (94 % intensità ta' għajnuna), C 21/2009 Finanzjament pubbliku ta' infrastruttura u tagħmir fil-port ta' Piraeus.

(51)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 34.

(52)  Ir-Regolament (UE) Nru 670/2012.

(53)  Għal dan huma jirreferu għall-fatt li ċ-China Development Bank, wieħed mill-kredituri ta' PCT, stenna l-adozzjoni tal-liġi ta' ratifika sabiex jiffirma s-self tiegħu lil PCT. Barra minn hekk, huma jirreferu għal ittra elettronika li l- […] bagħat lil PCT f'Jannar 2009 fejn esprima t-tħassib ewlieni tiegħu dwar il-finanzjament tal-imsemmi ftehim ta' konċessjoni. Skont din l-ittra elettronika l-ftehim ta' konċessjoni ma kienx jipprovdi protezzjoni kontra bidla ġenerali jew diskriminatorja fil-liġi u huma jargumentaw li dan kien jirrigwarda l-qafas fiskali tal-ftehim ta' konċessjoni.

(54)  L-istimi pprrovduti kienu bbażati fuq studju prodott minn PricewaterhouseCoopers Business Solutions S.A. Dawn l-istimi kienu jikkonsistu fi tqabbil tas-suppożizzjonijiet tal-pjan tan-negozju ta' Cosco fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-liġi ta' ratifika (Marzu 2009) u d-dispożizzjonijiet ġeneralment applikabbli. Mir-riżultat ta' dan it-tqabbil huma ddeduċew l-ammont korrispondenti għall-ħtiġijiet ta' finanzjament addizzjonali li PCT jkollha fin-nuqqas tal-miżuri fiskali. L-ammont li jirriżulta minn dawn il-kalkoli kien finalment ikkalkulat f'valuri skontati (bl-użu ta' rata ta' skont annwali ta' 9.0 %, jiġifieri r-rata ta' skont użata minn PPA fl-iskontar tal-miżati ta' konċessjoni minimi garantiti offruti minn PCT waqt l-offerta, iżda wkoll rata ta' skont annwali ta' 4.47 % ta' Marzu 2009, jiġifieri rata ta' referenza pprovduta fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni). Finalment dawn il-kalkoli ma jinkludux il-miżuri fl-Artikoli 2.3, 2.5, 2.9, 2.10 u l-Artikolu 3 tal-liġi.

(55)  Fl-agħar xenarju.

(56)  Pereżempju, il-Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline GmbH u Wieterdorfer & Peggauer Zementwerke GmbH v Finanzlandesdirektion für Kärnten, [2001] Ġabra I-8365, il-paragrafu 41; il-Kawża T-335/08 BNP Paribas u Banca Nazionale del Lavoro SpA (BNL) v Il-Kummissjoni, [2010] Ġabra II-3323, il-paragrafu 204; u l-Kawżi T-425/04, T-444/04, T-450/04 u T-456/04, Franza, France Télécom, Bouyges SA, Bouyges Télécom SA u AFORS Télécom v Il-Kummissjoni, [2010] Ġabra II-2009, il-paragrafu 216.

(57)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.21918 — Franza — Tariffi tal-elettriku regolati fi Franza (ĠU C 398, 22.12.2012, p. 10), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/353/KE tas-16 ta' Settembru 1997 dwar l-għajnuna mill-Istat għal Gemeinnützige Abfallverwertung GmbH (ĠU L 159, 3.6.1998, p. 58), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 134 tal-24 ta' Jannar 2007 fil-Kawża ta' għajnuna mill-Istat NN 67/05 — il-Litwanja — it-tnaqqis ta' rata tat-taxxa tal-qliegħ għal UAB “Bite GSM”, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/227/KE tat-2 ta' Awwissu 2002 dwar diversi miżuri u l-għajnuna mill-Istat investita minn Spanja f'Terra Mítica SA, park ta' divertiment qrib Benidorm (Alicante) (ĠU L 91, 8.4.2003, p. 23), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' April 2010 fil-Kawża tal-għajnuna mill-Istat NN 30/09 — l-Irlanda — allowances ta' kapital għal-lukandi għar-Ritz-Carlton Hotel, Powerscourt, Co. Wicklow, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/590/KE tal-5 ta' Marzu 2003 dwar l-għajnuna mill-Istat li r-Renju Unit qiegħed jippjana li jagħti lil CDC Group plc (ĠU L 199, 7.8.2003, p. 28), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/476/KE tat-28 ta' Jannar 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata mil-Lussemburgu fil-forma tal-ħolqien ta' fond ta' kumpens għall-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku (C 43/02 (ex NN 75/01) (ĠU L 159, 20.6.2009, p. 11), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/212/KE tas-16 ta' April 1997 dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Italja lil Enirisorse SpA (ĠU L 80, 18.3.1998, p. 32), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2007 fl-għajnuna mill-Istat NN4/07 — “Delitissue Sp. z o.o.” taħt id-dokument C(2007) 769.

(58)  Skont il-kalkoli ta' PCT, l-impatt tal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali fuq ir-rata ta' redditu interna reali (“IRR”) ikkunsidrata fil-Mudell tal-Pjan tan-Negozju ta' PCT ta' Marzu 2009 ġie stmat għal […] punti bażi (jiġifieri […] %) li jirrifletti żieda f'din l-IRR ikkalkulata fin-nuqqas tad-dispożizzjonijiet fiskali kkonċernati ta' madwar […] % (jiġifieri minn […] % għal […] %).

(59)  Il-Kawżi Magħquda C-180/98 sa C-184/98, Pavlov u oħrajn, [2000] Ġabra I-6451.

(60)  Il-Kawżi 118/85 Il-Kummissjoni v l-Italja [1987] Ġabra 2599, il-paragrafu 7, C-35/96 Il-Kummissjoni v L-Italja [1998] Ġabra I-3851, il-paragrafu 36, Il-Kawżi Magħquda C-180/98 sa C-184/98, Rec.2000, p.I-6451.

(61)  Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f'dawn il-Kawżi ta' għajnuna mill-Istat: N 44/10 — Il-finanzjament pubbliku ta' infrastruttura portwarja fi Krievu Sala (ĠU C 215, 21.7.2011, p. 21, il-paragrafi 60-68); C 39/2009 — Il-finanzjament pubbliku ta' infrastruttura portwarja fil-Port Ventspils (ĠU C 62, 20.3.2010, p. 7, il-paragrafi 53-58), N 60/06 — Il-Port ta' Rotterdam (ĠU C 196, 24.8.2007, p. 1, il-paragrafi 42-52); N 520/03 il-portijiet Fjammingi (ĠU C 176, 16.7.2005, p. 12, il-paragrafi 34-54).

(62)  Ara inter alia is-sentenza tal-24 ta' Ottubru 2002, il-Kawża C-82/01P Aéroport de Paris, Ġabra 2002, I-9297, kif ukoll is-sentenza tal-24 ta' Marzu 2011 fil-Kawżi Magħquda T-455/08 Flughafen Leipzig-Halle GmbH u Mitteldeutsche Flughafen AG c/Il-Kummissjoni u Il-Kawża T-443/08 Freistaat Sachsen u Land Sachsen- Anhalt v Il-Kummissjoni, [2011] II-1311.

(63)  Il-Kawża C-39/94 SFEI u Oħrajn [1996] Ġabra I-3547, il-paragrafu 60; il-Kawża C-342/96 Spanja v Il-Kummissjoni [1999] Ġabra I-2459, il-paragrafu 41.

(64)  Il-Kawża 173/73 l-Italja v Il-Kummissjoni [1974] Ġabra 709, il-paragrafu 13.

(65)  Il-Kawżi C-143/99 Adria-Wien Pipeline [2001] Ġabra I-8365, il-paragrafi 38; C-387/92 Banco Exterior de España [1994] Ġabra I-877, il-paragrafu 13; u l-Kawża C-200/97 Ecotrade [1998] Ġabra I-7907, il-paragrafu 34.

(66)  Il-Kawża C-222/04 Cassa di Risparmio di Firenze u oħrajn, [2006] Ġabra I-289, il-paragrafu 132.

(67)  Il-Kawża C-280/00 Altmark Trans [2003] Ġabra I-7747.

(68)  Il-Kawża C-39/94 SFEI u Oħrajn [1996] Ġabra I-3547, il-paragrafi 60-61.

(69)  Ara l-Kawżi Magħquda C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P Comitato “Venezia vuole vivere”, Hotel Cipriani Srl u Società Italiana per il gas SpA (Italgas) v Il-Kummissjoni, [2011] I-4727, il-paragrafi 92 u 94 sa 96, u l-Ordni tal-President tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-172/14 R Stahlwerk Bous v Il-Kummissjoni, il-paragrafi 59 u 60.

(70)  L-Artikolu 2§9 tal-Liġi.

(71)  Il-Kawżi C-143/99 Adria-Wien Pipeline [2001] Ġabra I-8365, il-paragrafu 41; C-308/01 GIL Insurance u Oħrajn [2004] Ġabra I-4777, il-paragrafu 68; C-172/03 Heiser [2005] Ġabra I-1627, il-paragrafu 40.

(72)  Ara, il-Kawżi C-143/99 Adria-Wien, il-paragrafu 41, il-Kawża C-308/01 GIL Insurance [2004] Ġabra I-4777, il-paragrafu 68, C-172/03, Heiser [2005] Ġabra I-1627, il-paragrafu 40, C-88/03, Il-Portugall v Il-Kummissjoni [2006] Ġabra I-7115, il-paragrafu 54, T-233/04, Il-Pajjiżi l-Baxxi v Il-Kummissjoni, il-paragrafu 86.

(73)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-279/08P, Il-Kummissjoni v Il-Pajjiżi l-Baxxi (NOx) [2011] Ġabra I-7671, il-paragrafu 62.

(74)  Il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P il-Kummissjoni u Spanja v Il-Gvern ta' Ġibiltà u r-Renju Unit [2011] Ġabra I-11113.

(75)  Ara l-Kawżi Magħquda T-92/00 u T-103/00, Territorio Histórico de Álava — Diputación Foral de Álava, Ramondín, SA u Ramondín Cápsulas v Il-Kummissjoni, [2002] II-1385, il-paragrafu 51.

(76)  Ara l-Kawża C-279/08 P, Il-Kummissjoni v ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, [2011], I-7671, il-paragrafu 50.

(77)  Il-Kawżi C-75/97 Il-Belġju v Il-Kummissjoni [1999] Ġabra I 3671, il-paragrafu 32; il-Kawża C-143/99 Adria Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke [2011] Ġabra I 8365, il-paragrafu 48; il-Kawża C- 409/00 Spanja v Il-Kummissjoni [2003] Ġabra I 1487, il-paragrafu 48.

(78)  Il-Kawżi Magħquda T-92/00 u T-103/00 Ramondin SA u Ramondín Cápsulas SA v Il-Kummissjoni [2002] Ġabra II-1385, il-paragrafu 39: f'din is-sentenza il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni ta' miżura fiskali lill-investimenti li jaqbżu ċertu limitu biss kien ifisser li l-miżura kienet de facto riżervata għal impriżi b'riżorsi finanzjarji sinifikanti.

(79)  Ara pereżempju l-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos u oħrajn [2011] Ġabra I-7611, il-paragrafu 69.

(80)  Ara l-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos u oħrajn [2011] Ġabra I-7611, il-paragrafi 69 u 70; il-Kawża C-88/03 Il-Portugall v Il-Kummissjoni [2006] Ġabra I-7115, il-paragrafu 81; il-Kawża C-279/08 P, Il-Kummissjoni v il-Pajjiżi l-Baxxi (NOx) [2011] Ġabra I-7671; il-Kawża C-487/06 P British Aggregates v Il-Kummissjoni [2008] Ġabra I-10515.

(81)  Ara inter alia il-Kawżi C-279/08P Il-Kummissjoni v Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi [2011] I-07671, il-paragrafu 75, C-487/06 P, British Aggregates v Il-Kummissjoni [2008] I-10505, il-paragrafu 92; C-241/94 Franza v Il-Kummissjoni [1996] Ġabra I-4551, il-paragrafu 21; C-342/96 Spanja v Il-Kummissjoni [1999] Ġabra I-2459, il-paragrafu 23; C-75/97 Il-Belġju v Il-Kummissjoni, il-paragrafu 25.

(82)  Ara f'dan ir-rigward il-Kawżi Magħquda T-92/00 u T-103/00 Ramondin SA u Ramondín Cápsulas SA v Il-Kummissjoni [2002] Ġabra II-1385, il-paragrafu 62.

(83)  Jew sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2015.

(84)  L-Artikolu 2(1) tal-Liġi 3755/2009.

(85)  L-Artikoli 99§1, a) l-ewwel inċiż flimkien mal-Artikoli 12§1, 105§1, b) u 109§1 tal-Kodiċi Grieg dwar it-taxxa fuq l-introjtu; din it-taxxa fuq il-kumpaniji kienet tammonta għal 25 % fis-sena finanzjarja 2010, 24 % fis-sena finanzjarja 2011, 20 % fis-sena finanzjarja 2012, 22 % fis-sena finanzjarja 2013, 26 % fis-sena finanzjarja 2014 'il quddiem.

(86)  F'dak il-punt tapplika taxxa minn ras il-għajn, skont l-Artikolu 99§1, a) tal-GITC.

(87)  Skont l-awtoritajiet Griegi, it-terminu “imgħax akkumulat” jintuża sabiex jiddeskrivi l-metodu kontabilistiku użat biex tiġi kkalkulata l-akkumulazzjoni tal-imgħax, li permezz tagħha l-imgħax jakkumula skont id-dati tal-fluss ta' flus u l-ammonti involuti. Fi kliem ieħor, “imgħax akkumulat” huwa l-imgħax fuq ammont speċifiku fuq perjodu speċifiku ta' żmien (irrispettivament minn jekk l-imsemmi imgħax huwiex mistenni jew dovut). Skont l-awtoritajiet Griegi PCT normalment tistenna li tiġbor dan l-imgħax f'depożiti ta' flus ma' istituzzjonijiet ta' kreditu.

(88)  L-eżenzjoni tat-taxxa fuq l-imgħaxijiet akkumulati tapplika għal perjodu ta' żmien li jista' jvarja, skont jekk ix-xogħol jitlestiex kmieni jew tard, iżda li għandu tmiem speċifiku. Skont l-Artikolu 12 tal-kuntratt ta' konċessjoni, il-bidu tal-operat ta' Moll III għandu jiġi effettwat 48 xahar wara d-data tal-bidu tal-kostruzzjoni u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2015.

(89)  F'każ li ma japplika ebda trattat dwar l-evitar tat-taxxa doppja.

(90)  Ara l-premessi 95 sa 97.

(91)  jiġifieri l-Artikolu 103 §1 ib).

(92)  Il-Kawża C-241/94, Franza v Il-Kummissjoni (Kimberly Clark) [1996], Ġabra I-4451. Ara wkoll il-premessa 21 tal-Avviż Fiskali.

(93)  L-Artikolu 2(2) u (3) tal-Liġi 3755/2009.

(94)  L-Artikolu 30§1 tal-Kodiċi dwar il-VAT.

(95)  L-Artikolu 32§3 tal-Kodiċi dwar il-VAT.

(96)  Peress li hemm limitu ta' tliet snin għat-tpaċija ta' bilanċ ta' kreditu tal-VAT.

(97)  L-Artikolu 33§4 tal-Kodiċi dwar il-VAT.

(98)  Kif kienet din id-deċiżjoni meta ġiet adottata l-liġi ta' ratifika.

(99)  Inkluż fil-każ meta jkun involut oġġett ta' investiment.

(100)  L-Artikolu 2§7 tad-Deċiżjoni Ministerjali 1073/2004.

(101)  L-Artikolu 33§3 tal-Kodiċi dwar il-VAT. Din ir-restrizzjoni ta' 5 snin ma tapplikax għall-kumpaniji ta' utilità pubblika.

(102)  L-Artikolu 38§2 tal-Liġi 1473/1984.

(103)  Is-sentenzi 1948/1992, 3035/1992, 1274/2002, 1207/2012, 1501/2012 tal-Conseil d'Etat, kif ukoll 222/2009, 223/2009 u 2141/2009 tal-Qorti Amministrattiva ta' Ateni u 4793/2013 tal-Qorti Amministrattiva ta' Tessalonika. Din l-interpretazzjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 21 tad-Digriet Regolatorju 26-6/10-7/1944 (kodiċi tal-proċeduri tal-Qorti tal-Istat) li jgħid “l-imgħax normali legali u l-imgħax fuq il-ħlasijiet tardivi…jibda mill-mument li l-azzjoni legali tiġi notifikata lill-Istat”.

(104)  Skont il-Kodiċi ta' proċedura legali fiskali l-persuna taxxabbli tista' tressaq appell fi żmien 20 jum wara l-jum li fih l-att ġie nnotifikat lilha.

(105)  Skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 33§4 tal-Kodiċi dwar il-VAT.

(106)  Il-Kawża C-110/94, Intercommunale voor Zeewaterontzilting (INZO), [1997] Ġabra — I 870.

(107)  Il-paragrafu 15 tas-sentenza fil-Kawża C-110/94.

(108)  Ara l-Artikolu 29(3) tal-Liġi 3389/2005 kif ġie emendat mill-Artikolu 18(2) tal-Liġi 4013/2011.

(109)  Dan jinvolvi wkoll iċ-ċertezza legali li kull tip ta' nefqa ta' PCT tiġi ttrattata bl-istess mod, għalkemm dan ma jkunx il-każ taħt ir-regoli ġeneralment applikabbli.

(110)  Din l-ittra hija datata l-31 ta' Ottubru 2008 u ġiet sottomessa mill-awtoritajiet Griegi matul il-proċedura qabel il-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali bħala Anness 2 tas-sottomissjoni datata l-1 ta' Frar 2011. Ġiet irreġistrata mill-Kummissjoni fit-8 ta' Frar 2011 bin-numru 2011/013591.

(111)  B'mod partikolari huma talbu 90 % rifużjoni tal-kreditu tal-VAT fi żmien xahar mid-data tal-applikazzjoni u l-10 % li jifdal fi żmien sena. Din ir-rifużjoni tikkorrispondi essenzjalment għar-rifużjoni applikabbli għall-oġġetti ta' investiment.

(112)  Kawżi T-68/03, Olympic Airways v Il-Kummissjoni, [2007] Ġabra II-2911, il-paragrafu 361, C-25/07 Alicja Sosnowska v Dyrektor Izby Skarbowej [2008] Ġabra I-5129.

(113)  L-obbligu tar-rifużjoni tal-VAT jinħoloq meta titħallas il-VAT tal-input u meta d-dritt li titnaqqas il-VAT “…ikun eżerċitabbli immedjatament…għalkemm l-Istati Membri għandhom ċerta libertà ta' manuvrar biex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għar-rifużjoni tal-VAT żejda, dawk il-kundizzjonijiet ma jistgħux jimminaw il-prinċipju tan-newtralità tas-sistema tat-taxxa tal-VAT billi jġiegħlu lill-persuna taxxabbli ġġorr l-oneru tal-VAT kollu jew parti minnu”… Dan jimplika li r-rifużjoni ssir f'perjodu raġonevoli ta' żmien. Kawża C-25/07 Alicjia Sosnowska, [2008] Ġabra I-5129, il-paragrafi 15-16.

(114)  L-Artikolu 105§11 flimkien mal-Artikolu 4§3 GITC.

(115)  Il-Kawża T-55/99, Confederación Española de Transporte de Mercancías (CETM) v Il-Kummissjoni, [2000] II-03207, il-paragrafu 53.

(116)  Bil-metodu tal-linja dritta fissa, id-deprezzament jiġi kkalkulat abbażi tar-rata fissa fuq il-valur tal-akkwist inizjali jew tal-valur tal-akkwist riaġġustat flimkien mal-valur tat-titjib jew ta' partijiet addizzjonali.

(117)  Fiż-żmien meta ġiet adottata d-dispożizzjoni taħt eżami, l-Artikolu 31.1.f) tal-GITC kien ipprovda eċċezzjoni għal din ir-regola, relatata mad-deprezzament ta' makkinarju ġdid u tagħmir mekkaniku jew tekniku ta' impriżi industrijali, tal-minjieri, tal-barrieri u ta' impriżi mħallta ta' dan it-tip. F'dawn il-każijiet il-kumpaniji setgħu wkoll jużaw il-metodu ta' deprezzament tal-bilanċ li jkun qiegħed jonqos. Din id-dispożizzjoni ġiet modifikata u issa tipprovdi biss il-metodu tal-linja dritta fissa għall-każijiet kollha.

(118)  Id-Digriet Presidenzjali 299/2003 dwar id-“Definizzjoni tal-ogħla u l-inqas rati ta' deprezzament”. Dan id-digriet jistabbilixxi l-medda bejn l-ogħla u l-inqas rata ta' deprezzament skont il-kategorija ta' assi fissi. Il-kumpaniji taxxabbli jistgħu jagħżlu kwalunkwe rata ta' deprezzament f'din il-medda. Ladarba kumpanija tkun għażlet rata ta' deprezzament f'din il-medda, hija obbligata li tkompli d-deprezzament billi tapplika l-istess rata fuq l-assi kollha tal-istess kategorija li jkunu ġew akkwistati mill-kumpanija matul l-istess perjodu fiskali. Għall-assi tal-istess kategorija akkwistati f'perjodi fiskali differenti, il-kumpaniji huma intitolati jużaw rata ta' deprezzament differenti, iżda fi kwalunkwe każ huwa obbligatorju li l-kumpanija tkompli l-proċedura ta' deprezzament bir-rata ta' deprezzament inizjali applikata għall-assi kollha tal-istess kategorija akkwistati fl-istess perjodu fiskali.

(119)  Dan it-tip ta' “riżervi” mhuwiex assi reali tal-kumpanija iżda deprezzamenti tal-assi fissi li sejrin jiġu rritornati lill-Istat jew lil partijiet terzi.

(120)  Artikolu 31.1.g) GITC.

(121)  YA 100/2005 (YA 1003821/10037/B0012, ĠU B 80 tal-2005): Spejjeż deduċibbli mid-dħul gross tal-kumpaniji abbażi ta' soluzzjonijiet amministrattivi u l-każistika.

(122)  l-Artikolu 31.1.l) tal-GITC.

(123)  L-Artikolu 105(12) tal-GITC kif emendat mil-Liġi 4013/2011. Dan il-metodu huwa dak previst fl-Artikolu 97(5) tal-Liġi 1892/1990 għall-kostruzzjoni tal-ispazji tal-parkeġġ.

(124)  Il-metodu stabbilit bil-Liġi 1914/1990 għall-proġetti BOT. Skont l-Artikolu 9§8 tal-Liġi 2052/1992, xogħlijiet li jsiru b'finanzjament totali jew parzjali pprovdut minn partijiet terzi, id-deprezzament tal-ispejjeż ta' kostruzzjoni u l-imgħaxijiet fuq is-self u l-krediti matul il-perjodu ta' kostruzzjoni, li jitqiesu bħala spejjeż ta' kostruzzjoni, isir skont l-istess metodu.

(125)  Metodu ta' deprezzament għall-kumpaniji ta' kostruzzjoni ta' ajruporti stabbilit mill-Artikolu 26(8) tal-Liġi 2093/1992.

(126)  eż. il-valur tal-assi, il-profittabbiltà, il-pjan tan-negozju.

(127)  Ara l-premessa 165 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(128)  Huwa saħansitra akbar minn dak previst pereżempju għall-PPP's (dan huwa mingħajr preġudizzju għall-fehma li l-Kummissjoni tista' tassumi dwar id-dispożizzjonijiet fiskali rilevanti għall-PPPs).

(129)  Id-dispożizzjoni taħt eżami għenet biex tiġi eliminata lakuna fis-sistema tat-taxxa ġenerali Griega rigward id-deprezzament tal-assi użati fl-operat ta' terminal ta' port tal-kontejners, bħal dawk li sejrin jintużaw minn PCT għall-finijiet tal-ftehim ta' konċessjoni. L-Artikolu 34 tal-Liġi 2937/2001 jistipula rati speċifiċi ta' deprezzament li PPA u l-Port ta' Tessalonika sejrin jużaw taħt il-metodu ta' deprezzament lineari fissa, għat-tipijiet speċifiċi ta' assi tal-port li jużaw. L-awtoritajiet Griegi jargumentaw li dawn ir-rati mhumiex applikabbli għal PCT. Skont l-awtoritajiet Griegi, kieku PCT għażlet li tapplika l-metodu tal-linja dritta u tħalliet tuża dawn ir-rati ta' deprezzament, il-perjodu ta' deprezzament kien jaqbeż il-perjodu ta' konċessjoni. Min-naħa l-oħra, kieku PCT kienet obbligata tapplika l-metodu tal-linja dritta b'rati ta' deprezzament differenti minn dawk applikati għal PPA u l-Port ta' Tessalonika, kien ikollha żvantaġġ meta mqabbla ma' dawn l-operaturi (il-premessa 166 tad-deċiżjoni tal-ftuħ).

(130)  Ara l-Kawża Il-Portugall v Il-Kummissjoni, il-paragrafu 81 fin-nota ta' qiegħ il-paġna 80.

(131)  Ara f'dan ir-rigward il-valutazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessi 98 sa 100 ta' hawn fuq.

(132)  Id-Digriet Presidenzjali tat-28 ta' Lulju 1931, ĠU A 239 1931, kif modifikat b'mod speċjali mil-Liġi 2873/2000.

(133)  Madankollu, l-introduzzjoni tal-VAT ma affettwatx it-taxxa tal-boll imposta fuq il-ftehimiet ta' self.

(134)  Skont każistika stabbilita, self li wieħed ikun daħal għalih barra l-Greċja permezz ta' att privat huwa soġġett għat-taxxa tal-boll fil-Greċja meta s-self jiġi eżegwit fil-Greċja. “Eżekuzzjoni fil-Greċja” isseħħ meta l-kunsinna tal-ammont tas-self mill-mutwanti barrani lill-mutwatarju, li jinsab fil-Greċja, isseħħ fil-Greċja. “Il-kunsinna tal-ammont tas-self fil-Greċja” isseħħ meta l-mutwanti effettivament jittrasferixxi l-ammont tas-self fil-kont tal-mutwatarju f'bank Grieg (Opinjoni 964/1955 tal-Kunsill Legali tal-Istat Grieg, il-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Tessalonika 2123/1963, il-Qorti tat-Taxxa tal-Prim'Istanza 2163/1967, il-Qorti Amministrattiva tal-Prim'Istanza 6043/2001, il-Kunsill tal-Istat 2996/1991 u 984/1992). Barra minn hekk, is-sentenza 3639/2013 tal-Conseil d'Etat iddeċidiet li “… ftehim ta' self konkluż permezz ta' att privat barra 'l pajjiż, huwa soġġett għat-taxxa tal-boll, diment li jipprovdi għal obbligi li għandhom jiġu eżegwiti fil-Greċja, u dan huwa l-obbligu tal-mutwatarju li jirriżulta mill-imsemmi ftehim għat-trasferiment fil-Greċja, permezz tal-ordni tiegħu lill-bank barrani, tal-ammont ta' self miftiehem li kien iddepożitat mill-mutwanti barra l-pajjiż f'isem [il-mutwatarju].”.

(135)  Bir-rata ta' 2,4 %.

(136)  Għal darb'oħra bir-rata ta' 2,4 %.

(137)  Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni f'dan il-każ hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni li tista' tassumi barra din il-proċedura fuq l-eżenzjonijiet.

(138)  Kif deskritti fin-nota ta' qiegħ il-paġna 134 ta' hawn fuq.

(139)  L-awtoritajiet Griegi u PCT jirreferu għal żewġ selfiet ta' EUR 54,8 miljun u EUR […] miljun li PCT ikkonkludiet mal-kumpanija prinċipali tagħha, Cosco, sabiex tibda l-investimenti tagħha fil-port ta' Piraeus.

(140)  Id-Deċiżjoni 617/2006 dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Kodiċi dwar it-Taxxa tal-Boll.

(141)  L-Artikolu 8 tal-Kodiċi dwar it-Taxxa tal-Boll. Ara l-każistika dwar dan fin-nota ta' qiegħ il-paġna 134 ta' hawn fuq.

(142)  Skont l-Artikolu 3.1 tal-kuntratt ta' konċessjoni.

(143)  Ċirkolari interpretattiva 1027/1990.

(144)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 134.

(145)  Għal darb'oħra bir-rata ta' 2,4 %.

(146)  L-Artikolu 3 taċ-Ċirkolari Ministerjali 44/1987: L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' impożizzjoni ta' taxxi tal-boll għal diversi kuntratti u atti.

(147)  Skont l-Artikolu 57§1 (b) tal-Liġi 1642/1986, it-tranżazzjonijiet li huma soġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 2 tal-istess liġi, kif ukoll il-ftehimiet anċillari tagħhom, huma eżenti mit-taxxa tal-boll. Skont l-Artikolu 2 tal-Kodiċi Grieg dwar il-VAT (il-Liġi 2859/2000 li jissostitwixxi l-Liġi 1642/1986 li introduċiet il-VAT fl-ordni legali Griega), il-VAT tapplika għall-provvista ta' oġġetti u servizzi meta din il-provvista tkun effettwata għall-ħlas tal-korrispettiv. Skont l-interpretazzjoni prevalenti ta' dawn id-dispożizzjonijiet, il-ħlas ta' kumpens ma jaqax fit-tifsira tal-provvista ta' servizzi bi ħlas u b'hekk ma jaqax taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-VAT u minflok huwa soġġett għat-taxxa tal-boll.

(148)  Skont l-Artikolu 2 tal-Liġi 2688/1999, flimkien mal-Artikolu 362 tal-Liġi 1559/1950. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni f'din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pożizzjoni li tista' tieħu fil-futur rigward din id-dispożizzjoni.

(149)  Ara l-premessi 188 u 203 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(150)  Din l-iskema speċifika tista' tiġi modifikata biss f'każ li l-kumpanija, li lilha tingħata, taqbel.

(151)  L-Artikoli 8 u 11 tad-digriet leġiżlattiv.

(152)  Jista' jkun previst ukoll aġġustament f'każ ta' tnaqqis tal-limitazzjonijiet applikabbli normalment.

(153)  Din il-miżura mhijiex prevista fid-digriet presidenzjali, iżda l-awtoritajiet Griegi semmewha fil-lista ta' miżuri li ġew ipprovduti fil-passat permezz ta' skema speċjali.

(154)  Skont l-Artikolu 9(2) tad-digriet presidenzjali, din iż-żieda tfisser aktar min-nofs l-ammont korrispondenti għall-assi totali ta' dawk il-kumpaniji jew aktar minn miljun dollaru Amerikan.

(155)  Diment li r-rekwiżizzjoni ma tkunx immirata biex tkopri l-ħtiġijiet tal-forzi armati fi żminijiet ta' gwerra u biss sakemm idum il-kunflitt u soġġett għal kumpens ġust.

(156)  Id-digriet jipprovdi wkoll privileġġi/kundizzjonijiet oħrajn għall-kumpaniji koperti: i) kundizzjonijiet speċifiċi għar-ripatrijazzjoni tas-self jew tal-kapital azzjonarju permess għar-ripatriazzjoni tas-self jew tal-kapital azzjonarju (sa 10 % tal-kapital importat fis-sena); rimessa kumulattiva tal-qligħ (sa 12 %, nett mit-taxxa, fuq il-kapital importat u mhux ripatrijat fis-sena); u rimessa ta' imgħax (sa 10 % fis-sena) u permess għat-trasferiment barra l-Greċja ta' muniti barranin meħtieġa għall-pagamenti ta' lokazzjoni li jirrigwardaw makkinarju jew forom oħrajn ta' kapital mikrijin minn barra), ii) ir-reklutaġġ ta' ċittadini barranin bħala persunal tekniku u amministrattiv u permess għall-esportazzjoni tal-ammont tar-remunerazzjoni tagħhom f'muniti barranin; u l-permess biex jinżammu l-kontijiet tal-kumpanija b'entrati f'munita barranija.

(157)  Ara l-premessa 213 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(158)  Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni f'dan il-każ hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni li tista' tieħu fir-rigward ta' dan id-digriet presidenzjali.

(159)  L-Artikolu 3§2 tad-digriet jirreferi b'mod indikattiv għal xi wħud mill-privileġġi u l-eżenzjonijiet li jistgħu jingħataw permezz tal-użu tiegħu. L-Artikolu 5§3 tad-digriet leġiżlattiv 4256/1962 li jinterpreta dak tal-1953, jistabbilixxi li l-amministrazzjoni għandha diskrezzjoni sħiħa sabiex tirregola kwalunkwe kwistjoni oħra relatata mal-investiment fi kwalunkwe mod li tara xieraq għall-kisba tal-iskop tad-digriet presidenzjali, jiġifieri l-attrazzjoni ta' kapital barrani, sakemm dawn il-kwistjonijiet ma jmorrux kontra d-dispożizzjonijiet tiegħu. Għaldaqstant, jista' jiġi konkluż li l-amministrazzjoni għandha diskrezzjoni sħiħa fl-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ġodda, kif ukoll “faċilitajiet” li jistgħu jagħmlu investimenti bħal dawn aktar attraenti għall-kumpaniji.

(160)  Ara l-premessi 209 sa 216 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(161)  Ara l-premessi 92 sa 97 ta' din id-deċiżjoni.

(162)  Il-Kawża C-487/06 P, British Aggregates [2008] Ġabra I-10515, il-paragrafu 92.

(163)  Din id-deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni li l-Kummissjoni tista' tieħu fir-rigward ta' dan id-digriet Leġiżlattiv.

(164)  Ara l-premessi 21 u 22 tal-Avviż Fiskali tal-Kummissjoni.

(165)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri relatati mat-tassazzjoni diretta tan-negozju (ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3).

(166)  Ara l-premessi 24 u 27 tal-Avviż Fiskali tal-Kummissjoni.

(167)  Ara pereżempju s-Sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-445/05, Assogestioni et Fineco Asset Management/Commission, il-punt 145, u l-każistika kkwotata.

(168)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża NN 27/96 Spata International Airport.

(169)  Ara d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-kawżi N 508/07 Ionia Odos, N 45/08 — Awtostrada Elefsina-Korinthos-Patras-Pirgos-Tsakona, N 566/07 Awtostrada Korinthos-Tripoli-Kalamata u l-Fergħa Lefktro-Sparti, N 565/07 L-Awstostrada Ċentrali Griega, N 633/07 Il-kuntratt ta' konċessjoni tas-sezzjoni Maliakos-Kleidi tal-Awtostrada Patras-Athens-Thessaloniki-Evzona, N 134/07 Il-kuntratt ta' konċessjoni tal-Mina Sommersa Thessaloniki.

(170)  Il-Kawżi Magħquda T-427/04 Franza v Il-Kummissjoni u T-17/05 France Telecom v Il-Kummissjoni, Ġabra [2009] II-0435, il-paragrafi 264-266, C-474-09 P sa C-476/09 P, Territorio Histórico de Vizcaya — Diputación Foral de Vizcaya, Territorio Histórico de Álava — Diputación Foral de Álava, u Territorio Histórico de Guipúzcoa — Diputación Foral de Guipúzcoa v Il-Kummissjoni Ewropea, [2011] I-113, il-paragrafu 70.

(171)  SA. 32866 (11/N) — Il-Greċja — L-iżvilupp tal-broadband fiż-żoni rurali Griegi.

(172)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 134/07 Il-kuntratt ta' konċessjoni tal-Mina Sommersa ta' Tessalonika.

(173)  Ara d-Deċiżjoni C(2013) 9253 finali — Għajnuna mill-Istat SA.36894 rigward ir-risettjar tal-proġett ta' Ionia Odos S.A.; id-Deċiżjoni C(2013) 9275 finali — Għajnuna mill-Istat SA.36877 rigward ir-risettjar tal-proġett Aegean Motorway S.A.; id-Deċiżjoni C(2013) 9253 finali — Għajnuna mill-Istat SA.36878 rigward il-proġett ta' Olympia Odos S.A.; u d-Deċiżjoni C(2013) 9274 finali — Għajnuna mill-Istat SA.36893 rigward il-proġett tal-Awtostrada Ċentrali (E65).

(174)  Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tifhem ukoll li l-eżenzjonijiet mit-taxxa favur PCT ġew introdotti biss fil-liġi li rratifikat il-ftehim ta' konċessjoni u mhux fil-ftehim ta' konċessjoni nnifsu, peress li PPA mhijiex kompetenti biex tagħti eżenzjonijiet fiskali. Kuntrarju għall-każijiet invokati mill-awtoritajiet Griegi u PCT, il-konċessjonarju f'dan il-każ kellu suppost iwettaq b'mod esklussiv u waħdu l-proġett ta' investiment, mingħajr ebda appoġġ ta' kwalunkwe tip mill-Istat jew pubbliku.

(175)  Il-Kawża 730/79 Philip Morris [1980], Ġabra 267, il-paragrafu 11, il-Kawżi Magħquda T-298/97, T-312/97, T-313/97, T-315/97, T-600/97 sa 607/97, T-1/98, T-3/98 sa T-6/98 u T-23/98, Alzetta Mauro u oħrajn v Il-Kummissjoni, [2000] Ġabra II-2325, il-paragrafu 80.

(176)  Il-Kawżi Magħquda T-298/97, T-312/97 eċċ. Alzetta [2000] Ġabra II-2325, il-paragrafi 141 sa 147, il-Kawża C-280/00, Altmark Trans [2003] Ġabra I-7747.

(177)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2009 dwar il-Kawża C21/09 (ex N 105/08, N 168/08 u N 169/08 — Il-Greċja — Il-finanzjament pubbliku tal-infrastruttura u t-tagħmir fil-port ta' Piraeus (ĠU C 402, 29.12.2012, p. 25, il-paragrafi 90 u 91).

(178)  Ara l-Kawżi Magħquda T-298/97, T-312/097 eċċ. Alzetta [2000] Ġabra II-2325 il-paragrafu 95, u l-Kawża 730/97 Philip Morris [1980] Ġabra 267, il-paragrafi 9 sa 12.

(179)  Ara fost oħrajn il-Kawżi Magħquda Alzetta, il-paragrafu 95.

(180)  Ara l-Kawża C-372/97, L-Italja v Il-Kummissjoni [2004] Ġabra I-3679, il-paragrafu 67 u l-każistika msemmija fih.

(181)  Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13).

(182)  Ara l-Artikolu 8 tal-Liġi 3755/2009 li jiddetermina l-bidu tal-validità ta' din il-liġi.

(183)  Ara l-Kapitolu 5 tal-RAG 2007-2013 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2008 fil-Kawża C 7/08 (ex N 655/07) — Il-Ġermanja — Skema ta' garanzija tal-Art tas-Sassonja għal self ta' likwidità operatorja.

(184)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Awwissu 2006 fil-Kawża N 408/06 — Il-Greċja — Mappa tal-Għajnuna Reġjonali 2007-2013 (ĠU C 286, 23.11.2006, p. 5).

(185)  Pereżempju investiment ta' sostituzzjoni, spejjeż tat-trasport jew kost lavorattiv.

(186)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 184.

(187)  COM(2009) 279/4, il-paragrafu 46.

(188)  COM(2009), 8.

(189)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(190)  Barra minn hekk, il-vijabbiltà ekonomika u l-profittabbiltà tal-proġett ta' investiment diġà ġiet ikkonfermata mill-fatt li l-investimenti ta' PCT fil-port ta' Piraeus diġà għandhom riżultati finanzjarji pożittivi ħafna.

(191)  Ara pereżempju l-Kawża C-348/93, Il-Kummissjoni v L-Italja, [1995] I-00673, il-paragrafu 26, u l-każistika msemmija fih.

(192)  Ara pereżempju l-Kawżi Magħquda T-239/04 u T-323/04, L-Italja u Brandt Italia SpA v Il-Kummissjoni, [2007] II-3265, il-paragrafi 153-154 u l-każistika msemmija fihom.

(193)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1407/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

(194)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(195)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta' Jannar 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).


Top