EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1500

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 tas-7 ta' Settembru 2015 rigward ċerti miżuri ta' ħarsien kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1423 (notifikata bid-dokument C(2015) 6221) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 234, 8.9.2015, p. 19–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/11/2016; Imħassar b' 32016D2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1500/oj

8.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 234/19


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1500

tas-7 ta' Settembru 2015

rigward ċerti miżuri ta' ħarsien kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1423

(notifikata bid-dokument C(2015) 6221)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (3), u b'mod partikulari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-marda tal-infafet fil-ġilda hija marda virali li primarjament tittieħed minn vettur tal-annimali bovini, ikkaratterizzata minn telfiet sinifikanti u bil-potenzjal li tinfirex sew, l-aktar permezz ta' movimenti u kummerċ tal-annimali suxxettibbli ħajjin u l-prodotti tagħhom. Il-marda mhijiex ta' importanza għas-saħħa pubblika minħabba li l-vajrus tal-marda tal-infafet fil-ġilda ma jistax jiġi trażmess lill-bniedem.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE (4) tistabbilixxi miżuri ġenerali għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali, inkluża l-marda tal-infafet fil-ġilda. Dawn jinkludu l-miżuri li għandhom jittieħdu f'każ ta' suspett u konferma tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'azjenda, il-miżuri li għandhom jittieħdu f'żoni ristretti u miżuri addizzjonali oħrajn sabiex tiġi kkontrollata l-marda.

(3)

Fl-20 ta' Awwissu 2015, l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw lill-Kummissjoni b'żewġ tifqigħat tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'azjendi bovini b'madwar 200 annimal bovin fil-prefettura ta' Feres, fl-unità reġjonali ta' Evros fil-Greċja. Dawn it-tifqigħat jirrappreżentaw l-ewwel okkorrenza tal-marda tal-infafet fil-ġilda fl-Unjoni.

(4)

Il-Greċja applikat il-miżuri fil-qafas tad-Direttiva 92/119/KEE, u b'mod partikolari stabbiliet żoni ta' protezzjoni u sorveljanza madwar it-tifqigħat b'konformità mal-Artikolu 10 ta' dik id-Direttiva.

(5)

Ir-riskju li l-marda tal-infafet fil-ġilda tinfirex lejn żoni oħra tal-Greċja u lejn Stati Membri oħra, partikolarment permezz tal-kummerċ tal-annimali bovini ħajjin u l-prodotti ġerminali tagħhom, għandu jiġi kkontrollat il-moviment ta' ċerti ruminanti selvaġġi u t-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti li ġejjin mill-annimali bovini.

(6)

Sabiex jiġi evitat it-tixrid tagħha lejn partijiet oħra tal-Greċja, lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1423 (5) li tipprevedi miżuri protettivi interim u tipprojbixxi l-moviment u d-dispaċċ ta' annimali bovini u s-semen tagħhom kif ukoll it-tqegħid fis-suq ta' ċertu prodotti tal-annimali mill-unità reġjonali ta' Evros jiġu projbiti.

(7)

Wara li tasal aktar informazzjoni dwar il-qagħda epidemjoloġika fil-Greċja huwa possibbli li dawk il-miżuri jiġu ssupplimentati permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji.

(8)

Id-definizzjonijiet użati għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni huma dawk previsti fil-leġiżlazzjoni eżistenti u, b'mod partikolari, fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/119/KEE, l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE (6) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (7). Madankollu, xi termini speċifiċi huma speċifikament maħluqa u użati għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u għandhom għalhekk jiġi ddefiniti fiha.

(9)

Huwa neċessarju li tiġi ddefinita l-parti tat-territorju tal-Greċja li hija meqjusa bħala ħielsa mill-marda tal-infafet fil-ġilda u li mhix soġġetta għar-restrizzjonijiet skont id-Direttiva 92/119/KEE u d-Deċiżjoni preżenti. Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita żona ristretta f'Anness, filwaqt li jitqies il-livell ta' riskju għat-tixrid tal-marda. Il-konfini ġeografiċi ta' tali żona għandhom jissejsu fuq ir-riskju u l-eżitu ta' traċċar ta' kuntatti possibbli mal-azjenda infettata, ir-rwol possibbli tal-vetturi u tal-possibilità li jkunu implimentati kontrolli suffiċjenti fuq iċ-ċaqliq ta' annimali u prodotti. It-tali żona għandha tinkludi kull żona ta' protezzjoni u sorveljanza stabbilita skont id-Direttiva 92/119/KEE. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Greċja, it-territorju kollu tal-unità reġjonali ta' Evros fil-Greċja għandu jitqies bħala żona ristretta.

(10)

Huwa meħtieġ ukoll li jkunu previsti ċerti restrizzjonijiet fuq id-dispaċċ ta' annimali ta' speċijiet suxxettibbli u l-prodotti ġerminali tagħhom minn din iż-żona ristretta, kif ukoll restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti sekondarji tal-annimali minn tali żona.

(11)

F'każ ta' tifqigħa tal-marda tal-infafet fil-ġilda, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/119/KEE jipprevedi l-possibbiltà li jiġi applikat it-tilqim kontra dik il-marda. Fil-preżent, it-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja huwa pprojbit. Madankollu, il-Greċja indikat l-intenzjoni tagħha li tipproċedi b'tilqim ta' emerġenza kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda. Ir-riskju tat-tixrid tal-marda permezz ta' annimali u l-prodotti tagħhom f'każ ta' annimali mlaqqma hija differenti minn f'każ ta' annimali mhux imlaqqma. Għalhekk, dawk ir-riskji għandhom jiġu indirizzati b'mod separat u mhumiex is-suġġett ta' din id-Deċiżjoni.

(12)

F'termini ta' riskju ta' tixrid tal-marda tal-infafet fil-ġilda, komoditajiet differenti joħolqu livelli differenti ta' riskju. Kif intqal fl-Opinjoni Xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda (8), il-moviment ta' annimali bovini ħajjin, semen bovina u ġlud mhux ipproċessati u ġlud ta' annimali bovini infettati, joħolqu aktar riskji mil-lat ta' esponiment u konsegwenzi minn prodotti oħra bħall-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, ġlud ittrattati jew laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li joriġinaw minn annimali bovini, fejn ma jkunx hemm evidenza xjentifika jew sperimentali dwar ir-rwol tagħhom fit-trażmissjoni tal-marda. Għalhekk, il-miżuri f'din id-Deċiżjoni jeħtieġ li jkunu bbilanċjati u proporzjonati għar-riskji.

(13)

Il-movimenti ta' annimali bovini ħajjin mill-unità reġjonali ta' Evros għandhom ikomplu jiġu pprojbiti sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-marda. Skont l-opinjoni xjentifika tal-EFSA dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda u tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), il-fawna selvaġġa, jiġifieri ċerti ruminanti selvaġġi eżotiċi jistgħu potenzjalment ikollhom rwol fit-trażmissjoni tal-marda, b'mod partikolari fl-Afrika fejn il-marda hija endemika. Għalhekk xi miżuri preventivi għandhom ukoll japplikaw għar-ruminanti selvaġġi. Fin-nuqqas ta' regoli iktar preċiżi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-istandards internazzjonali xierqa għal dawn il-movimenti pprovduti mill-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE (OIE Terrestrial Animal Health Code) (9) għandhom jintużaw għal dan l-għan.

(14)

Billi l-Greċja talbet għal eżenzjoni mill-projbizzjoni tad-dispaċċ ta' annimali bovini direttament għall-qatla minn azjendi li jinsabu fiż-żona ristretta barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza u tali eżenzjoni hija prevista fl-Artikolu 11.11.5. tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE, huwa xieraq li jkun permess id-dispaċċ ta' kunsinni bħal dawn taħt ċerti kundizzjonijiet.

(15)

Bl-istess mod, it-trażmissjoni tal-mard permezz ta' semen u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi bovina ma tistax tiġi eskluża. Għalhekk, ċerti miżuri ta' protezzjoni għandhom jiġu pprovduti għal dawk il-prodotti. Fin-nuqqas ta' standards tal-Unjoni, l-opinjoni xjentifika tal-EFSA dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda u r-rakkomandazzjonijiet xierqa tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE għandhom jintużaw għal dan l-għan.

(16)

Skont l-opinjoni xjentifika tal-EFSA dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda, it-trażmissjoni tal-vajrus tal-marda tal-infafet fil-ġilda permezz tal-isperma (tgħammir naturali inkella b'inseminazzjoni artifiċjali) intweriet b'mod sperimentali, u l-vajrus tal-marda tal-infafet fil-ġilda ġie iżolat f'semen ta' barrin infettati għall-għan sperimentali. Il-ġbir u l-użu ta' semen ta' annimali tal-ispeċi tal-bovini li joriġinaw fiż-żona ristretta għandhom għalhekk ikunu pprojbiti.

(17)

Skont l-Artikolu 4.7.14 tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-OIE, il-marda tal-infafet fil-ġilda hija assenjata skont il-Manwal tas-Soċjetà Internazzjonali tat-Trasferiment tal-Embrijuni bħala marda tal-Kategorija 4 jew aġent patoġeniku, l-istess bħal dawk li għalihom twettqu l-istudji, jew li l-istudji jinsabu għaddejjin dwarhom, li jindika li l-ebda konklużjoni ma għadha possibbli fir-rigward tal-livell ta' riskju ta' trażmissjoni jew li r-riskju tat-trażmissjoni permezz ta'trasferiment ta' embrijuni jista' ma jkunx negliġibbli anki jekk l-embrijuni jiġu ttrattati kif jixraq skont dan il-Manwal bejn il-ġbir u t-trasferiment. Il-ġbir u l-użu ta' embrijuni ta' annimali tal-ispeċi tal-bovini li joriġinaw fiż-żona ristretta għandhom għalhekk ikunu pprojbiti.

(18)

Ma hemm l-ebda evidenza xjentifika jew sperimentali li tissuġġerixxi t-trażmissjoni tal-vajrus fost l-annimali suxxettibbli permezz ta' laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam jew prodotti tal-laħam. Għalkemm l-opinjoni xjentifika tal-EFSA dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda tindika li l-vajrus jista' jgħix fil-laħam għal perjodu ta' żmien mhux indikat, il-projbizzjoni eżistenti tal-Unjoni fuq l-għalf ta' proteini ruminanti lil ruminanti teskludi l-possibbiltà ta' trażmissjoni orali improbabbli ta' vajrus possibbli. Biex jiġi evitat ir-riskju li tinfirex il-marda, it-tqegħid fis-suq ta' laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam minn annimali bovini li joriġinaw fl-unità reġjonali ta' Evros għandhom ikunu permessi biss meta l-laħam frisk prodott minn annimali bovini jkun miżmum f'azjendi ħielsa mill-marda li jinsabu fiż-żona ristretta stabbilita barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza. Laħam bħal dan għandu jitqiegħed fis-suq fit-territorju tal-Greċja biss.

(19)

Barra minn hekk, id-dispaċċ ta' kunsinni ta' laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam miksuba minn laħam frisk miksub minn annimali miżmuma barra ż-żona ristretta u pproċessat fi stabbilimenti li jinsabu fiż-żona ristretta barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza jistgħu jkunu permessi taħt ċerti kundizzjonijiet.

(20)

Kolostru, prodotti tal-ħalib u prodotti tal-ħalib użati bħala għalf tal-annimali jista' jkollhom rwol importanti fit-tixrid tal-marda, b'mod partikolari, meta l-kolostru, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib ma jkunux ġew ittrattati bis-sħana jew aċidifikati biżżejjed biex jiġi inattivat il-vajrus.

(21)

Il-Greċja talbet għal eżenzjoni mill-projbizzjoni tad-dispaċċ ta' ħalib ippastorizzat u prodotti tal-ħalib għall-konsum mill-bniedem minn azjendi li jinsabu fiż-żona ristretta barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza, billi l-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA dwar riskji ta' saħħet l-annimali mit-tmigħ ta' annimali bi prodotti tal-ħalib lesti għall-użu mingħajr trattamenti ulterjuri (10) tispeċifika b'mod iktar preċiż xi metodi li jistgħu jtaffu r-riskji li tinfirex il-marda tal-infafet fil-ġilda permezz tal-ħalib u prodotti tal-ħalib, u huwa possibbli li jiġi permess id-dispaċċ ta' kunsinni ta' ħalib u prodotti tal-ħalib għall-konsum uman taħt ċerti kundizzjonijiet.

(22)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (11), jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni għar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), inklużi r-rekwiżiti għall-ipproċessar sikur ta' prodotti sekondarji u derivati tal-annimali. Għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-marda tal-infafet fil-ġilda, it-tqegħid fis-suq ta' prodotti sekondarji tal-annimali mhux ipproċessati għandu jiġi pprojbit. Ir-referenza għal prodotti sekondarji proċessati tal-annimali f'din id-Deċiżjoni għandha tinqara bħala referenza għall-istandards tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 142/2011.

(23)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni għandhom jissostitwixxu l-miżuri interim ta' ħarsien kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja previsti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1423. Għalhekk dik id-Deċiżjoni għandha tiġi revokata.

(24)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi ċerti miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali ta' protezzjoni fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda kkonfermata fil-Greċja.

2.   F'każ ta' kunflitt, il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni għandhom jieħdu l-preċedenza fuq il-miżuri adottati mill-Greċja fil-qafas tad-Direttiva 92/119/KEE.

3.   Id-derogi previsti fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 ma għandhomx japplikaw għal annimali bovini mlaqqma kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda u l-prodotti tagħhom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet segwenti:

(a)

“annimal bovin” tfisser ungalat tal-ispeċijiet Bos taurus, Bos indicus, Bison bison u Bubalus bubalis;

(b)

“żona ristretta” hija parti mit-territorju ta' Stat Membru elenkata fl-Anness għal din id-Deċiżjoni li tinkludi ż-żona fejn ġiet ikkonfermata l-marda tal-infafet fil-ġilda u kwalunkwe żona ta' protezzjoni u sorveljanza stabbilita skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/119/KEE.

Artikolu 3

Projbizzjoni fuq il-moviment u t-tqassim ta' ċerti annimali u s-semen u l-embrijuni tagħhom, u t-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-annimali u prodotti sekondarji tal-annimali

1.   Il-Greċja għandha tipprojbixxi d-dispaċċ tal-prodotti li ġejjin miż-żona ristretta lejn partijiet oħra tal-Greċja, lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi:

(a)

annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq;

(b)

semen, ova u embrijuni ta' annimali mill-ispeċi tal-bovini;

2.   Il-Greċja għandha tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq barra miż-żona ristretta tal-prodotti li ġejjin li huma prodotti minn annimali bovini u ruminanti selvaġġi kkaċċjati fiż-żona ristretta jew miżmuma fiha:

(a)

laħam frisk u preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam prodotti minn tali laħam frisk;

(b)

kolostru, ħalib u prodotti tal-ħalib minn annimali bovini;

(c)

ġlud friski ta'annimali bovini u ruminanti selvaġġi, għajr dawk imsemmija fil-punt (d);

(d)

prodotti sekondarji mhux proċessati ta' annimali bovini, sakemm mhux destinati, taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti, għar-rimi f'impjant approvat skont ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 fit-territorju tal-Greċja.

Artikolu 4

Deroga mill-projbizzjoni fuq id-dispaċċ ta' annimali bovini ħajjin u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq għal qtil dirett u d-dispaċċ ta' laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam miksuba minn dawn l-annimali

1.   B'deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza d-dispaċċ ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq minn azjendi li jinsabu fiż-żona ristretta barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza għal biċċerija li tinsab f'partijiet oħra tal-Greċja dejjem jekk:

(a)

l-annimali kienu residenti mit-twelid jew għal dawn l-aħħar 28 jum, fi stabbiliment fejn l-ebda każ tal-marda tal-infafet fil-ġilda ma ġie rrappurtat uffiċjalment matul dak il-perjodu;

(b)

l-annimali ġew spezzjonati klinikament waqt it-tagħbija u ma ppreżentawx xi sintomi kliniċi tal-marda tal-infafet fil-ġilda;

(c)

l-annimali jiġu ttrasportati għall-qatla immedjata b'mod dirett, mingħajr waqfien jew ħatt, lejn il-biċċerija;

(d)

il-biċċerija tiġi nnominata għall-qatla ta' dawk l-annimali mill-awtorità kompetenti;

(e)

l-awtorità kompetenti responsabbli għall-biċċerija għandha tiġi informata mill-awtorità tad-dispaċċ kompetenti bl-intenzjoni li jintbagħtu l-bovini f'dik il-biċċerija u tinnotifika lill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ bil-wasla ta' dawk il-bovini;

(f)

mal-wasla fil-biċċerija, dawn l-annimali jinżammu u jinqatlu separatament minn annimali oħra fi żmien inqas minn 36 siegħa.

2.   Kull dispaċċ ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq skont il-paragrafu 1 għandu jseħħ biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-mezz ta' trasport ikun imnaddaf u diżinfettat kif xieraq qabel u wara t-tagħbija ta' tali annimali b'konformità mal-Artikolu 9;

(b)

qabel u matul it-trasport, l-annimali jkunu protetti kontra attakki ta' insetti vettorjali.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam miksuba minn dawn l-annimali jitqiegħdu fis-suq skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 5 u 6, rispettivament.

Artikolu 5

Deroga mill-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta' laħam frisk u preparazzjonijiet tal-laħam ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi

1.   B'deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2), l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' konsenji ta' laħam frisk, eskluż il-ġewwieni u ġlud friski, miksuba minn annimali bovini u ruminanti selvaġġi miż-żona ristretta barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza u preparazzjonijiet tal-laħam tiegħu, bil-kundizzjoni li l-laħam frisk u l-preparazzjonijiet tal-laħam ikunu nkisbu minn annimali:

(a)

miżmuma f'azjendi fiż-żona ristretta li ma kinux taħt restrizzjonijiet skont id-Direttiva 92/119/KEE; jew

(b)

maqtula qabel il-21 ta' Awwissu 2015.

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-kunsinni msemmija f'dan il-paragrafu ma jintbagħtux lil Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza biss id-dipaċċ lejn Stati Membri oħra ta' konsenji ta' laħam frisk u preparazzjonijiet tal-laħam prodotti minn dan il-laħam frisk miksub minn annimali bovini li huma miżmuma u maqtula barra ż-żona ristretta, sakemm il-kunsinni jkunu akkumpanjati b'ċertifikat uffiċjali bl-attestazzjoni li ġejja:

“Laħam frisk jew preparazzjonijiet tal-laħam li jikkonformaw mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 [C(2015) 6221] tas-7 ta' Settembru 2015 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja”.

Artikolu 6

Deroga mill-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta' prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom, laħam ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi

1.   B'deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2), l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' kunsinni ta' prodotti tal-laħam prodotti minn laħam frisk ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi miż-żona ristretta barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza, bil-kundizzjoni li l-laħam frisk ikun inkiseb minn annimali:

(a)

miżmuma f'azjendi fiż-żona ristretta li ma kinux taħt restrizzjonijiet skont id-Direttiva 92/119/KEE; jew

(b)

maqtula qabel il-21 ta' Awwissu 2015; jew

(c)

miżmuma u maqtula barra miż-żona ristretta.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti tal-laħam imsemmija fil-paragrafu 1, li jikkonforma ma' kundizzjonijiet ta' punti (a) jew (b) ta' dak il-paragrafu, biss fit-territorju tal-Greċja, sakemm il-prodotti tal-laħam li jkun ġie suġġett għal trattament mhux speċifiku li jiżgura li l-wiċċ maqtugħ ta' prodotti tal-laħam ma jibqax juri l-karatteristiċi ta' laħam frisk.

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-kunsinni msemmija f'dan paragrafu ma jintbagħtux lil Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza biss id-dispaċċ ta' kunsinni msemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b) ta' Stati Membri oħra, bil-kundizzjoni li l-prodotti tal-laħam ikunu ġew soġġetti għal trattament speċifiku f'kontenitur issiġillat ermetikament għal valur ta' Fo ta' tlieta jew aktar, u jkunu akkumpanjati b'ċertifikat uffiċjali bl-attestazzjoni li ġejja:

“Prodotti tal-laħam konformi mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 [C(2015) 6221] tas-7 ta' Settembru 2015 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja”.

4.   L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza biss id-dipaċċ lejn Stati Membri oħra ta' kunsinni ta' prodotti tal-laħam imsemmija fil-paragrafu 1(c), sakemm il-prodotti tal-laħam ikunu ġew soġġetti għal trattament mhux speċifiku, li jiżgura li l-wiċċ maqtugħ tal-prodotti tal-laħam ma jkunx għadu juri l-karatteristiċi ta' laħam frisk u jkun akkumpanjat b'ċertifikat uffiċjali bl-attestazzjoni li ġejja:

“Prodotti tal-laħam konformi mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 [C(2015) 6221] tas-7 ta' Settembru 2015 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja”.

Artikolu 7

Deroga mill-projbizzjoni fuq id-dispaċċ u t-tqegħid fis-suq tal-ħalib u prodotti tal-ħalib

1.   B'deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2), l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' ħalib għall-konsum uman, miksuba minn annimali bovini fiż-żona ristretta barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza, u l-prodotti tal-ħalib magħmulin minnu, sakemm il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib ikun sarilhom it-trattament deskritt fil-punti 1.1 sa 1.5 tal-Parti A tal-Anness IX tad- Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE (13).

2.   L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza biss id-dispaċċ lejn Stati Membri oħra ta' kunsinni ta' ħalib u prodotti tal-ħalib imsemmija fil-paragrafu 1, sakemm il-kunsinni jkunu akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali, bl-attestazzjoni li ġejja:

“Ħalib jew prodotti tal-ħalib li jikkonformaw mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 [C(2015) 6221] tas-7 ta' Settembru 2015 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja”.

Artikolu 8

Marka sanitarja speċjali għal laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam imsemmija fl-Artikoli 5(1) u 6(2) rispettivament

Il-Greċja għandha tassigura li laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam imsemmija fl-Artikolu 5(1), u l- Artikolu 6(2) rispettivament jiġu mmarkati b'marka sanitarja jew b'marka ta' identifikazzjoni speċjali li ma tkunx ovali u li ma tkunx tixbaħ:

(a)

lill-marka tas-saħħa għal-laħam frisk stabbilita fil-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14);

(b)

lill-marka ta' identifikazzjoni għall-preparazzjonijiet tal-laħam u għall-prodotti tal-laħam li fihom jew li jikkonsistu minn laħam tal-bovini stabbilita fit-Taqsima I tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

Artikolu 9

Rekwiżiti dwar il-vetturi tat-trasport, it-tindif u d-diżinfezzjoni

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li, għal kwalunkwe vettura li tkun ġiet f'kuntatt ma' speċijiet suxxettibbli fiż-żona ristretta u għandha l-ħsieb li tħalli din l-istess żona, l-operatur jew is-sewwieq ta' din il-vettura jipprovdi evidenza li turi li, wara l-aħħar kuntatt mal-annimali, il-vettura tnaddfet u ġiet diżinfettata b'mod li l-virus tal-marda tal-infafet fil-ġilda tiġi inattivata.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tiddefinixxi l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata mill-operatur/mis-sewwieq tal-vettura għall-ġarr tal-bhejjem sabiex turi li d-diżinfezzjoni meħtieġa tkun seħħet.

Artikolu 10

Rekwiżiti ta' Informazzjoni

Il-Greċja għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, fil-qafas tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, bir-riżultati ta' sorveljanza għall-marda tal-infafet fil-ġilda mwettqa fiż-żona ristretta.

Artikolu 11

Revoka

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1423 jiġi mħassar.

Artikolu 12

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika sat-30 ta' Ottubru 2015.

Artikolu 13

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Settembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1423 tal-21 ta' Awwissu 2015 dwar ċerti miżuri interim ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja (ĠU L 222, 25.8.2015, p. 7).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta' annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64).

(7)  Id-Direttiva 92/65/KEE tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta' u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni mhux soġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54).

(8)  EFSA Journal 2015;13(1):3986 [73 pp.].

(9)  24th Edition, 2015.

(10)  EFSA Journal (2006) 347, p. 1.

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta' Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(13)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta' Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer u li tirrevoka d-Direttivi 85/511/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/531/KEE u 91/665/KEE u li temenda d-Direttiva 92/46/KEE (ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1).

(14)  Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġiniw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).

(15)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).


ANNESS

Il-Greċja:

L-unitajiet reġjonali li ġejjin fil-Greċja:

L-unità reġjonali ta' Evros


Top