EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0284

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/284 tas- 17 ta' Frar 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda tal-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE dwar ir-regoli ta' oriġini (It-Tkabbir tal-Kroazja)

ĠU L 50, 21.2.2015, p. 10–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/284/oj

21.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/10


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/284

tas-17 ta' Frar 2015

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda tal-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE dwar ir-regoli ta' oriġini (It-Tkabbir tal-Kroazja)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE (“il-Protokoll 4”).

(3)

Il-Protokoll 4 fih dispożizzjonijiet u arranġamenti dwar ir-regoli ta' oriġini.

(4)

Ċerti arranġamenti tranżitorji rigward l-applikazzjoni tar-regoli ta' oriġini wara l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fiż-Żona Ekonomika Ewropea u tliet ftehimiet relatati (3) jeħtieġ li jiġu indikati fil-Ftehim ŻEE.

(5)

Għalhekk, il-Protokoll 4 għandu jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha għalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE, dwar ir-regoli ta' oriġini, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Frar 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

J. REIRS


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  ĠU L 170, 11.6.2014, p. 5.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/2015

li temenda l-Protokoll 4 (regoli ta' oriġini) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE jikkonċerna r-regoli ta' oriġini.

(2)

Ir-Repubblika tal-Kroazja daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta' Lulju 2013.

(3)

Wara li ntemmu b'suċċess in-negozjati għat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Kroazja ressqet applikazzjoni sabiex issir parti għall-Ftehim ŻEE.

(4)

Il-Ftehim dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja fiż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar it-Tkabbir taż-ŻEE”) (1) ġie inizjalat fl-20 ta' Diċembru 2013.

(5)

Il-Ftehim dwar it-Tkabbir taż-ŻEE ġie ffirmat fil-11 ta' April 2014 u beda japplika fuq bażi proviżorja mit-12 ta' April 2014.

(6)

Ċerti arranġamenti tranżitorji rigward l-applikazzjoni tar-regoli ta' oriġini wara l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-Tkabbir taż-ŻEE jeħtieġ li jiġu riflessi fil-Ftehim ŻEE.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-[…], bil-kundizzjoni li n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE ikunu saru lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (2).

Hija tibda tapplika mill-1 ta' Lulju 2013.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, […].

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

[…]

Is-Segretarji

għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

[…]


(1)  ĠU L 170, 11.6.2014, p. 5.

(2)  [L-ebda rekwiżit kostituzzjonali ma huwa indikat] [Ir-rekwiżiti kostituzzjonali huma indikati.]

ANNESS

għad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru […]

Fil-Protokoll 4 tal-Ftehim ŻEE, dan li ġej huwa miżjud wara l-Artikolu 40:

“Artikolu 41

Arranġamenti tranżitorji dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

1.   Il-prova tal-oriġini maħruġa kif xieraq minn Stat tal-EFTA jew mir-Repubblika tal-Kroazja jew magħmula fil-qafas ta' ftehim preferenzjali applikat bejn l-Istati tal-EFTA u r-Repubblika tal-Kroazja għandha tiġi kkunsidrata bħala prova tal-oriġini preferenzjali taż-ŻEE, sakemm:

(a)

il-prova tal-oriġini u d-dokumenti tat-trasport inħarġu jew ġew magħmula mhux aktar tard mill-jum ta' qabel id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea; kif ukoll

(b)

il-prova tal-oriġini tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali matul il-perjodu ta' erba' xhur mid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea.

Fejn oġġetti jkunu ddikjarati għall-importazzjoni minn Stat tal-EFTA jew ir-Repubblika tal-Kroazja, rispettivament, fir-Repubblika tal-Kroazja jew Stat tal-EFTA qabel id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, skont ftehimiet preferenzjali applikati bejn Stat tal-EFTA u r-Repubblika tal-Kroazja f'dak iż-żmien, il-prova tal-oriġini maħruġa retrospettivament skont dawn il-ftehimiet tista' wkoll tiġi aċċettata fl-Istati tal-EFTA jew ir-Repubblika tal-Kroazja bil-kundizzjoni li din tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali matul il-perjodu ta' erba' xhur mid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Istati tal-EFTA, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra, huma awtorizzati jżommu l-awtorizzazzjonijiet li permezz tagħhom ingħataw l-istat ta' ‘esportaturi approvati’ fil-qafas ta' ftehimiet konklużi bejn l-Istati tal-EFTA, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra, bil-kundizzjoni li l-esportaturi approvati japplikaw ir-regoli ta' oriġini ta' dan il-Protokoll.

L-Istati tal-EFTA, min-naħa waħda, u l-Kroazja, min-naħa l-oħra, għandhom, sa mhux aktar tard minn sena wara d-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, iqisu l-ħtieġa li dawn l-awtorizzazzjonijiet jiġu sostitwiti b'awtorizzazzjonijiet ġodda maħruġa skont dan il-Protokoll.

3.   Talbiet għal verifika sussegwenti tal-prova tal-oriġini maħruġa jew magħmula skont il-ftehimiet preferenzjali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu aċċettati mill-awtoritajiet doganali kompetenti tal-Istati tal-EFTA u tar-Repubblika tal-Kroazja għal perjodu ta' tliet snin wara l-ħruġ jew it-tfassil tal-prova tal-oriġini kkonċernata u jistgħu isiru minn dawk l-awtoritajiet għal perjodu ta' tliet snin wara l-aċċettazzjoni tal-prova tal-oriġini ppreżentata lil dawk l-awtoritajiet b'appoġġ għal dikjarazzjoni ta' importazzjoni.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jistgħu jiġu applikati għal oġġetti esportati kemm mir-Repubblika tal-Kroazja għall-Istati tal-EFTA kif ukoll mill-Istati tal-EFTA għar-Repubblika tal-Kroazja, li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll u li fid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea jew ikunu fi tranżitu jew f'ħażna temporanja f'maħżen tad-dwana jew f'żona libera fi Stat tal-EFTA jew fir-Repubblika tal-Kroazja.

5.   F'każijiet imsemmija fil-paragrafu 4 jista' jingħata trattament preferenzjali, soġġett għas-sottomissjoni lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur, fi żmien erba' xhur mid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, ta' prova tal-oriġini maħruġa retrospettivament mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur.”


Top