Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1393

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1393/2014 tal- 20 ta' Ottubru 2014 li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd għal ħut pelaġiku fl-ilmijiet tal-Majjistral

ĠU L 370, 30.12.2014, p. 25–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1393/oj

30.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 370/25


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1393/2014

tal-20 ta' Ottubru 2014

li jistabbilixxi pjan tar-rimi għal ċertu sajd għal ħut pelaġiku fl-ilmijiet tal-Majjistral

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(6) u 18(1) u (3) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jimmira li jelimina b'mod progressiv ir-rimi fis-sajd kollu tal-Unjoni permezz tal-introduzzjoni ta' obbligu tal-ħatt għall-qabdiet ta' speċi li huma soġġetti għal limiti ta' qbid.

(2)

L-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta pjanijiet għar-rimi permezz ta' att iddelegat għal perjodu ta' mhux iktar minn tliet snin, fuq il-bażi ta' rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati minn Stati Membri f'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Il-Belġju, l-Irlanda, Spanja, Franza, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit għandhom interess dirett fl-immaniġġjar tas-sajd fl-ilmijiet tal-Majjistral. Dawn l-Istati Membri ssottomettew rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni wara konsultazzjoni tal-Kunsill Konsultattiv għall-Ħut Pelaġiku, il-Kunsill Konsultattiv ta' Distanza Twila u l-Kunsill Konsultattiv għall-ilmijiet tal-Majjistral. Inkisbet kontribuzzjoni xjentifika minn korpi xjentifiċi rilevanti. Inkiseb kontribut xjentifiku minn korpi xjentifiċi rilevanti. Il-miżuri inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mal-Artikolu 15(6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u għalhekk, f'konformità mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandhom jiġu inklużi f'dan ir-Regolament.

(4)

Fir-rigward tal-ilmijiet tal-Majjistral, skont l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu tal-ħatt għandu japplika għall-bastimenti kollha involuti f'sajd għal ħut pelaġiku żgħir u f'sajd għal ħut pelaġiku kbir, fir-rigward ta' speċijiet maqbuda f'dan is-sajd, li huma soġġetti għal limiti ta' qbid mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 2015.

(5)

F'konformità mar-rakkomandazzjoni konġunta, il-pjan tar-rimi għandu jkopri ċertu sajd għal ħut pelaġiku żgħir u għal ħut pelaġiku kbir, jiġifieri sajd għall-kavalli, aringi, sawrell, stokkafixx, minfaħ, arġentina silus, alongi u laċċi koħol fiż-żoni Vb, VI u VII tal-ICES, mill-1 ta' Jannar 2015.

(6)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tinkludi eżenzjoni mill-obbligu tal-ħatt għall-kavalli u l-aringi maqbuda bil-purse seine b'ċerti kundizzjonijiet ibbażati fuq evidenza xjentifika ta' rata għolja ta' sopravvivenza f'konformità mal-Artikolu 15(4)(b) tar- Regolament (UE) Nru 1380/2013. Evidenza xjentifika li tappoġġja sopravvivenza għolja ngħatat minn Scheveningen Group fir-rakkomandazzjoni konġunta għal pjan tar-rimi fil-Baħar tat-Tramuntana, li għamel referenza għal studju xjentifiku speċifiku dwar is-sopravvivenza tal-ħut li jinħeles wara s-sajd bil-purse seine. L-istudju sab li r-rati ta' sopravvivenza jiddependu fuq żmien l-iffullar u d-densità ta' ħut fix-xibka, li ġeneralment ikunu limitati f'dan it-tip ta' sajd. Din l-informazzjoni ġie analizzata mill-STECF. L-STECF ikkonkluda li, jekk wieħed iqis ir-riżultati ta' studju ta' sopravvivenza bħala rappreżentattivi tar-rati ta' sopravvivenza f'attivitajiet kummerċjali tas-sajd, il-proporzjon ta' superstiti tal-kavalli meħlusa x'aktarx li jkun ta' madwar 70 %. Id-densitajiet jista' wkoll ikunu aktar baxxi mid-densità fejn ġie osservat li l-mortalità tal-aringi żdiedet. Projbizzjoni tar-rilaxx ta' kavalli u aringi qabel ma x-xibka tittella' kompletament abbord bastiment tas-sajd, li twassal għal telf ta' ħut mejjet jew li jkun qed imut, hija stabbilita fl-Artikolu 19b(2) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 850/98 (2). Din l-eżenzjoni ta' sopravvivenzama ma taffettwax il-projbizzjoni fis-seħħ, peress li r-rilaxx tal-ħut iseħħ fi stadju tal-attività tas-sajd fejn il-ħut għandu rata ta' sopravvivenza għolja wara r-rilaxx. Għalhekk, din ir-rakkomandazzjoni ma ġietx inkluża f'dan ir-Regolament.

(7)

Ir-rakkomandazzjoni konġunai fiha erba' eżenzjonijiet de minimis mill-obbligu tal-ħatt għal ċertu sajd u sa ċerti livelli. L-evidenza pprovduta mill-Istati Membri ġiet analizzata mill-STECF, li kkonkluda li r-rakkomandazzjonijiet konġunti fihom argumenti raġunati relatati maż-żieda tal-kostijiet marbuta mal-ittrattar tal-qabdiet mhux mixtieqa, sostnuti f'xi każijiet b'valutazzjoni kwalitattiva tal-ispejjeż. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' informazzjoni xjentifika, huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-eżenzjonijiet de minimis skont il-livell perċentwali propost fir-rakkomandazzjoni konġunta u f'livelli mhux ogħla minn dawk permessi skont l-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(8)

L-eżenzjoni de minimis għall-istokkafixx (Micromesistius poutassou), sa massimu ta' 7 % fl-2015 u fl-2016, u 6 % fl-2017 tal-qabdiet annwali totali permissibbli b'bastiment tat-tkarkir industrijali għal ħut pelaġiku li jimmira għal dik l-ispeċi fiż-żona VIII tal-ICES u li jipproċessa dik l-ispeċi abbord biex jikseb bażi tas-surimi, hija bbażata fuq il-fatt li ma tistax tinkiseb selettività miżjuda u li l-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-qbid mhux mixtieq huwa sproporzjonat. L-STECF jikkonkludi li l-eżenzjoni hija argumentata tajjeb biżżejjed. Għalhekk, din ir-rakkomandazzjoni ma ġietx inkluża f'dan ir-Regolament.

(9)

L-eżenzjoni de minimis għal massimu ta' 7 % fl-2015 u fl-2016 u 6 % fl-2017 għall-alongi (Thunnus alalunga) tal-qabdiet annwali totali permissibbli fis-sajd immirat għall-alongi bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir tal-par fil-pelaġiku (PTM) fiż-żona VII tal-ICES hija bbażata fuq l-ispejjeż sproporzjonati tal-immaniġġjar tal-qabdiet mhux mixtieqa. Dawn huma l-ispejjeż tal-ħżin u tal-immaniġġjar fuq il-baħar u fuq ix-xatt. L-STECF, fl-evalwazzjoni tiegħu esprima r-riskju tas-selezzjoni kwalitattiva (highgrading). Madankollu, din l-eżenzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19a tar-Regolament 850/98. Għalhekk, din ir-rakkomandazzjoni ma ġietx inkluża f'dan ir-Regolament.

(10)

Biex jiġu evitati spejjeż sproporzjonati marbuta mal-immaniġġjar ta' qabdiet mhux mixtieqa, bħall-ħżin, ix-xogħol, it-tkessiħ, u meta wieħed iqis id-diffikultà biex tiżdied is-selettività fis-sajd fil-pelaġiku u li jkollu fil-mira l-kavalli, is-sawrell u aringi fid-Diviżjoni ICES VIId, ir-rakkomandazzjoni konġunta tinkludi eżenzjoni de minimis mill-obbligu tal-ħatt għal dan is-sajd imħallat. Din l-eżenzjoni hija bbażata fuq evidenza xjentifika mogħtija mill-Istati Membri involuti fir-rakkomandazzjoni konġunta u ġiet riveduta mill-STECF. L-STECF sab li r-RK tippreżenta argumenti kwalitattivi motivati fl-appoġġ għal din l-eżenzjoni għal raġunijiet ta' spejjeż sproporzjonati tal-immaniġġjar ta' qabdiet mhux mixtieqa. Għalhekk, din l-eżenzjoni għandha tiġi inkluża f'dan ir-Regolament.

(11)

L-eżenzjoni de minimis sa massimu ta' 1 % fl-2015 u 0,75 % fl-2016 tal-qabdiet totali permissibbli tal-minfaħ (Caproidae) fis-sajd għas-sawrell (Trachurus spp.) b'bastimenti bil-friża għal ħut pelaġiku li juża xibka tat-tkarkir pelaġika fiż-żoni VI u VII tal-ICES hija bbażata fuq id-diffikultà biex tiżdied is-selettività u l-ispejjeż proporzjonati tal-immaniġġjar (is-separazzjoni tal-qabdiet mixtieqa minn dawk mhux mixtieqa). L-STECF jikkonkludi li l-eżenzjoni hija appoġġjata minn argumenti kwalitattivi motivati dwar id-diffikultà tat-titjib tas-selettività f'dan is-sajd u argumenti raġonevoli rigward l-ispejjeż addizzjonali tal-immaniġġjar. Għalhekk, din ir-rakkomandazzjoni ma ġietx inkluża f'dan ir-Regolament.

(12)

Sabiex jiġi żgurat kontroll xieraq, għandhom ikunu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għad-dokumentazzjoni ta' qabdiet taħt l-eżenzjoni bbażati fuq il-kapaċità ta' sopravvivenza koperti b'dan ir-Regolament

(13)

Peress li l-miżuri mogħtija f'dan ir-Regolament iħallu impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta ma' u fuq l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2015 sabiex jikkonforma maż-żmien stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. F'konformità mal-Artikolu 15(6) tat-tali Regolament, dan ir-Reglament ma għandux japplika għal iktar minn 3 snin.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ambitu

Dan ir-Regolament jispeċifika d-dettalji għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt, mogħti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, mill-1 ta' Jannar 2015 fl-ilmijiet tal-Majjistral, kif definit fl-Artikolu 4(2)(c) ta' dak ir-Regolament, fis-sajd stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Eżenzjoni tas-sopravvivenza

(1)   B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu tal-ħatt ma għandux japplika għal qabdiet ta' kavalli u aringi f'sajd bil-purse seiner fl-arja ICES VI, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

il-qabda tiġi rilaxxata qabel jingħalaq ċertu perċentwal (stipulat fil-paragrafi 2 u 3 hawn taħt) tal-purse seine (“il-punt tal-ġbid”),

l-irkaptu tas-sajd bil-purse seines ikun mgħammar b'bagi li jimmarkaw b'mod viżibbli il-limitu għall-punt tal-ġbid,

il-bastiment u l-irkaptu tas-sajd bil-purse seine ikunu mgħammra b'sistema elettronika ta' reġistrazzjoni u dokumentazzjoni dwar meta, fejn u kemm tintuża l-purse seine fl-attivitajiet tas-sajd kollha.

(2)   Il-punt tal-ġbir ikun 80 % tal-għeluq tas-sajd bil-purse seine għall-kavalli u 90 % tal-għeluq tas-sajd bil-purse seines għall-aringi.

(3)   Jekk il-qatgħa tkun tikkonsisti f'taħlita ta' dawn iż-żewġ speċi, il-punt tal-ġbir ikun 80 % tal-għeluq tas-sajd bil-purse seine.

(4)   Huwa pprojbit li jiġu rilaxxati qabdiet ta' kavalli u aringi wara l-punt tal-ġbir.

(5)   Il-qatgħa tal-ħut fil-mira jitteħdilha kampjun qabel tiġi rilaxxata sabiex tkun stmata l-kompożizzjoni tal-ispeċijiet, il-kompożizzjoni tad-daqs tal-ħut u l-kwantità.

Artikolu 3

Eżenzjonijiet de minimis

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jintremew il-kwantitajiet li ġejjin:

(a)

għall-istokkafixx (Micromesistius poutassou), sa massimu ta' 7 % fl-2015 u fl-2016 u 6 % fl-2017, tal-qabdiet annwali totali permissibbli fis-sajd b'bastimenti industrijali tat-tkarkir għal ħut pelaġiku li għandu fil-mira tiegħu dik l-ispeċi fiż-żoni Vb, VI u VII tal-ICES u l-ipproċessar ta' dik l-ispeċi abbord biex tinkiseb bażi tas-surimi;

(b)

sa massimu ta' 7 % fl-2015 u fl-2016 u 6 % fl-2017 għall-alongi (Thunnus alalunga) tal-qabdiet annwali totali fis-sajd immirat għall-alongi bl-użu ta' xbieki tat-tkarkir tal-par fil-pelaġiku (PTM) fiż-żoni tal-baħar VII tal-ICES;

(c)

sa massimu ta' 3 % f'2015 u 2 % għall-2016 tal-qabdiet totali annwali tal-kavalli (Scomber scombrus), sawrell (Trachurus spp.), aringi (Clupea harengus) u merlangi (Merlangius merlangus) fis-sajd fil-pelaġiku b'bastimenti tat-tkarkir fil-pelaġiku sa 25 metru fit-tul b'kollox, bl-użu ta' xibka tat-tkarkir pelaġika (OTM), li għandu fil-mira tiegħu kavalli, sawrell u aringi fiż-żona VIId tal-ICES;

(d)

sa massimu ta' 1 % fl-2015 u 0,75 % fl-2016 tal-qabdiet totali permissibbli tal-minfaħ (Caproidae) fis-sajd għas-sawrell (Trachurus spp.) b'bastiment tat-tkarkir għal ħut pelaġiku bil-friża li juża xbieki tat-tkarkir pelaġiku fiż-żoni VI u VII tal-ICES.

Artikolu 4

Dokumentazzjoni tal-qabdiet

Il-kwantitajiet ta' ħut rilaxxat taħt l-eżenzjoni prevista fl- Artikolu 2 u r-riżultati tal-kampjuni meħtieġa skont l-Artikolu 2(5) għandhom jiġu rrappurtati fil-ġurnal ta' abbord.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ il-ġurnata ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1).


ANNESS

Sajd suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jimplimenta l-obbligu tal-ħatt

1.   Sajd fiż-żoni tal-ICES Vb, VIa, VIb

Kodiċi

Irkaptu tas-sajd tal-pelaġiku

L-ispeċijiet fil-mira tal-kwota

OTB

Għażel tat-tkarkir fil-qiegħ

Kavalli, aringi, sawrell, stokkafixx, minfaħ, arġentina

OTM

Għażel tat-tkarkir fil-pelaġiku, oħrajn

Kavalli, aringi, sawrell, stokkafixx, minfaħ, arġentina

PTB

Xbieki tat-tkarkir fil-qiegħ tal-par (oħrajn)

Kavalli

PTM

Xbieki tat-tkarkir tal-par — fil-pelaġiku

Aringi, kavalli

PS

Purse seines

Kavalli, stokkafixx

LMH

Xlief

Kavalli

LTL

Tas-sajd bir-rixa

Kavalli

2.   Sajd fiż-żoni tal-ICES VII (esklużi ż-żoni ICES VIIa, VIId u VIIe)

Kodiċi

Irkaptu tas-sajd tal-pelaġiku

L-ispeċijiet fil-mira tal-kwota

LMH

Xlief

Kavalli

LTL

Konz tat-tirjix, xlief u bastu

Alongi

PTM

Xbieki tat-tkarkir tal-par — fil-pelaġiku

Stokkafixx, kavalli, sawrell, alongi, minfaħ, aringi

OTM

Għażel tat-tkarkir — fil-pelaġiku

Stokkafixx, kavalli, sawrell, alongi, minfaħ, aringi

OTB

Għażel tat-tkarkir — fil-qiegħ

Aringi

PS

Purse seines

Kavalli, sawrell

3.   Sajd fiż-żoni tal-ICES Vb, VIa, VIb

Kodiċi

Irkaptu tas-sajd tal-pelaġiku

L-ispeċijiet fil-mira tal-kwota

OTB

Għażel tat-tkarkir (mhux speċifikat)

Laċċ ikħal

GND

Għażel tat-tisqif

Kavalli, aringi

LMH

Xlief u bastu

Kavalli

OTM

Għażel tat-tkarkir — fil-pelaġiku (oħrajn)

Laċċ ikħal, sawrell, kavalli, aringi, minfaħ

PTM

Xbieki tat-tkarkir tal-par — fil-pelaġiku (oħrajn)

Sawrell

PS

Purse seines

Kavalli, sawrell

4.   Is-sajd fiż-żona tal-ICES VIIa

Kodiċi

Irkaptu tas-sajd tal-pelaġiku

L-ispeċijiet fil-mira tal-kwota

OTM

Għażel tat-tkarkir — fil-pelaġiku

Aringi

PTM

Xbieki tat-tkarkir tal-par — fil-pelaġiku

Aringi

LMH

Xlief

Kavalli

LMH

Għażel tat-tisqif

Aringi


Top