Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1093

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1093/2014 tas- 16 ta' Ottubru 2014 li jemenda u jikkoreġi l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta' ċerti kuluri fil-ġobon misjur imħawwar Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 299, 17.10.2014, p. 22–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1093/oj

    17.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 299/22


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1093/2014

    tas-16 ta' Ottubru 2014

    li jemenda u jikkoreġi l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta' ċerti kuluri fil-ġobon misjur imħawwar

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

    (2)

    Il-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel tista' tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

    (3)

    Il-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel ġiet stabbilita abbażi tal-addittivi tal-ikel permessi għall-użu fl-ikel skont id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/35/KE (3), id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/36/KE (4) u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/2/KE (5) u wara r-reviżjoni tal-konformità tagħhom mal-Artikoli 6, 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Il-lista tal-Unjoni tinkludi l-addittivi tal-ikel abbażi tal-kategoriji tal-ikel li jistgħu jiżdiedu magħhom.

    (4)

    Minħabba d-diffikultajiet preżenti matul it-trasferiment tal-addittivi tal-ikel għas-sistema l-ġdida ta' kategorizzazzjoni prevista fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-użu ta' kuluri tal-ikel permessi f'ċertu ikel tħalla barra minn dik il-lista, billi f'dak iż-żmien ma kienet ipprovduta ebda informazzjoni dwar l-użu u l-ħtieġa li jintużaw il-kuluri tal-ikel f'ġobon misjur imħawwar, bħall-ġobon bil-pesto aħdar u aħmar, ġobon wasabi u ġobon imraħħam aħdar bil-ħxejjex aromatiċi.

    (5)

    Fit-2 ta' April 2013 tressqet talba għall-korrezzjoni tal-lista tal-Unjoni biex l-użu ta' kumplessi tar-ram tal-klorofilli u l-klorofillini (E 141) u estratt tal-paprika, tal-kapsantin, tal-kapsorubin (E 160c) jkompli u għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-koċineal, l-aċidu karminiku, il-karminji (E 120) u l-annatto, il-biksin, u n-norbiksin (E 160b) f'ċertu ġobon misjur bit-togħma miżjuda u saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

    (6)

    Il-koċineal, l-aċidu karminiku, il-karminji (E 120) u l-annatto, il-biksin, u n-norbiksin (E 160b) bħalissa huma approvati għall-użu f'ċerti ġobnijiet misjura. L-istess ħtieġa teknoloġika ġiet identifikata wkoll għall-użu tal-koċineal, tal-aċidu karminiku, u tal-karminji (E 120) fil-ġobon bil-pesto aħmar u tal-annatt, tal-biksin, u tan-norbiksin (E 160b) f'ġobon bil-pesto aħmar u aħdar.

    (7)

    L-approvazzjonijiet attwali biex jintużaw il-koċineal, l-aċidu karminiku, il-karminji (E 120) u l-annatt, il-biksin, u n-norbiksin (E 160b) iqisu d-dożi aċċettabbli ta' kuljum (ADI) stabbiliti mill-Kumitat Xjentifiku tal-Ikel, fl-1983 u fl-1979 rispettivament.

    (8)

    Il-ġobnijiet bil-pesto aħmar u aħdar jirrappreżentaw volum żgħir tas-suq tal-ġobon globali. Mhuwiex mistenni li l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-koċineal, tal-aċidu karminiku, u tal-karminji (E 120) fil-ġobon bil-pesto aħmar u tal-annatt, tal-biksin, u tan-norbiksin (E 160) fil-ġobon bil-pesto aħmar u aħdar se jkollha impatt sinifikanti fuq l-espożizzjoni totali għaż-żewġ kuluri.

    (9)

    Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Peress li l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-koċineal, tal-aċidu karminiku, tal-karminji (E 120) fil-ġobon bil-pesto aħmar u tal-annat, tal-biksin, u tan-norbiksin (E 160b) fil-ġobon bil-pesto aħmar u aħdar tikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li mhux mistenni jħalli effett fuq saħħet il-bniedem, ma hemmx bżonn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

    (10)

    Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat kif xieraq.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Ottubru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

    (3)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/35/KE tat-30 ta' Ġunju 1994 dwar is-sustanzi li jagħtu ħlewwa għall-użu f'oġġetti tal-ikel (ĠU L 237, 10.9.1994, p. 3).

    (4)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/36/KE tat-30 ta' Ġunju 1994 dwar il-kuluri għall-użu fl-ikel (ĠU L 237, 10.9.1994, p. 13).

    (5)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/2/KE tal-20 ta' Frar tal-1995 dwar l-addittivi tal-ikel għajr kuluri u sostanzi li jagħtu ħlewwa (ĠU L 61, 18.3.1995, p. 1).


    ANNESS

    Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, il-kategorija tal-ikel 1.7.2 “Ġobon misjur” hija emendata kif ġej:

    (1)

    l-entrata għal E 120 tinbidel b'dan li ġej:

     

    “E 120

    Il-Koċineal, l-Aċidu Karminiku, il-Karminji

    125

    (83)

    Ġobon imraħħam aħmar u ġobon bil-pesto aħmar biss”

    (2)

    l-entrata għal E 141 tinbidel b'dan li ġej:

     

    “E 141

    Komposti tar-ram tal-klorofilli u l-klorofillini

    quantum satis

     

    Ġobon ta' Derby bis-salvja, ġobon bil-pesto aħdar u aħmar, ġobon wasabi u ġobon imraħħam aħdar biss”

    (3)

    l-ewwel entrata għal E 160b li tispeċifika l-livell massimu ta' 15 mg/l jew mg/kg tinbidel b'dan li ġej:

     

    “E 160b

    L-Annatt, il-Biksin, in-Norbiksin

    15

     

    Ġobon misjur oranġjo, ġobon isfar u abjad miksur, u ġobon bil-pesto aħmar u aħdar biss”

    (4)

    l-entrata għal E 160c tinbidel b'dan li ġej:

     

    “E 160c

    Estratt tal-paprika, il-kapsantin, il-kapsorubin

    quantum satis

     

    Ġobon misjur oranġjo, ġobon isfar u abjad miksur, u ġobon bil-pesto aħmar biss”


    Top