Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1047

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1047/2014 tad- 29 ta' Lulju 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istrateġija nazzjonali jew reġjonali li l-Istati Membri għandhom ifasslu għall-finijiet tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel

ĠU L 291, 7.10.2014, p. 4–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/07/2017; Imħassar b' 32017R0040

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/1047/oj

7.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 291/4


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1047/2014

tad-29 ta' Lulju 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istrateġija nazzjonali jew reġjonali li l-Istati Membri għandhom ifasslu għall-finijiet tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 27(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li, mill-1 ta' Awwissu 2015, l-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fl-iskema ta' ħalib għall-iskejjel huma mitluba jkollhom, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, strateġija minn qabel għall-implimentazzjoni tagħha.

(2)

L-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jirrikjedi li, meta jkunu qed ifasslu l-istrateġiji tagħhom, l-Istati Membri għandhom ifasslu lista tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib li se jkunu eliġibbli skont l-iskemi rispettivi tagħhom. Sabiex l-iskema ta' ħalib għall-iskejjel issir aktar effettiva, l-istrateġija ta' Stat Membru għandu jkun fiha wkoll elementi ewlenin oħrajn, jiġifieri l-grupp ta' età tat-tfal u l-frekwenza tad-distribuzzjoni, in-nefqa provviżorja fil-kuntest tal-iskema, inkluża informazzjoni dwar jekk hux se jsiru pagamenti nazzjonali, u l-arranġamenti biex tiġi vvalutata l-effikaċja tal-iskema.

(3)

Meta Stat Membru jkun beħsiebu jipprevedi miżuri ta' akkumpanjament skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huwa għandu jiddeskrivi wkoll dawk il-miżuri fl-istrateġija tiegħu.

(4)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar l-istrateġija nazzjonali jew reġjonali li l-Istati Membri għandhom ifasslu għall-finijiet tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw mill-2015 'il quddiem,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Strateġija

1.   L-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel li l-Istati Membri għandhom ifasslu hekk kif imsemmi fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju ta' kull sena.

2.   L-istrateġija għandha tinkludi mill-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

il-livell amministrattiv li fih se tiġi amministrata l-iskema ta' ħalib għall-iskejjel;

(b)

lista ta' ħalib u prodotti tal-ħalib identifikati bil-kodiċijiet tan-NM tagħhom, magħżula fil-kuntest tal-iskema, u spjegazzjoni tal-proċess biex jiġu stabbiliti l-prodotti li għandhom jiġu fornuti;

(c)

l-arranġamenti għall-provvista tal-prodotti fil-kuntest tal-iskema, inklużi l-frekwenza u t-twaqqit tad-distribuzzjoni u l-benefiċjarji koperti mill-iskema;

(d)

in-nefqa provviżorja fil-kuntest tal-iskema, inkluża informazzjoni dwar jekk hux se jsir pagament nazzjonali skont l-Artikolu 217 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u indikazzjoni tal-mezzi ta' finanzjament ta' pagamenti ta' dan it-tip;

(e)

l-arranġamenti mdaħħlin fis-seħħ għall-valutazzjoni tal-effikaċja tal-iskema.

3.   Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jintroduċu miżuri ta' akkumpanjament għall-iskema tagħhom ta' ħalib għall-iskejjel skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huma għandhom jiddeskrivu t-tali miżuri fl-istrateġija tagħhom, inklużi l-għanijiet tal-miżuri u l-benefiċċji li mistennija joħorġu minnhomu kif dawn ser jiġu ffinanzjati.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-2015 'il quddiem.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


Top