Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0856

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 856/2014 tal- 4 ta' Awwissu 2014 li japprova emenda minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Lammefjordsgulerod (IĠP)]

    ĠU L 234, 7.8.2014, p. 6–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/856/oj

    7.8.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 234/6


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 856/2014

    tal-4 ta' Awwissu 2014

    li japprova emenda minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Lammefjordsgulerod (IĠP)]

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u partikolarment it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    F'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tad-Danimarka għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Lammefjordsgulerod”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2400/96 (2), kif emendat bir-Regolament (E) Nru 564/2002 (3).

    (2)

    L-għan tal-applikazzjoni huwa li temenda l-ispeċifikazzjoni billi tagħti informazzjoni aktar dettaljata dwar id-deskrizzjoni tal-prodott, il-prova tal-oriġini, il-metodu tal-produzzjoni u taqsimiet oħrajn (l-organu ta' spezzjoni kompetenti).

    (3)

    Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġustifikata. Billi din hija emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni tista' tapprovaha mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura stipulata fl-Artikoli 50 sa 52 ta' dak ir-Regolament,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Lammefjordsgulerod” hija b'dan emendata skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-Anness II ta' dan ir-Regolament jinkludi d-Dokument Uniku kkonsolidat li jistabbilixxi l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2014.

    Għall-Kummissjoni,

    F'isem il-President,

    Ferdinando NELLI FEROCI

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 327, 18.12.1996, p. 11.

    (3)  ĠU L 86, 3.4.2002, p. 7.


    ANNESS I

    Fl-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Lammefjordsgulerod”, ġew approvati l-emendi li ġejjin:

    (a)

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Flok:

    :

    “Il-karrotti ‘Lammefjordsgulerod’ huma lixxi ħafna u delikati ħafna wkoll, u mhux soltu li jsiru griżi wara li jinħaslu. Huma kkaratterizzati minn kontenut ta' materja xotta u ta' karotina għoli ħafna. Il-kontenut ta' zokkor tagħhom huwa wkoll relattivament għoli.”,

    Aqra:

    :

    “Il-karrotti ‘Lammefjordsgulerod’ huma lixxi ħafna u delikati ħafna wkoll, u mhux soltu li jsiru griżi wara li jinħaslu. Huma kkaratterizzati minn kontenut ta' materja xotta u ta' karotina għoli ħafna. Il-kontenut ta' zokkor tagħhom huwa wkoll relattivament għoli.

    Il-karrotti ‘Lammefjordsgulerod’ iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' ‘Klassi I’ stabbiliti fl-istandard tal-UNECE għall-karrotti (FFV-10)”.

    (b)

    Żona ġeografika

    Flok:

    :

    “Il-karrotta ‘Lammefjordsgulerod’ ġejja mill-art irreklamata tal-Lammefjord, li hija fiżikament delimitata mir-Ringkanal u d-diga ta' Audebo. Il-Lammefjord jinsab f'Odsherred f'Zealand (id-Danimarka). Svinninge Vejle hija parti mil-Lammefjord skulata mill-ilma fl-aktar tarf 'il ġewwa tal-fjord. Iż-żona ġiet skulata mill-ilma qabel il-Lammefjord, primarjament minħabba li kienet dejqa u baxxa. Il-Fjord ta' Sidinge hija wkoll żona rreklamata tal-Isefjord, li tinsab fit-Tramuntana tal-Lammefjord. Klintsø hija ż-żona l-aktar fit-Tramuntana. Din kienet oriġinarjament fjord iżda l-bokka kienet ġiet imblukkata permezz ta' ħama naturali. Din iż-żona hija mdawra b'kanali tad-dranaġġ.

    Il-fatt li dawn il-karrotti jitkabbru fuq il-qiegħ tal-fjord reklamat tal-Lammefjord, li għandu saff ta' ħama kif deskritt fit-taqsima (f) Rabta aktar 'l isfel, huwa wieħed mill-kundizzjonijiet speċjali għall-produzzjoni tal-prodott.

    Il-karrotta titkabbar skont ir-regoli għall-produzzjoni integrata tal-ħxejjex tar-raba' li huma ssorveljati mid-Direttorat tal-Għelejjel (Plantedirektoratet).”,

    Aqra:

    :

    “Ir-reġjun tal-Lammefjord huwa magħmul minn erba' żoni ta' fjord reklamati f'Odsherred f'Zealand (id-Danimarka):

    il-parti reklamata tal-Lammefjord, li hija fiżikament delimitata mir-Ringkanal u d-diga ta' Audebo;

    Svinninge Vejle li hija delimitata min-Nofsinhar, mill-Punent u mit-Tramuntanta mir-Ringkanal, u mil-Lvant mil-linja ferrovjarja ta' Svinninge-Hørve;

    il-Fjord ta' Sidinge, li huwa delimitat mid-diga ta' Sidinge u minn kanal tad-dranaġġ tal-wiċċ;

    Klintsø, li hija delimitata minn kanali tad-dranaġġ”.

    (c)

    Prova tal-oriġini

    Flok:

    :

    “Il-karrotti ‘Lammefjordsgulerod’ iridu jinħaslu u jiġu ppakkjati minn intrapriżi tal-ħasil approvati fil-Lammefjord. Waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuq l-intrapriża tal-ħasil approvata hija li żżomm reġistri tal-wasla ta' karrotti mill-post tat-tkabbir u li ma tħallatx il-karrotti ‘Lammefjordsgulerod’ ma' karrotti oħra li jikbru fuq ħamrija ramlija normali 'l barra miż-żona msemmija. F'dan l-istadju jsir kontroll supplimentari mid-Direttorat tal-Għelejjel.”,

    Aqra:

    :

    “Il-karrotti ‘Lammefjordsgulerod’ iridu jinħaslu u jiġu ppakkjati minn intrapriżi tal-ħasil approvati fil-Lammefjord, li huwa fejn tinżamm l-evidenza tal-oriġini ddokumentata. Waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuq l-intrapriża tal-ħasil approvata hija li jinżammu reġistri tal-wasla ta' karrotti mill-post tat-tkabbir u separazzjoni fiżika ċara tal-karrotti ‘Lammefjordsgulerod’ minn kwalunkwe karrotti oħra li jikbru fuq ħamrija ramlija normali 'l barra miż-żona msemmija”.

    (d)

    Metodu ta' produzzjoni

    Flok:

    :

    “Il-karrotti ‘Lammefjordsgulerod’ iridu jitkabbru f'konformità mar-regoli għall-produzzjoni integrata tal-ħxejjex tar-raba' (Dansk Miljøgrønt), li l-għan tagħhom huwa li jiggarantixxu produzzjoni u kwalità. Għall-protezzjoni tal-pjanti, pereżempju, il-miżuri ta' kultivazzjoni u l-miżuri ta' kontroll bijoloġiku jingħataw preferenza fuq il-kimiċi fejn hu possibbli.

    Xi wħud mill-oqsma ewlenin li huma soġġetti għal-linji gwida jew ir-rekwiżiti huma:

    il-metodi ta' kultivazzjoni

    il-fertilizzazzjoni

    it-tisqija

    il-protezzjoni tal-pjanti (twissija bikrija, kontroll tal-pesti u tal-faqqiegħ)

    il-ħsad, il-ħżin u l-ippakkjar

    il-ġestjoni u t-taħriġ

    pariri, dokumentazzjoni u kontrolli.”,

    Aqra:

    :

    “Il-karrotti ‘Lammefjordsgulerod’ iridu jitkabbru f'konformità mal-istandard GAP Globali (Global Partnership for Good Agricultural Practices — Sħubija Globali għal Prattiċi Agrikoli Tajba) li jiffissal-qafas għal Prattiki Agrikoli Tajba. L-istandard jistipula rekwiżiti ta' dokumentazzjoni għall-kwalità tal-kontroll, il-ġestjoni ambjentali, biex jitnaqqas kemm jista' jkun l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, it-traċċabbiltà, is-sikurezza tal-ikel u valutazzjoni tar-riskju tal-ambjent tax-xogħol u l-iġjene tal-ikel. Iċ-ċentri ta' imballaġġ tal-karrotti fir-reġjun tal-Lammefjord li jaħslu, jagħżlu u jippakkjaw il-karrotti huma soġġetti wkoll għall-istandard GAP Globali.”.

    (e)

    Organu ta' spezzjoni

    Flok:

    :

    “Isem

    :

    Direttorat tal-Għelejjel

    Indirizz

    :

    Skovbrynet 18, DK-1250 København.”,

    Aqra:

    :

    “Isem

    :

    AgroManagement v/Inge Bodil Jochumsen

    Indirizz

    :

    Kirketoften 5, 5610 Assens, tel. 51 24 49 89, web: agromanagement.dk”.

    (f)

    Tikkettar

    Flok:

    :

    “Irid ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tad-‘Direttorat tal-Għelejjel’:

    1)

    Għall-karrotti ppreżentati f'imballaġġi, kull imballaġġ bl-ingrossa għandu juri t-tagħrif li ġej b'mod li jista' jinqara sewwa, li ma jitħassarx u li jidher minn barra:

    (a)

    Identifikazzjoni:

    Pakkjatur u/jew kunsinnatur: L-isem u l-indirizz jew il-marka ta' kodiċi aċċettata jew maħruġa uffiċjalment: ‘Lammefjordsgulerod’

    (b)

    In-natura tal-prodott:

    Isem il-varjetà għall-klassi ‘Extra’ u (jekk il-kontenut ma jkunx jidher minn barra):

    ‘mazz karrotti’ jew ‘karrotti’

    ‘karrotti bikrija’ jew ‘karrotti tal-ħsad ewlieni’

    (c)

    L-oriġini tal-prodott:

    Id-Danimarka

    Il-Lammefjord

    (d)

    Speċifikazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni:

    klassi

    daqs, espress fi

    id-dijametri jew il-piż minimu u massimu kull karrotta (jekk titkejjel)

    numru ta' mazzi (fil-każ ta' karrotti f'mazzi)

    (e)

    Il-marka ta' kontroll uffiċjali (fakultattiva);

    2)

    Għall-karrotti ttrasportati bl-ingrossa (mgħobbija direttament f'vettura jew f'kompartiment ta' vettura), id-dettalji ta' hawn fuq iridu jidhru fuq dokument li jakkumpanja l-merkanzija jew fuq notifika li titqiegħed fejn tidher fil-vettura.”,

    Aqra:

    :

    “L-imballaġġ kollu, kemm dak ippakkjat minn qabel u kemm dak miftuħ, irid ikollu dan li ġej:

    (a)

    L-isem u l-indirizz taċ-ċentru ta' imballaġġ.

    (b)

    Il-logo tal-‘Lammefjordens Grøntsagslaug’ (‘L-Assoċċjazzjoni tal-Ħxejjex tal-Lammefjord’).

    (c)

    Il-klassi.”


    ANNESS II

    DOKUMENT UNIKU KKONSOLIDAT

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (*)

    “LAMMEFJORDSGULEROD”

    Nru tal-KE: DK-PGI-0205-01118 — 4.6.2013

    IĠP (X) DPO ()

    1.   Isem

    “Lammefjordsgulerod”

    2.   Stat membru jew pajjiż terz

    Id-Danimarka

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta' prodott

    Klassi 1.6. Frott, ħxejjex u ċereali, friski jew ipproċessati

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem f'(1)

    Il-karrotti “Lammefjordsgulerod” huma lixxi ħafna u delikati ħafna wkoll, u mhux soltu li jsiru griżi wara li jinħaslu. Huma kkaratterizzati minn kontenut ta' materja xotta u ta' karotina għoli ħafna. Il-kontenut ta' zokkor tagħhom huwa wkoll relattivament għoli.,

    Il-karrotti “Lammefjordsgulerod” iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' “Klassi I” stabbiliti fl-istandard tal-UNECE għall-karrotti (FFV-10).

    Il-karrotti “Lammefjordsgulerod” iridu jitkabbru f'konformità mal-istandard GAP Globali (Global Partnership for Good Agricultural Practices — Sħubija Globali għal Prattiċi Agrikoli Tajba) li jiffissal-qafas għal Prattiki Agrikoli Tajba.

    3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

    3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika ddefinita

    L-istadji kollha fil-produzzjoni jridu jseħħu fiż-żona ddefinita.

    3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

    Il-karrotti jinħaslu u jiġu ppakkjati biss f'intrapriżi tal-ħasil fil-Lammefjord.

    3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar

    (a)

    L-isem u l-indirizz taċ-ċentru ta' imballaġġ.

    (b)

    Il-logo tal-“Lammefjordens Grøntsagslaug”.

    (c)

    Il-klassi.

    4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

    Ir-reġjun tal-Lammefjord huwa magħmul minn erba' żoni ta' fjord reklamati f'Odsherred f'Zealand (id-Danimarka):

    il-parti reklamata tal-Lammefjord, li hija fiżikament delimitata mir-Ringkanal u d-diga ta' Audebo;

    Svinninge Vejle li hija delimitata min-Nofsinhar, mill-Punent u mit-Tramuntanta mir-Ringkanal, u mil-Lvant mil-linja ferrovjarja ta' Svinninge-Hørve;

    il-Fjord ta' Sidinge, li huwa delimitat mid-diga ta' Sidinge u minn kanal tad-dranaġġ tal-wiċċ;

    Klintsø, li hija delimitata minn kanali tad-dranaġġ.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    Il-prodott jitkabbar fuq il-qiegħ tal-fjord reklamat tal-Lammefjord bis-saff ta' ħama tiegħu. L-ewwel żona li ġiet skulata fir-reġjun tal-Lammefjord kienet Sidinge (il-proċess beda fl-1841), segwita minn Svinninge Vejle. Ir-reklamazzjoni tal-ikbar żona, il-Lammefjord, bdiet fl-1873. L-aħħar żona li ġiet skulata kienet il-Klintsø.

    L-art li tiskula hija magħmula mit-tafal u l-lom jew ramel bil-ħama taħt saff ta' ħama oħxon diversi metri ffurmat minn sustanzi veġetali jew tal-annimali. Iż-żoni l-kbar tal-Lammefjord huma ftit jew wisq ħielsa mill-ġebel u l-għadd kbir ta' qxur tal-maskli u tal-gajdri jagħtu lill-ħamrija kontenut għoli ta' kalċju b'mod naturali. Partijiet kbar mil-Lammefjord huma ftit jew wisq ħielsa mill-ġebel, u l-għadd kbir ta' maskli u gajdri jagħtu lill-ħamrija kontenut għoli naturali ta' kalċju.

    Il-Lammefjord għandu klima ideali għat-tkabbir tal-karrotti, bi xtiewi moderati, sjuf friski, u xita stabbli matul is-sena kollha.

    5.2.   Speċifiċità tal-prodott

    Il-karrotti tar-reġjun tal-Lammefjord għandhom wiċċ lixx ħafna u jżommu l-kulur tagħhom kemm wara l-ħasil u kemm meta jinħażnu. Dan it-tip ta' karrotti jżomm il-kulur tiegħu minħabba li r-ramel fil-ħamrija mhux raff u hu aktar lixx u tond minn dak li wieħed isib f'ħamrija ramlija klassika, li jfisser li l-karrotti ma jkollhomx xquq meta jinħasdu. Għalhekk il-karrotti tar-reġjun tal-Lammefjord jistgħu jiġu ffriżati u ttrattati matul is-sena kollha mingħajr ma jiġi affettwat il-kulur tagħhom.

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika ddefinita u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

    Il-kwalità speċifika tal-karrotti tal-“Lammefjordsgulerod” hi relatata mal-kundizzjoniijet ta' tkabbir ipprovduti mill-qiegħ preċedenti tal-fjord. Il-kundizzjonijiet speċjali tal-ħamrija jippermettu trattament delikat tal-karrotti, li b'riżultat ta' dan għandhom wiċċ lixx.

    L-isem “Lammefjordsgulerod” huwa magħruf mad-Danimarka kollha.

    Il-karrotti “Lammefjordsgulerod” huma waħda mir-raġunijiet għaliex il-pubbliku ġenerali jassoċja l-Lammefjord ma' ħxejjex ta' kwalità għolja, b'mod partikolari l-karrotti. “Den store danske Encyklopædi”, l-enċiklopedija kbira Daniża, tiddeskrivi l-Lammefjord b'dan il-mod: “Il-qiegħ skulat tal-fjord jipproduċi għażla rikka ta' ħxejjex: ċereali, żerriegħa u legumi. Il-Lammefjord huwa rinomat għall-karrotti u l-patata tiegħu. Sal-1980 kien magħruf ħafna għall-basal tal-fjuri u għall-ispraġ.”

    Il-Lammefjord jissemma ħafna drabi f'rapporti fil-medja Daniża u dik barranija għas-suċċess li r-ristoranti Daniżi gawdew minnu f'dawn l-aħħar snin, bil-menus tagħhom ibbażati fuq ingredjenti Nordiċi.

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

    [L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nruo510/2006])

    http://www.foedevarestyrelsen.dk/SiteCollectionDocuments/Fødevarekvalitet/BGB-Lammefjordsgulerødder%20konsolideret.pdf


    (*)  ĠU L 93 du 31.3.2006, p.12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343 du 14.12.2012, p.1).


    Top