EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0853

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 853/2014 tal- 5 ta' Awwissu 2014 li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1151/2009 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni taż-żejt tal-ġirasol li joriġina jew li jiġi kkunsinjat mill-Ukrajna Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 233, 6.8.2014, p. 25–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/853/oj

6.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 233/25


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 853/2014

tal-5 ta' Awwissu 2014

li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1151/2009 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni taż-żejt tal-ġirasol li joriġina jew li jiġi kkunsinjat mill-Ukrajna

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

Wara l-iskoperta ta' livelli għolja ta' paraffina minerali fiż-żejt tal-ġirasol mill-Ukrajna, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1151/2009 (2) mill-1 ta' Jannar 2010 jimponi kundizzjonijiet speċjali li jikkontrollaw l-importazzjoni taż-żejt tal-ġirasol fl-Ukrajna jew ikkonsenjat minnha. Fuq il-bażi ta' dak ir-Regolament, għandha ssir ċertifikazzjoni sistematika minn rappreżentant awtorizzat tal-Ministeru tas-Saħħa tal-Ukrajna, li tikkonferma li l-kunsinni taż-żejt tal-ġirasol esportati lejn l-Unjoni Ewropea tteħdilhom kampjun li ġie anlizzat u nstab li ma kienx fihom aktar minn 50 mg/kg ta' paraffina minerali. Il-kampjunar każwali addizzjonali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mal-importazzjoni fl-Unjoni jkompli jiżgura li l-kunsinni ma jkunx fihom aktar minn 50 mg/kg ta' paraffina minerali.

(2)

Peress li l-ebda kampjuni mhux konformi ma ġew irrappurtati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri wara d-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament, jixraq li jitħassru dawk il-kundizzjonijiet speċjali.

(3)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1151/2009 huwa b'dan imħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1151/2009 tas-27 ta' Novembru 2009 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni taż-żejt tal-ġirasol li joriġina jew li jiġi kkunsinjat mill-Ukrajna minħabba riskji ta' kontaminazzjoni miż-żejt minerali u li tħassar id-Deċiżjoni 2008/433/KE (ĠU L 313, 28.11.2009, p. 36)


Top