This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0503
Commission Implementing Regulation (EU) No 503/2014 of 8 May 2014 approving minor amendments to the specification for a name entered in the register of protected designations of origin and protected geographical indications (Muscat du Ventoux (PDO))
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2014 tat- 8 ta' Mejju 2014 li japprova emenda minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mdaħħla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Muscat du Ventoux (DPO))
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2014 tat- 8 ta' Mejju 2014 li japprova emenda minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mdaħħla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Muscat du Ventoux (DPO))
ĠU L 145, 16.5.2014, p. 22–27
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
16.5.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 145/22 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 503/2014
tat-8 ta' Mejju 2014
li japprova emenda minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mdaħħla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Muscat du Ventoux (DPO))
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikell (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta' Franza għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Muscat du Ventoux”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/1999 (2). |
(2) |
L-għan ta' din l-applikazzjoni huwa li tiġi emendata l-ispeċifikazzjoni biex tingħata aktar informazzjoni dettlajata dwar id-deskirzzjoni tal-prodott, il-prova tal-oriġini, l-ittikettjar, ir-rekwiżiti nazzjonali u d-dettalji ta' kuntatt tal-istrutturi responsabbli għall-monitoraġġ tal-denominazzjoni u t-tneħħija tar-rekwiżit tal-ippakkjar fiż-żona. |
(3) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-emenda kkonċernata u kkonkludiet li hija ġustifikata. Billi din hija emenda żgħira skont it-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni tista' tapprovaha mingħajr ma tirrikorri għall-proċedura mogħtija fl-Artikoli 50 sa 52 ta' dan ir-Regolament, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Muscat du Ventoux” hija b'dan emendata skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
L-Anness II ta' dan ir-Regolament jinkludi d-Dokument Uniku kkonsolidat li jistabbilixxi l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Mejju 2014.
Għall-Kummissjoni
F'isem il-President,
Dacian CIOLOȘ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU L 46, 20.2.1999, p. 13.
ANNESS I
Fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Muscat du Ventoux”, hija approvata l-emenda li ġejja:
1. Deskrizzjoni tal-prodott
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddefinixxu d-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Muscat du Ventoux”, b'mod partikolari l-karatteristiċi analitiċi marbuta ma' din id-denominazzjoni (l-indiċi rifrattometriku, ir-rapport żokkor/aċidu) u l-karatteristiċi marbuta mal-għanqud (forma, piż minimu) ġew integrati fid-deskrizzjoni tal-prodott. Dawn l-elementi diġà jidhru fl-ispeċifikazzjonijiet reġistrati fuq il-livell tal-Unjoni fit-titlu “Metodu ta' produzzjoni”.
2. Definizzjoni taż-żona ġeografika
Kienu elenkati l-fażijiet ta' produzzjoni li jridu jseħħu b'mod obbligatorju fiż-żona ġeografika u din il-lista tinkiseb mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti fil-metodu tal-produzzjoni.
Il-lista tal-Komuni li jiffurmaw iż-żona ġeografika hija parti mill-ispeċifikazzjonijiet abbażi tal-lista li tidher fid-digriet tat-22 ta' Awwissu 1997 li fih id-definizzjoni ta' dan id-DPO. Peress li kien hemm żball fin-numru tal-Komuni taż-żona ġeografika, tali numru ġie kkoreġut.
Il-modalitajiet ta' identifikazzjoni tal-ħabel art idonea għall-produzzjoni tal-prodott oġġett tad-denominazzjoni ġew preċiżati fl-ispeċifikazzjonijiet
3. Evidenza li turi li l-prodott ġej miż-żona ġeografika
Rigward il-bidliet leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali, it-taqsima “Evidenza li turi li l-prodott ġej miż-żona ġeografika” ġiet ikkonsolidata biex tiġbor, b'mod partikolari, l-obbligi tar-rappurtar u ż-żamma tar-reġistri dwar it-traċċabbiltà tal-prodott u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet tal-produzzjoni.
Dawn l-emendi huma marbuta mar-riforma tas-sistema ta' kontroll tad-denominazzjonijiet tal-oriġini introdotta bil-Liġi-Digriet Nru 2006-1547 tas-7 ta' Diċembru 2006 dwar il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli, tal-prodotti tal-foresti jew tal-prodotti tal-ikel u tal-prodotti tal-baħar.
Barra minn hekk, l-elementi marbuta mal-istorja tal-prodott ġew trasferiti għat-taqsima “Rabta maż-żona ġeografika”
4. Metodu tal-produzzjoni
Barra minn hekk, it-taqsima “Metodu tal-produzzjoni” ġiet kompletata bid-dispożizzjonijiet dwar id-deskrizzjoni li hemm fid-digriet inizjali tar-rikonoxximent tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Muscat du Ventoux” marbuta mat-talba inizjali tar-rikonoxximent tad-denominazzjoni bħala DPO li jirrigwarda b'mod partikolari:
— |
l-età minima meta tidħol fil-produzzjoni d-dielja, |
— |
id-densitajiet tat-tħawwil, |
— |
il-modi ta' tħarriġ, |
— |
l-għoli awtorizzat tax-xitla u n-numru ta' għenieqed kull dielja, |
— |
il-fatturi li jiddeterminaw il-bidu tal-qtugħ tal-għeneb u l-obbligi marbuta mar-rendiment, |
— |
id-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-għeneb kkonservat fit-tul fi kmamar tal-kesħa. |
Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet li jippermettu deroga mir-regoli marbuta mal-indiċi rifrattometriku, id-data tal-bidu tal-qtugħ u r-rendiment fil-każ ta' ċirkostanżi klimatiċi eċċezzjonali, tneħħew mill-ispeċifikazzjonijiet peress li qed jitqiesu mhux aktar adegwati.
5. Elementi speiċifiċi tat-tikkettar
Id-dispożizzjonijiet rigward it-tikkettar ġew emendati biex:
— |
l-inklużjoni tas-simbolu tad-DPO tal-Unjoni Ewropa ssir obbligatorja, |
— |
biex dawn ir-regoli jsiru koerenti mat-tneħħija tal-obbligu tal-ippakkjar fiż-żona tal-produzzjoni u l-emenda fir-rekwiżiti tal-identifikazzjoni tal-prodotti. Bħalissa, l-identifikazzjoni tal-prodotti hija garantita permezz ta' strixxa tikketta apposta mwaħħla fuq l-ippakkjar li turi t-traċċabilità. Meta wieħed iqis t-talba biex jitneħħa l-obbligu tal-ippakkjar fiż-żona ġeografika, l-istrixxa tikketta titwaħħal fuq il-kannestri tal-għeneb miġbur jew meta jinħareġ mill-kmamar tal-kesħa fejn jinżamm l-għeneb għall-konservazzjoni fit-tul. F'każ li l-prodott jiġi ttrattat aktar, qabel l-ippakkjar finali tiegħu, in-numru biss fuq l-istrixxa tikketta tal-prodott għandu jinżamm bl-iskop li tkun garantita t-traċċabilità tal-prodott. |
6. Rekwiżiti nazzjonali
F'konformità mar-riforma nazzjonali fis-sistema tal-ispezzjoni, l-ispeċifikazzjoni ġiet supplimentata b'tabella bil-punti ewlenin li għandhom jiġu ċċekkjati u l-metodi ta' valutazzjoni li jridu jintużaw.
7. Oħrajn
— |
L-obbligu tal-ippakkjar fiż-żona tal-produzzjoni tneħħa peress din id-dispożizzjoni m'għadx hemm bżonnha, |
— |
L-intestaturi “Referenzi li jikkonċernaw il-korpi ta' kontroll” u “Il-grupp applikant” ġew aħħornati bl-isem u d-dettalji tal-istrutturi uffiċjali ta' kontroll u tal-applikant, partikolarment wara li ttieħedet nota tal-bidla li saret fil-modalitajiet tal-kontroll. |
ANNESS II
DOKUMENT UNIKU KONSOLIDAT
Ir-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (*)
“MUSCAT DU VENTOUX”
Nru tal-KE: FR-DPO-0105-0996-24.04.2012
IĠP () DPO (X)
1. Isem
“Muscat du Ventoux”
2. Stat membru jew pajjiż terz
Franza
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta' prodott
Klassi 1.6. Frott, ħxejjex u ċereali, friski jew ipproċessati
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1
Il-“Muscat du Ventoux” hu għeneb iswed tal-mejda li ġej mill-varjetà “Muscat de Hambourg”. Hu kkaratterizzat minn għenbiet pjuttost kbar, mingħajr żerriegħa ħamra, ġeneralment ikkuluriti ħafna u krokkanti, b'aroma muskata intensa u eleganti. L-għenieqed tal-għeneb huma omoġenji, ta' piż minimu ta' 250 gramma, bl-għenbiet imqassmin b'mod regolari fl-għanqud. Il-kulur blu intens tal-varjetà hu tipiku tad-denominazzjoni. Ftuħ in-nwar tal-għenba għandu jkun xkett. Iz-zokk għandu jkun minfuħ.
L-għeneb għandu indiċi rifrattometriku (IR) ta' aktar minn 18 (ekwivalenti għal 169,3 g/l taz-zokkor) u l-proporzjon totali zokkor/aċidu (S/A) ta' aktar minn 25 (iz-zokkor espress f'g/l taz-zokkor u l-aċidità totali f'g/l tal-aċidu tartariku).
3.3. Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)
—
3.5. L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika indikata
Il-proċess kollu tal-produzzjoni għandu jsir fiż-żona ġeografika ddefinita:
3.6. Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.
Il-ħżin tal-għeneb fil-kesħa fit-tul iseħħ fiż-żona ġeografika biex ikun possibbli li jkun imkessaħ fil-friġġ malajr ħafna sabiex il-prodott jiġi ppriservat u ma jitħassarx. Il-ħeffa li biha t-temperatura tal-għeneb titbaxxa hija kundizzjoni indispensabbli biex l-għeneb jinżamm għal diversi xhur. Hekk kif joħroġ mill-kmamar tal-kesħa, l-għeneb jgħaddi minn eżamijiet sistematiċi analitiċi u organolettiċi biex ikun żgurat li jinżammu l-karatteristiċi tiegħu.
3.7. Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar
It-tikkettar tal-għeneb tad-denominazzjoni tal-oriġini “Muscat du Ventoux” iġib l-isem tad-denominazzjoni tal-oriġini, is-simbolu tad-DPO tal-Unjoni Ewropea u n-numru tal-istrixxa tikketta.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika “Muscat du Ventoux” qiegħda bejn tliet reġjuni muntanjużi fit-tramuntana, il-muntanja Ventoux; fil-lvant, il-muntanji tal-Vaucluse u fin-nofsinhar, il-muntanja tal-Luberon. Din tkopri dawn il-Komuni li ġejjin fid-dipartiment tal-Vaucluse:
Apt, Aubignan, Le Barroux, Le Beaucet, Beaumettes, Beaumont-du-Ventoux, Bédoin, Blauvac, Bonnieux, Cabrières-d'Avignon, Caromb, Carpentras, Caseneuve, Castellet, Crestet, Crillon-le-Brave, Entrechaux, Flassan, Fontaine-de-Vaucluse, Gargas, Gignac, Gordes, Goult, Joucas, Lacoste, Lagnes, Lioux, Loriol-du-Comtat, Malaucène, Malemort-du-Comtat, Maubec, Mazan, Ménerbes, Méthamis, Modène, Mormoiron, Murs, Oppède, Pernes-les-Fontaines, Robion, La Roque-sur-Pernes, Roussillon, Rustrel, Saignon, Saint-Didier, Saint-Hippolyte-le-Graveyron, Saint-Martin-de-Castillon, Saint-Pantaléon, Saint-Pierre-de-Vassols, Saint-Saturnin-lès-Apt, Saumane-de-Vaucluse, Vaison-la-Romaine, Venasque, Viens, Villars et Villes-sur-Auzon.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
5.1.1. L-element naturali
Ir-reġjun tal-Ventoux hu magħruf għall-karatteristiċi speċifiċi ġeografiċi u klimatiċi tiegħu.
Il-ħamrija hija ta' natura ramlija-taflija raba' grass. Dawn il-karatteristiċi jagħmlu r-reġjun ideali għall-produzzjoni tal-għeneb u nbid tal-mejda ta' kwalità
Il-klima taż-żona hija tat-tip Mediterranju. Din iż-żona hi partikolarment karatterizzata minn ħafna xemx fis-sajf u ftit xita. Madankollu, l-influwenza tal-Muntanja Ventoux, li għandha għoli ta' 1 900 m, tippermetti temperaturi aktar kesħin matul il-lejl. Din il-muntanja tipproteġi wkoll iż-żona mill-Mistral, ir-riħ vjolenti li xi kultant jippredomina fil-wied ta' Rhône.
Il-livelli baxxi ta' umdità li jirriżultaw mill-ftit xita li tinżel matul is-sena għandhom effett profilattiku li hu partikolarment adatt għat-tkabbir tad-dwieli.
5.1.2. L-element uman
L-għeneb “Muscat du Ventoux” ilu jitkabbar fir-reġjun Vaucluse sa mill-bidu tas-seklu 20. Hemm evidenza tas-sena 1914 li turi li l-“Muscat de Hambourg”, l-għeneb użat għall-produzzjoni tal-“Muscat de Ventoux”, kien qed jitkabbar fid-dipartiment ta' Vaucluse.
Il-produtturi f'din iż-żona żviluppaw għarfien espert reali ta' kif jikkultivaw id-dielja biex jiksbu għeneb qawwi u b'kulur intens. Il-produtturi ottimizzaw il-vitalità tal-pjanta u l-maturazzjoni tal-għeneb matul is-sena biż-żbir tar-rimji fix-xitwa u billi jieħdu ħsieb il-faxxina fl-istaġjun tat-tkabbir. Il-qtugħ bl-idejn tal-għeneb u l-għażla tiegħu fuq is-sit huma evidenza oħra tal-għarfien espert li ġej minn esperjenza twila li għaddiet minn ġenerazzjoni għall-oħra.
5.2. L-ispeċifiċità tal-prodott
Il-“Muscat du Ventoux” hu għeneb iswed tal-mejda li ġej mill-varjetà “Muscat de Hambourg”. Hu kkaratterizzat minn għenbiet ta' daqs kbir, mingħajr żerriegħa ħamra, ġeneralment ikkuluriti ħafna, krokkanti u jarmu aroma muskata intensa u b'togħma karatteristika tal-varjetà tal-“Muscat de Hambourg”. Il-kulur blu intens ta' din l-għenba matul il-maturazzjoni hu tipiku tad-denominazzjoni. Ftuħ in-nwar tal-għenba għandu jkun xkett. L-għenieqed tal-għeneb huma omogenji b'rikkezza tajba ta' zokkor.
5.3. Ir-rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP)
Il-klima Mediterranja taż-żona, partikolarment il-ħakma tax-xema fuqha, tippermetti l-aħjar maturazzjoni tal-għeneb. Barra minn hekk, l-influwenza tal-Muntanja Ventoux fuq il-varjazzjoni wiesgħa fit-temperaturi ta' matul il-jum u bil-lejl matul l-istaġun ta' maturazzjoni tfisser li r-reġjun għandu l-kundizzjonijiet ideali għall-muskat biex jikseb l-kulur blu u l-aroma konċentrati. Il-freskezza notturna tikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-aroma.
L-iżbir tad-dielja tillimita r-rendiment imma tippermetti maturazzjoni ottimali tal-għeneb. Barra minn hekk, tingħata attenzjoni partikolari lill-kura tal-faxxina. Dan ix-xogħol jippermetti li jinkiseb livell ottimali tal-faxxina li hi waħda mill-elementi neċessarji għal fotosinteżi tajba taz-zokkor, tal-komponenti organolettiċi tal-għeneb u l-antoċjani responsabbli għall-kulur tal-għenbiet.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCMuscatDuVentoux.pdf
(*) Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012, dwar l-iskemi ta' kwalità tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).